Logħob Olimpiku

avveniment sportiv b'kompetizzjonijiet sportivi

Il-Logħob Olimpiku jew Olimpjadi fil-qasir (bil-Franċiż: Jeux olympiques) huwa avveniment sportiv b'kompetizzjonijiet sportivi tas-sajf u x-xitwa li fih jipparteċipaw eluf ta' atleti minn madwar id-dinja. Il-Logħob Olimpiku huwa kkunsidrat bħala l-iktar kompetizzjoni sportiva prominenti fid-dinja b'iktar minn 200 pajjiżi parteċipanti. Dawn il-Logħob isiru kull erba' snin, bil-Logħob tas-sajf u l-Logħob tax-xitwa jaletrnaw bejniethom kull sentejn.

Bandiera uffiċjali tal-Logħob Olimpiku

Il-ħolqien ta' dan l-avveniment ġie ispirat mil-Logħob Olimpiku Antik, li kienu jsiru fil-belt ta' Olimpja, fil-Greċja, bejn it-8 seklu q.K. u r-4 seklu q.K. Il-Baruni Pierre de Coubertin ifforma l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) fl-1894, u l-ewwel Logħob moderni saru f'Ateni fl-1896. Il-KOI jiggverna u jmexxi l-moviment Olimpiku, bil-Karta Olimpika tiddeskrivi l-istruttura u l-awtorità.

L-evoluzzjoni tal-Moviment Olimpiku matul is-sekli 20 u 21 irriżulta f'numru ta' bidliet fil-Logħob Olimpiku. Fost dawn kien hemm il-ħolqien tal-Logħob Olimpiku tax-xitwa għal sports fuq is-silġ u dak xitwi, il-Logħob Paralimpiku għal atleti b'diżabilità, u l-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ għal atleti żgħażagħ. Il-Logħob Olimpiku tat-Truxa (Deaflympics) u l-Olimpjadi Speċjali huma wkoll approvati mill-KOI.

Il-Moviment Olimpiku jikkonsisti minn federazzjonijiet sportivi internazzjonali (FI), Kumitati Olimpiċi Nazzjonali (KON) u kumitati organizzattivi għal Logħob Olimpiku speċifiku. Bħala l-awtorità tal-kompetizzjoni, il-KOI huwa responsabbli li jagħżel il-belt ospitanti għal kull Logħob, u jorganizza u jagħti l-fondi skont il-Karta Olimpika. Il-KOI jiddetermina wkoll il-programm Olimpiku, bil-lista ta' sports li se jintlagħabu fil-Logħob. Hemm diversi riti u simboli Olimpiċi, fosthom il-bandiera u t-torċ Olimpiku, kif ukoll iċ-ċerimonji tal-ftuħ u l-għeluq. 'Il fuq minn 13-il elf atleta jikkompetu fil-Logħob Olimpiku tas-sajf u x-xitwa f'33 dixxiplina sportiva u f'madwar 400 avveniment. Dawk li jikklassifikaw fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post jingħtaw midalja Olimpika tad-deheb, fidda u bronż, rispettivament.

Olimpjadi Antiki

immodifika
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Logħob Olimpiku Antik.
 
Grawnd f'Olimpja, il-Greċja

Il-Logħob Olimpiku Antik kien festival reliġjuż u atletiku li kien isir kull erba' snin fis-santwarju ta' Żews f'Olimpja, il-Greċja. Il-kompetizzjoni kienet issir bejn rappreżentati ta' diversi bliet-stati u renji fil-Greċja Antika. Dawn il-Logħob kienu jinkludu prinċiparjament atleti, imma wkoll sports kumbattiv fosthom il-lotta u l-pankrazju, u tlielaq taż-żwiemel u l-karri. Huwa mifhum li l-Olimpjadi Antiki bdew fis-sena 776 q.K. Dan hu skont skrizzjonijiet f'Olimpja li telenka r-rebbieħa tal-ġiri li saru kull erba' snin mis-776 q.K.[1] Id-dixxiplini sportivi f'dawn il-Logħob kienu jinvolvu l-ġiri, pentatlon (tikkonsisti minn ġiri, tfigħ tad-diska u tal-javelin, boksink, lotta, pankrazju u avvenimenti ekwestri.[2] It-tradizzjoni tgħid li Koroibos, kok mill-belt ta' Elis, kien l-ewwel rebbieħ Olimpiku.

L-Olimpjadi kienu ta' importanza reliġjuża fundamentali, b'avvenimenti sportivi li kienu jsiru flimkien ma' riti ta' sagrifiċċju għal Żews u Pelops, eroj divin u re mitiku ta' Olimpja. Il-Logħob kien isir kull erba' snin, u dan il-perjodu kien użat mill-Griegi bħala wieħed mill-unitajiet ta' kejl tal-ħin. Il-Logħob laħaq il-quċċata fis-sekli 6 u 5 q.K., però gradwalment beda jonqos fl-importanza hekk kif ir-Rumani ħadu l-poter fil-Greċja. Hu mifhum li s-sena 393 w.K. kienet l-aħħar darba li fiha saru l-Logħob, meta l-Imperatur Teodosju ddekreta t-tneħħija ta' kull kult u prattika pagana.

Logħob Modern

immodifika
 
Baruni Pierre de Coubertin

L-isem "Olimpjadi" biex jiddeskrivi avvenimenti atletiċi bdew jidhru sa mis-seklu 17. L-ewwel avveniment ta' dan it-tip kien il-Logħob ta' Cotswold fl-Ingilterra. Dan kien organizzat mill-avukat Rober Dover bejn l-1612 u l-1642. L'Olympiade de la République kien festival Olimpiku nazzjonali li kien isir kull sena bejn l-1796 u l-1798 fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, u kien jinkludi diversi dixxiplin sportivi mill-Olimpjadi Griegi antiki.[3] Fl-1821, fi żmien il-Gwerra Griega tal-Indipendenza mill-Imperu Ottoman, reġa' qawwa l-interess fil-Logħob Olimpiku. Evangelos Zappas, filantropu Grieg-Rumen sinjur, kiteb personalment lir-Re Oton tal-Greċja fl-1856 sabiex jiffinanzja l-Logħob Olimpiku. Zappas sponsorizza l-Logħob fl-1859 li saru fil-pjazza tal-belt ta' Ateni. Atleti mill-Greċja u l-Imperu Ottoman ipparteċipaw.[4] Zappas ħallas ukoll għar-restawr tal-Istadju Panatinajku sabiex fih isiru l-Logħob Olimpiku tal-futur.[4] Dan l-impjant ospita fih l-Olimpjadi fl-1870 u l-1875.[5] Tletin elf spettatur attendew il-Logħob fl-1870, għalkemm m'hemm l-ebda statistika uffiċjali ta' attendenza disponibbli għal-Logħob tal-1875.[6]

Fl-1890, wara li attenda l-Logħob Olimpiku tal-Wenlock Olympian Society, il-Baruni Pierre de Coubertin ġie ispirat sabiex joħloq il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Coubertin bena fuq l-ideat u x-xogħol tal-predeċessuri tiegħu bl-għan li jistabbilixxi l-Logħob Olimpiku fuq skala internazjonali li jsir kull erba' snin. Hu ppreżenta dawn l-ideat matul l-ewwel Kungress Olimpiku tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali l-ġdid. Din il-laqgħa, li saret bejn is-16 u t-23 ta' Ġunju 1894 fl-Università ta' Pariġi, ġie deċiż li l-ewwel Logħob Olimpiku li kienu se jsiru taħt l-awspiċji tal-KOI kienu se jsiru f'Ateni fl-1896. Il-KOI eleġġa lill-kittieb Grieg Demetrius Vikelas bħala l-ewwel president tagħha.[7]

Għall-ewwel Olimpjadi ħadu sehem 14-il pajjiż, b'241 atleta jikkompetu fi 43 avveniment. L-uffiċjali Griegi u l-pubbliku kienu entużjasti bl-esperjenza u s-suċċess li l-Logħob ġab, u saħansitra talbu sabiex l-Greċja ssir s-sede permanenti tal-Logħob Olimpiku. Madanakollu, din ir-rikjesta ġiet irrifjutata mill-KOI li fil-pjanijiet tagħha kien hemm li tmexxi l-organizzazzjoni ta' dawn il-Logħob minn belt għal oħra f'pajjiż differenti.

Simboli Olimpiċi

immodifika
 
Il-bandiera Olimpika

Il-Moviment Olimpiku juża simboli li jirrapreżentaw l-ideali tal-Karta Olimpika. Is-simbolu Olimpiku, magħruf aħjar bħala ċ-ċrieki Olimpiċi, jikkonsisti minn ħafna ċrieki minsuġa ma' xulxin li jfissru l-għaqda tal-ħames kontinenti fid-dinja (l-Afrika, l-Amerika, l-Asja, l-Awstralja u l-Ewropa). Il-verżjoni kulurita taċ-ċrieki (blu, isfar, aħdar u aħmar) fuq sfond abjad jifforma l-bandiera Olimpika. Dawn il-kuluri ġew magħżula minħabba li kull pajjiż kellu wieħed minn dawn il-kuluri fil-bandiera tiegħu. Il-bandiera ġiet adottata fl-1914 però ġiet imtajjra biss fl-Olimpjadi tas-sajf tal-1920 f'Antwerp, il-Belġju.[8]

Il-mottu Olimpiku, Citius, Altius, Fortius, hi espressjoni bil-Latin li tfisser "Eħfef, Ogħla, Aqwa" u ġie propost minn Pierre de Coubertin fl-1894 u ilu uffiċjalment użat mill-1924. Dan ġie maħluq mill-qassis Dumnikan Henri Didon OP, ħabib ta' Coubertin, għal-laqgħa taż-żgħażagħ fl-1891.[9]

Xhur qabel il-bidu tal-Logħob, il-fjamma Olimpika tinxtegħel f'Olimpja f'ċerimonja li tirrifletti r-ritwali antiki Griegi. Din tinxtegħel permezz tar-raġġi tax-xemx u wara jibda l-vjaġġ li jieħu din il-fjamma lejn il-belt ospitanti.[10] Għalkemm il-fjamma kienet simbolu Olimpiku mill-1928, il-ġiri bit-torċa ġie introdott fil-Logħob tas-sajf tal-1936.[8]

Ċerimonja tal-ftuħ

immodifika
 
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku tas-sajf 2012 li saru f'Londra

Diversi elementi jiffurmaw iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku. Din iċ-ċerimonja, li ssir qabel il-bidu tal-avveniment, ġeneralment tibda bit-tlugħ tal-bandiera tal-pajjiż ospitanti u jindaqq l-innu nazzjonali.[11] Il-pajjiż osipitanti wara jippreżenta esebizzjoni artistika ta' mużika, kant, żfin u rappreżentazzjoni teatrali tal-kultura tiegħu. Il-preżentazzjonijiet artistiċi bdew jikbru maż-żmien kemm fl-iskala u anke fil-kumplessità hekk kif kull belt tipprova tagħti ċerimonja li tiżboq fuq dik preċedenti. Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob ta' Bejġing swew madwar $100 miljun, b'ħafna mis-somma tkun iddedikata għall-element artistiku.[12]

Wara l-parti artistika taċ-ċerimonja, l-atleti jidħlu f'parata fl-istadju skont pajjiżhom. Il-Greċja tradizzjonalment tidħol l-ewwel ad unur l-oriġini tal-Olimpjadi. Sussegwentament, il-pajjiżi jidħlu b'mod alfabetiku skont il-lingwa magħżula mill-pajjiż ospitanti, bl-atleti tal-pajjiż ospitanti jidħlu l-aħħar. Wara li jsiru xi diskorsi li uffiċjalment jiftħu l-Logħob, it-torċa Olimpika tidħol fl-istadju u tingħadda lill-aħħar persuna, li tipikament tkun atleta Olimpika ta' suċċess għall-pajjiż organizzattiv, li tixgħel il-fjamma fil-bajla.

Ċerimonja tal-għeluq

immodifika
 
L-atleti jinġabru għaċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Logħob Olimpiku tas-sajf 2008 f'Bejġing

Iċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Logħob Olimpiku ssir wara l-avvenimenti sportivi kollha jkunu saru. Il-ġarrejja tal-bnadar minn kull pajjiż parteċipanti jidħlu fl-istadju, u warajhom jidħlu l-atleti kollha mingħajr distinzjoni ta' nazzjonalità.[13] Tliet bnadar nazzjonali jiġu mtellgħin filwaqt li jindaqq l-innu nazzjonali tagħhom: il-bandiera tal-pajjiż ospitanti, il-bandiera tal-Greċja sabiex tonora l-post fejn twieldu l-Olimpjadi, u l-bandiera tal-pajjiż li se jospita l-edizzjoni ta' wara tal-Logħob tas-sajf jew tax-xitwa. Il-president tal-kumitat organizzattiv u l-president tal-KOI jagħmlu diskorsi tal-għeluq. Il-fjamma Olimpika tintefa' li tissimbolizza l-għeluq tal-Logħob. Is-sindu tal-belt li tkun għadha kif organizzat il-Logħob jgħaddi bandiera Olimpika speċjali lill-president tal-KOI, li jgħaddiha lis-sindku tal-belt li tkun se tospita l-edizzjoni sussegwenti tal-Logħob Olimpiku. Il-pajjiż li se jospita l-Olimpjadi f'erba' snin jingħata ħin sabiex jesebixxi f'serata ta' żfin u rappreżentazzjoni teatralii tal-kultura tiegħu.

Kontroversji

immodifika

Bojkotts

immodifika
 
Pajjiżi li bbojkottjaw il-Logħob tal-1980 (sfond blu)
 
Pajjiżi li bbojkottjaw il-Logħob tal-1984 (sfond blu)

Il-Greċja, l-Awstralja, Franza u r-Renju Unit huma l-uniċi pajjiżi li ħadu sehem f'kull edizzjoni tal-Logħob Olimpiku mill-bidu tagħhom fl-1896. Filwaqt li pajjiżi xi drabi naqsu li jipparteċipaw minħabba nuqqas ta' atleti, oħrajn ibbojkottjaw iċ-ċelebrazzjoni tal-Logħob għal raġunijiet differenti.

Għall-edizzjoni ta' Melbourne 1956, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u l-Iżvizzera rrifjutaw li jieħdu sehem minħabba l-oppressjoni tar-Rivoluzzjoni Ungeriża mill-Unjoni Sovjetika, għalkemm bagħtu delegazzjoni ekwestri fi Stokkolma; il-Kambodja, l-Eġittu, l-Iraq u l-Libanu bbojkottjaw il-Logħob minħabba li l-Kriżi ta' Suez; u ċ-Ċina (ir-"Repubblika Popolari taċ-Ċinja) rrifjutat li tieħu sehem minħabba li Tajwan ġew permessi li jieħdu sehem fil-Logħob bħala r-"Repubblika taċ-Ċina".

Fl-1972 u l-1976, numru kbir ta' pajjiżi Afrikani heddew lill-KOI b'bojkott sabiex jisfurzaw sabiex jipprojbixxu lill-Afrika t'Isfel u lir-Rodeżja minħabba r-reġimi ta' segregazzjoni. New Zealand kienet ukoll fil-mira tal-bojkott Afrikan minħabba lit-tim nazzjonali tar-rugby kien dar f'tour lill-Afrika t'Isfel. Il-KOI qabel mal-ewwel żewġ każijiet, però New Zealand tħallew jipparteċipaw abbażi li r-rugby ma kienx sport Olimpiku.[14] B'riżultat t'hekk, flimkien mal-għoxrin pajjiż Afrikan ingħaqdu wkoll l-Gujana u l-Iraq u rtiraw mill-Logħob ta' Montreal, minkejja li uħud mill-atleti tagħhom kienu diġà kkompetew.

Fl-1980 u l-1984, l-avversarji tal-Gwerra l-Bierda ma ħadux sehem fil-Logħob ta' xulin. L-Istati Uniti u 65 pajjiżi ieħor ibbojkottjaw l-Logħob ta' Moska fl-1980 minħabba l-invażjoni Sovjetika fl-Afganistan. Dan il-bojkott naqqas in-numru ta' parteċipanti għal 80, l-inqas numru mill-1956.[15] L-Unjoni Sovjetika u 15-il pajjiż ieħor irritaljaw u ma ħadux sehem fl-Olimpjadi ta' Los Angeles tal-1984, fejn stqarrew li ma setgħux jiggarantixxu s-sigurtà tal-atleti tagħhom. 104 Kumitat Olimpiku Nazzjonali ħa sehem, li kien rekord sa dak iż-żmien. Il-fatt li r-Rumanija, pajjiż li kien jagħmel parti mit-Trattat ta' Varsavja, ħa sehem minkejja t-talbiet Sovjetiċi wasslu għal laqgħa entużjażmanti fl-Istati Uniti.

Edizzjonijiet

immodifika
Logħob Olimpiku tas-sajf Logħob Olimpiku tax-xitwa
Edizzjoni Sena Belt Pajjiż Parteċipanti Edizzjoni Sena Belt Pajjiż Parteċipanti
I 1896 Ateni   Greċja 14
II 1900 Pariġi   Franza 24
III 1904 St. Louis   Stati Uniti 12
IV 1908 Londra   Renju Unit 22
V 1912 Stokkolma   Żvezja 28
VI 1916 Mogħtija lil Berlin; imħassra minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija
VII 1920 Antwerp   Belġju 29
VIII 1924 Pariġi   Franza 44 I 1924 Chamonix   Franza 15
IX 1928 Amsterdam   Pajjiżi l-Baxxi 46 II 1928 St. Moritz   Żvizzera 25
X 1932 Los Angeles   Stati Uniti 37 III 1932 Lake Placid   Stati Uniti 17
XI 1936 Berlin   Ġermanja 49 IV 1936 Garmisch-Partenkirchen   Ġermanja 28
XII 1940 Mogħtija oriġinarjament lil Tokjo, imbagħad lil Ħelsinki; imħassra minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija V 1940 Mogħtija oriġinarjament lil Sapporo; imħassra minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija
XIII 1944 Mogħtija lil Londra, imħassra minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija VI 1944 Mogħtija oriġinarjament lil Cortina d'Ampezzo; imħassra minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija
XIV 1948 Londra   Renju Unit 59 V 1948 St. Moritz   Żvizzera 28
XV 1952 Ħelsinki   Finlandja 69 VI 1952 Oslo   Norveġja 30
XVI 1956 Melbourne   Awstralja 72 VII 1956 Cortina d'Ampezzo   Italja 32
XVII 1960 Ruma   Italja 83 VIII 1960 Squaw Valley   Stati Uniti 30
XVIII 1964 Tokjo   Ġappun 93 IX 1964 Innsbruck   Awstrija 36
XIX 1968 Belt tal-Messiku   Messiku 112 X 1968 Grenoble   Franza 37
XX 1972 Munich   Ġermanja tal-Punent 121 XI 1972 Sapporo   Ġappun 35
XXI 1976 Montreal   Kanada 92 XII 1976 Innsbruck   Awstrija 37
XXII 1980 Moska   Unjoni Sovjetika 80 XIII 1980 Lake Placid   Stati Uniti 37
XXIII 1984 Los Angeles   Stati Uniti 140 XIV 1984 Sarajevo   Jugożlavja 49
XXIV 1988 Seoul   Korea t'Isfel 159 XV 1988 Calgary   Kanada 57
XXV 1992 Barċellona   Spanja 169 XVI 1992 Albertville   Franza 64
XXVI 1996 Atlanta   Stati Uniti 197 XVII 1994 Lillehammer   Norveġja 67
XXVII 2000 Sydney   Awstralja 199 XVIII 1998 Nagano   Ġappun 72
XXVIII 2004 Ateni   Greċja 201 XIX 2002 Salt Lake City   Stati Uniti 78
XXIX 2008 Bejġing   Ċina 204 XX 2006 Turin   Italja 80
XXX 2012 Londra   Renju Unit 204 XXI 2010 Vancouver   Kanada 82
XXXI 2016 Rio de Janeiro   Brażil 207 XXII 2014 Sochi   Russja 88
XXXII 2020 Tokjo   Ġappun XXIII 2018 Pyeongchang   Korea t'Isfel 92
XXXIII 2024 Pariġi   Franza XXIV 2022 Bejġing   Ċina
XXXIV 2028 Los Angeles   Stati Uniti

Biblijografija

immodifika
  • Young, David C. (1996). Johns Hopkins University Press (ed.). The Modern Olympics: A Struggle for Revival (bl-Ingliż). Baltimore. ISBN 978-0-8018-7207-5.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Encyclopædia Britannica (ed.). "Olympic Games" (bl-Ingliż).
  2. ^ Proġett Perseus tal-Università Tufts (ed.). "Ancient Olympic Events" (bl-Ingliż).
  3. ^ "Histoire et évolution des Jeux olympiques" (bil-Franċiż). Potentiel. 2005. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-04-26.
  4. ^ a b Young, pġ. 14.
  5. ^ Young, pġ. 2, 13-23, 81.
  6. ^ Young, pġ. 44.
  7. ^ Young, pġ. 100-105
  8. ^ a b "The Olympic Symbols" (PDF) (bl-Ingliż). Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2009-04-26.
  9. ^ "Sport athlétique", 14 mars 1891: "... dans une éloquente allocution il a souhaité que ce drapeau les conduise 'souvent à la victoire, à la lutte toujours'. Il a dit qu'il leur donnait pour devise ces trois mots qui sont le fondement et la raison d'être des sports athlétiques: citius, altius, fortius, 'plus vite, plus haut, plus fort'.", meħuda minn Simone Hoffmane, La carrière du père Didon, Dominicain. 1840–1900, Teżi tad-Dottorat, Université de Paris IV – Sorbonne, 1985, pġ. 926; cf. Michaela Lochmann, Les fondements pédagogiques de la devise olympique "citius, altius, fortius"
  10. ^ "Il-Fjammi tal-Olimpjadi". Kullħadd. 2016-07-03. Miġbur 2018-01-20.
  11. ^ Kumitat Olimpiku Internazzjonali (ed.). "Fact sheet: Opening Ceremony of the Summer Olympic Games" (PDF) (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-04-29.
  12. ^ "Beijing Dazzles: Chinese History, on Parade as Olympics Begin" (bl-Ingliż). Canadian Broadcasting Centre. 2008-08-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-09-06.
  13. ^ "Closing Ceremony Factsheet" (PDF) (bl-Ingliż). Kumitat Olimpiku Internazzjonali. 2012-06-05. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-09-26. Miġbur 2018-01-20.
  14. ^ "African nations boycott costly Montreal Games" (bl-Ingliż). CBC Sports. 2008-07-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-08-15.
  15. ^ Kumitat Olimpiku Internazzjonali (ed.). "Moscow 1980" (bl-Ingliż).

Ħoloq esterni

immodifika