Kleopatra VII
Kleopatra VII Thea Filopator (Κλεοπάτρα Θεά Φιλοπάτωρ; Lixandra, 69 Q.K. – Lixandra, 12 ta' Awwisu 30 Q.K.)[1] kienet reġina Eġizzjana tal-perjodu Tolemajk.
Kleopatra VII | |||
---|---|---|---|
29 Awwissu 51 "BCE" - 12 Awwissu 30 "BCE" ← Ptolemy XII Auletes (en) - Caesarion (en) → | |||
Ħajja | |||
Twelid | Lixandra, c. 13 Jannar 69 BC | ||
Nazzjonalità | Ptolemaic Kingdom (en) | ||
Grupp etniku | Griegi fl-Eġittu | ||
L-ewwel lingwa | Grieg Koine | ||
Mewt | Lixandra, 12 Awwissu 30 "BCE" | ||
Post tad-dfin | Lixandra | ||
Kawża tal-mewt | suwiċidju (avvelenament) | ||
Familja | |||
Missier | Ptolemy XII Auletes | ||
Omm | unknown value | ||
Konjuga/i |
Marku Antonju (32 "BCE" - 30 "BCE") Tolomew XIV tal-Eġittu (47 "BCE" - 44 "BCE") Tolomew XIII (51 "BCE" - 47 "BCE") | ||
Koppja/i |
Gnaeus Pompeius Magnus (en) Ġulju Ċesri | ||
Ulied |
uri
| ||
Aħwa | |||
Tribù | dinastija Tolemajka | ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi |
Grieg Koine Eġizzjan Aramajk Meroitiku Latin Sirjan Għarbi Antik Medjan Partiku | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
sovran monarka | ||
Parteċipant | |||
Servizz militari | |||
Iġġieldu | Battalja ta' Azju |
Din kienet l-aħħar reġina tal-Eġittu l-Antik u l-aħħar membru tad-Dinastija Tolemajka. L-isem "Kleopatra" bil-Grieg ifisser "glorja tal-missier".
Illum hi x'aktarx l-aktar famuża fost il-mexxejja kollha tal-Eġittu l-Antik u hi magħrufa bl-isem ta' Kleopatra, għalkemm kienet is-seba' u l-aħħar reġina li kellha dan l-isem. Madankollu, Kleopatra, qatt ma rrenjat waħidha fuq l-Eġittu għax kienet issaltan flimkien ma' missierha, ħuha, ħuha-żewġha u binha.
Bijografija
immodifikaKleopatra VII twieldet Lixandra u missierha kien il-Fargħun Tolomew XII Awlete. Ma nafux min kienet omm Kleopatra, imma ħafna jaħsbu li kienet Kleopatra V Trifena, oħt jew kuġina u mara ta' Tolomew XII, jew forsi mara oħra mill-familja Tolemajka li kienet bint Tolomew X u Kleopatra Bereniċe III Filopator jekk Kleopatra V ma kinitx bint Tolomew X u Bereniċe III.[2] Bejn it-68 Q.K. u d-59 Q.K. twieldu oħtha min-naħa ta' missierha Arsinoe IV u ħutha Tolomew XIII u Tolomew XIV. Skont is-sistema dinastika, in-nisa wkoll setgħu jilħqu fuq it-tron, bħala miżżewġin ta' ħuthom subien. Din l-interpretazzjoni tat-testi antiki dwar l-aħwa "miżżewġin" ġiet ikkontestata ħafna drabi. Hu ħafna iktar probabbli li l-aħwa subien u bniet kienu jsaltnu flimkien u jaqsmu t-tron iżda mhux bħala miżżewġin. Fil-fatt, kull wieħed minnhom kien imbagħad ikun miżżewweġ lil nisa tagħhom li ma kellhomx dritt għat-tron. Missierha ħatarha koreġġenti ftit qabel miet, minħabba li ħutha l-bniet ikbar minnha, Kleopatra VI u Bereniċe IV, kien mietu, l-ewwel maqtula b'ordni ta' missierha (għax kienet ippruvat twaqqgħu mill-poter) u t-tieni avvelenata. Kleopatra VII ssuċċedietu meta kellha 18-il sena fir-rebbiegħa tal-51 Q.K. flimkien ma' ħuha Tolomew XIII ta' għaxar snin, miżżewġin skont il-liġijiet Eġizzjani.
.
Fir-rebbiegħa tal-48 Q.K. Tolomew, flimkien mal-kunsillier u ħabib tiegħu tal-qalb (hemm min anki jitkellem dwar storja ta' mħabba bejniethom) Potinu, li kien inħatar reġġent tal-fargħun żagħżugħ, ipprova jiddeponi lil Kleopatra u jġegħelha titlaq minn Lixandra. Ir-reġina ġabret armata u bdiet gwerra ċivili. Is-sitwazzjoni saret iżjed imħabbla meta oħthom l-oħra, Arsinoe IV, bdiet tippretendi d-dritt għat-tron.
Kleopatra VII fil-Ġeroglifiċi | |||||||||||||||||
Kleopatra
| |||||||||||||||||
L-isem ta' Horus (1): Wer(et)-neb(et)-neferu-achet-seh | |||||||||||||||||
L-isem ta' Horus (2): Weret-tut-en-it-es | |||||||||||||||||
Kleopatra netjeret mer(et) ites |
F'dan il-punt il-megħlub ġeneral Ruman Pompew wasal l-Eġittu biex jistkenn mir-rivali tiegħu Ġulju Ċesri. Fil-bidu, Tolomew u Potinu taparsi aċċettaw it-talba tiegħu, iżda fid-29 ta' Settembru 48 Potinu ordna l-mewt ta' Pompew, bit-tama li jitħabbeb ma' Ċesri. Meta wasal dan, Tolomew offrielu r-ras tar-rivali tiegħu imma r-reazzjoni ta' Ċesri kienet ta' rabja u ġiegħel li Potinu jiġi maqtul. Minkejja li kien l-għadu ta' Ċesri, Pompew kien konslu Ruman u l-armel tal-unika tifla legittima ta' Ċesri, Ġulja. Ċesri ħa l-belt kapitali tal-Eġittu f'idejh u għamel ruħu l-arbitru bejn Tolomew u Kleopatra.
Ċesri sejjaħ lil Tolomew u lil Kleopatra fil-palazz irjali. Kleopatra beżgħet li jekk tmur lura fil-palazz tinqabad f'nassa ta' ħuha u għalhekk irrikorriet għal strataġemma.[3] Ġegħlet lil ħabib fidil tagħha, Apollodorus l-iSqalli, jirrumblaha f'tapit kbir marbut b'ċinga. Apollodorus imbagħad mar il-Palazz bir-romblu kbir fuq spallejh u qal li kellu jagħti rigal lil Ċesri u tħalla jidħol fl-appartamenti tal-konslu. Fil-preżenza tal-konslu ħall it-tapit u Ċesri sab quddiemu lil Kleopatra. Ir-reġina libset il-ħwejjeġ l-aktar rikki u mqaċċtin u l-ġojjelli l-aktar prezzjużi. Kellmitu bil-Latin u talbitu l-protezzjoni minn ħuha. Is-sorsi jirrakkontaw li l-impressjoni kienet irreżistibbli u t-tnejn saru maħbubin dak il-lejl stess.
Ċesri organizza r-ritorn uffiċjali tar-reġina u ġegħelha tiżżewweġ lil ħuha. Imma Tolomew, baqa' jwebbes rashu li jneħħi lil Kleopatra, u għamel alleanza ma' oħtu Arsinoe, u flimkien organizzaw armata, li f'Diċembru tat-48 fil-belt ta' Lixandra ltaqgħet f'battalja ma' dik ta Ċesri u Kleopatra. Il-battalja għamlet ħafna ħsara lill-bini tal-belt, fosthom il-Bibljoteka ta' Lixandra, li ġarbet ħsara kbira bin-nar u ntilfu fil-fjammi ħafna manuskritti ta' valur bla qies. Il-leġjuni Rumani sofrew telfa iebsa u Ċesri stess biex isalva ruħu mill-mewt kellu jaqbeż il-baħar u jaħrab.
Bis-saħħa tar-rinforzi minn Pergamu li waslu fi Frar tas-47 rebħu Ċesri u Kleopatra. Arsinoe u Tolomew inġegħlu jħallu l-belt. Fis-27 ta' Marzu tal-istess sena fuq ix-xmara Nil saret l-aħħar ġlieda bejn it-truppi ta' Tolomew u dawk ta' Ċesri. Il-battalja spiċċat f'massakru tal-armata Lixandrija: 25,500 mejta u 12,000 meħudin priġunieri. Tolomew innifsu tilef ħajtu. Kleopatra, li sfat l-unika l-ħakkiema tal-Eġittu, ħatret bħala koreġġent lil ħuha ż-żgħir Tolomew XIV. L-Eġittu baqa' formalment indipendenti, għalkemm tliet leġjuni Rumani baqgħu stazzjonati hemm bil-ħsieb li jżommu l-ordni pubbliku. Ir-relazzjoni bejn Ċesri u Kleopatra, li minnha twieled tifel, Tolomew Ċesri msejjaħ Ċesarjun, kellha żewġ skopijiet politiċi: id-dittatur Ruman ried jiżgura l-kontroll tal-Eġittu, importanti għar-riżorsi finanzjarji tiegħu, filwaqt li Kleopatra ttamat li biha tikseb għall-pajjiż pożizzjoni privileġġata ġewwa l-Imperu.
Fis-46 Q.K. Kleopatra marret Ruma ma' binha li kien għadu kif twieled u baqgħet hemm sal-mewt ta' Ċesri, fl-44 Q.K. Fis-sajf tal-istess sena Tolomew XIV miet, forsi vvalenat minn Kleopatra nnifisha, li ftit wara ħatret lil Ċesarjun bħala l-koreġġent tagħha, u dan ħa l-isem ta' Tolomew XV Ċesri.
Fit-42 Q.K. Marku Antonju, wieħed mit-trijumvirat li kien jiggverna Ruma wara l-vojt fil-poter li ħalliet il-mewt ta' Ċesri, talab lil Kleopatra biex tiltaqa' miegħu f'Tarsu biex jivverifika l-lealtà tagħha. Antonio mbagħad mar warajha Lixandra, fejn baqa' għas-sena ta' wara kollha. Mill-unjoni tagħhom twieldu tewmin Kleopatra Selene u Alessandru Helios.
Erba' snin wara, fl-37 Q.K., waqt li kien qiegħed jivvjaġġa għall-gwerra kontra l-Parti, Antonju ltaqa' ma' Kleopatra f'Antjokja, fejn iżżewwġu, minkejja li Antonju kellu rabta ma' Ottavja, oħt Ottavjanu. Ftit wara twieled iben ieħor, Tolomew Filadelfu. Ottavja ntbagħtet lura lejn Ruma. Wara l-konkwista tal-Armenja fl-34 Q.K., immexxija minn Antonju bl-għajnuna finanzjarja tal-Eġittu, it-tnejn flimkien iċċelebraw it-trijonf f'Lixandra.
It-tradizzjonaliżmu tal-opinjoni pubblika Rumana kienet profondament ixxukkjata bil-proċedura trijonfali mhux tas-soltu u bid-deċiżjonijiet meħuda fl-okkażjoni tad-Donazzjoni ta' Lixandra: Kleopatra ħadet it-titlu ta' "reġina tar-rejiet", ġiet fil-kult assoċjata mal-alla Isidi u nħatret reġġenti tal-Eġittu u Ċipru ma' Ċesarjun; Alessandru Helios ġie inkurunat re tal-Armenja, il-Medja u l-Partja, Kleopatra Selene nħatret reġina taċ-Ċirenajka u l-Libja, u Tolomew Filadelfu ġie inkurunat re tal-Feniċja, is-Sirja u l-Ċiliċja.
Waqgħa u suwiċidju
immodifikaIl-politika ta' Kleopatra u Antonju bit-tendenza li tiddomina l-Lvant kollu, iffavoriet lil Ottavjanu, li akkuża lir-reġina li qiegħda timmina minn taħt is-supremazija ta' Ruma u kkonvinċa lir-Rumani jiddikjaraw gwerra fuq l-Eġittu. Fil-31 Q.K., il-forzi navali Rumani ltaqgħu ma' dawk ta' Antonju u Kleopatra fil-Battalja ta' Azju. Meta rat li l-battalja kienet intilfet ir-reġina marret tistkenn Lixandra ma' parti mill-flotta, segwita minn Antonju.
Wara r-rebħa, Ottavjanu invada l-Eġittu u, wara reżistenza qasira, daħal Lixandra. Fit-30 Q.K., wara s-suwiċidju ta' Antonju (li qatel ruħu b'idejh meta sema bl-aħbar falza tal-mewt tar-reġina), Kleopatra qatlet ruħha b'idejha b'gidma ta' serp velenuż, forsi kobra Eġizzjana. Però, minn studji li saru riċentament, xi arkeoloġi famużi bdew jiddubitaw jekk ir-reġina setgħitx toqtol ruħha b'idejha b'gidma ta' serp velenuż. Forsi din kienet biss gidba li vvintat hi stess biex tagħmel mewtha denja tar-reġina kbira li kienet u tagħmel ruħha iktar tixbaħ ir-reinkarnazzjoni ta' Isidi f'għajnejn il-poplu tagħha. Jaħsbu li setgħet ħejjiet il-velenu, li kienet esperta ħafna fih, u ordnat il-qaddejja tagħha biex jgħidu li mietet bil-gidma tas-serp velenuż. Kleopatra kienet, fil-fatt, anki jekk mhux partikolarment sabiħa, intelliġenti ħafna u kieku kienet ingidmet apposta mis-serp, mewtha kienet tkun b'ħafna uġigħ u l-agunija qabel ma mietet setgħet iddum għal aktar minn tletin minuta.
Plutarku fil-Ħajja ta' Antonju tiegħu, irrakkonta kif iddeċidiet li tuża dan l-annimal:
"... Kleopatra kienet tiġbor kull xorta ta' veleni li joqtlu, fost l-aktar b'saħħithom li hemm, u kienet tipprova kull wieħed minnhom biex tara jekk kienx effikaċi u fl-istess ħin mingħajr tbatija, billi tisqih lill-ħabsin li kienu jistennew il-mewt. Billi rat li dawk istantanji jwasslu għall-mewt f'daqqa, iżda b'ħafna wġigħ, u dawk inqas ħorox kienu jdumu wisq, ippruvat l-annimali u osservathom hi stess waqt li ġew applikati wieħed wara l-ieħor. Fosthom sabet li l-gidma tas-serp biss traqqad il-membri u s-sensi, mingħajr ma tikkawża spażmi jew tipprovoka l-krib; ma jidhirx ħlief għaraq ħafif fuq il-ġbin, filwaqt li l-fakultajiet perċettivi jgħibu, jerħu bil-ħlewwa u jirreżistu kull tentattiv ta' qawmien, bħal minn jorqod fil-fond ..." |
Ċesarjun kien ikkundannat għall-mewt minn Ottavjanu, waqt li t-tlett itfal li kellha ma' Antonju ttieħdu Ruma. L-Eġittu sar provinċja Rumana mmexxija mill-prefett tal-Eġittu, uffiċjal ta' rank ekwestri. Ottavjanu li mar lura lejn Ruma biex jiċċelebra t-trijonf tal-ispedizzjoni Eġizzjana, kellu fuq karru xbiha tar-reġina Kleopatra li dawwar f'trijonf mat-toroq tal-belt.
Fis-sorsi
immodifikaIs-sorsi tal-letteratura Latina u Griega, li taw dettalji fuq il-ħajja u l-figura ta' Kleopatra huma numerużi, fosthom:
- Virġilju, Enejide VIII, 688 ff.
- Orazju, Odi I, 37; Epodi 9
- Lukanu, Pharsalia X
- Plutarku, Il-Ħajja ta' Marku Antonju
- Svetonju, Ħajjiet taċ-Ċesri I-II
- Velleju Paterkolu, Storja Rumana II
- Josephus, Antikitajiet Ġudajċi XIV-XV
Kleopatra ma kinitx seduttriċi kbira biss. Kienet taf ħafna lingwi, Plutarku kiteb: "L-ilsien, bħal strument mużikali b'ħafna kordi, kienet taqilbu faċilment għal-lingwa li riedet titkellem, tkun liema tkun, tant li kienu rari ħafna l-każijiet li fihom kellha tittratta mal-Barbari permezz ta' interpretu, kienu x'kienu, Etjopjani, Trogloditi, Lhud, Għarab, Sirjani, Medi jew Parti". Kienet taf il-Grieg u kienet wkoll fluwenti fil-Latin. Minbarra l-versatilità fil-lingwi, kienet tinteressa ruħha wkoll fl-arti u x-xjenzi: ikkonvinċiet lil Antonju, meta sar mexxej assolut tal-Lvant, jagħti lil Lixandra l-Bibljoteka famuża ta' Pergamu. Kienet ħabiba ma' ħafna studjużi fil-Mużew ta' Lixandra, fosthom il-famuż astronomu Sożiġeni, li lilu nafu r-riforma tal-kalendarju Ruman: kienet kważi żgur Kleopatra li ppreżentatu lil Ċesri.[4]
Antenati
immodifikaMeta wieħed iqis il-familja immedjata ta' Kleopatra jidher ċar li kemm kien hemm tgħammir bejn il-membri tal-istess familja Tolomea. Il-ġenituri tagħha x'aktarx kienu aħwa u għalhekk kellha par wieħed biss ta' nanniet. Dawk in-nanniet kienu ziju u neputija, għal darb'oħra jillimitaw in-numru ta' antenati.[5] L-għadd relattivament żgħir ta' antenati nistgħu narawh mid-dixxendenza ta' Kleopatra VII kif setgħet kienet, murija hawn taħt.[6]
Kleopatra fl-arti, fiċ-ċinema u fil-letteratura
immodifikaL-istorja ta Kleopatra matul is-sekli affaxxinat eluf ta' kittieba u artisti li għenu biex joħolqu l-leġġenda ta' seduttriċi mill-iżjed sabiħa li rnexxielha ssaħħar tnejn mill-irġiel l-aktar qawwijin ta' żmienha.
Fost l-akbar xogħlijiet fuq Kleopatra hemm:
- Incipit Legenda Cleopatrie Martiris, Egipti Regine, ta' Geoffrey Chaucer
- Cléopâtre captive, ta' Étienne Jodelle
- Antony and Cleopatra, ta' William Shakespeare
- All for Love, ta' John Dryden
- Cleopatra, ta' Vittorio Alfieri
- Cléopâtre, opra ta' Jules-Émile-Frédéric Massenet
- Cléopatre, ta' Victorien Sardou
- Cesare and Cleopatra, ta' George Bernard Shaw
- Cleopatra il musical, ta' Lamberto Stefanelli
- Cleopatra, skultura ta' Alfonso Balzico
Films dwar Cleopatra
immodifika- (1908): Antony and Cleopatra, taħdem Florence Lawrence fil-parti ta' Kleopatra.
- (1912): Cleopatra, Queen of Egypt, taħdem Helen Gardner.
- (1913): Marcantonio e Cleopatra, taħdem Gianna Terribili Gonzalez. Reġija ta' Enrico Guazzoni. Minn William Shakespeare, Plutarku u Pietro Cossa.
- (1917): Cleopatra: Theda Bara (Kleopatra), Fritz Leiber (Ċesri), Thurston Hall (Antonju). Dirett minn J. Gordon Edwards. Ibbażat fuq ix-xogħlijiet Cléopatre ta' Émile Moreau, Cléopatre ta' Sardou u Antony and Cleopatra ta' William Shakespeare.
- (1934): Cleopatra: Claudette Colbert (Kleopatra), Warren William (Ċesri), Henry Wilcoxon (Antonju). Dirett minn Cecil B. De Mille.
- (1946): Cesare e Cleopatra (Caesar and Cleopatra): Vivien Leigh (Kleopatra), Claude Rains (Ċesri), Stewart Granger, Flora Robson eċċ.
- (1953): Serpent of the Nile: Rhonda Fleming (Kleopatra), Raymond Burr (Marku Antonju), Michael Fox (Ottavju).
- (1963): Cleopatra: Elizabeth Taylor (Kleopatra), Rex Harrison (Ċesri), Richard Burton (Antonju). Dirett minn Joseph L. Mankiewicz. Rebbieħ tal-Premju Oscar.
- (1974): Antony & Cleopatra: imtella' mil-London's Royal Shakespeare Company. Interpretat minn Janet Suzman (Kleopatra) u Richard Johnson (Antonju).
- (1999): Cleopatra: Leonor Varela (Kleopatra), Timothy Dalton (Ċesri), Billy Zane (Antonju). Ibbażat fuq il-ktieb Memoirs of Cleopatra ta' Margaret George.
- (2002): Asterix e Obelix: Missione Cleopatra: Monica Bellucci (Kleopatra), Christian Clavier (Asterix), Gérard Depardieu (Obelix).
- (2007): Cleòpatra, dirett minn Julio Bressane.
Kleopatra fil-pittura
immodifikaKleopatra u mewtha ispiraw mijiet ta' pitturi mir-Rinaxximent sa llum. Hawnhekk hawn lista ta' xi wħud mill-aktar famużi:
- Is-suwiċidju ta' Kleopatra (1621). Żejt fuq it-tila. 116.8 x 93.3 ċm. Impittra minn Giovanni Francesco Barbieri, magħruf bħala Guercino. Simon Norton Museum f'Pasadena, California, l-Istati Uniti.
- Kleopatra (1635 - 1640). Żejt fuq it-tila. Impittra minn Guido Reni. Palazzo Pitti, Firenze.
- Il-pranzu ta' Kleopatra (1743 - 1745). Żejt fuq it-tila. 248.2 x 357.8 ċm. Impittra minn Giambattista Tiepolo. National Gallery of Victoria, l-Awstralja.
- Kleopatra (madwar l-1620). Żejt fuq it-tila. 97 x 71.5 ċm. Impittra minn Artemisia Gentileschi. Kollezzjoni tal-Fondazione Cavallini-Sgarbi, Ferrara.
- Cleopatra u r-raħħal (1838). Żejt fuq tila. Impittra minn Eugène Delacroix. Ackland Art Museum, Università ta' North Carolina, USA.
-
Giampietrino, 1525
-
Guido Reni, 1630
-
Claude Vignon, 1640
-
Guido Cagnacci, 1659
-
Guido Cagnacci, 1660
-
Jean-Baptiste Regnault, 1799
-
Jean-André Rixens, 1874
-
Hans Makart, 1875
-
Reginald Arthur, 1892
Aktar
immodifika- Il-Kratere Kleopatra, li jinsab fuq il-quċċata tal-Muntanji Maxwell, il-formazzjoni ta' muntanji l-aktar prominenti tal-pjaneta Venere, hu msemmi f'ġieħ Kleopatra VII.
Referenzi
immodifika- ^ Alan K. Bowman, Egypt After the Pharaohs 332 BC-AD 642: From Alexander to the Arab Conquest, University of California Press (1 ta' Lulju, 1996), ISBN-10: 0520205316, ISBN-13: 978-0520205314
- ^ Skond ix-xhieda ta' Strabun, Tolomew XII kellha tifla leġittima waħda biss, Bereniċe IV, minn oħtu-martu Kleopatra V Trifena. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni u l-fatt li Kleopatra kienet l-unika waħda fil-familja tiegħu li kienet titkellem bl-Eġizzjan, xi studjużi pproponew l-ipoteżi li r-reġina kellha nisel Eġizzjan.L-istoriku Ġermaniż Werner Huß (Die Herkunft der Kleopatra Philopator (Id-dixxendenza ta' Kleopatra Filopator), Aegyptus 70, 1990, pp. 191–203) jassumi minflok li omm Kleopatra kienet mara Eġizzjana nobbli, li setgħet saret it-tieni mara ta' Tolomew XII wara li warrab lil Kleopatra V.
- ^ Plutarku (Ġulju Ċesri 49.1–3)
- ^ Ernle Bradford, Cleopatra, Penguin (3 ta' Lulju, 2001), ISBN-10: 014139014X, ISBN-13: 978-0141390147
- ^ Stacy Schiff, Cleopatra: A Life, Hachette Digital, Inc., 2010, ISBN 978-0-316-00192-2
- ^ Dodson, Aidan u Hilton, Dyan. The Complete Royal Families of Ancient Egypt. Thames & Hudson. 2004. ISBN 0-500-05128-3 Is-siġra tal-familja u d-diskussjonijiet fil-qosor tal-individwi jistgħu jinstabu fil-paġni 268-281. L-awturi jirreferu għal Kleopatra V bħala Kleopatra VI u Kleopatra Selene I jsejħulha Kleopatra V Selene.
Ħoloq esterni
immodifika- Cleopatra VII (VI) Kapitlu XIII fil-ktieb House of Ptolemy, ta' E. R. Bevan, 1927
- James Grout: Cleopatra parti mill-Encyclopædia Romana
- Cleopatra VII fuq BBC History
- [1] Cleopatra
- [2] Cleopatra VII
- [3] Kleopatra VII
- [4] Ġenealoġija ta' Kleopatra VII
Predeċessur Tolomew XII |
Reġina tal-Eġittu 51 QK – 30 QK ma' Tolomew XII, Tolomew XIII, Tolomew XIV u Tolomew XV |
Suċċessur |