Ġeroglifiku hu karattru tal-eqdem kitba Eġizzjana.
Ġeroglifiċi fuq it-tempju ta' Kom Ombo
Il-kitba ġeroglifika Eġizzjana hi figurattiva: il-karattri li jagħmluha jirrappreżentaw oġġetti varji, — naturali jew magħmulin mill-bniedem — bħal pjanti, xbihat ta' allat, bnedmin u annimali .... L-eġittoloġi tradizzjonalment jiddistingwu tliet kategoriji ta' karattri: Il-karattri-kliem (jew ideogrammi), li jfissru oġġett jew, permezz tal-metonimija[1], azzjoni, il-karattri fonetiċi (jew fonogrammi), li jikkorrispondu għal konsonanti waħda jew sensiela ta' konsonanti [2] ; id-determinattivi, karattri "siekta" li jindikaw il-qasam lessikali li tappartieni għalih il-kelma.
Il-kitba ġeroglifika dehret fl-aħħar tar-raba' millenju qabel l-epoka tagħna fl-Eġittu l-Għoli (fin-nofsinhar tal-pajjiż) u ntużat sal-epoka Rumana, jiġifieri għal aktar minn tlett elef sena. L-għarfien tal-ġeroglifiċi ntilef meta l-imperatur Teodożju I għalaq il-postijiet ta' qima pagana madwar it-380, u kien meħtieġ il-ġenju ta' Jean-François Champollion wara l-iskoperta tal-iStele ta' Rosetta[3] biex jikser, wara erbatax-il seklu, dak li kien qiesu "siġill fuq fomm id-deżert" [4].
Il-kelma ġeroglifiku ġejja mill-Grieg ἱερογλύφος / jeroglufos, iffurmata minn ἱερός/ jeros ("imqaddes") u γλύφειν/ glufein" ("tnaqqix").
Fl-epoka Greko-Ruman, kienet tfisser "wieħed li jonqox il-ġeroglifiċi" u mhux il-ġeroglifiċi nfushom, li huma τὰ ἱερογλυφικά (γράμματα)/ tà jeroglyfiká (grámmata), jiġifieri "il-karattri mqaddsa imnaqqxin" fuq il-monumenti (stele, tempji u oqbra). Fl-aħħar, saret bidla fit-tifsira, il-kelma ġeroglifiċi spiċċat biex tfisser il-karattri ġeroglifiċi stess.
L-Eġizzjani nfushom kienu jsejħu l-kitba medu-netjer ("kelma divina") li fit-traskrizzjoni hi mdw nṯr :
It-terminu ġeroglifiċi illum twessa' fit-tifsira tiegħu u sar jintuża għal kitba oħra li tuża l-istess prinċipju logografiku bħall-Eġizzjan. Hekk, wieħed jgħid ġeroglifiċi Ħittiti jew ġeroglifiċi Maja. Min-naħa l-oħra ma nistgħux insejħu l-karattri Ċiniżi ġeroglifiċi (dawn huma sinogrammi). Ġeroglifiċi bħas-sinogrammmi jappartienu għal-grupp iżjed vast ta' logogrammi (li m'għandniex inħalltuh ma l-logotipi, simboli speċifiċi għal intrapriża jew prodott.)
L-aħħar iskrizzjoni ġeroglifika magħrufa, Bieb ta' Adrijanu ġo Philae
Il-kitba ġeroglifika insibuha mir-raba' millenju QK: l-iskrizzjoni l-aktar antika ġiet skoperta fl-1992 fuq qabar fis-sit antik ta' Abydos, u tmur lura għas-snin 3250/3200 QK[5], jiġifieri fl-istess ħin meta dehru l-karattri kunejformi fil- Mesopotamja. Kienet tintuża għal aktar minn 3000 sena: l-aħħar iskrizzjoni magħrufa s'issa għandha d-data tal-24 ta' Awissu 394, u tinsab fil-tempju ta' Philae[6].
Mill-Imperu Antik Eġizzjan 'l hawn[7], l-Eġizzjan ġeroglifiku kien sistema ta' kitba li fiha kien hemm imħallta l-ideogrammi, karattri tal-konsonanti (unilitteri, bilitteri u anki trilitteri) u d-determinattivi (ara iżed 'l isfel). Mit-tmintax id-dinastija Eġizzjana 'l hawn, l-iskribi kienu jużaw ċertu numru ta' karattri bilitterali bħala sillabarji (sȝ, bȝ, kȝ eċċ. ) biex jittraskrivu l-ismijiet semitiċi jew ta' nisel semitiku, iżda l-kitba msejħa sillabika ma ġietx minn dan il-qasam.
Kienet x'kienet il-funzjoni tagħhom, il-karattri kienu dejjem figurattivi: kienu jirrappreżentaw xi ħaġa tanġibbli, ta' spiss tingħaraf faċilment, anke minn xi ħadd li ma jkunx jaf it-tifsira tal-karattru. Fil-fatt, fid-disinn tal-ġeroglifiċi, l-Eġizzjani ħadu l-ispirazzjonu minn madwarhom: oġġetti ta' ħajja ta' kuljum, annimali, pjanti, partijiet tal-ġisem. Matul l-epoka tal-Imperu Antik, l-Imperu Nofsani u l-Imperu l-Ġdid kien hemm madwar seba' mitt karattru ġeroglifiku, waqt li fl-epoka Greko-Rumana, kien hemm aktar minn sitt elef.
Il ġeroglifiċi kienu minquxin fuq il-ġebel jew fil-każ tal-kitba jeratika, imħażżin bil-kalami[8] u l-linka fuq materjal inqas durevoli.
L-użu ta' ġeroglifiċi minquxin deher qabel il-Ċiviltà Fargħunija, u hekk m'għandux x'jaqsam mal-ħtiġijiet amministrattivi ta' stat fil-formazzjoni tiegħu. Kien limitat għal oqsma fejn l-estetika u/jew il-valur ta' kliem maġiku kienu importanti: formoli ta' offerti, affreski funerarji, testi reliġjużi, iskrizzjonijiet uffiċjali. Il-kitba kienet għall-ewwel tikkonsisti f’isktrizzjonijiet qosra – titli li jirreferu għal sovran, battalja, kwantità, imbagħad madwar l-2700 QK, matul il-renju tal-Fargħun Netjerikhet notevoli għall-iżvilupp tal-funzjonijiet reliġjużi u r-riti funerarji, bdew jiżviluppaw frażi mibnija li nsibu l-iżjed fil-piramidi.
Wara ż-żmien li ħadet is-sistema ta' kitba tat-tip ġeroglifiku biex tiżviluppa, nistgħu niddistingwu erba' fażijiet ta' evoluzzjoni (u ta' semplifikazzjoni progressiva) ta' din il-kitba: wara l-fażi ġeroglifika, tiġi l-fażi tal-ġeroglifiċi linjari, imbagħad tiġi dik tal-kitba jeratika, imbagħad tmiss dik tal- kitba demotika, u fl-aħħar jiġi l-Koptiku, bħala l-aħħar pass tal-proċess ta' astrazzjoni u semplifikazzjoni.
L-ewwel semplifikazzjoni tas-sistema ta' kitba Eġizzjana li jiddistingwu l-Eġittoloġi, hi dik tal-ġeroglifiċi linjari. Dawn żammew l-aspett figurattiv tal-ġeroglifiċi minquxin, iżda huma mpinġijin b'inqas reqqa minn dawk tal-aħħar. Il-ġeroglifiċi linjari huma l-ewwel pass lejn l-astrazzjoni ta' din is-sistema ta' rappreżentazzjoni. Kienu jpinġuhom fuq is-sarkofagi tal-injam u l-papiri tal-"kotba tal-mejtin".
Il-kitba jeratika jew saċerdotali, it-tielet stadju tal-evoluzzjoni tas-sistema ta' kitba Eġizzjana, hi l-forma kursiva tagħha u kienet ristretta għal dokumenti amministrattivi u dokumenti privati. Kienu jiktbuha bil-pinzell fuq l-ostraka (biċċiet tal-fuħħar jew ġebla tal-franka), twavel żgħar tal-injam jew, aktar rari fuq il-papiru u l-parċmina, li kienu jqumu ħafna iżjed.
Mill-epoka Sajitika (is-sittax-il dinastija Eġizzjana), il-jerartika kienet parzjalment sostitwita minn kursiva ġdida, id-demotika jew tal-poplu. Din hi semplifikazzjoni estrema tal-jeratika, riżervata għall-atti amministrattivi u dokumenti tal-ħajja ta' kuljum u għalhekk issemiet "popolari". Il-jeratika ma baqgħitx tintuża ħlief biex jinkitbu xi testi saċerdotali jew reliġjużi, flimkien mal-ġeroglafiċi u għalhekk ħadet l-isem "saċerdotali." Fl-epoka Tolemajka, il-Grieg beda aktar u aktar jintuża bħala l-lingwa amministrattiva: minn 146 QK il-kuntratti miktubin biss bid-demotika kienu tilfu kull valur legali[Referenza meħtieġa].
Finalment, il-Koptiku kien l-aħħar fażi tal-lingwa u tal-kitba Eġizzjana. Dan għadu jintuża sal-lum, imma biss bħala lingwa liturgika. Jinkiteb permezz tal-alfabett Grieg li ġew miżjudin miegħu seba' karattri demotiċi għall-ħsejjes li mhumiex fil-Grieg.
Il-kitba Eġizzjana m'għadhiex tintuża illum biex tinkiteb xi lingwa. Madankollu, skont xi riċerkaturi, kienet hi, permezz tal-proto-Sinajitiku, li welldet l-alfabett Feniċju, li minn naħa tiegħu nissel l-alfabett Lhudi, Aramajk u Grieg, u minn tal-aħħar ħargu l-karattri Latini u Ċirilliċi[9].
Il-ġeroglifiċi huma kollha, jew kważi kollha, figurattivi: dawn jirrappreżentaw elementi veri jew immaġinarji, xi kultant stilizzati u semplifikati, iżda fil-parti l-kbira, jintgħarfu perfettament.
Din hi sistema kumplessa, kitba li hi fl-istess ħin figurattiva, simbolika, u fonetika, fl-istess test, fl-istess frażi, u għandi ngħid kważi fl-istess kelma.[10].
Fil-fatt, l-istess karattru jista' jiġi interpretat b'modi differenti skont il-kuntest: bħala fonogramma[11] (qari fonetiku), bħala ideogramma jew bħala determinattiv (qari semantiku). Se naraw iktar tard li l-karattri determinattivi, li ma jinqarawx, jgħinu fil-qari billi "jiddeterminaw" il-qasam lessikali li l-kelma tappartieni għalih. Għalhekk, il-karattru determinattiv ta' "raġel bilqiegħda" (A1 fil-lista totali tal-ġeroglifiċi skond il-klassifikazzjoni ta' Gardiner) jakkumpanja l-kliem li juru l-funzjoni ("viżier", "qassis"), il-professjoni ("bennej"), l-etniċità ("Ażjatiku", "Eġizzjan", "Libjan", "Nubjan ") jew rabta tal-familja ("missier", "iben", "ħu").
Fis-sezzjonijiet li ġejjin, il-ġeroglafiċi se jiġu traslitterati, jiġifieri jerġgħu jiġu traskritti permezz ta' simboli ta' sistema oħra.
Fil-qari fonetiku wieħed jaqra l-karattru independentament mit-tifsira tiegħu, skont il-prinċipju ta' rebus. Il-fonogrammi huma ffurmati jew minn konsonanti (karattri msejħin "mono-" jew unilitteri"), żewġ karattri (karattri "bilitteri") jew tlieta (karattri "trilitteri"). L-erbgħa u għoxrin karattru unilitteru jagħmlu il-psewdo-alfabett ġeroglifiku (ara hawn taħt).
Il-kitba ġeroglifika tixbaħ lil abġad[12]: il-vokali ma jinkitbux, differenti mill-kunejformi pereżempju. Hi kitba difettuża (scriptio defectiva).
Mela, il-ġeroglifiku li jirrappreżenta papra jinqara "sȝ", għax dawn kienu l-konsonanti tal-kelma għal dan l-annimal. Fl-istess ħin wieħed juża l-karattru ta' papra mingħajr l-ebda konnessjoni mal-annimal biex jirrappreżenta l-fonemi "s" u "ȝ" wara xulxin (independament mill-vokali li jistgħu jakkumpanjaw dawn il-konsonanti) u hekk jikteb kliem bħal "sȝ", (iben) jew, b'żieda ta' karattri li nagħtu dettalji dawrhom iktar tard, "sȝw", (għases), "sȝṯ.w" (terra ferma).
: il-karattru sȝ ;
: l-istess karattru użat waħdu (is-sens tal-linja vertikali żgħira jiġi spjegat aktar tard) li jfisser "papra" jew ma' determinattiv addattat, "iben", żewġ kelmiet bl-istess konsonanti;
Għal xi karattri, il-prinċipju ta' rebus sar dak ta' akrostika: tinqara biss l-ewwel konsonanti tal-kelma.
Eżempji tal-użu ta' ideogrammi għall-valur unilitteru tagħhom.[13].
Ideogramma
Oġġett rappreżentat
Użu bħala ideogramma
Valur fonetiku tal-ideogramma
Valur unilitteru
ħalq
"ħalq"
/rȝ/
/r/
sieq
"post (fejn wieħed iqiegħed siequ) »
/bw/
/b/
kobra
"kobra"
/ḏt/
/ḏ /
Hekk, nistgħu niġbru fi gruppi l-erbgħa u għoxrin karattru unilitteru f'xorta ta' "alfabett" ġeroglifiku, li, però qatt ma ntuża biex jieħu post il-ġeroglifiċi l-oħra, għalkemm dan seta' jsir. Infatti il-kliem Eġizzjan kollu setgħu jinkitbu permezz ta' dawn il-karattri, iżda l-Eġizzjani qatt ma ħadu dan il-pass u ssemplifikaw il-kitba kumplessa tagħhom f’alfabett. Il-psewdo alfabett Eġizzjan huwa magħmul minn karattri li jindikaw konsonanti waħda biss, għalkemm xi wħud minnhom jindikaw aktar minn waħda meta jintużaw bħala ideogrammi.
Psewdo-alfabett ġeroglifika, fl-ordni konvenzjonali tad-dizzjunarji u l-grammatki
Il-kitba Eġizzjana hi spiss superfluwa: fil-fatt, jiġri spiss ħafna li kelma tkun segwita minn karattri diversi li jindikaw l-istess ħsejjes biex jiggwidaw il-qarrej. Pereżempju, il-kelma nfr, "sabieħ, tajjeb, perfett" tista' tinkiteb bit-trilitteru
biss, iżda ħafna aktar spiss ma' dan it-trilitteru kienu jiġu miżdudin l-unilitteri f u r. Allura tinkiteb nfr + f +r, imma tinqara nfr.
Il-karattri superfluwi li jakkumpanjaw il-karattri bilitteri jew trilitteri jissejħu "kumplamenti fonetiċi". Dawn ġeneralment jitqegħdu wara l-karattru li jikikumplamentaw, u b'hekk iservu ta' għajnuna għall-qari. Però xi minn daqqiet l-iskriba jaqleb l-ordni għal raġunijiet ta' kalligrafija u jqegħdhom warajh jew jinkwadrawh (ara hawn isfel):
Il-kumplamenti fonetiċi jgħinu biex wieħed jista' jiddistingwi bejn kliem omofoni, jiġifieri li għandhom l-istess pronunzja imma tifsira differenti. Fil-fatt, il-karattri mhux dejjem jinqraw l-istess:
pereżempju s-siġġu jista jinqara st, ws u ḥtm, skont il-kuntest li jkun qiegħed fih
Il-preżenza tal-kumplamenti fonetiċi - u determinattiv addatat – tgħin fil-qari ta' dak li jkun ġej:
st :
st (miktuba st+t ; l-aħħar karattru hu d-determinattiv tad-dar jew li għandu xjaqsam magħha), "siġġu, tron, inħawi" ;
st (miktuba st+t ; l-aħħar karattru hu l-bajda, determinattiv tal-isem tal-alla mara Iside), "Iside".
ws :
wsjr (miktua ws+jr, bil-kumplament fonetiku l-għajn, li jinqara jr, segwit mid-determinattiv ta' alla), "Ożiride".
ḥtm :
| ḥtm.t (miktuba ḥ+ḥtm+m+t, bid-determinattiv tax-xakall), tip ta' annimal salvaġġ, forsi ors ;
Fl-aħħarnett, xi kultant ġara li xi kliem inbidlu fil-pronunzja tagħhom fl-Eġizzjani antik: f'dan il-każ, mhux rari li l-kitba adottat kompromess fin-notazzjoni, iż-żewġ modi ta' qari kienu indikati flimkien. Dan hu partikolarment il-każ għall-aġettiv bnrj, "ħelu" (jiġifieri ta' togħma tajba), li sar bnj, u għall-verb swri, "xorob", li sar swj. Fl-Eġizzjan nofsani jinkitbu bnrj u swri,
u
, li jinqara fl-istess ħin bnj u swj, ir-r ma tneħħietx biex tinżamm rabta tal-kitba mal-kelma antika.
Barra l-interpretazzjoni fonetika, il-karattri jistgħu jinqraw għat-tifsira tagħhom: f'dan il-każ nitkellmu dwar logogrammi (aktar preċiżament dwar ideogrammi) u determinattivi (jew semagrammi)[14].
Ġeroglifiku użat bħala logogramma jindika l-oġġett li hu l-xbieha tiegħu. Il-logogrammi għalhekk huma l-aktar spiss nomi komuni; huma ġeneralment akkumpanjati b'linja wieqfa li turi l-valur tal-logogramma (l-użu tal-linja wieqfa hi spjegata iżjed 'l isfel) [15] fit-teorija, kull ġeroglifiku seta' jservi bħala logogramma. Il-logogrammi jistgħu ikunu akkumpanjati minn kumplamenti fonetiċi. F'xi każijiet, ir-relazzjoni semantika hija indiretta, metonimika jew metaforika.
Eżempji ta' ġeroglifiċi użati bħala logogrammi. Fl-aħħar tliet eżempji, ir-relazzjoni semantika hi metonimika jew metaforika.
Ġeroglifiċi
Pronunzja
Oġġett rappreżentat
Tifsira
rˁ
xemx
pr
dar
swt
qasba (t hi l-kumplament fonetiku)
ḏw
muntanja
nṯr
standard tat-tempju
Alla
bȝ
għasfur b'ras ta' bniedem (rappreżentazzjoni tradizzjonali tal-Ba)
Id-determinattivi jew semagrammi jitqegħdu fl-aħħar tal-kelma. Dawn huma karattri siekta li jservu biex juru l-qasam lessikali tal-kelma. Billi l-każijiet ta' omografi huma spissi ħafna (speċjalment peress li konsonanti biss jinkitbu), l-għajnuna tad-determinattivi hi importanti ħafna. Kieku l-istess proċedura kienet teżisti fil-Malti, konna niktbu wara l-kliem omografi indiċi li ma jinqarax, iżda li jiċċara t-tifsira: pereżempju hekk nistgħu niddistingwu bejn "bies [imħabba]" u "bies [għasfur]".
Hemm ħafna determinattivi: allat, bnedmin, partijiet tal-ġisem tal-bniedem, annimali, pjanti eċċ. Ċerti determinattivi għandhom tifsira proprja u tifsira figurattiva. Pereżempju r-roll tal-papiru,
iservi biex jindika l-kitba jew l-idejat astratti.
Hawn nagħtu xi eżempji tal-użu tad-determinattivi[16] biex nuru l-importanza tagħhom:
Eżempji ta' determinattivi ġeroglifiċi li jneħħu l-ambigwità bejn l-omofoninfr.
Dan id-determinattiv juri li l-kelma tiġri tliet darbiet, jiġifieri l-plural (billi l-lingwa Eġizzjana kellha plural imtenni kultant indikat b'żewġ linji).
Dawn il-kliem kollha għandhom konnotazzjoni tajba "tajjeb, sabieħ, perfett". Ta' minn jinnnota li dizzjunarju reċenti [18] jagħti xi għoxrin kelma li jinqraw "nfr" jew jibdew b'din il-kelma – prova tar-rikkezza straordinarja tal-lingwa Eġizzjana.
Il-ġeroglifiċi jinkitbu mil-lemin għax-xellug, mix-xellug għal-lemin, jew minn fuq għal isfel, imma d-direzzjoni tas-soltu hi mil-lemin għax-xellug. Il-qarrej, biex ikun jaf id-direzzjoni tal-kitba, irid iħares lejn id-direzzjoni li fiha huma mdawrin il-ġeroglifiċi asimmetriċi. Pereżempju, meta l-figuri tal-bniedem u l-annimali, li jistgħu jingħarfu faċilment, iħarsu lejn ix-xellug, il-kitba trid tinqara mix-xellug għal-lemin u viċeversa.
Il-kliem mhumiex separati bi spazji jew punteġġjatura. Madankollu, xi karattri jidhru l-iżjed fl-aħħar tal-kelma, u għalhekk xi drabi hu possibbli li wieħed jagħraf il-kliem b'dan il-mod. Però huwa ċar li l-qsim ta' test fi kliem jista' jsir biss b'għarfien sod tal-lingwa u s-sintassi tagħha.
Il-ġeroglifiċi ma jitqegħdux sempliċement f'linja wieħed wara l-ieħor: fil-fatt, dawn jitqassmu b'mod armonjuż f'kwadri jew kaxex virtwali (jiġifieri, mhux impinġijin), jew kwadrati, bl-istess mod bħas-sinogrammi. Bid-differenza li s-sinogrammi jimlew il-kwadrat sħiħ waqt li ċerti ġeroglifiċi jimlew nofs biss, orizzontalment jew vertikalment, u x'uħud kwart biss.
Eżempji ta' ġeroglifiċi li jokkupaw kwadrat, nofs kwadrat u kwart ta' kwadrat
Kwadrat
Nofs kwadrat orizontali
Nofs kwadrat vertikali
Kwart ta' kwadrat
L-ordni tal-kitba tal-elementi rranġati f'kwadrat hi indipendenti mid-direzzjoni tal-kitba ġlobali li tista' tkun minduda (kwadrati rranġati f'ringieli) jew wieqfa (kwadrati rranġati f'kolonni). Il-karattri li jokkupaw kwadrat jinqraw mix-xellug għal-lemin u mbagħad minn fuq għal isfel jew minn fuq għal isfel u mbagħad mix-xellug għal-lemin.
Karatteristiċi kalligrafiċi u restrizzjonijietImmodifika
Hemm bosta karatteristiċi kalligrafiċi. L-ewlenin fosthom huma dawn:
il-karattri huma maqsumin f'kwadrati (ara hawn fuq);
biex jiġi żgurat li kwadrat ikun komplut, kultant il-karattri jinqalbu biex is-sett jiġi iżjed kumpatt. Bl-istess mod, il-kumplamenti fonetiċi jintgħażlu b'mod li joqgħodu tajjeb fil-kwadrat anki akkost li xi ftit minnhom ikunu superfluwi;
xi karattri jistgħu jitħallew barra, speċjalment dawk li jindikaw il-fonemi ȝ u j;
il-karattri li jindikaw l-allat jitqegħdu fir-ras ta' dikjarazzjoni, frażi jew kelma komposta, bħala antepożizzjoni onorifika (inverżjoni rispettuża).
Madankollu, anki jekk il-ġeroglifiċi jkunu maqlubin dan ma jagħmilx differenza fit-trażlitterazzjoni u l-qari.
Cartouche, li jfisser skartoċċ bil-Franċiż, għandu din il-forma:
Hawn jitqegħdu l-ġeroglifiċi
Jitqegħdu fil-cartouches l-ismijiet ta' allat (eċċezzjonalment) u l-aħħar żewġ ismijiet, re tal-Eġittu l-Għoli u l-Baxx u iben Re, tat-titli tal-faragħuni (dejjem):
Hemm xi karattri li huma magħmulin minn diversi oħra magħqudin flimkien. Dawn il-karattri, però jeżistu indipendentament u jservu bħala karattri ġodda: pereżempju, driegħ quddimija żżom xettru sservi bħala determinattiv għall-kliem li jfissru "mexxa, iggverna, ikkmanda" u d-derivati tagħhom.
Linja wieqfa li tindika li l-karattru hu ideogramma (fil-każi ta' ambigwità fejn l-istess karattru jista' jservi bħala ideogramma jew karattru fonetiku);
Żewġ linji mżerżqin li juru li nom huwa mtenni jew tliet linji weqfin li juru li nom hu fil-plural;
U, misluf mill-kitba jeratika, is-suffiss tal-formazzjoni tal-plural:
Il-kunċett ta' ortografija "korretta" fl-Eġizzjan ġeroglifiku ma nistgħux inħarsu lejh bħal fil-lingwi moderni. Tabilħaqq, għal kważi kull kelma, kien hemm varjant wieħed jew aktar. Għalhekk, wieħed jiddubita jekk il-kunċett ta' ortografija kienx jeżisti fil-lingwa Eġizzjana. Fil-fatt, insibu:
Karattri żejda;
Ommissjoniet ta' grafemi, li ma nafux kinux apposta jew le;
Bdil ta' grafema b'oħra, li jagħmilha impossibbli li ssir distinzjoni bejn "żball" jew ortografija "alternattiva";
Żbalji u ommissjonijiet fil-kitba tal-karattrii, l-aktar problematiċi meta l-kitba tkun kursiva: kitba jeratika imma l-iżjed demotika fejn l-skematizzazzjoni tal-karattri hi estrema.
^ Il-metonimija, mill-Grieg μετα, li tfissser trasferiment, u ονομα, "isem") hi figura retorika li tikkonsisti f'sostituzzjoni ta' kelma b'oħra li tappartieni għall-istess qasam semantiku, li għandha mal-ewwel waħda relazzjoni ta' kontigwità logika jew materjali, pereżempju: "illum irrid nistudja Dun Karm / ix-xogħlijiet ta' dun Karm".
^Michel Dewachter, Champollion – Un scribe pour l'Egypte, Gallimard, Pariġi, 1990
^ "Il-lingwi mqaddsa ħallewna naqraw il-vokabularju tagħhom mitluf, meta fuq il-granit ta' Meżrajim, Champollion iddeċifra dawn il-ġeroglifiċi li kienu qieshom siġill imqiegħed fuq fomm id-deżert, u li wieġbu mis-skiet etern tagħhom ... "(François-René de Chateaubriand, Les Memoires d'Outre-Tombe, IV, XII, Kap. 9)
^ Günter Dreyer, Recent Discoveries at Abydos Cemetery U, f' "The Nile Delta in Transition : 4th-3th Millenium BC", edit. M.Van Den Brink, Tel Aviv, 1992, p. 293-1299
^ L-aħħar isem ta' sovran miktub bil-ġeroglifiċi – li hu tal-imperatur Ruman Deċju (249 sal-251) – jinsab fit-tempju ta' Esna
^Abġad hu alfabett li juri biss il-konsonanti bħal fl-Għarbi, fil-Lhudi u Aramajk. L-isem "abġad" ġej mill-ewwel erba' ittri tal-alfabett Għarbi storiku: ʾalif, bāʼ, ǧīm u dāl.
Alan Henderson Gardiner, Egyptian Grammar - Being an Introduction to the Study of Hieroglyphs, The Griffith Institute, 1973. pġ. 6 u wara ISBN 0-900416-35-1
Gustave Lefebvre, Grammaire de l’égyptien classique, Il-Kajr, Imprimerie de l’Institut français d’archéologie orientale, 1955. pġ. 5 u wara
Pascal Vernus, Espace et idéologie dans l'écriture égyptienne, Pariġi, Le Sycomore, 1982.
Christiane Ziegler, Les Hiéroglyphes, département des Antiquités égyptiennes, Louvre, Editions de la Réunion des musées nationaux, 1991.
Antonio Loprieno, Ancient Egyptian - A Linguistic Introduction, Cambridge University Press, 2004. pġ. 5 u wara
Michel Malaise et Jean Winand, Grammaire raisonnée de l'égyptien classique, Liège, CIPL, Aegyptiaca Leodiensia 6, 1999.
François Neveu, La langue des Ramsès - grammaire du néo-égyptien, Pariġi, Khéops, 1996.
W. V. Davies, Egyptian Hieroglyphs, British Museum Press, 1996.
J. F. Healy, The early Alphabet, Londra, Berkeley : University of California Press, 1990. ISBN 0-520-07309-6
James Peter Allen, Middle Egyptian: An Introduction to the Language and Culture of Hieroglyphs, Cambridge, 2000. ISBN 0-521-77483-7.
Dwar il-kitba "sillabika" :
Jean-François Champollion, Principes généraux de l'écriture sacrée égyptienne : appliquée à la représentation de la langue parlée, Paris, Institut d'Orient : M. Sidhom, 1836. ISBN 2-905304-00-6
Jaroslav Černý u Sarah I. Groll, A Late Egyptian Grammar, Ruma, Biblical Institute Press, 1975. pġ. 2
Adolf Erman, Neuägyptische Grammatik, Hildesheim, Georg Olms Verlag, 1979. pġ. 15 - 19
Ernest Alfred Thompson Wallis Budge, Egyptian language : easy lessons in Egyptian hieroglyphics, New-York, Dover Publications, 1910. ISBN 0-486-21394-3
Friedrich Junge, Neuägyptisch - Einführung in die Grammatik, Wiesbaden, Harrassowitz Verlag, 1999. pġ. 44 sq
Jean-Claude Goyon, Grammaire de l'égyptien hiéroglyphique : du moyen empire au début du nouvel empire, Lyon, Éditions A.C.V., 2006. ISBN 2-913033-10-5