L-Arti

espressjoni u kreattività umana, is-soltu influwenzata mill-kultura

It-terminu 'l-arti' jirreferi għat-teorija, l-applikazzjoni umana u l-espressjoni fiżika tal-kreattività li tinsab fil-kulturi u fis-soċjetajiet umani permezz tal-ħiliet u tal-immaġinazzjoni li jintużaw biex jiġu prodotti oġġetti, ambjenti u esperjenzi differenti. Il-kostitwenti ewlenin tal-arti jinkludu l-arti viżiva (inkluż l-arkitettura, iċ-ċeramika, it-tpinġija, il-produzzjoni tal-films, it-tpittir, il-fotografija u l-iskultura, l-arti letterarja (inkluż in-narrativa jew in-novellistika, id-drammi, il-poeżija, u l-proża), l-arti tal-ispettaklu jew performattiva (inkluż iż-żfin, il-mużika u t-teatru), u l-arti kulinarja (inkluż it-tisjir, il-produzzjoni taċ-ċikkulata u l-produzzjoni tal-inbid).

Mil-lemin għax-xellug: Min Huifen iddoqq l-erħu, strument Orjentali mużikali; il-pittura Les Demoiselles d’Avignon ta’ Pablo Picasso; il-Canto I mill-Infern tal-Kummiedja Divina ta’ Dante Alighieri; u Rudolf Nureyev u Margot Fonteyn jiżfnu għar-Royal Ballet ta’ Londra.

Xi forom tal-arti jikkombinaw element viżiv ma' spettaklu (eż. iċ-ċinematografija), jew xi xogħol tal-arti mal-kitba (eż. il-comics). Minn żmien it-tpinġijiet jew it-tpittir preistoriċi fl-għerien sal-films moderni, l-arti fiha nnifisha sservi ta' intermedjarju biex jiġu kkomunikati l-ġrajjiet kif ukoll ir-relazzjoni tal-bniedem mal-ambjent.

Definizzjoni

immodifika

Hemm diversi tifsiriet possibbli tat-termini 'arti' u 'l-arti'. L-ewwel tifsira tal-kelma arti hija 'tip ta' attività jew aġir'.[1] L-iktar tifsira bażika attwali tiddefinixxi l-arti bħala attivitajiet speċifiċi li jqanqlu s-sensittività fil-bnedmin.[2] L-arti jitqiesu wkoll bħala ġabra tal-attivitajiet kreattivi u immaġinattivi kollha, għajr ix-xjenza.[3][4] Fl-iktar definizzjoni astratta bażika tagħha, l-arti hija espressjoni dokumentata ta' organiżmu senzjenti permezz ta' mezz aċċessibbli jew bih, li jippermetti lil ħaddieħor jara, jisma' jew jesperjenza dik l-espressjoni. L-att innifsu tal-produzzjoni ta' espressjoni jista' jitqies bħala arti speċifika jew l-arti inġenerali. L-espressjoni titqies 'tajba' jew ta' valur jekk dawk li jkollhom aċċess għaliha u l-pubbliku inġenerali jqisuha jew jikklassifikawha bħala tajba, għaldaqstant tiddependi fuq diversi fatturi soġġettivi. Il-Kungress tal-Istati Uniti, fil-Fondazzjoni Nazzjonali dwar l-Arti u l-Umanitajiet, iddefinixxa 'l-arti' bħala terminu li jinkludi, iżda mhux esklużivament, il-mużika (bl-istrumenti u bil-leħen), iż-żfin, id-drammi, l-arti folkloristika, il-kitba kreattiva, l-arkitettura u l-oqsma relatati, it-tpinġija/it-tpittir, l-iskultura, il-fotografija, l-arti grafika u artiġjanali, id-disinn industrijali, id-disinn tal-ilbies u tal-moda, iċ-ċinema, it-televiżjoni, ir-radju, il-films, il-filmati, ir-reġistrazzjoni fuq tertuqa jew diġitali tal-awdjo, l-arti marbuta mal-preżentazzjoni, mat-twettiq, mal-eżekuzzjoni u mal-wiri ta' dawn il-forom ewlenin tal-arti, it-tipi tal-arti tradizzjonali pprattikati mill-popli differenti li jiffurmaw parti mill-Istati Uniti, kif ukoll l-istudju u l-applikazzjoni tal-arti b'rabta mal-ambjent uman.[5]

L-arti hija attività globali li tinkludi għadd kbir ta' dixxiplini bħall-belle arti (deskritti fid-dizzjunarju ta' Ġużè Aquilina bħala s-snajja' tal-ġmiel[6]), l-arti liberali, l-arti viżiva, l-arti dekorattiva, l-arti applikata, id-disinn, l-arti artiġjanali jew tas-sengħa, l-arti tal-ispettaklu jew performattiva, eċċ. L-arti tista' tħaddan fiha diversi oqsma li jistgħu jiġu maqsuma kif nixtiequ, pereżempju l-belle arti li jinkludu flimkien, f'sens wiesa', it-tipi kollha ta' arti li jkollhom l-għan li jagħtu pjaċir estetiku ta' veru.[7] It-terminu 'l-arti' jirreferi wkoll għal ġabra ta' diversi tipi ta' arti u dan nistgħu nifhmuh ukoll mill-kuntest f'sentenza bħal din: 'Bħal fl-arti kollha, it-tgawdija tiżdied abbażi tal-għarfien dwar l-arti'[8]. L-ewwel okkorrenza tirreferi proprju għal ġabra ta' diversi tipi ta' arti, filwaqt li t-tieni okkorrenza tirreferi għall-arti deskritta f'dan l-artiklu.[9]

 
It-tpinġijiet preistoriċi tal-Grotta ta' Chauvet, Franza

L-iktar għamla bikrija ta' kwalunkwe waħda mill-arti hija t-tpinġija/tpittir fl-għerien, possibbilment mis-seklu 70,000 Q.K., iżda ċertament mis-seklu 40,000 Q.K. L-iktar strument mużikali antik li nafu bih huwa l-flawt tal-għar ta' Divje Babe, is-Slovenja, li wkoll kien jintuża minn xi 40,000 sena Q.K., filwaqt li l-iktar letteratura antika li nafu biha kienet dik li kienet tinkiteb fuq tavli tas-Sumerja bħal pereżempju l-Istruzzjonijiet ta' Shuruppak u l-Liturġija ta' Nintud jingħad li nkitbu għall-ħabta tas-seklu 2600 Q.K.[10]

Fil-Greċja Antika, l-arti u l-artiġjanat kienu jiġu deskritti bl-istess kelma, techne. Għaldaqstant, ma kienx hemm distinzjoni bejn it-tipi ta' arti. L-arti tal-Greċja Antika kienet tapprofitta mill-venerazzjoni tal-annimali u l-iżvilupp tal-ħiliet biex twassal il-muskolatura, il-qagħda, is-sbuħija u l-proporzjonijiet korretti anatomikament.

F'Ruma Antika, l-arti kienet tantropomorfizza l-allat bħala bnedmin idealizzati, b'karatteriċi li jiddistingwuhom (eż. is-sajjetta ta' Żeus). Fl-arti Biżantina u Gotika tal-Medjuevu, id-dominanza tal-Knisja kienet tinsisti fuq l-espressjoni tal-ġrajjiet tal-Bibbja. L-arti tal-Lvant ġeneralment kienet tuża stil li kien jintuża wkoll fl-arti Medjevali tal-Punent, jiġifieri il-konċentrazzjoni fuq disinni fis-superfiċe u fuq kulur lokali (jiġifieri l-kulur naturali ta' oġġett, bħall-aħmar bażiku għal libsa ħamra, u mhux modulazzjonijiet differenti ta' dak il-kulur permezz tad-dawl, id-dell u r-rifless). Karatteristika ta' dan l-istil hi li l-kulur lokali spiss jiġi definit mill-abbozz tal-linji esterni (l-ekwivalenti kontemporanja huwa cartoon). Dan huwa evidenti, pereżempju, fl-arti tal-Indja, tat-Tibet, iċ-Ċina, u tal-Ġappun. L-arti Iżlamika reliġjuża tipprojbixxi l-ikonografija, u minflok tesprimi ideat reliġjużi permezz tal-kalligrafija u d-disinni ġeometriċi.

Klassifikazzjonijiet

immodifika

Fil-Medjuevu, l-arti liberali jew Artes Liberales kienu jiġu mgħallma fl-universitajiet bħala parti mit-Trivju, kurrikulu introduttiv li kien jinvolvi l-grammatika, ir-retorika u l-loġika[11], u mill-Kwadrivju, kurrikulu li kien jinvolvi l-arti tal-matematika jiġifieri l-aritmetika, il-ġeometrija, il-mużika u l-astronomija.[12] L-arti mekkanika jew Artes Mechanicae (li kienet tikkonsisti mill-vestiaria – il-ħjata u l-insiġ; mill-agricultura – l-agrikoltura; mill-architectura – l-arkitettura u s-sengħa tal-bini; mill-militia u mill-venatoria – l-armi u l-gwerra, il-kaċċa, l-edukazzjoni militari u l-arti marzjali; mill-mercatura – il-kummerċ; mill-coquinaria – it-tisjir; u mill-metallaria – is-sengħa tal-ħaddied u l-metallurġija) kienu jiġu pprattikata u żviluppati fl-ambjenti tas-snajja'.[13]

Arti viżiva

immodifika

Arkitettura

immodifika
 
Tabella tal-arkitettura, Ċiklopedija, 1728, l-ewwel volum

L-arkitettura hija l-arti u x-xjenza tad-disinn ta' binjiet u ta' strutturi. Il-kelma arkitettura ġejja mill-Grieg, arkhitekton, jiġifieri 'l-imgħallem tal-bini, direttur tax-xogħlijiet', minn αρχι- (arkhi) jiġifieri 'kap' u τεκτων (tekton) jiġifieri 'bennej, mastrudaxxa'.[14] Definizzjoni usa' tinkludi d-disinn tal-ambjent mibni, mill-makrolivell tal-ippjanar tal-bliet, id-disinn urban, u l-arkitettura tal-pajsaġġ sal-mikrolivell tal-ħolqien tal-għamara. Id-disinn arkitetturali s-soltu jrid jindirizza kemm il-fattibbiltà u l-l-ispiża għall-bennej, kif ukoll il-funzjoni u l-estetika għall-utent.

Illum il-ġurnata, l-arkitettura titqies bħala l-arti u d-dixxiplina tal-ħolqien jew tal-ippjanar implikat jew apparenti ta' oġġett kumpless jew ta' sistema kumplessa. It-terminu arkitettura jista' jintuża biex ifisser l-arkitettura implikata ta' affarijiet astratti bħall-mużika jew il-matematika, l-arkitettura apparenti ta' affarijiet naturali bħall-formazzjonijiet ġeoloġiċi jew l-istruttura taċ-ċelloli bijoloġiċi, jew l-arkitettura ppjanata ta' affarijiet magħmula mill-bniedem bħas-software, il-kompjuters, l-impriżi, il-bażijiet tad-data u l-binjiet. L-arkitettura tista' titqies ukoll bħala mmappjar soġġettiv minn perspettiva umana (tal-utent fil-każ ta' oġġetti astratti jew fiżiċi) tal-elementi jew tal-komponenti ta' xi tip ta' struttura jew ta' sistema, li jippreserva r-relazzjonijiet fost l-elementi jew il-komponenti. L-arkitettura ppjanata timmanipola l-ispazju, il-volum, l-isfumaturi, id-dawl, id-dell jew l-elementi astratti sabiex tinkiseb esterika pjaċevoli. Dan jiddistingwiha mix-xjenza applikata jew mill-inġinerija, li s-soltu jikkonċentraw iktar fuq l-aspetti funzjonali u tal-fattibbiltà tad-disinn tal-kostruzzjonijiet jew tal-istrutturi.

Fil-qasam tal-arkitettura tal-bini, il-ħiliet meħtieġa ta' arkitett ivarjaw mill-iktar kumplessi, pereżempju għal sptar jew stadium sportiv, sal-iktar li jkunu apparentement sempliċi, pereżempju għall-ippjanar tad-djar residenzjali. Ħafna xogħlijiet arkitetturali jistgħu jitqiesu wkoll bħala simboli kulturali u politiċi, jew saħansitra kapulavuri. Ir-rwol tal-arkitett, għalkemm qed jinbidel, minn dejjem kien ċentrali biex id-disinn ikun suċċess (u xi kultant mhux daqstant suċċess) u biex jiġu implimentati ambjenti mibnija pjaċevoli li n-nies ikunu jistgħu jgħixu fihom.

Ċeramika

immodifika

L-arti taċ-ċeramika hija arti magħmula b'materjali taċ-ċeramika (inkluż it-tafal), li tista' twassal għal oġġetti tal-fuħħar, madum, figurini, skulturi u mwejjed. Filwaqt li xi prodotti taċ-ċeramika jitqiesu bħala belle arti, oħrajn jitqiesu bħala oġġetti tal-arti dekorattivi, industrijali jew applikata. L-oġġetti taċ-ċeramika jistgħu jkunu wkoll artefatti arkeoloġiċi. L-arti taċ-ċeramika tista' tiġi prodotta minn persuna waħedha jew minn grupp ta' nies. F'fabbrika tal-fuħħar jew taċ-ċeramika, grupp ta' nies jiddisinjaw, jimmanifatturaw u jiddekoraw l-oġġetti tal-fuħħar. Il-prodotti minn ħanut jew fabbrika tal-fuħħar xi kultant jissejħu 'prodotti artisitiċi tal-fuħħar'. Fi studjo tal-oġġetti tal-fuħħar fejn taħdem persuna għal rasha, il-ħaddiema taċ-ċeramika jew tal-fuħħar jipproduċu prodotti tal-fuħħar magħmula fi studjo. Fl-inġinerija moderna taċ-ċeramika, iċ-'ċeramika' hija l-arti u x-xjenza tal-produzzjoni tal-oġġetti minn materjali mhux organiċi u mhux metalliċi bl-azzjoni tas-sħana. Teskludi l-ħġieġ u l-mużajk magħmul minn tesseri tal-ħġieġ.

Arti kunċettwali

immodifika

L-arti kunċettwali hija arti fejn il-kunċett(i) jew l-idea(t) involuti fix-xogħol jieħdu preċedenza fuq l-estetika tradizzjonali u tħassib materjali. Fis-snin 60 tas-seklu 20, it-terminu arti kunċettwali kien jirreferi għall-prattika rigoruża u ffukata tal-arti bbażata fuq l-ideat li spiss kienet tmur kontra l-kriterji viżivi tradizzjonali assoċjati mal-arti viżiva fil-preżentazzjoni tagħha bħala test.[15] Permezz tal-assoċjazzjoni tagħha mal-Artisti Brittanniċi Żgħażagħ u l-Premju Turner matul is-snin 90 tas-seklu 20, l-użu popolari tat-terminu, partikolarment fir-Renju Unit, żviluppa bħala sinonimu għall-arti kontemporanja kollha li ma tipprattikax il-ħiliet tradizzjonali tat-tpittir u tal-iskultura.[16]

Tpinġija

immodifika

It-tpinġija (fis-sens ta' drawing) hija mezz li bih tiġi prodotta immaġni, billi jintużaw diversi għodod u tekniki. Ġeneralment tinvolvi li wieħed jagħmel marki fuq superfiċe billi jagħmel pressjoni b'għodda, jew billi jċaqlaq xi għodda fuq superfiċe. Xi għodod komuni huma l-lapsijiet tal-grafit, il-pinen u l-linka, ix-xkupilji bil-linka, il-lapsijiet kuluriti tax-xama', il-crayons, il-faħam tal-kannol tat-tpinġija, il-pastelli u l-markaturi. Jintużaw ukoll għodod diġitali li jistgħu jissimulaw l-effetti tal-għodod fiżiċi. It-tekniki ewlenin li jintużaw fit-tpinġija huma t-tpinġija bil-linji, it-tħażżiż bl-ombraturi permezz ta' linji paralleli, it-tħażżiż bl-ombraturi permezz ta' linji msallbin, it-tħażżiż bl-ombraturi każwali, it-tħażżiż, it-tpinġija bit-tikek, u t-taħlit tat-tekniki. Artist tat-tpinġija jissejjaħ ukoll disinjatur tat-tpinġija. It-tpinġija tista' tintuża għall-ħolqien ta' arti li tintuża fl-industriji kulturali bħal pereżempju l-illustrazzjonijiet, il-comics u l-animazzjoni. Il-comics spiss jissejħu d-'disa' tipi ta' arti' fost l-istudjużi Franċiżi tal-arti, li jmorru lil hinn mis-'seba' tipi ta' arti' tradizzjonali.[17]

 
Il-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann ta' Caravaggio (1608), pittura li tinsab fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann, Malta

It-tpittir (fis-sens ta' painting) huwa modalità ta' espressjoni kreattiva, u jista' jsir b'diversi modi. Jista' jsir bit-tpinġija, bil-ġesti, bil-kompożizzjoni, bin-narrazzjoni jew bl-astratt, fost modalitajiet estetiċi oħra. Dawn il-modalitajiet jistgħu jintużaw biex jimmanifestaw l-intenzjoni espressiva u kunċettwali tal-prattikant.[18] Il-pitturi jistgħu jkunu naturalistiċi u rappreżentattivi, fotografiċi, astratti, narrattivi, simbolistiċi, emottivi (bħal fl-Espressjoniżmu), jew politiċi fin-natura tagħhom.

Il-pitturi moderni estendew il-prattika b'mod konsiderevoli biex jinkludu, pereżempju, il-collage, jiġifieri stampa magħmula mit-tqegħid flimkien ta' bċejjeċ ta' karta, drapp, ritratti, eċċ. fil-wiċċ ta' xi ħaġa. Din fl-arti inġenerali ma titqiesx bħala pittura peress li tinkludi materjali oħra. Xi pitturi moderni jinkorporaw materjali differenti bħar-ramel, il-konkrit, it-tiben, l-injam jew xagħriet għall-arti tagħhom. Xi eżempji huma x-xogħlijiet ta' Elito Circa, Jean Dubuffet jew Anselm Kiefer.

Fotografija

immodifika

Il-fotografija hija forma ta' arti li tirreferi għar-ritratti li jinħolqu skont il-viżjoni kreattiva tal-fotografu. Il-fotografija artistika hija differenti mill-ġurnaliżmu fotografiku, li jagħti rendikont viżiv għall-avvenimenti tal-aħbarijiet, u mill-fotografija kummerċjali, li għandha l-għan ewlieni li tirreklama l-prodotti jew is-servizzi.

Skultura

immodifika

L-iskultura hija l-fergħa tal-arti viżiva li topera fi tliet dimensjonijiet. Hi wkoll waħda mill-hekk imsejħa arti plastiċi. Il-proċessi tal-iskultura durabbli oriġinarjament kienu jużaw it-tinqix (it-tneħħija ta' materjal) u l-immudellar (iż-żieda ta' materjal, bħat-tafal), tal-ġebla, tal-metall, taċ-ċeramika, tal-injam u ta' materjali oħra. Madankollu, mill-moderniżmu 'l hawn, il-proċessi tal-iskultura nbidlu u wasslu għal kważi libertà totali fl-għażla tal-materjali u l-proċessi stess. Firxa wiesgħa ta' materjali jistgħu jinħadmu bit-tneħħija bħat-tinqix, jistgħu jiġu assemblati bl-iwweldjar jew bl-immudellar, jew jiġu ffurmati bl-użu ta' forom.

Arti letterarja

immodifika

In-nom letteratura ġej mill-kelma bil-Latin littera li tfisser 'karattru jew ittra individwali bil-miktub'. It-term illum il-ġurnata jfisser ġabra ta' kitbiet, li fil-kultura tal-Punent huma l-iktar proża (finzjoni u mhux), drammi u poeżija. Fil-biċċa l-kbira tad-dinja, jekk mhux fid-dinja kollha, l-espressjoni lingwistika artistika tista' tkun bil-fomm ukol, u tinkludi ġeneri bħall-epiċi, il-leġġendi, il-ħrejjef, ir-rumanzi, u forom oħra ta' poeżija bil-fomm, bħall-ġrajjiet folkloristiċi. Il-comics, li jikkombinaw it-tpinġija jew arti viżiva oħra mal-letteratura narrattiva, spiss jissejħu d-'disa' tipi ta' arti' fost l-istudjużi Franċiżi tal-arti, li jmorru lil hinn mis-'seba' tipi ta' arti' tradizzjonali.[19]

Arti tal-ispettaklu

immodifika

L-arti performattiva jew tal-ispettaklu tinkludi ż-żfin, il-mużika, it-teatru, l-opri, il-mimi, u forom oħra ta' arti li fihom spettaklu mwettaq mill-bniedem huwa l-prodott prinċipali. L-arti tal-ispettaklu jiddistingwu ruħhom permezz ta' dan l-element tat-twettiq ta' spettaklu, b'kuntrast ma' dixxiplini bħall-arti viżiva u l-arti letterarja fejn il-prodott ikun oġġett li ma jirrikjedix spettaklu biex jiġi osservat jew esperjenzat. Kull dixxiplina fl-arti tal-ispettaklu hija temporali fin-natura tagħha, jiġifieri l-prodott jitwettaq matul perjodu ta' żmien. Il-prodotti jiġu kategorizzati b'mod wiesa' fi tnejn: jew ikunu repetibbli (pereżempju, b'partitura jew bi skritt) jiġu improvizzati f'kull spettaklu.[20] L-artisti li jieħdu sehem f'dawn l-arti quddiem udjenza jissejħu artisti tal-ispettaklu jew artisti performattivi, u jinkludu l-atturi, il-magi jew il-persuni li jinqalgħu biex iwettqu l-maġija, il-kummidjanti, iż-żeffiena, il-mużiċisti u l-kantanti. L-arti tal-ispettaklu jiġu appoġġati wkoll permezz tas-servizzi ta' artisti jew ħaddiema essenzjali oħra, bħall-awturi tal-kanzunetti, jew il-ħaddiema tal-palk. L-artisti tal-ispettaklu spiss jadattaw l-apparenza tagħhom għall-ispettaklu permezz ta' għodod jew mezzi bħall-kostumi u l-makeup.

 
Koppja tiżfen f'ballu

Iż-żfin ġeneralment jirreferi għall-moviment tal-bniedem jew bħala forma ta' espressjoni jew inkella ppreżentat f'ambjent soċjali, spiritwali jew tal-ispettaklu.[21] It-terminu żfin jintuża wkoll biex jiġu deskritti l-metodi ta' komunikazzjoni mhux verbali (bħall-ġesti) bejn il-bnedmin jew l-annimali (eż. iż-żifna tan-naħal, iż-żifna tat-tgħammir), il-moviment f'oġġetti mhux ħajjin (eż. il-weraq żifen fir-riħ), u ċertu forom jew ġeneri mużikali. Il-koreografija hija l-arti tal-ħolqien taż-żifniet, u l-persuna li tagħmel dan tissejjaħ koreografu/a. Id-definizzjonijiet ta' x'jikkostitwixxi ż-żfin jiddependu fuq kwistjonijiet soċjali, kulturali, estetiċi, artistiċi u morali, u jvarjaw mill-moviment funzjonali (bħaż-żfin folkloristiku) għat-tekniki virtwużi u kkodifikati bħaż-żfin klassiku. Fl-isport, il-ġinnastika, iż-żfin fuq is-silġ u l-għawm sinkronizzat huma dixxiplini taż-żfin filwaqt li l-'kata' tal-arti marzjali spiss jiġu pparagunati ma' żifniet.

Il-mużika hija forma ta' arti li tuża l-ħsejjes u s-silenzju fi żmien partikolari. L-intonazzjoni (li tirregola l-melodija u l-armonija), ir-ritmu (u l-kunċetti assoċjati bħat-tempo jew id-daqqa, il-metrika, u l-artikolazzjoni), id-dinamika, u l-kwalitajiet tat-timbru u tal-istruttura tal-ħsejjes, huma kollha elementi komuni tal-mużika. Il-ħolqien, it-twettiq, it-tifsira u anke d-definizzjoni tal-mużika jvarjaw skont il-kultura u l-kuntest soċjali. Il-mużika tvarja minn kompożizzjonijiet organizzati b'mod rigoruż (u t-twettiq tagħhom) permezz ta' mużika improvvisata għal biċċiet aleatorji. Il-mużika tista' tinqasam f'ġeneri u f'sottoġeneri, għalkemm il-linja arbitrarja ta' kif jinqasmu il-ġeneri mużikali spiss tkun waħda sottili, xi kultant anke miftuħa għall-interpretazzjoni individwali, u qajla kontroversjali. Fi ħdan il-kunċett 'l-arti', il-mużika tista' tiġi kklassifikata bħala arti tal-ispettaklu, belle arti, u arti tas-smigħ.

It-teatru (mill-Grieg theatron (θέατρον); minn theasthai, 'ħares b'attenzjoni kbira'[22]) tappartjeni għall-fergħa tal-arti tal-ispettaklu li għandha x'taqsam mar-reċtar tal-ġrajjiet quddiem udjenza b'taħlita ta' diskorsi, ġesti, mużika, żfin, ħsejjes u spettaklu – li lkoll huma elementi tal-arti tal-ispettaklu fihom infushom. Minbarra l-istil tad-djalogu narrattiv, it-teatru jirrappreżenta wkoll forom differenti ta' opri, żfin klassiku, mimi, kabuki, żfin Indjan klassiku, opri Ċiniżi, u reċti b'mimi tradizzjonali bil-maskri,

Xogħlijiet artistiċi multidixxiplinari

immodifika

Jeżistu oqsma li fihom ix-xogħlijiet artistiċi jinkorporaw oqsma artistiċi differenti, bħall-films, l-opri, u l-arti tal-ispettaklu. Filwaqt li l-opri spiss jiġu kkaratterizzati fl-arti tal-ispettaklu tal-mużika, il-kelma 'opra' toriġina mit-Taljan opera li tfisser proprju 'xogħlijiet', għaliex l-opri jikkombinaw diversi dixxiplini artistiċi f'esperjenza artistika unika. Fl-opra tradizzjonali tipika, ix-xogħol artistiku sħiħ juża dawn li ġejjin: ix-xenarji (arti viżiva), il-kostumi (moda), ir-reċtar (arti tal-ispettaklu tad-drammi), il-librett jew il-kliem/l-istorja (letteratura), kif ukoll il-kantanti u l-orkestra (mużika).

 
Orkestra

Il-kompożitur Richard Wagner irrikonoxxa l-fużjoni ta' tant dixxiplini differenti f'xogħol artistiku wieħed tal-opri. Dan joħroġ fid-dieher fiċ-ċiklu tiegħu Der Ring des Nibelungen (Iċ-Ċurkett tan-Nibelung). Wagner ma kienx juża t-terminu opra għax-xogħlijiet tiegħu. Minflok kien isejħilhom 'Gesamtkunstwerk' ('sinteżi tal-arti'), filwaqt li jenfasizza l-komponenti letterarji u teatrali li kienu important daqs il-mużika. Iż-żfin klassiku tal-ballet huwa forma oħra li feġġet fis-seklu 17 fejn il-mużika tal-orkestra tiġi kkombinata maż-żfin.

Xogħlijiet oħra fis-sekli 19 sa 21 wettqu fużjoni ta' dixxiplini oħra b'modi uniċi u kreattivi, bħall-arti tal-ispettaklu. L-arti tal-ispettaklu hija spettaklu li jsir fi żmien partikolari li tgħaqqad flimkien għadd ta' strumenti, oġġetti, u arti bi struttura predefinita jew inqas definita, u parti mill-ispettaklu jista' jkun improvvisat. L-arti tal-ispettaklu jista' jkollha skritt jew le, jista' kollha organizzazzjoni rigoruża jew aleatorja; saħansitra l-udjenza tista' tipparteċipa. Ħafna jqisu lil John Cage bħala artisti tal-ispettaklu iktar milli kompożitur, minkejja li hu kien jippreferi dan tal-aħħar. Hu ma kienx jikkomponi għal raggruppamenti tradizzjonali. Il-kompożizzjoni ta' Cage Living Room Music (Mużika tas-Salott) tal-1940, isimha magħha, hija 'kwartett' għal strumenti mużikali mhux speċifikati, fil-verità oġġetti mhux melodiċi, li jistgħu jinstabu f'salott ta' dar tipika.

Tipi oħra ta' arti

immodifika

M'hemmx linja diviżorja ċara bejn l-arti u l-kultura. Oqsma kulturali bħall-gastronomija xi kultant jitqiesu bħala arti wkoll.[23]

Arti applikata

immodifika

L-arti applikata hija l-applikazzjoni tad-disinn u tad-dekorazzjoni fuq oġġetti funzjonali tal-ħajja ta' kuljum bl-għan li jsiru pjaċevoli estetikament.[24] L-arti applikata tinkludi oqsma bħad-disinn industrijali, l-illustrazzjoni u l-arti kummerċjali.[25] It-terminu 'arti applikata' jintuża biex jiddistingwi mat-terminu 'belle arti', fejn dawn tal-aħħar jiġu definiti bħala arti bl-għan li jiġu prodotti oġġetti li jkunu sbieħ jew li jipprovdu stimolu intellettwali iżda li ma jkollhom l-ebda funzjoni primarja fil-ħajja ta' kuljum. Fil-prattika, hemm trikkib bejn iż-żewġ termini.

Logħob virtwali

immodifika

Jeżisti dibattitu fil-kulturi tal-belle arti u tal-logħob virtwali dwar jekk il-logħob virtwali jgħoddx bħala forma ta' arti.[26] Id-disinjatur tal-logħob Hideo Kojima jistqarr li l-logħob virtwali huwa tip ta' servizz, mhux forma ta' arti, għaliex l-għan tal-logħob hu d-divertiment ta' kemm jista' jkun nies, iktar milli jirrappreżenta xi tip ta' arti (minkejja li Kojima nnifsu jitqies bħala awtur tal-logħob virtwali). Madankollu, huwa rrikonoxxa li ladarba l-logħob virtwali huwa magħmul minn elementi artistiċi (pereżempju, l-arti viżiva), id-disinjaturi tal-logħob jistgħu jitqiesu bħala kuraturi tal-mużewijiet – ma joħloqx ix-xogħlijiet artistiċi, iżda jirranġawhom b'tali mod li jesponi l-arti li jħaddnu u jbigħ il-biljetti.

Fi ħdan ix-xjenzi soċjali, l-ekonomisti kulturali juru kif meta wieħed jilgħab il-logħob virtwali jkun qiegħed jinvolvi ruħu f'diversi forom tal-arti tradizzjonali u prattiki kulturali, u dan jissuġġerixxi li hemm komplementarjetà bejn il-logħob virtwali u l-arti.[27]

F'Mejju 2011, l-aġenzija indipendenti tal-Istati Uniti, National Endowment of the Arts, inkludiet il-logħob virtwali fid-definizzjoni tagħha ta' x'jitqies bħala 'opra tal-arti' meta wieħed japplika għal għotja.[28] Fl-2012, l-iSmithsonian American Art Museum, wieħed mill-iktar mużewijiet tal-arti famuż fl-Istati Uniti ppreżenta wirja msejħa The Art of the Video Game (L-Arti tal-Logħob Virtwali).[29] Fost ir-reċensjonijiet tal-wirja kien hemm bosta li esprimew id-dubji tagħhom dwar jekk il-logħob virtwali huwiex xi ħaġa li għandha tintwera f'mużew tal-arti.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Valéry, Paul. "Notion générale de l'art" Nouvelle Revue Française. Vol. 24 no. 266. Paris: Éditions Gallimard. pp. 683–693. ISBN 978-2-07-239508-6.
  2. ^ ""Définition de l'art" Éditions Larousse". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  3. ^ ""Art Definition: Meaning, Classification of Visual Arts"". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-27. Miġbur 2021-08-13. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |aċċess= u |koawturi= (għajnuna)
  4. ^ ""The arts definition and meaning". Collins English Dictionary". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  5. ^ "Van Camp, Julie. "Congressional definition of "the arts"". PHIL 361I: Philosophy of Art. California State University, Long Beach". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  6. ^ Maltese–English Dictionary, I-II, Midsea Books Ltd, Malta, 1987–1990
  7. ^ ""Définition de Beaux-Arts". Bayard Presse". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  8. ^ Hemingway, Ernest (2003) [1932]. "1". Death in the Afternoon (1st Scribner trade pbk. ed.). New York: Charles Scribner's Sons. ISBN 978-0-684-85922-4.
  9. ^ ""Définition de arts appliqués". L'Internaute". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  10. ^ "Diedrich, Cajus G. "'Neanderthal bone flutes': simply products of Ice Age spotted hyena scavenging activities on cave bear cubs in European cave bear dens". Open Science". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  11. ^ Onions, Charles Talbut; Friedrichsen, George Washington Salisbury; Burchfield, Robert William (1991). The Oxford dictionary of English etymology, p. 994. Oxford: at The Clarendon Press. ISBN 978-0-19-861112-7.
  12. ^ ""Quadrivium" . The New International Encyclopædia. 1905". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  13. ^ "Rowlands, Joseph; Landauer, Jeff (2001). "Esthetics". Importance of Philosophy". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  14. ^ "Harper, Douglas (2016). "Origin and meaning of architect by Online Etymology Dictionary". Online Etymology Dictionary". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  15. ^ "LeWitt, Solomon (June 1967). "Paragraphs on Conceptual Art". Artforum. Vol. 5 no. 10. pp. 79-83". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  16. ^ Huntsman, Penny (28 September 2015). Thinking About Art: A Thematic Guide to Art History. p. 221. Chichester, West Sussex, UK: Wiley. ISBN 978-1-118-90517-3.
  17. ^ Miller, Ann (2007). Reading bande dessinée : critical approaches to French-language comic strip, p. 23. ISBN 978-1-84150-177-2.
  18. ^ Perry, Lincoln (Summer 2014). "The Music of Painting". The American Scholar. p. 85.
  19. ^ Miller, Ann (2007). Reading bande dessinée : critical approaches to French-language comic strip. ISBN 978-1-84150-177-2.
  20. ^ Honderich, Ted (2006). The Oxford companion to philosophy. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-926479-7.
  21. ^ Fraleigh, Sondra Horton (1987). Dance and the Lived Body: A Descriptive Aesthetics. p. 3. Pittsburgh, Pa.: University of Pittsburgh Press. ISBN 978-0-8229-7170-2.
  22. ^ "Harper, Douglas (2001–2016). "theater (n.)". Online Etymology Dictionary". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  23. ^ "Desai, Trex; DeSimone, Frank; Henig, Sarit (20 December 2013). "The New Face of French Gastronomy - Knowledge@Wharton". knowledge.wharton.upenn.edu. Wharton School of the University of Pennsylvania". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  24. ^ Chilvers, Ian (2004). The Oxford Dictionary of Art (3rd ed.). p. 29. Oxford: Oxford University Press. ISBN 978-0-19-860476-1.
  25. ^ ""Define Applied art at Dictionary.com". Dictionary.com". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-07-23. Miġbur 2021-02-12. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |aċċess= u |koawturi= (għajnuna)
  26. ^ Parker, Felan. "An Art World for Artgames". p. 42. Loading... ISSN 1923-2691.
  27. ^ Borowiecki, Karol J.; Prieto-Rodriguez, Juan (2013). "Video Games Playing: A substitute for cultural consumptions?". Journal of Cultural Economics. pp. 239–258.
  28. ^ "Barber, Bonnie. "Professor Mary Flanagan Participates in White House Consortium". Darthmouth News". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |koawturi= u |aċċess= (għajnuna)
  29. ^ Parker, Felan. "An Art World for Artgames". p. 46. Loading... ISSN 1923-2691.