Héctor José Juan Scarone Beretta (twieled fis-26 ta' Novembru 1898 – miet fl-4 ta' April 1967) kien plejer u kowċ tal-futbol Urugwajan.

Héctor Scarone

Scarone ma' Nacional
Informazzjoni personali
Isem sħiħHéctor Pedro Scarone Beretta
Twelid26 ta' Novembru 1898(1898-11-26)
Montevideo, Urugwaj
Mewt4 ta' April 1967 (68 sena)
Montevideo
Tul1.69 m
RwolAttakkant
Karriera professjonali
SninKlabb
1917–1926Nacional
1926–1927Barcelona
1927–1931Nacional
1931–1932Inter
1932–1934Palermo
1934–1939Nacional
Tim nazzjonali
1917–1930Urugwaj
Timijiet ikkowċjati
1947–1948Millonarios
1951–1952Real Madrid
1959–1960Quito

Karriera

immodifika

Wara l-bidu ma' diversi timijiet taż-żgħar fi klabbs ta' Montevideo,[1] Scarone daħal fil-mixtla ta' Nacional fl-1914 u lagħab l-ewwel logħba tiegħu fil-Primera División Uruguaya. Ma' Nacional sar wieħed mill-pedini importanti u Scarone ikkontribwixxa għal żewġ titli konsekuttivi (fl-1916 u fl-1917), il-Copa Ricardo Aldao fl-1916 u l-Copa de Honor fl-1917.

Wara s-sena kiefra tal-1918 fejn Nacional tilfu l-kaptan tagħhom Abdón Porte b'kawża ta' suwiċidju, liema staġun Scarone skorja rekord personali ta' 21 gowl, fl-1919 rebħu t-tielet titlu nazzjonali u għal darb'oħra il-Copa Ricardo Aldao. Dan it-tragward reġa' ntleħaq fl-1920. Dan is-suċċess kompla fis-snin ta' wara bi tliet titli konsekuttivi mill-1922 sal-1924.

Bejn l-1925 u l-1926, il-kampjonat Urugwajan ġie sospiż minħabba kunflitt bejn żewġ federazzjonijiet tal-futbol Urugwajani. Nacional ħadu vantaġġ ta' dan il-waqfien u organizzaw numru ta' logħbiet madwar l-Ewropew fejn lagħabu 38 logħba bejn Marzu u Awwissu tal-1925.[2][3] Scarone ibrilla kontinwament, fosthom fil-konfront kontra Barcelona,[4] u kien l-aqwa skorer b'26 gowl. F'Jannar tal-1926 Scarone aċċetta s-sejħa tal-Blaugrana biex sar l-ewwel Uruguwajan internazzjonali li lagħab fi klabb Ewropew, u t-tieni plejer mill-Urugwaj wara Julio Bavastro ingħaqad mal-Milan fl-1910.

Scarone lagħab biss f'logħob ta' ħbiberija (fejn skorja 6 gowls f'10 preżenzi)[5] u wara biss sitt xhur irritorna lura ma' Nacional. Barcelona, li f'dik l-istess sena qaleb għal klabb professjonali, ipproponietlu salarju tajjeb, però Scarone irrifjuta minħabba li din il-firma setgħet tippreġudika l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Olimpjadi tal-1928 ġewwa Amsterdam, hekk kif din il-kompetizzjoni kienet għal atleti dilettanti.[6][4] Ma' Nacional ħa sehem f'turnew ieħor din id-darba fl-Amerika ta' Fuq bejn Marzu u Lulju tal-1927 u skorja 23 gowl f'19-il logħba.[1]

Fl-1931, Scarone issieħeb ma' Ambrosiana-Inter għall-istaġun 1931–32 biex sar l-ewwel plejer oriundo.[a][7] Minkejja li skorja 7 gowls f'14-il logħba, żmienu kien mifni minn waqfien kontinwu minħabba uġigħ.[6] Is-sena ta' wara ngħaqad ma' Palermo, tim li kienu għadu ġej minn promozzjoni għas-Serie A. Wara żewġ staġuni fejn raw lit-tim Siċiljan isalva minn żewġ relegazzjonijiet u ritorn ta' 13-il gowl f'56 logħba,[8] Scarone irritorna ma' Nacional.

Lura ma' Nacional, it-tim rebaħ titlu ieħor nazzjonali fl-1934. Il-preżenzi tiegħu saru inqas frekwenti, tant u hekk li kien hemm kunflitt intern mal-klabb dwar il-prestazzjonijiet tiegħu waqt it-taħriġ. Hu għalaq il-kapitlu ma' Nacional fl-1939 b'total ta' 301 gowl f'369 partita, bejn logħbiet uffiċjali, mhux uffiċjali u ta' ħbiberija.[8]

Internazzjonali

immodifika
 
Héctor Scarone (it-tieni wieħed mix-xellug fl-ewwel ringiela) flimkien mat-tim nazzjonali Urugwajan li ħa sehem fil-Campeonato Sudamericano tal-1917.

Mat-tim nazzjonali tal-Urugwaj iddebutta fit-2 ta' Settembru 1917 f'logħba kontra l-Arġentina bħala parti mill-Copa Newton. Il-kowċ Ramón Platero żied lil Scarone fil-lista finali tal-imsejħa għat-tieni edizzjoni tal-Campeonato Sudamericano li ntlagħbet ġewwa l-Urugwaj. Flimkien ma' ħuh Carlos u l-istilla l-oħra tal-attakk, Ángel Romano, Scarone kien protagonista assolut fejn skorja żewġ gowls fi tliet logħbiet, inkluż il-gowl tar-rebħa kontra l-Arġentina li tat lill-Urugwaj it-tieni titlu konsekuttiv.

Dan is-suċċess ġie ripetut fl-edizzjoni tal-1923, li ta lill-Urugwaj il-biljett għall-Olimpjadi tal-1924. Scarone ħa sehem fl-Olimpjadi li kkonkludiet bir-rebħ tal-midalja tad-deheb wara t-trijonf ta' 3–0 kontra l-Iżvizzera fid-9 ta' Ġunju. F'Ottubru tal-istess sena reġa' kien parti mit-tim li rebaħ il-Campeonato Sudamericano, u wara sentejn li fihom ma lagħabx man-nazzjonali, ir-ritorn tiegħu fl-istess kompetizzjoni ratu jirbaħ ir-raba' (u l-aħħar) titlu f'dan it-turnew.

Fl-1930, l-Urugwaj ositaw l-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Scarone skorja gowl wieħed biss fir-rebħa ta' 4–0 kontra r-Rumanija. Minkejja r-ritorn baxx fin-numru ta' gowls, hu kien strumentalli fir-rebħ tat-titlu tant li ġie magħżul fost l-aqwa plejers tal-kompetizzjoni mill-FIFA.[9] Il-finali kontra l-Arġentina kienet l-aħħar logħba tiegħu, biex spiċċa b'total ta' 52 logħba u 31 gowl (70 logħba u 42 gowl jekk jiġu nklużi logħbiet mhux uffiċjali).[10]

Nacional
  • Primera División: 1916, 1917, 1919, 1920, 1922, 1923, 1924, 1934
  • Copa de Honor: 1916, 1917
  • Copa de Honor Cousenier: 1916
  • Copa Ricardo Aldao: 1916, 1919, 1920
  • Copa de Campeonato Albion: 1919
  • Copa Competencia Uruguaya: 1919, 1921, 1923
  • Copa León Peyrou: 1920, 1921, 1922
  • Campeonato Ing. José Serrato: 1928

Tim nazzjonali

immodifika
  1. ^ Oriundo huwa terminu fil-lingwa Taljana, Spanjola u Portugiża li jiddeskrivi immigrant f'pajjiż minn fejn huma l-antenati tiegħu.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "Héctor Scarone" (bl-Ispanjol). Atilio.uy. Miġbur 2022-08-21.
  2. ^ Da Silva, Juan (2021-01-28). "European trip of Club Nacional de Football 1925" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2022-08-21.
  3. ^ "La gira de 1925" (bl-Ispanjol). Decano.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-01-13. Miġbur 2022-08-21.
  4. ^ a b "Hector Pedro Scarone: re dell'Uruguay Anni 30" (bit-Taljan). Guerin Sportivo. 2011-06-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-05-22. Miġbur 2022-08-21.
  5. ^ "Todos los risultados de la temporada 1925/26". Webdelcule.com (bl-Ispanjol). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-04-07. Miġbur 2022-08-21.
  6. ^ a b Brambilla, Roberto (2017-06-07). "Héctor Scarone, il "mago" nerazzurro venuto dall'Uruguay" (bit-Taljan). FC Internazionale Milano. Miġbur 2022-08-21.
  7. ^ Chiesa, Carlo F. (1999). "We are the champions – I 150 fuoriclasse che hanno fatto la storia del calcio". Calcio 2000 (bit-Taljan) (25): 62.
  8. ^ a b Schmid, Fabrizio (2019). Tutti i giocatori nella storia dell'Internazionale (bit-Taljan). Soccerdata. pp. 501–502.
  9. ^ "FIFA World Cup All-Star Team – Football world Cup All Star Team". sporting99.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-06-30. Miġbur 2022-08-21.
  10. ^ Passo Alpuin, Luis Fernando (2012-02-29). "Héctor Scarone - Goals in International Matches" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2022-08-21.

Ħoloq esterni

immodifika