Tazza tad-Dinja tal-Futbol 1930

It-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 1930 kienet l-edizzjoni inawgurali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, il-kampjonat internazzjonali għat-timijiet nazzjonali tal-futbol tal-irġiel. Din saret ġewwa l-Urugwaj bejn it-13 u t-30 ta' Lulju 1930. Il-FIFA, il-federazzjoni internazzjonali li tiggverna l-futbol, għażlet l-Urugwaj bħala l-pajjiż ospitu minħabba li l-pajjiż kien se jiċċelebra ċ-ċentinarju mill-ewwel kostituzzjoni tiegħu, u t-tim nazzjonali tal-Urugwaj irnexxielu jirbaħ il-kompetizzjoni tal-futbol fil-Logħob Olimpiku tas-sajf 1928. Il-logħbiet kollha ntlagħbu fil-kapitali Urugwajana ta' Montevideo, il-maġġornaza fl-Estadio Centenario, li ġie mibni speċifikament għal dan il-kampjonat.

Tazza tad-Dinja tal-Futbol 1930
1er Campeonato Mundial de Futbol

Kartellun uffiċjali
Dettalji tal-kompetizzjoni
Pajjiż ospitanti  Urugwaj
Dati 13 ta' Lulju – 30 ta' Lulju
Parteċipanti 13 (minn 6 konfederazzjonijiet)
Grawnds (f'belt ospitanti)
Pożizzjonijiet finali
Rebbieħ  Urugwaj
It-Tieni post  Arġentina
It-Tielet post  Stati Uniti
Ir-Raba' post  Jugożlavja
Statistika tal-kompetizzjoni
Partiti 18
Gowls skorjati 80 (4.44 kull logħba)
Attendenza 434,500 (24,139 kull logħba)
L-aqwa skorer(s) Arġentina Guillermo Stábile (8 gowls)
1934

Tlettax-il tim, sebgħa mill-Amerika t'Isfel, erbgħa mill-Ewropa u tnejn mill-Amerika ta' Fuq daħlu għal din il-kompetizzjoni. In-nuqqas fin-numru ta' timijiet Ewropej kien minħabba d-diffikultajiet sabiex jivvjaġġaw lejn l-Amerika t'Isfel. It-timijiet ġew maqsuma f'erba' gruppi, bir-rebbieħ ta' kull wieħed minnhom jgħaddi għas-semifinali. L-ewwel żewġ logħbiet tat-Tazza tad-Dinja intlagħbu fl-istess ħin u ġew mirbuħa minn Franza u l-Istati Uniti, li għelbu lill-Messiku 4–1 u lill-Belġju 3–0, rispettivament. Lucien Laurent ta' Franza kien li skorja l-ewwel gowl fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja, waqt li l-gowler Amerikan Jimmy Douglas żamm l-ewwel xibka mhux mittiefsa tal-kampjonat.

L-Arġentina, l-Urugwaj, l-Istati Uniti u l-Jugożlavja lkoll rebħu l-gruppi rispettivi tagħhom sabiex ikkwalifikaw għas-semifinali. Fil-finali, il-favoriti Urugwaj għelbu lill-Arġentina 4–2 quddiema 93,000 ruħ, u b'hekk sar l-ewwel pajjiż li rebħu t-Tazza tad-Dinja.

Parteċipanti

immodifika
 
Pajjiżi parteċipanti

L-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja kienet l-unika waħda mingħajr kwalifikazzjoni. Kull pajjiż affiljat mal-FIFA ġie mistieden biex jikkompeti u kellu jagħti d-deċiżjoni tiegħu sat-28 ta' Frar 1930. Kienu ħafna pajjiżi fl-Amerika li wrew interess: l-Arġentina, il-Brażil, il-Bolivja, iċ-Ċili, il-Messiku, il-Paragwaj, il-Perù u l-Istati Uniti kollha daħlu. Total ta' seba' pajjiżi mill-Amerika t'Isfel ħadu sehem, b'dan in-numru jibqa' l-iktar wieħed fl-istorja ta' pajjiżi minn dan ir-reġjun. Madanakollu, minħabba t-tul u l-ispiża involut fit-traġitt fuq l-Oċean Atlantiku, kienu ftit il-pajjiżi Ewropej li xtaqu jipparteċipaw. Fil-fatt, sal-aħħar ta' Frar l-ebda pajjiż Ewropew ma rrisponda għall-istedina li saret. F'tentattiv sabiex tikseb parteċipazzjoni Ewropea, l-Assoċjazzjoni tal-Futbol Urugwajana bagħtet ittra lill-Football Association tal-Ingilterra, anke jekk il-Home Nations ma kinux membri tal-FIFA sa dakinhar. Din ġiet rifjutata mill-Kumitat tal-FA fit-18 ta' Novembru 1929.[1] Xahrejn qabel il-bidu tal-kampjonat, l-ebda tim Ewropew ma kien għadu daħal.[2]

Wara l-intervent tal-president tal-FIFA Jules Rimet, erba' pajjiżi għamlu l-vjaġġ fuq il-baħar: il-Belġju, Franza, ir-Rumanija u l-Jugożlavja. Ir-Rumeni, immexxija minn Constantin Rădulescu u kkowċjati mill-kaptan tagħhom Rudolf Wetzer u Octav Luchide, daħlu fil-kompetizzjoni wara l-intervent tar-re l-ġdid tagħhom, Karlu II. Hu għażel l-iskwadra personalment u għamel qbil mal-impjegati sabiex jassiguraw illi l-plejers ikollhom xorta waħda x-xogħol mar-ritorn tagħhom.[3] Il-Franċiżi daħlu wara l-intervent personali ta' Rimet, però la d-difensur stilla Manuel Anatol u lanqas il-kowċ Gaston Barreau ma ġew persważi biex jagħmlu l-vjaġġ.[4] Il-parteċipazzjoni tal-Belġjani ġiet instigata mill-viċi-president tal-FIFA Rudolf Seedrayers.[5]

Ir-Rumeni mbarkaw l-SS Conte Verde minn Ġenova, il-Franċiżi telgħu abbord f'Villefranche-sur-Mer fil-21 ta' Ġunju 1930,[6] u l-Belġjani nġabru minn Barċellona.[7] Dan il-vapur kellu fuqu wkoll lil Rimet, it-trofew u tlett referis Ewropej: il-Belġjani Jean Langenus u Henri Christophe, flimkien mal-Franċiż Thomas Balway.[a] It-tim Brażiljan imbarka meta l-vapur trakka f'Rio de Janeiro fid-29 ta' Ġunju qabel ma wasal l-Urugwaj fl-4 ta' Lulju.[2] Il-Jugożlavi vvjaġġaw f'vapur bil-fwar Florida minn Marsilja.[7]

 Qattajna ħmistax-il jum fuq il-Conte Verde sabiex nilħqu l-Amerika t'Isfel. L-eżerċizzji bażiċi konna nagħmluhom isfel u konna nittħarġu fuq il-gverta tal-vapur. Il-kowċ tagħna qatt ma kien ikellimna dwar tattika għal kollox...[8] 

Lucien Laurent, plejer Franċiż

Taqsira tat-turnew

immodifika

 Konna qegħdin naffrontaw 'il-Messiku u kien nieżel is-silġ, minħabba li fl-emisferu tan-Nofsinhar kien ix-xitwa. Wieħed minn sħabi qassam il-ballun u jien segwejt it-trajettorja b'attenzjoni u lqattu fil-għoli bil-lemin. Konna kollha kuntenti, imma ma ċċelebrajniex – ħadd ma fehem li konna għaddejna fl-istorja. Kemm ħadna b'idejn xulxin u komplejna nilgħabu. Lanqas ma ngħatajna xi kumpens partikulari: f'dak iż-żmien konna biss dilettanti.[8] 

Lucien Laurent dwar il-gowl tiegħu, l-ewwel wieħed fl-istorja ta' din il-kompetizzjoni
 
It-tim Ċilen spiċċa l-grupp fit-tieni post, fost prestazzjonijiet konvinċenti

L-ewwel grupp kien l-uniku grupp li kellu erba' timijiet: l-Arġentina, iċ-Ċili, Franza u l-Messiku. Jumejn wara l-ewwel rebħa kontra l-Messiku, il-Franċiżi sabu quddiem wiċċhom il-favorita tal-grupp: l-Arġentina. Il-Franċiżi ġew imblukkati bi plejers li sofrew problemi fiżiċi: il-gowler Thépot kellu jabbanduna l-logħba wara 20 minuta u Laurent, wara daħla minn Luis Monti, zappap matul il-logħba kollha. Madanakollu, l-Arġentini kellhom jistennew sal-81 minuta biex jiskorjaw meta l-istess Monti skorja frikik minn 25 metru.[9] Il-partita kienet karatterizzata minn episodju kontroversjali: ir-referì Almeida Rêgo bi żball saffar tmiem il-partita sitt minuti qabel, proprju meta l-attakkant Franċiż Marcel Langiller kien se jiskorja. Kien wara invażjoni fil-grawnd u l-protesti tal-pubbliku u xi membri tal-eżekuttiv Franċiżi li kkonvinċew lill-uffiċċjal tal-logħba sabiex jilgħab is-sitt minuti li kien għad baqa'.

Minkejja li Franza kienu niżlu jilgħabu darbtejn f'temp ta' 48 siegħa, iċ-Ċili kien għadu ma ġiex involuti. It-tim mill-Amerika t'Isfel lagħab il-Messiku fil-ġurnata ta' wara, fejn rebħu bl-iskor konvinċenti ta' 3–0.

Fit-tieni partita tal-Arġentina, kontra l-Messiku, ġie msaffar l-ewwel penalty tal-istorja tal-kampjonat. Skont kif irrakkuntat minn John Langenus – ir-referì tal-finali u xhieda okulari tal-partita – ġew mogħtija total ta' ħames penalties, tlieta minnhom kontroversjali, f'logħba rrefjata mill-kowċ tal-Bolivja Ulises Saucedo. Barra minn hekk il-ballun ġie pożizzjonat 14-il metru 'l bogħod mil-linja tal-gowl, minflok 11-il metru skont ir-regoli. Mill-ħames penalties, wieħed biss ġie skurjat. Guillermo Stábile skorja tripletta fid-debutt tiegħu u l-Arġentina rebħu 6–3 minkejja n-nuqqas tal-kaptan Manuel Ferreira, li kellu jirritorna lura lejn Buenos Aires sabiex jagħmel eżami tal-liġi. Zumelzú impressjona wkoll b'doppjetta.

Il-kwalifikazzjoni ġiet deċiża fl-aħħar ġurnata tal-grupp, milgħuba bejn l-Arġentina u ċ-Ċili fit-22 ta' Lulju. Stábile ikkonferma lilu nnifsu bħala attakkant prim fejn fil-bidu tal-logħba skorja darbtejn. Fil-15-il minuta, iċ-Ċili naqqsu d-distakk b'Subiabre li sfrutta żball tal-gowler Bossio.[10] Il-partita involviet ġlieda li faqqet wara daħla ta' Monti fuq Arturo Torres. Din qajjmet għagħa sħiħa fit-tribuna qalb il-partitarji li involviet daqqiet ta' ponn, bżieq u daqqiet ta' saqajn li kellha tiġi kkontrollata mill-pulizija fuq iż-żwiemel.[10] Lejn tmiem il-logħba Evaristo għeleb għat-tielet darba lil Cortés sabiex l-Arġentina ħarġu rebbieħa 3–1 u kisbu post fis-semifinali.

 
Is-Seleção (fotografata hawn fuq qabel il-partita kontra l-Jugożlavja) iddeludiet f'dan it-turnew
 
Il-konfront bejn il-Jugożlavja u l-Brażil. Jidhru fir-ritratt Milovan Jakšić (gowler fuq ix-xellug), Dragan Mihajlović (nofs) u Teóphilo (lemin).

It-tieni grupp kien iffurmat mill-Brażil, il-Bolivja u l-Jugożlavja. Il-Brażil ġabu magħhom skawdra ffurmata kollha minn futbolers tal-Campeonato Carioca, bl-eċċezzjoni ta' Araken ta' Santos li kien jilgħab fil-Campeonato Paulista.[9] Is-Seleção, li ħafna kienu qegħdin jistennew li jirbħu l-grupp, tilfu l-logħba inawgurali kontra l-Jugożlavja bl-iskor ta' 2–1, li kellha tkun ir-rebbieħa eventwali tal-grupp.

L-iskadwra Slava kienet tinkludi diversi plejers emigranti u sejjħet minn Franza lil Bek, Stefanović u Sekulić. Il-midfilder laterali Tirnanić, li aktar tard kellu jservi bħala kowċ tat-tim nazzjonali, u Marjanović kienu fost il-pedini importanti u l-gowler Jakšić ikkonferma ruħu bħala wieħed mill-aqwa fit-turnew.[9]

Fil-logħba segwenti, il-Bolivja, li kienet għadha qiegħda tistenna l-ewwel rebħa internazzjonali tagħha, niżlet fil-grawnd kontra l-Ewropej. Is-Sud-Amerikani għal din l-okkażjoni libsu flokkijiet partikulari – kull waħda minnhom kellha ittra fuqha – li bl-iskawdra f'linja kienet taqra "Viva Uruguay" bħala ġieħ lejn l-ospiti tal-kompetizzjoni. Minkejja dan, il-Bolivja ftit li xejn ħalliet marka hekk kif tilfet iż-żewġ partiti tagħha bi skor kbir. Kontra l-Jugożlavja rnexxielhom jżommu sod sa siegħa logħba, sakemm sat-tisfira finali r-riżultat kien juri telfa ta' 4–0. Diversi gowls tal-Bolivjani ġew imħassra. Il-partita ntlagħbet f'temperatura ta' 10 gradi taħt iż-żero.[11]

Kontra l-Brażil, fl-aħħar logħba li ma kienet issarraf xejn minħabba li ż-żewġ timijiet kienu diġà eliminati, ir-riżultat sa tmiem l-ewwel taqsima kien juri vantaġġ ta' 1–0 għall-Brażil. Matul l-ewwel 45 minuta kien hemm konfużjoni sħiħa bejn il-plejers fil-grawnd li kellhom flokkijiet tal-istess kulur. Ulises Saucedo daħħal il-plejers tiegħu wara l-mistrieħ bi flokkijiet oħrajn; fit-tieni taqsima, il-Brażiljani skorjaw tliet darbiet oħra, tnejn minnhom mill-atleta Preguinho.

L-ospiti tal-Urugwaj, ikkunsidrati bħala l-favoriti għar-rebħ tat-titlu quddiem l-Arġentina u l-Brażil,[9] kienu jiffurmaw it-tielet grupp mal-Perù u r-Rumanija. Fl-ewwel logħba bejn ir-Rumanija u l-Perù kien hemm l-ewwel tkeċċija, dik tal-Peruvjan Plácido Galindo fis-70 minuta. Ir-Rumeni sfruttaw il-vantaġġ numeriku u skorjaw żewġ gowls fl-aħħar minuti u ħarġu rebbieħa 3–1. Din il-logħba tibqa' mfakkra għall-iżgħar attendenza qatt rikordjata fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja. L-ispettaturi – uffiċjalment 2,549 – kienu fil-verita madwar 300.

Qabel id-debutt, l-Urugwajani għamlu erba' ġimgħat ta' taħriġ u skeda riġida.[10] Il-gowler Mazali (diġà ċampjin Olimpiku għal darbtejn) inqabad mill-kowċ Suppici dieħel tard filgħaxija wara li kien żar lil martu, u b'konsegwenza t'hekk ġie eskluż mill-iskwadra. Postu ħadu Ballesteros.

Kawża tad-dewmien fil-preparazzjoni tal-Estadio Centenario, id-debutt tal-Urugwaj ġie pospost għal ħamest ijiem wara l-bidu tal-kompetizzjoni. L-inawgurazzjoni tal-impjant, eżattament 100 sena wara t-twelid tal-Kostituzzjoni Urugwajana, ġiet preċeduta minn ċerimonja sabiex tiċċelebra ċ-ċenitarju tar-Repubblika. L-ospiti rebħu bl-iskor minimu ta' 1–0 kontra l-Perù. L-istampa tal-pajjiż ftit li xejn ħadet gost bil-prestazzjoni tat-tim, waqt li fil-Perù l-ġurnalisti taw ġieħ lill-kompatrijotti tagħhom.

L-Urugwaj għelbu lir-Rumanija b'mod iktar faċli, b'riżultat ta' 4–0 li wasal fl-ewwel taqsima u li nżamm sal-aħħar. B'hekk l-Urugwaj kisbu post fis-semifinali.

L-Istati Uniti, li fosthom kellhom diversi plejers Brittaniċi emigranti,[12] iddominaw ir-raba' grupp b'żewġ rebħiet konvinċenti kontra l-Belġju u l-Paragwaj. Il-plejers Amerikani, ħafna minnhom debuttanti, spikkaw rwieħhom għall-fiżiċità imponenti tagħhom. Fl-ewwel logħba għelbu b'riżultat mhux mistenni ta' 3–0 kontra l-Belġjani. Il-gazzetta Urugwajana Imparcial kitbet: "ir-rebħa kbira tal-Amerikani tassew issorprendiet lill-esperti". Il-Belġajni – li kellhom jirrinunzjaw għal Raymond Braine, wieħed mill-aħjar minn tagħhom – ilmentaw fuq il-kundizzjonijiet tal-grawnd u d-deċiżjonijiet tar-referì fejn saħqu li kien hemm offside fl-azzjoni li wasslet għat-tieni gowl.

It-tieni konfront tal-grupp bejn l-Istati Uniti u l-Paragwaj (3–0), li ntlagħbet f'kundizzjonijiet ta' riħ qawwi, rat l-ewwel tripletta tal-kompetizzjoni skorjata minn Bert Patenaude.[b][13] Bl-Istati Uniti diġà kwalifikati, l-aħħar partita kienet inutli, bil-Paragwajani joħorġu rebbieħa kontra l-Belġani.

Semifinali

immodifika
 
Pedro Cea, it-tieni l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni

L-erbgħa rebbieħa tal-grupp rispettiv tagħhom (l-Arġentina, il-Jugożlavja, l-Urugwaj u l-Istati Uniti) għaddew għas-semifinali fejn iż-żewġ konfronti spiċċaw bl-istess riżultat.

L-ewwel li ntlagħbet kienet dik bejn l-Arġentina u l-Istati Uniti fis-26 ta' Lulju ġewwa l-Estadio Centenario, liema grawnd kien mgħarraq bl-ilma tax-xita. Kienet partita vjolenti; l-Amerikani tilfu lill-midfilder tagħhom Raphael Tracy li kiser saqajh wara 10 minuti logħob. L-ewwel taqsima għalqet bl-Arġentina gowl vantaġġ grazzi għal gowl ta' Monti fl-20 minuta. Fit-tieni taqsima l-Amerikani ġew assedjati u sofrew mill-veloċità tal-attakkanti tal-albiceleste. Il-partita ntemmet 6–1 favur l-Arġentini.

Is-semifinali l-oħra bejn l-Urugwaj u l-Jugożlavja saret il-ġurnata ta' wara. L-Islavi marru fil-vantaġġ wara ftit minuti b'gowl ta' Vujadinović. F'temp ta' kwarta l-Urugwaj qallbu l-iskor għal 2–1. Lejn tmiem l-ewwel taqsima l-Jugożlavja raw gowl tagħhom jiġi mħassar fuq dubju ta' offside. B'erba' gowls oħra, l-ospiti ġabu l-iskor finali għal 6–1, bil-protagonista jkun Pedro Cea, awtur ta' tripletta.

Kontroversja fuq il-finali għat-3/4 post

immodifika

Il-finali tradizzjoni għat-tielet u r-raba' post ġiet imnedija fl-edizzjoni tal-1934. B'hekk, it-Tazza tad-Dinja 1930 hija l-unika waħda mingħajr din il-partita, li dejjem intlagħbet bejn is-semifinali u l-finali. Xi fonti, b'mod partikulari l-gazzetta tal-FIFA tal-1984, taw ħjiel li kien hemm xi forma ta' konfront validu għat-tielet u r-raba' post, mirbuħ mill-Jugożlavja 3–1.[14] Min-naħa l-oħra, skont sorsi oħrajn, il-konfront kien fil-programm però qatt ma ntlagħab. Skont x'ġie miktub mill-ġurnalist Urugwajan Hyder Jawad fil-ktieb tiegħu Four Weeks In Montevideo: The Story of World Cup 1930, ippubblikat fl-2009, il-Jugożlavja rrifjuatat li tilgħab minħabba li m'għoġobiex l-irreffjar tas-semifinali kontra l-ospiti tal-kompetizzjoni, fejn ikkunsidrawh bħala imparzjali.[15]

Kummissjoni teknika tal-FIFA irrappurtat fl-1986 il-pożizzjoni finali tat-timijiet kollha li ħadu sehem fl-edizzjonijiet preċedenti tat-Tazza tad-Dinja: f'din il-klassifika l-Istati Uniti huma fit-tielet u l-Jugożlavja r-raba',[16] kif għandhom jiġu kkunsidrati llum il-ġurnata.[17]

Fl-2010, it-tifel ta' Kosta Hadži, kap tad-delegazzjoni fit-Tazza tad-Dinja 1930 u viċi-president tal-federazzjoni tal-futbol tal-Jugożlavja ta' dak iż-żmien, iddikjara li l-Jugożlavja, bħala tim, ġiet ippremjata b'midalja tal-bronż miżmuma sal-lum il-ġurnata mill-familja Hadži. Dejjem skont Hadži, il-Jugożlavja ġiet ikkunsidrata bħala t-tielet minħabba li tilfet is-semifinali kontra ċ-ċampjins eventwali tal-Urugwaj.[18][19] L-oriġini u l-awtentiċità ta' din il-midalja għadhom mhumiex rikonoxxuti.

 
Il-formazzjonijiet niżlu fil-grawnd fejn adottaw żewġ sistemi ta' logħob offensivi: it-2–3–5
 
Il-ballun li ntuża' fil-finali

Ir-rebħiet tal-Urugwaj u l-Arġentina fis-semifinali wasslu lit-tnejn li huma sal-finali. Sentejn qabel it-tnejn li huma kienu protagonisti tal-finali tal-Olimpjadi tal-1928, f'partita li baqgħet tissejjaħ bħala "l-isbaħ partita tal-futbol ta' kull żmien", mirbuħa mis-Celeste 2–1. Il-finali ntlagħbet fit-30 ta' Lulju ġewwa l-Estadio Centenario, taħt xita ta' borra (avveniment rari f'Montevideo).[20][21]

Il-port ta' La Plata kien mimli attività. L-għaxar vapuri li kellhom jittrasportaw il-partitarji Arġentini ta' Buenos Aires lejn Montevideo u l-biċċiet tal-baħar l-oħra li ġew magħmula disponibbli ma kinux biżżejjed. Huwa stmat li bejn 10,000 u 15,000 Arġentin għamlu l-vjaġġ,[ċ] imma l-port ta' Montevideo kien tassew mimli li ħafna żbarkaw biss fit-tisfira tal-bidu tal-partita, fejn kien għad baqalhom jilħqu l-grawnd.[22] Fid-dħul fil-grawnd kull spettatur ġie mfittex sabiex jaċċertaw li ma jkunx hemm armi.[23] Il-gradi nfetħu fit-tmienja ta' filgħodu, sitt sigħat qabel il-bidu, u f'nofsinhar il-grawnd kien mimli. L-attendenza uffiċjali kienet ta' 93,000 ruħ.[24]

Il-jiem li ppreċedew il-logħba kienu mimlija tensjoni.[25] Ħafna plejers Urugwajani rċevew theddid ta' mewt min-naħa ta' partitarji Arġentini. Fis-sigħat ta' qabel il-finali xi nies marru qrib il-post fejn kienu qegħdin jitħarrġu l-Arġentini fejn iddisturbawhom b'kant u theddid. Luis Monti ġie intimidit, però xorta waħda niżel fil-grawnd. L-istess xorti messet lir-referì tal-logħba, il-Belġjan John Langenus, li mpona lill-FIFA ftit sigħat qabel il-bidu tal-logħba li jkollu sigurtà fuq ħajtu.[26] Hu ngħata mal-mitt pulizija għad-dispożizzjoni[25] u vapur lest li jitlaq madwar siegħa minn tmiem il-logħba f'każ li jkollu bżonn jaħrab.

L-Urugwaj għamlu bidla fil-formazzjoni minn dik li ntlagħbet fis-semifinali minħabba li Anselmo kellu jaqbeż din il-logħba kawża ta' attakk ta' paniku. Skont fonti oħrajn, Anselmo – fost l-aħjar tal-Uruguwaj – talab li ma jinżilx fil-grawnd mingħajr ma ta raġuni partikulari, li probabilment kienet il-biża' li jaffronta l-markatura aggressiva ta' Monti.[25] Postu ħadu Castro, attakkant nieqes minn idu l-leminija li kien tilifha f'inċident fuq il-post tax-xogħol fl-età ta' 13-il sena,[12] li għan-nuqqas fuq il-lat tekniku kien jagħel għaliha fil-ġiri kontinwu.[25] L-Arġentina kellha tilgħab mingħajr l-imweġġa' Zumelzú u Varallo,[25] imma t-tieni wieħed xorta waħda ġie skjerat mal-ewwel ħdax.

Il-kronaki ta' dak iż-żmien irrakuntaw fuq logħba li ma ddiżappuntatx l-aspettativi, fejn iż-żewġ timijiet ħarġu fuq l-offensivi bit-tnejn jilgħabu b'ħames attakkanti.[27]

Pablo Dorado għall-Urugwaj skorja l-ewwel gowl b'xutt fil-baxx mil-lemin.[28] Ir-risposta tal-Arġentina ma tantx damet ma waslet u tmien minuti wara ġabu l-iskor indaqs: Carlos Peucelle irċieva ballun minn Ferreira, qabeż plejer u skorja minn xutt qawwi li l-gowler Urugwajan Ballesteros ma seta' jagħmel xejn.[28] Aktar tard Stábile, l-aqwa skorer tat-turnew, skorja t-tmien u l-aħħar gowl tiegħu, fejn tefa' lill-Arġentina 2–1 minn fuq. Il-kaptan Urugwajan Nasazzi ipprotesta għalxejn wara li sostna li Stábile kien f'pożizzjoni irregolari.[26] Fit-tieni taqsima l-Urugwaj sar aktar kuraġġjuż u tejjeb il-logħob tiegħu. Monti falla l-okkażjoni għat-3–1 għall-Arġentina u fl-azzjoni li segwiet, l-Urugwaj ġabu l-gowl tad-dro permezz ta' Pedro Cea.[28] Għaxar minuti wara gowl ta' Santos Iriarte ta vantaġġ lill-Urugwaj u lejn l-aħħar Castro kien imissu biex jiskorja l-gowl li ssiġilla r-rebħa ta' 4–2.[26] Langenus saffar it-tisfira finali u l-Urugwaj żiedu t-titlu ta' ċampjins tad-dinja wara t-titlu ta' ċampjins Olimpiċi.

Jules Rimet ippreżenta t-trofew tat-Tazza tad-Dinja – li aktar tard ħa ismu – lill-president tal-Federazzjoni tal-futbol tal-Urugwaj Raúl Jude.[29] Il-ġurnata ta' wara ġiet iddikjarata bħala festa nazzjonali fl-Urugwaj;[24] fil-kapitali Arġentina Buenos Aires ġemgħa bdiet titfa' l-ġebel lejn il-konsolat Urugwajan.[30]

Skont l-analisi tal-kritika u tal-istess plejers Arġentini, l-albiceleste – li fuq il-pjan tekniku kienu superjuri[28] – tilfet il-finali kawża tan-nuqqas ta' organizzazzjoni fid-difiża. Kollha kienu qegħdin jaħsbu biex jattakkaw.[25] L-Urugwaj, min-naħa l-oħra, għażlet li tilgħab fuq il-kontrattakk fejn sfruttat l-ispazji vojta li tħallew mill-avversarji, u dan kien il-punt kruċjali tas-suċċess.[25]

Fi tmiem it-Tazza tad-Dinja, Franza, il-Jugożlavja u l-Istati Uniti kollha lagħbu logħbiet ta' ħbiberija fl-Amerika t'Isfel. Il-Brażil lagħab ma' Franza nhar l-1 ta' Awwissu, mal-Jugożlavja fl-10 ta' Awwissu u mal-Istati Uniti fis-17 ta' Awwissu.[31] L-Arġentina ospitat lill-Jugożlavja fit-3 ta' Awwissu.[32]

Impjanti

immodifika
 
L-Estadio Centenario, fejn intlagħbu l-maġġoranza tal-partiti

Il-partiti kollha ntlagħbu f'Montevideo u ġew użati tliet grawnds: Estadio Centenario, Estadio Pocitos, u Estadio Parque Central. Estadio Centenario ġie mibni kemm minħabba dan il-kampjonat u wkoll bħala ċelebrazzjoni taċ-ċentinarju mill-indipendenza tal-Urugwaj. Iddisinjat minn Juan Scasso,[4] dan kien il-grawnd prinċipali tal-kampjonat, li fi kliem Rimet kien "it-tempju tal-futbol".[33] B'wisa' ta' 90,000 dan kien l-ikbar grawnd tal-futbol barra mill-Gżejjer Brittaniċi. F'dan il-grawnd intlagħby 10 minn 18-il partita, fosthom iż-żewġ semifinali u l-finali. Minħabba l-iskeda magħfusa ta' kostruzzjoni u l-istaġun ta' xita li laqat, is-Centenario ma kienx lest biex jintuża sa ħamest ijiem qabel il-kampjonat. Il-partiti tal-bidu ntlagħbu fi grawnds iżgħar użati mill-klabbs minn Montevideo, Nacional u Peñarol, il-Parque Central u l-Pocitos.

Uffiċċjali tal-partiti

immodifika
 
John Langenus, ir-referì tal-finali.

Ħmistax-il referì ħadu sehem fil-kompetizzjoni. Sabiex kull wieħed minnhom ikollu idea ċara tal-applikazzjoni tar-Regoli tal-Logħba, ir-referis ġew mistiedna għal laqgħa żgħira sabiex jiġu ċċarati ċerti kunflitti u dilemmi. Ir-referis kienu jirrefjaw il-logħba lebsin ġlekk u ingravata.

Mill-ħatriet kollha tar-referis kien hemm xi wħud li ġibdu l-attenzjoni. Il-Bolivjan Ulises Saucedo irrefja l-logħba Arġentina–Messiku, li l-Arġentina rebħu 6–3. Matul din il-logħba Saucedo, li kien ukoll iservi bħala l-kowċ tal-Bolivja,[34] ta tliet penalties. Saucedo ma kienx l-uniku li kellu rwol doppju fil-kompetizzjoni: Constantin Rădulescu, il-kowċ tar-Rumanija, ġie wżat darbtejn bħala assistent fl-ewwel grupp.[34]

Il-lista segwenti turi l-uffiċċjali kollha li servew bħal referis jew assistenti. Uffiċċjali miktuba bil-korsiv kienu wżati biss bħala assistenti matul il-kampjonat.

Ewropa
Amerika ta' Fuq
Amerika t'Isfel

Riżultati

immodifika

Fażi tal-gruppi

immodifika
Tim L R D T GF GK DG Pti
  Arġentina 3 3 0 0 10 4 +6 6
  Ċili 3 2 0 1 5 3 +2 4
  Franza 3 1 0 2 4 3 +1 2
  Messiku 3 0 0 3 4 13 −9 0
13 ta' Lulju 1930
15:00 UYT (UTC−3:30)
Franza   4–1   Messiku Estadio Pocitos, Montevideo
Attendenza: 3,000
L. Laurent   19'
Langiller   40'
Maschinot   43'87'
Rapport Carreño   70'

15 ta' Lulju 1930
16:00 UYT (UTC−3:30)
Arġentina   1–0   Franza Estadio Parque Central, Montevideo
Attendenza: 18,000
Monti   81' Rapport

16 ta' Lulju 1930
14:45 UYT (UTC−3:30)
Ċili   3–0   Messiku Estadio Parque Central, Montevideo
Attendenza: 7,000
Vidal   3'65'[d]
M. Rosas   51' (awt.)
Rapport

19 ta' Lulju 1930
12:50 UYT (UTC−3:30)
Ċili   1–0   Franza Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 50,000
Subiabre   65'[d] Rapport

19 ta' Lulju 1930
15:00 UYT (UTC−3:30)
Arġentina   6–3   Messiku Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 50,000
Stábile   8'17'80'
Zumelzú   12'55'
Varallo   53'
Rapport M. Rosas   42' (pen.)65'
Gayón   75'

22 ta' Lulju 1930
14:45 UYT (UTC−3:30)
Arġentina   3–1   Ċili Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 35,000
Stábile   12'13'
M. Evaristo   81'
Rapport Subiabre   15'[d]
Tim L R D T GF GK DG Pti
  Jugożlavja 2 2 0 0 6 1 +5 4
  Brażil 2 1 0 1 5 2 +3 2
  Bolivja 2 0 0 2 0 8 −8 0
14 ta' Lulju 1930
12:45 UYT (UTC−3:30)
Jugożlavja   2–1   Brażil Estadio Parque Central, Montevideo
Attendenza: 5,000
Tirnanić   21'
Bek   30'
Rapport Preguinho   62'

17 ta' Lulju 1930
12:45 UYT (UTC−3:30)
Jugożlavja   4–0   Bolivja Estadio Parque Central, Montevideo
Attendenza: 800
Bek   60'67'
Marjanović   65'
Vujadinović   85'[d]
Rapport

20 ta' Lulju 1930
13:00 UYT (UTC−3:30)
Brażil   4–0   Bolivja Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 1,200
Moderato   37'73'
Preguinho   57'83'[d]
Rapport
Tim L R D T GF GK DG Pti
  Urugwaj 2 2 0 0 5 0 +5 4
  Rumanija 2 1 0 1 3 5 −2 2
  Perù 2 0 0 2 1 4 −3 0
14 ta' Lulju 1930
14:50 UYT (UTC−3:30)
Rumanija   3–1   Perù Estadio Pocitos, Montevideo
Attendenza: 300
Deșu   1'[d]
Stanciu   79'[d]
Kovács   89'[d]
Rapport Souza Ferreira   75'

18 ta' Lulju 1930
14:30 UYT (UTC−3:30)
Urugwaj   1–0   Perù Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 70,000
Castro   65' Rapport

21 ta' Lulju 1930
14:50 UYT (UTC−3:30)
Urugwaj   4–0   Rumanija Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 80,000
Dorado   7'
Scarone   26'[d]
Anselmo   31'
Cea   35'[d]
Rapport
Tim L R D T GF GK DG Pti
  Stati Uniti 2 2 0 0 6 0 +6 4
  Paragwaj 2 1 0 1 1 3 −2 2
  Belġju 2 0 0 2 0 4 −4 0
13 ta' Lulju 1930
15:00 UYT (UTC−3:30)
Stati Uniti   3–0   Belġju Estadio Parque Central, Montevideo
Attendenza: 10,000
McGhee   23'[d]
Florie   45'[d]
Patenaude   69'[d]
Rapport

17 ta' Lulju 1930
14:45 UYT (UTC−3:30)
Stati Uniti   3–0   Paragwaj Estadio Parque Central, Montevideo
Attendenza: 800
Patenaude   10'15'50'[e] Rapport

20 ta' Lulju 1930
15:00 UYT (UTC−3:30)
Paragwaj   1–0   Belġju Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 900
Vargas Peña   40'[d] Rapport

Fażi eliminatorja

immodifika
  Semifinali Finali
26 ta' Lulju – Montevideo
   Arġentina 6  
   Stati Uniti 1  
 
30 ta' Lulju – Montevideo
       Arġentina 2
     Urugwaj 4
27 ta' Lulju – Montevideo
   Urugwaj 6
   Jugożlavja 1  

Semifinali

immodifika
26 ta' Lulju 1930
14:45 UYT (UTC−3:30)
Arġentina   6–1   Stati Uniti Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 72,886
Monti   20'
Scopelli   56'
Stábile   69'87'
Peucelle   80'85'
Rapport Brown   89'

27 ta' Lulju 1930
14:45 UYT (UTC−3:30)
Urugwaj   6–1   Jugożlavja Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 79,867
Cea   18'67'72'[d]
Anselmo   20'31'[d]
Iriarte   61'[d]
Rapport Vujadinović   4'[d]
30 ta' Lulju 1930
15:30 UYT (UTC−3:30)
Urugwaj   4–2   Arġentina Estadio Centenario, Montevideo
Attendenza: 93,000
Dorado   12'
Cea   57'[d]
Iriarte   68'
Castro   89'
Rapport Peucelle   20'
Stábile   37'[d]

L-aqwa skorers

immodifika
8 gowls
5 gowls
4 gowls
3 gowls
2 gowls

gowl

awtogowls

Aqra iktar

immodifika
  • Goldblatt, David (2008). The Ball Is Round: A Global History of Soccer. Penguin. ISBN 978-1-59448-296-0.
  • Freddi, Cris (2006). Complete Book of the World Cup 2006. Londra: HarperCollins.
  1. ^ a b Skont il-kittieb Ingliż Cris Freddi hu kien għalliem Ingliż li kien jgħix Pariġi. Il-veru kunjom tiegħu kien Balvay, imniżżel ħażin mill-FIFA bħala Balway.
  2. ^ Sal-10 ta' Novembru 2006, il-FIFA kienet tirrikonoxxi l-ewwel tripletta f'Tazza tad-Dinja dik ta' Guillermo Stábile, li ġiet skorjata fid-19 ta' Lulju 1930, jumejn wara dik ta' Patenaude. Fl-2006, il-FIFA ħabbret li l-pretensjoni li Patenaude kien l-iskorer tal-ewwel tripletta kienet ġustifikata, hekk kif il-gowl li kien attribwit lil Tom Florie ġie mogħti lil Patenaude.
  3. ^ Skont diversi fonti l-Arġentini kienu jammontaw għal 30,000.
  4. ^ a b ċ d e f ġ g h ħ i ie j k l m n o p Dan huwa wieħed minn diversi gowls fuq liema hemm indeċiżjoni u dettalji nieqsa. Il-minuti u l-iskorers użati huma dawk uffiċjali tal-FIFA. Sorsi oħra, bħal RSSSF, jagħtu skorer u/jew ħin differenti. Biex tara aktar: "World Cup 1930 finals" (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF).
  5. ^ Il-FIFA għall-bidu tat il-gowl fil-15-il minuta lil Tom Florie, imma bidlitu għal Patenaude fl-2006. RSSSF tagħti l-gowl bħala awtogowl ta' Aurelio González.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Uruguay 1930" (bl-Ingliż). Fourfourtwo. Arkivjat mill-orġinal fl-2007-08-19. Miġbur 2009-06-20.
  2. ^ a b "FIFA World Cup – Classic Moments from FIFA World Cup History" (bl-Ingliż). FIFA. Arkivjat mill-orġinal fl-2006-04-26. Miġbur 2009-06-14.
  3. ^ Seddon, Peter (2005). The World Cup's Strangest Moments (bl-Ingliż). Londra: Robson. pp. 8–9. ISBN 978-1-86105-869-0.
  4. ^ a b Goldblatt, David (2007). The Ball is Round: A Global History of Football (bl-Ingliż). Londra: Penguin. p. 248. ISBN 978-0-14-101582-8.
  5. ^ Goldblatt (2008), p. 249
  6. ^ "1930 FIFA World Cup Uruguay" (bl-Ingliż). FIFA. Miġbur 2009-06-15.
  7. ^ a b Lara, Miguel A. "Uruguay, allí nació la historia" (bl-Ispanjol). Marca.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-06-27. Miġbur 2009-06-14.
  8. ^ a b Vautrot, Michel (1998-06-17). "A historical link with the Franche-Comté" (bl-Ingliż). FIFA. Arkivjat mill-orġinal fl-2008-06-08. Miġbur 2009-06-14.
  9. ^ a b ċ d "Mondiali Calcio 1930: 13 luglio ore 14, si comincia" (bit-Taljan). Storie di Calcio. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-28. Miġbur 2011-06-25.
  10. ^ a b ċ "Mondiali Calcio 1930: Debutta la Celeste" (bit-Taljan). Storie di Calcio. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-08-12. Miġbur 2011-06-25.
  11. ^ "Mondiali Calcio 1930: Dietro le quinte del Mondiale" (bit-Taljan). Storie di Calcio. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-11. Miġbur 2011-06-28.
  12. ^ a b John Brewmin (2006-04-17). "World Cup 1930 - Hosts Uruguay" (bl-Ingliż). ESPN. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-09-18. Miġbur 2011-06-11.
  13. ^ "American Bert Patenaude credited with first hat trick in FIFA World Cup history" (bl-Ingliż). FIFA. Miġbur 2011-06-09.
  14. ^ "World Cup 1930 finals" (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation (RSSSF). Miġbur 2011-06-09.
  15. ^ Hyder Jawad (2009). Four Weeks In Montevideo: The Story of World Cup 1930. Seventeen Media & Publishing. p. 105.
  16. ^ "FIFA World Cup México '86 – Technical Report" (PDF) (bl-Ingliż). FIFA. 1986. p. 45. Miġbur 2011-06-11.
  17. ^ "Final Tournament Standings" (bl-Ingliż). FIFA. Miġbur 2011-06-11.
  18. ^ "Медаља из дома Хаџијевих сведочи да смо били трећи на Мундијалу" (bis-Serb). Politika. Miġbur 2011-06-09.
  19. ^ "Još uvek sjaji bronza iz Montevidea" (bis-Serb). Blic. Miġbur 2011-06-09.
  20. ^ "Il clima dell'Uruguay" (bit-Taljan). Meteo Giornale. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-10-16. Miġbur 2011-06-14.
  21. ^ "Il clima del Sudafrica: le città dei Mondiali di Calcio" (bit-Taljan). Corriere della Sera. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-05-30. Miġbur 2011-06-14.
  22. ^ Goldblatt, pġ. 250
  23. ^ Freddi, pġ. 11
  24. ^ a b "FIFA World Cup Origin" (PDF) (bl-Ingliż). FIFA. Miġbur 2011-06-11.
  25. ^ a b ċ d e f ġ "Mondiali Calcio 1930: Uruguay Campeon" (bit-Taljan). Storie di Calcio. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-10-01. Miġbur 2011-06-25.
  26. ^ a b ċ Glanville, pġ. 20
  27. ^ "Storia dei mondiali - 1930 Uruguay" (bit-Taljan). Il Sole 24 Ore. Miġbur 2011-06-11.
  28. ^ a b ċ d Freddi, pġ. 12.
  29. ^ Freddi, pġ. 13.
  30. ^ Glanville, pġ. 21
  31. ^ "Seleção Brasileira (Brazilian National Team) 1923–1932". RSSSF Brazil. 2011-06-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-08-14.
  32. ^ "Argentina national Team archive" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2011-06-11.
  33. ^ Dunning, Eric; Malcolm, Dominic (2003). Sport. Routledge. p. 46. ISBN 978-0-415-26292-7.
  34. ^ a b "25 datos sobre la Copa Mundial de la FIFA" (PDF) (bl-Ispanjol). FIFA. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-04. Miġbur 2011-09-20.

Ħoloq esterni

immodifika