L-isport huwa attività li għandu numru ta' regoli jew tradizzjonijiet, magħġuna flimkien mas-sens kbir ta' kompettitività. L-isport huwa magħruf bħala attività fejn il-kapaċitajiet fiżiċi tal-kompetitur huma l-uniċi punti determinanti tar-riżultat (li tirbaħ jew titlef), però dan it-terminu hu użat ukoll biex jinkludi attivitajiet bħal sport tal-moħħ (isem komuni għal xi logħob bil-karti jew logħob bil-bord) u sport tal-muturi fejn tintuża l-konċentrazzjoni tal-moħħ kif ukoll għodda oħra ta' kwalità.

Sport minn età żgħira. Il-logħba tal-futbol, li tidher hawn fuq fl-istampa, hu sport tat-tim, u għandu importanza soċjali.

 L-importanti mhuwiex li tirbaħ, imma li tipparteċipa biex tkun tista' tirbaħ. 

Sport

Etimoloġija

immodifika

It-terminu sport għandu storja twila, fejn l-oriġini tiegħu saħansitra ġej mit-terminu Latin deportare li fost it-tifsiriet tiegħu kellu wkoll dak li toħroġ barra l-bieb, jiġifieri li toħroġ 'il barra mill-ħitan fortifikati biex wieħed jiddedika l-ħin għall-attività sportiva. Minn dan it-terminu ħarġu deportar mill-Oksitan, deportar mill-iSpanjol u desporter (divertiment, żvog) mill-Franċiż; minn dan tal-aħħar ħareġ l-oriġini, fis-seklu 14, tal-kelma bl-Ingliż disport li wara, madwar is-seklu 16, ġiet imqassra għal sempliċiment sport.

L-istudju tal-iżvilupp tal-isport fl-istorja umana jista' jagħtina indikazzjonijiet sinjifikanti fuq it-tibdil soċjali li seħħ matul is-sekli u fuq dawk li jikkonċernaw il-konċepiment stess tal-attività sportiva fil-kulturi differenti.

Il-fehma tal-isport bħala attività li tinvolvi l-abilitajiet bażiċi umani (fiżiċi u mentali), flimkien mal-iskop li teżerċitahom konstantament u b'hekk ittejjibhom, biex tużahom suċċessivament b'manjiera ta' gwadann għalik personali, tissuġġerixxi li l-isport hu probabbilment antik daqs l-iżvilupp tal-intelliġenza umana. Għall-bniedem primittiv l-attività fiżika, minkejja n-nuqqas tas-sens kompetittiv li kiber illum il-ġurnata, kienet biss mod utli biex ittejjeb il-konoxxenza proprja tan-natura u jikkontrolla l-ambjent li kien jiċċirkundah.

Matul is-seklu 19 saru diversi skoperti ta' eżempji ta' arti fl-għerien fi Franza, pereżempju f'Lascaux, fl-Afrika u fl-Awstralja, li juru kif fiż-żminijiet Preistoriċi kienu jsiru ċerimonji ritwali li kienu jinvolvu attività fiżika tal-parteċipanti. Xi sejbiet minn dawn imorru lura tal-anqas sa 30,000 sena ilu.

Il-graffiti stess huma dimostrazzjoni tal-interess min-naħa tal-bnedmin tal-għerien għall-attivitajiet li ma kellhomx x'jaqsmu mat-tfittxija għall-ikel u għas-sopravivenza, imma li nistgħu nfissruhom bħala żvog jew riti ta' awspiċju tajjeb għall-kaċċa.

It-tribujiet primittivi Afrikani, Amerikani u Oċeaniċi li ġew analizzati minn etnografi fil-bidu tas-seklu 19, ikkonservaw għall-millenji sħaħ, is-sens u l-karattru tal-eżerċitazzjonijiet sportivi u kkunsenta li jiġu formulati xi ipotesi fuq l-evoluzzjoni tal-eżerċizzi, mill-iskop prattiku oriġinarju għal dak suċċessiv ta' ritwal fl-ambitu ta' ċerimonji reliġjużi jew festivi.

Oriġini tal-isport

immodifika

L-eżerċizzji, li qabel kienu jsiru individwalment, suċċessivament saru fuq bażi kollettiva. L-eżerċizzju l-aktar komuni u antik kien dak tat-tlielaq, li miegħu żdiedu, immedjatament wara, it-tfigħ u l-qbiż, li kienu utli għall-kaċċa u għall-gwerer. Ftit żmien wara ħarġu manifestazzjonijiet oħra li saru indispensabbli għas-sopravivenza, li minnhom oriġinaw l-għawm, il-kanottaġġ, l-ekwitazzjoni, il-lotta, il-boksing, l-iskerma, li magħhom żdiedu wkoll logħob bil-blalen magħmula mill-ħaxix u frott kbir.

Għall-bidu dawn il-manifestazzjonijiet ma wrewx karatteristċi kompetittivi, anzi, taw karatteristika ta' logħob u ta' divertiment. Fiż-żminijiet ta' wara, l-eżerċizzji ħadu aspett doppju: dak mediku-spirtwali li żviluppa l-aktar fl-Orjent, u dak atletiku-ritwali li ffjorixxa fil-baċil tal-Mediterran.

Fl-Oċċident kiber l-aktar l-aspett atletiku, il-kura tal-enerġija muskolari u r-reżistenza għall-għeja għall-għanijiet militari.

Il-Lhud kienu jieħdu ħsieb l-isparar bil-katapulta, l-isparar bil-qaws u kompetizzjoni tas-saħħa bbażata fuq l-irfigħ ta' ġebla li kien jissejjaħ "il-logħba tal-ġebla tal-paragun". Xi illustrazzjonijiet li nstabu fid-deżert Libjan minn Żmien il-Ġebel juru rġiel jgħumu u jisparaw bil-qaws.

Permezz ta' ġnus oħra, bħall-Babilonjani, l-Assirji, il-Medi, il-Persjani, l-Etruski, u l-Kreti, il-logħob ibbażat fuq l-abilità u l-fiżiċità, grazzi għall-karatteristiċi espressivi tal-qawwa u l-vitalità li huma kienu jħaddnu, kienu jużawhom biex jimmanefistaw il-gratitudni tagħhom lejn dawn id-doni għad-divinitajiet li tawhomlhom u għalhekk kienu inklużi fiċ-ċerimonji sagri ta' supplikazzjoni, flimkien maż-żfin u l-kant.

Suċċessivament, il-logħob sportiv ġie miżjud fiċ-ċerimonji funebri, biex jonoraw lir-rejiet u kondutturi, li kienu saru hekk grazzi anki għall-abilitajiet fiżiċi u morali tagħhom u għall-maestrija fil-gwerer. Permezz ta' dan il-logħob sportiv, ħafna drabi, kien jiġi magħżul is-suċċessur tagħhom. Dawn it-tradizzjonijiet komplew jestendu lejn il-kosti tal-Asja Minuri u tal-Greċja.

L-iskrizzjonijiet fuq monumenti antiki Eġizzjani juru kif fi żmien il-Fargħuni kienu diġà jiġu pprattikati diversi attivitajiet sportivi bi skop essenzjali ta' divertiment: il-lotta, il-ġinnastika, il-boksing, l-għawm, il-kanottaġġ, is-sajd, l-atletika u ġeneri differenti ta' logħob bil-ballun. Il-Farawni, li kienu d-dinjitarji u l-irġiel tal-istat tal-Eġittu l-Antik, kienu jassistu għal kompetizzjonijiet sportivi b'attenzjoni u kienu jiffavorixxu l-kors tal-logħba billi jippromovu l-kostruzzjoni tal-istrutturi neċessarji.

Mill-ġeroglifiċi kien possibbli li jiġi stabbilit li millenji qabel il-Griegi, l-Eġizzjani antiki kienu diġà pprovedew biex joħolqu r-regoli bażiċi għal xi logħob, biex jafdaw il-kontroll tar-regoli tal-logħob f'idejn persuna newtrali, li l-plejers jilbsu l-uniformi, u li jonoraw ir-rebbieħa billi jagħtuhom kullari bi stili differenti

Kemm għar-rebbieħ u kif ukoll għat-tellief kienu jingħataw omaġġ, għal tal-ewwel għas-superjorità tiegħu u għal tat-tieni għall-ispirtu sportiv tiegħu.

 
Reduzzjoni Rumana tal-bronż tad-diskobolus ta' Myron, tieni seklu w.K.

Għażla kbira ta' sport kienet diġà prattikata fi żmien il-Greċja l-Antika: it-tellieqa, il-qabża fit-tul, il-lotta, il-boksing, it-tfigħ tal-ġavellott, it-tfigħ tad-disku, il-kompetizzjoni tal-karrijiet tal-gwerra u l-pentatlon kienu l-aktar diffużi. Din il-preferenza tindika l-influwenza dominanti li l-kultura militari kellha fil-Greċja l-Antika fuq l-iżvilupp tal-isport.

Skont il-leġġenda, kien Erakle li beda, bħala sinjal ta' ringrazzjament lil Żews, il-logħob sagru ta' Olimpja wara li kien issupera s-seba' mit-tnax-il sforz li kien previst. L-ewwel edizzjoni kienet onorata bil-parteċipazzjoni ta' Apollu u Marte; wara sekli ta' astinenza minn dawn il-logħob, ir-Re Ifitu reġa' ta l-bidu tal-Logħob Olimpiku fis-sena 776 q.K. bl-għan li jissalvagwardja n-newtralità tal-pajjiż nattiv tiegħu. Kienu jsiru f'Olimpja kull erba' snin ad unur Żews, f'raħal żgħir ta' Peloponnesu. L-Olimpjadi ma kinux biss avveniment sportiv imma kienu ċ-ċelebrazzjoni tal-eċċellenza individwali, tal-varjetà kulturali u artistika tal-kultura sħiħa Griega u, fuq kollox, kienu l-okkażjoni biex jonoraw l-aqwa divinità reliġjuża.

Minħabba li l-Logħob Olimpiku kienu kkunsidrati bħala sagri, il-Griegi kienu jikkunsidraw l-ostilità bħala sagrileġġ lil Żews matul l-iżvolġiment tal-Logħob. Mill-bidu sat-tmiem tal-Olimpjadi kienet tiġi proklamata tregwa fuq il-kampijiet Griegi kollha tal-battalja. Anki l-eżekuzzjonijiet kienu jiġu sospiża. It-tregwa Olimpika, kif kienet magħrufa, kienet tippermetti liċ-ċittadini Griegi li jingħaqdu paċifikament u li jikkompetu bejn xulxin f'atmosfera ta' rispett reċiproku.

Il-kultura Rumana, bħal dik Ellenistika, kienet tiċċelebra l-eżaltazzjoni tal-kompetizzjoni fiżika. L-attività sportiva mhux kompetittiva kienet tiġi prattikata bħala parti fundamentali tal-benessri li kien pilastru tas-soċjetà Rumana. Anki fiż-żminijiet tal-fundazzjoni tal-belt kienu jiġu ċċelebrati festi reliġjużi, fejn fihom kienu previsti kompetizzjonijiet sportivi.

It-terminu ludi, li kien jindika ġeneralment il-kompetizzjonijiet sportivi, ġej probabbilment mill-Etrusk, bħala parti kbira tal-attività sportiva Rumana. Il-ludi kienu organizzati mill-klassi saċerdotali u fil-kompetizzjonijiet kienu jipparteċipaw il-ġuvintur li kienu jappartejnu għan-nobilità.

L-aspett sagru tal-avveniment sportiv, karatteristika komuni għall-attività tal-isport fil-Greċja, wasal bil-mod f'Ruma li, minflok, kien sostitwit bl-aspett spettakulari mix-xewqa tad-divertiment kollettiv.

Mir-referenzi l-aktar antiki jidher li l-isport jew il-logħob l-aktar ipprattikat f'Ruma kien jinkludi anki l-ispeċjalitajiet tal-Olimpjadi Griegi, imma fost dawn il-pubbliku kien jippreferi l-logħob l-aktar vjolenti bħall-boksing u l-lotta u partikularment lill-pankrazju, li kien forma oħra tal-boksing aktar vjolenta u ħafna drabi b'konsegwenzi fatali. L-eżasperazzjoni tal-komponent vjolenti tal-kompetizzjoni f'Ruma l-Antika tinstab faċilment fis-suċċess kostanti li kiseb il-ġlied bejn il-gladjaturi mal-popolazzjoni, li kienu mal-ewwel użati bħala stabilizzaturi soċjali. F'dan is-sens għandu jidher il-kostruzzjoni f'diversi ibliet tal-imperu ta' anfiteatri kbar, bħall-Kolossew.

Is-sejba ta' strutturi antiki u oġġetti magħmula minn id il-bniedem, jissuġġerixxu li ċ-ċiviltà Ċiniża bdiet tipprattika attivitajiet atletiċi, li jistgħu jiġu assimilati mal-konċepiment modern tal-isport, sa qabel is-sena 4000 q.K.. L-iżvilupp tad-dixxiplini sportivi antiki fiċ-Ċina jidher li huma kollegati mal-iżvilupp ta' attivitajiet oħra tal-bniedem: l-agrikoltura, l-artiġjanat, il-gwerra u d-divertiment.

L-attività sportiva l-aktar popolari fiċ-Ċina l-Antika jidher li kienet il-ġinnastika. Grazzi għall-monastiċi Buddisti, fis-sena 2700 q.K. żdiedu r-regoli li kienu mbassra biex jeffetwaw flessjonijiet, torsjonijiet, u atti respiratorji. L-istess mgħallma tat-Tao kienu jgħallmu l-ġinnastika minħabba li kienet tiggarantixxi s-saħħa tal-ġisem u l-immortalità tar-ruħ. Mill-ġinnastika seta' kiber faċilment l-iżvilupp fiċ-Ċina tal-arti marzjali (l-aktar stil famuż hu żgur l-Kung-Fu tat-tempju Shaolin), kif ukoll it-tradizzjoni akrobatika tal-artisti taċ-ċirklu tradizzjonali Ċiniż.

Spirtu Kristjan

immodifika

Fis-sena 393 w.K. l-Olimpjadi ġew sospiżi, imma fil-Mediterran kien qed jitwieled spirtu partikulari influwenzat mill-ispirtwalità Evanġelika u mill-kulturi tat-Tramuntana. Dawn kienu l-materja prima għat-twelid tal-"kavallerija". Punti deċisivi tal-preparazzjoni fiżika baqgħu t-tlielaq, il-qbiż, il-lotta, l-iskerma, it-tfigħ u t-tiġrijiet biż-żwiemel. Il-kompetizzjonijiet tal-kavallerija entużjażmaw għal sekli sħaħ l-Oċċident.

Dejjem fil-Medju Evu, daħlu manifestazzjonijiet oħra sportivi li rnexxielhom ikollhom fortuna anki fis-sekli segwenti: il-logħob bil-ballun. Waqt li l-"kavallerija" kien sport artistokratiku, fejn il-poplu kien biss limitat għal rwol ta' spettatur, fil-logħob bil-ballun, in-nies kellhom l-irwol ta' protagonista. Madwar is-seklu 10, matul il-festi reliġjużi, fi tmiem ta' purċissjoni, l-isqof kien jixħet ballun f'nofs żewġ timijiet ta' numru ta' plejers, fejn huma kienu jikkompetu għalih. Jidher li l-ewwel manifestazzjoni simili saret fi Vjenna matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid. Din il-prattika mal-ewwel ġiet diffuża fi Franza u Spanja, u ġew fundati żewġ tipi ta' dixxiplini: waħda kienet tinvolvi l-użu tas-saqajn biex tmexxi l-ballun, u fil-kors tas-sekli, permezz tal-futbol u tar-rugbì, evolva wkoll użu ieħor, dak li permezz ta' bastun wieħed jolqot il-ballun, fejn dan żvilupp fit-tennis, il-golf, u l-baseball. Kien wara li ffurmaw it-teknika tal-ballun li tintlagħab bl-idejn, forsi minħabba li kienu kkunsidrati bħala aktar faċli jew forsi qabel kienu projbiti, għal raġunijiet reliġjużi.

Terġa' titwieled il-kultura sportiva

immodifika
 
Thomas Arnold

Kien f'idejn il-poplu Brittaniku biex jelaboraw u jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-kultura sportiva, li kienet tpoġġiet mal-ġenb tas-soċjetà minħabba l-Illuminiżmu u r-Romantiċiżmu. Kien Thomas Arnold (1795-1842), li b'kawża tal-preokupazzjoni tiegħu fuq it-tifrix rapidu tal-vizzji u tal-għakkarija, li ffonda t-"tagħlim sportiv" modern; kien grazzi għalih li illum jeżisti t-terminu "sport", li hu kien jinterpretah bħala "mod ta' edukazzjoni divertenti", b'kull rispett għall-kunċett ta' Vittorino de Feltre.

Wieħed li kien tal-istess fehma ta' Arnold kien l-Iżvediż Enrico Ring li, preokkupat minħabba l-istat ħażin tas-saħħa taċ-ċittadini ta' pajjiżu, ħoloq serje ta' regoli ġinnastiċi definiti bħala "Żvediżi", u miegħu, grupp ta' intelletwali u edukaturi saħqu fuq il-bżonn li jirritornaw l-attivitajiet fiżiċi u tal-logħob biex jiżviluppaw b'mod armoniku l-ġisem u r-ruħ.

Professjonaliżmu u dilettantiżmu

immodifika

L-aspett tal-pjaċir tal-isport, flimkien mat-tixrid tal-midja u ħin aktar liberu, ġab lill-isports isir wieħed professjonist. Dan irriżulta f'xi ftit tal-kunflitt, fejn il-qligħ tal-flus jista' jidher bħala aktar importanti mill-aspett li wieħed jieħu gost, jew fejn l-isport huwa mibdul sempliċiment biex ikun aktar profittabli u popolari, u b'hekk jitlef tradizzjonijiet ta' valur.

Teknoloġija

immodifika
 
L-isport tal-golf

It-teknoloġija għandha rwol importanti fl-isport, fejn kemm jekk għandu x'jaqsam mas-saħħa tal-atleta, it-teknika tal-atleta jew l-għodda li juża, it-teknoloġija hija importanti.

  • Fornimenti - Hekk kif l-isports sar aktar kompetittiv, il-bżonn ta' fornimenti aħjar beda jinħass. Diversi għodda li jintużaw waqt l-isport bħal elmi, blalen, u oħrajn raw bidliet kosiderevoli hekk kif teknoloġiji ġodda dehru
  • Saħħa - Minn nutrizzjoni għal trattament ta' xi korriment, hekk kif id-dehen fuq il-ġisem tal-bniedem kiber aktar, il-potenzjal tal-atleta kiber aktar. L-atleti issa jistgħu jilagħbu f'età iktar ikbar milli kienet qabel, jirkupraw aktar mill-uġigħ li jkollhom, u jipprattikaw aktar effettivament minn ġenerazzjonijiet oħra ta' atleti.
  • Struzzjoni - It-teknoloġija ħolqot opportunitajiet ġodda ta' riċerka fl-isport. Issa hu possibli li tanalizza l-aspetti tal-isport li qabel ma setgħux jintlaqgħu. Li tkun kapaċi tara l-movimenti ta' atleta jew simulazzjonijiet fuq kompjuters avvanzati biex jimmudellaw xenarji fiżiċi, tkabbar aktar l-abilità tal-atleta biex jifhem dak li qed jagħmel u kif jistgħu jiżviluppaw lilhom infushom.

Biblijografija

immodifika
  • Mandel, Michael. The Meaning of Sports. ISBN 1-58648-252-1.
  • Ġurnal tal-Filosofija Sportiva

Ara wkoll

immodifika