Pariġi

belt kapitali ta' Franza

Pariġi (bil-Franċiż: Paris1.ogg paʁi ) hija l-belt kapitali ta' Franza. Il-belt tinsab fuq ix-xmara Seine, fit-Tramuntana tal-pajjiż u tinsab ukol fir-reġjun ta' Île-de-France, li hu magħruf ukoll bħala région parisienne (reġjun Pariġin). Il-belt ta' Pariġi għanda erja ta' 105 km² u popolazzjoni ta' 2,241,346 ruħ (stima tal-2014)[1] ġewwa l-fruntieri amministrattivi tagħha li essenzjalment baqgħu kif kienu mill-1860. Mis-seklu 19, iż-żona mibnija ta' Pariġi kibret aktar lil hinn mill-fruntieri amministrattivi tagħha: flimkien mas-subborgi tagħha, iż-żona metropolitana ta' Pariġi għandha popolazzjoni ta' 12,341,418 ruħ (ċensiment tal-2012),[2] jew 18.9 % tal-popolazzjoni ta' Franza.[3] Ir-reġjun amministrattiv ta' Pariġi jkopri 12,012 km² (4,638 mil²), bil-kunsill reġjonali u l-President tiegħu stess.

Pariġi
 Franza
Amministrazzjoni
Stat sovranFranza
Administrative territorial entity of FranceFranza Metropolitana
Region of FranceÎle-de-France (en) Translate
Dipartimenti ta' FranzaSeine (en) Translate
Kap tal-Gvern Anne Hidalgo (en) Translate
Isem uffiċjali Paris
Ismijiet oriġinali Paris
Kodiċi postali 75116, 75001, 75002, 75003, 75004, 75005, 75006, 75007, 75008, 75009, 75010, 75011, 75012, 75013, 75014, 75015, 75016, 75017, 75018, 75019, 75020u 75000
Ġeografija
Koordinati 48°51′24″N 2°21′08″E / 48.8567°N 2.3522°E / 48.8567; 2.3522Koordinati: 48°51′24″N 2°21′08″E / 48.8567°N 2.3522°E / 48.8567; 2.3522
Pariġi is located in France
Pariġi
Pariġi
Pariġi (France)
Superfiċjenti 105.4 kilometru kwadru
Għoli 28 m
Fruntieri ma' Montrouge (en) Translate, Malakoff (en) Translate, Vanves (en) Translate, Issy-les-Moulineaux (en) Translate, Boulogne-Billancourt (en) Translate, Saint-Cloud (en) Translate, Suresnes (en) Translate, Puteaux (en) Translate, Neuilly-sur-Seine, Levallois-Perret (en) Translate, Clichy (en) Translate, Saint-Ouen-sur-Seine (en) Translate, Saint-Denis, Aubervilliers (en) Translate, Pantin (en) Translate, Le Pré-Saint-Gervais (en) Translate, Les Lilas (en) Translate, Bagnolet, Montreuil (en) Translate, Saint-Mandé (en) Translate, Vincennes, Fontenay-sous-Bois (en) Translate, Nogent-sur-Marne (en) Translate, Joinville-le-Pont (en) Translate, Saint-Maurice (en) Translate, Charenton-le-Pont (en) Translate, Ivry-sur-Seine (en) Translate, Le Kremlin-Bicêtre (en) Translate, Gentilly (en) Translate, Hauts-de-Seine (en) Translate, Seine-Saint-Denis (en) Translateu Val-de-Marne (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 2,145,906 abitanti (1 Jannar 2020)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 3 century "BCE"
Kodiċi tat-telefon 1
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Ruma, Tokjo, Kjoto, Berlin, Ramallah, Seoul, Kajr, Chicago, Torreón (en) Translate, San Francisco, Kjiv, Washington, D.C., Marrakesh, Porto Alegre, Dubaj, Beijing, Belt tal-Messikuu San Pietruburgu
paris.fr

Pariġi twaqqfet fis-seklu 3 Q.K. mit-tribù Ċeltika msejħa il-Parisii, li taw l-isem lil belt. Mis-seklu 12, Pariġi kienet l-akbar belt fid-dinja tal-Punent, b'ċentru kummerċjali prosperuż, u s-sede tal-Università ta' Pariġi, waħda mill-ewwel fl-Ewropa. Fis-seklu 18, kienet iċ-ċentru għar-Rivoluzzjoni Franċiża, u saret ċentru importanti tal-finanzi, tal-kummerċ, tal-moda, tax-xjenza u tal-arti, u baqgħet hekk sa llum il-ġurnata.

Ir-Reġjun ta' Pariġi għandu PDG ta' €624 biljun fl-2012, li jammonta għal 30 fil-mija tal-PDG ta' Franza, u jiġi klassifikat bħala wieħed mill-ħames reġjuni għonja fl-Ewropa; huwa ċ-ċentru bankarju u finanzjarju ta' Franza, u fih il-kwartieri ġenerali ta' 29 minn 31 kumpanija fi Franza kklassifikati fil-Fortune Global 500 tal-2015.

Pariġi hija l-belt tal-mużew tal-arti l-aktar viżitat fid-dinja , il-Louvre, kif ukoll il-Musée d'Orsay, magħruf għall-kollezzjonijiet tal-arti Impressjonista Franċiża, u l-Musée National d'Art Moderne, mużew tal-arti moderna u kontemporanja. Il-postijiet familjari arkitettoniċi notevoli ta' Pariġi jinkludu l-Katidral ta' Notre Dame (seklu 12); is-Sainte-Chapelle (seklu 13); it-Torri Eiffel (1889); il-Bażilika tas-Sacré-Cœur ġewwa Montmartre (1914). Fl-2014 Pariġi laqgħet 22.4 miljun viżitatur, u hija waħda mill-aqwa destinazzjonijiet turistiċi fid-dinja.[4] Pariġi hija wkoll magħrufa għall-moda tagħha. Ħafna mill-universitajiet ewlenin ta' Franza u l-grandes écoles jinsabu f'Pariġi, l-istess bħall-gazzetti ewlenin ta' Franza, li jinkludu Le Monde, Le Figaro u Libération.

Pariġi hija post il-klabb tal-futbol Paris Saint-Germain u l-klabb tar-rugby Stade Français. L-istadium li jesa' 80,000 ruħ, Stade de France, li kien inbena għat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-1998, jinsab fit-Tramuntana ta' Pariġi fil-komun ta' Saint-Denis. Pariġi tospita kampjonat annwali tat-tennis French Open fuq it-tafal aħmar ta' Roland Garros. Pariġi ospitat ukoll l-Olimpjadi tas-Sajf tal-1900 u kif ukoll tal-1924, żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-1938 u tal-1998, u t-Tazza tad-Dinja tar-Rugby tal-2007.

Pariġi hija moqdija b'żewġ ajruporti internazzjonali li huma Paris-Charles de Gaulle u Paris-Orly. Fl-1900 infetħet is-sistema tal-metro tal-belt, il-Paris Métro, li taqdi 4.5 miljun passiġġier kuljum.[5] Pariġi hija ċ-ċentru tan-network nazzjonali tat-toroq, u hija mdawra minn tliet toroq orbitali: il-Périphérique, l-Awtostrada A86, u l-awtostrada Francilienne fis-subborgi ta' barra.

Storja immodifika

Etimoloġija immodifika

 
Fl-1860, it-toroq u l-monumenti ta' Pariġi kienu mdawwlin minn 56,000 lampa tal-gass, għalhekk il-belt kienet imsejħa l-Belt tad-Dawl.

L-isem Paris huwa derivat minn abitanti bikrin, mit-tribù Ċeltika Parisii.

Pariġi spiss tiġi msejħa bħala "La Ville Lumière", (Il-Belt tad-Dawl), kemm minħabba r-rwol ewlieni tagħha matul iż-Żmien tal-Illuminiżmu, u aktar letteralment għaliex Pariġi kienet waħda mill-ewwel bliet Ewropej li adottaw id-dwal tal-gass fit-toroq. Fl-1860, il-boulevards u t-toroq ta' Pariġi kienu mdawwlin minn 56,000 lampa tal-gass. Sa mis-seklu 19, Pariġi kienet magħrufa wkoll bħala Panam(e) bis-slang Franċiż.

L-abitanti huma magħrufa bil-Malti bħala "Pariġini", bl-Ingliż bħala Parisians u bil-Franċiż bħala Parisiens (  paʁizjɛ̃ ), kienu magħrufa wkoll bħala Parigots (  paʁiɡo ).[6]

Oriġini immodifika

Il-Parisii, it-tribù Ċeltika, insedjaw iż-żona ta' Pariġi minn madwar nofs is-seklu 3 Q.K. Waħda mir-rotot maġġuri taż-żona għall-kummerċ bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar kienet taqsam is-Seine fuq l-île de la Cité; dal-post fejn kienu jiltaqgħu ir-rotot tal-kummerċ bl-art u bl-ilma, ftit ftit sar belt u ċentru kummerċjali importanti. Il-Parisii kienu jinnegozjaw ma' ħafna bliet li kienu ħdejn xmara u ħafna 'l bogħod sal-Peniżola Iberika, u għal dan l-għan kienu jizzekkaw il-muniti tagħhom.

 
Muniti tad-deheb nħadmu mill-Parisii (is-seklu 1 Q.K.).

Ir-Rumani ħakmu l-baċir ta' Pariġi fis-sena 52 Q.K. u wara għamlu kamp ta' gwarniġġjon fil-belt, kif ukoll bdew jestendu l-kolonja tagħhom b'mod aktar permanenti għax-Xatt tax-Xellug ta' Pariġi. Il-belt tal-Gallo-Rumani kienet oriġinarjament imsejħa Lutetia (aktar fid-dettal, Lutetia Parisiorum, Lutetia tal-Parisii). Hija saret belt prosperuża b'forum, banjijiet, tempji, teatri, u anfiteatru.

Sal-aħħar tal-Imperu Ruman tal-Punent, il-belt kienet magħrufa sempliċement bħala Parisius bil-Latin u Paris bil-Franċiż. Il-Kristjaneżmu ġie introdott f'nofs is-seklu 3 W.K. Skont it-tradizzjoni, l-ewwel Isqof ta' Pariġi kien San Dijoniżju. Meta huwa rrifjuta li jirrinunzja l-fidi tiegħu, kien miet martri wara li ħanxrulu rasu fuq l-għolja li saret magħrufa bħala l-Muntanja tal-Martri (Mons Martyrum), u aktar tard Montmartre. Il-post fejn indifen kien santwarju reliġjuż importanti; il-Bażilika ta' Saint-Denis inbniet hemmhekk u saret il-post fejn kienu jindifnu r-Rejiet Franċiżi.

Clovis il-Frank, l-ewwel re tad-dinastija Merovinġjana, għamel Pariġi bħala l-belt kapitali tiegħu mill-508. Il-fortifikazzjoni ta' Île-de-France ma kinitx soda biżżejjed biex twaqqaf is-sakkeġġ mill-Vikingi fit-845, iżda l-importanza strateġika ta' Pariġi bil-pontijiet li jwaqqfu l-mogħdija tal-vapuri għaddiet u ġiet stabbilita bid-difiża li reġġiet fl-Assedju ta' Pariġi (885-886). Fid-987 Hugh Capet, il-Konti ta' Pariġi u d-Duka tal-Franki kien elett ir-Re tal-Franki. Taħt ir-regola tar-Rejiet Kapetingi, Pariġi ftit ftit saret l-akbar u l-aktar belt għanja fi Franza.

Medju Evu sa Lwiġi XIV immodifika

 
Il-Palais de la Cité u s-Sainte-Chapelle, veduta mix-Xatt Xellugi.

Sal-aħħar tas-seklu 12, Pariġi kienet saret il-belt kapitali politika, ekonomika, reliġjuża u kulturali ta' Franza. L-Île de la Cité kienet is-sit tal-palazz irjali. Fl-1163, matul ir-renju ta' Lwiġi VII, Maurice de Sully, l-Isqof ta' Pariġi, wettaq il-kostruzzjoni tal-Katidral ta' Notre Dame fl-estremità tal-Lvant tagħha. Ix-Xatt Xellugi kien is-sit tal-Università ta' Pariġi, korporazzjoni ta' studenti u għalliema ffurmati matul is-seklu 12 fejn tħarrġu l-ewwel studjużi fit-teoloġija, u aktar tard fil-liġi kanonika, fil-mediċina u fl-arti. Ix-Xatt Lemini sar iċ-ċentru tal-kummerċ u l-finanzi. In-negozjanti li kkontrollaw il-kummerċ fuq ix-xmara ffurmaw lega u din malajr saret forza qawwija. Bejn l-1190 u l-1202, Philip Augustus bena l-fortizza enormi tal-Louvre, kompla l-bini tan-Notre Dame, bena żewġ pontijiet, beda l-pavimentar tat-toroq ewlenin imdawlin ta' Pariġi u l-kostruzzjoni tal-ħajt iffortifikat madwar il-belt.

Matul il-Gwerra ta' Mitt Sena, l-armata tad-Duka ta' Bourgogne u l-forza ta' madwar mitejn suldat Ingliżi okkupaw Pariġi minn Mejju tal-1420 sal-1436. Huma irreżistew it-tentattiv minn Joan tal-Arka sabiex teħles il-belt fl-1429. Seklu wara, matul il-Gwerer Franċiżi tar-Reliġjon, Pariġi kienet fortizza tal-Lega Kattolika. Fl-24 ta' Awwissu 1572, Pariġi kienet sit tal-Massakru ta' Jum San Bartilmew, meta eluf ta' Protestanti Franċiżi ġew maqtula.[7] L-aħħar fost dawn il-gwerer, it-tmien waħda, spiċċat fl-1594, wara li Neriku IV ikkonverta għall-Kattoliċiżmu u seta' fl-aħħar jidħol Pariġi meta jingħad li stqarr Paris vaut bien une messe (Pariġi tiswiha quddiesa). Il-belt kienet ġiet traskurata għal deċennji; sal-assassinju tiegħu fl-1610, Neriku IV kien bena il-Pont Neuf, l-ewwel pont f'Pariġi bil-bankini u mhux bil-bini fil-ġnub, għaqqad b'bini ġdid il-Louvre mal-Palazz tat-Tuileries, u ħoloq l-ewwel pjazza residenzjali f'Pariġi, il-Place Royale, illum magħrufa bħala l-Place des Vosges.

Fis-seklu 17, il-Kardinal Richelieu, kap ministru ta' Lwiġi XIII, kien determinat li jagħmel Pariġi l-isbaħ belt fl-Ewropa. Huwa bena ħames pontijiet ġodda, kappella ġdida għall-Kulleġġ tas-Sorbonne, u palazz għalih innifsu, il-Palais Cardinal, li wara ħallieh lil Lwiġi XIII. Wara il-mewt tiegħu fl-1642, il-palazz sar magħruf bħala l-Palais-Royal.

Lwiġi XIV ma kienx jafda l-Pariġini u mexxa il-qorti tiegħu għal Versailles fl-1682, imma r-renju tiegħu ra wkoll twarrid liema bħalu tal-arti u x-xjenzi f'Pariġi. Twaqqfu l-Comédie-Française, l-Akkademja tal-Pittura u l-Akkademja tax-Xjenzi Franċiża, u għamlu l-kwartieri ġenerali tagħhom fil-belt. Biex juri li l-belt kienet sigura kontra l-attakki, waqqa' l-ħitan tal-belt, biex minflok bena l-Grands Boulevards. Biex iħalli l-monumenti lir-renju tiegħu, huwa bena l-Collège des Quatre-Nations, il-Place Vendôme, il-Place des Victoires u l-Les Invalides.

Seklu 18 u d-19 immodifika

 
L-attakki fuq Bastilja fl-14 ta' Lulju 1789 li rriżultaw il-bidu tar-Rivoluzzjoni Franċiża.

Bejn l-1640 u l-1789, Pariġi kibret fil-popolazzjoni minn 400,000 għal 600,000 ruħ. il-Boulevard ġdida, Champs-Élysées, estendiet il-belt fil-Punent għall-Étoile, filwaqt li l-klassi tal-ħaddiema tal-inħawi ta' Faubourg Saint-Antoine fil-Lvant tal-belt, kibret u b'hekk żdiedu immigranti foqra mir-reġjuni l-oħra ta' Franza.

Pariġi kienet iċ-ċentru ta' splużjoni ta' attività filosofika u xjentifika magħrufa bħala ż-Żmien tal-Illuminiżmu. Diderot u d'Alembert ippubblikaw l-Encyclopédie tagħhom fl-1751-1752, u l-Aħwa Montgolfier tajru l-ewwel mongolfiera ekwipaġġata fil-21 ta' Novembru 1783, mill-ġonna ta' Château de la Muette. Pariġi kienet il-kapitali finanzjarja tal-Ewropa kontinentali, iċ-ċentru primarju Ewropej tal-pubblikazzjoni tal-kotba, tal-moda, u tal-manifattura tal-għamara fina u l-oġġetti lussużi.

Fis-sajf tal-1789, Pariġi kienet iċ-ċentru tar-Rivoluzzjoni Franċiża. Fl-14 ta' Lulju, folla ħadet l-armerija tal-Invalides, b'hekk akkwistat eluf ta' armi tan-nar, u attakkat il-Bastilja, simbolu tal-awtorità rjali. L-ewwel Komun ta' Pariġi indipendenti, jew kunsill tal-belt, iltaqa' fil-Hôtel de Ville u fil-15 ta' Lulju, l-astronomu Jean Sylvain Bailly ġie elett bħala sindku.

Lwiġi XVI u l-familja rjali nġabu Pariġi bħala priġunieri fil-Palazz tat-Tuileries. Matul ir-Renju tat-Terrur fl-1793, ir-rivoluzzjoni saret aktar u aktar radikali, ir-re, r-reġina, u s-sindku ġew maqtula bil-giljottina, flimkien ma' 16,000 ruħ oħra (fi Franza kollha). Il-proprjetà tal-aristokrazija u l-knisja ġiet nazzjonalizzata, u l-knejjes tal-belt ingħalqu, inbigħu jew twaqqgħu. Sensiela ta' fazzjonijiet rivoluzzjonarji mexxew Pariġi sad-9 ta' Novembru 1799 (coup d'état du 18 brumaire), meta Napuljun Bonaparti ħa l-poter f'idejh bħala l-Ewwel Konslu.

 
It-Teatru tal-Opri ta' Pariġi. L-arkitett Charles Garnier, iddeskriva l-istil sempliċement bħala dak ta' "Napuljun it-Tielet".

Il-popolazzjoni ta' Pariġi niżlet b'100,000 ruħ matul ir-Rivoluzzjoni, imma bejn l-1799 u l-1815, reġgħet għoliet b'160,000 resident ġdid, u b'kollox laħqet is-660,000 ruħ. Bonaparti ssostitwixxa l-gvern elett ta' Pariġi b'prefett li kien jirrapporta lilu biss. Beda jibni monumenti għall-glorja militari, inkluż l-Arc de Triomphe, u tejjeb l-infrastruttura traskurata tal-belt b'funtani ġodda, il-Canal de l'Ourcq, il-Ċimiterju Père Lachaise u l-ewwel pont tal-ħadid tal-belt, il-Pont des Arts.

Matul ir-Restawrazzjoni, il-pontijiet u l-pjazez ta' Pariġi reġgħu ngħataw l-ismijiet li kellhom qabel ir-rivoluzzjoni, imma r-Rivoluzzjoni ta' Lulju fl-1830 f'Pariġi, (ikkommemorata mill-Kolonna ta' Lulju fil-Place de la Bastille), waqqfet monarkija kostituzzjonali b'Louis Philippe I bħala re. L-ewwel linja tal-ferrovija lejn Pariġi fetħet fl-1837, u dan kien bidu ta' perjodu ġdid ta' migrazzjoni massiva mill-provinċji għall-belt kapitali.

 
It-Torri Eiffel qiegħed jinbena f'Awwissu 1888.

Fl-1848 Louis-Philippe tneħħa mit-tron minn rewwixta popolari fit-toroq ta' Pariġi fl-1848. Is-suċċessur tiegħu, Napuljun III u l-prefett tas-Seine li nħatar, Georges-Eugène Haussmann, nedew proġett ġgantesk ta' xogħlijiet pubbliċi biex jinbnew boulevards wiesgħin ġodda, teatru tal-opra ġdid, suq ċentrali, akkwedotti ġodda, sistema tad-dranaġġ u l-parks, fosthom il-Bois de Boulogne u l-Bois de Vincennes. Fl-1860, Napuljun III annetta wkoll il-bliet tal-madwar u ħoloq tmien arrondissements ġodda, biex b'hekk Pariġi espandiet għal-limiti li għandha llum.

Matul il-Gwerra Franko-Prussjana (1870-1871), Pariġi kien assedjata mill-armata Prussjana. Wara xhur ta' imblokk, ġuħ, u mbagħad bumbardament mill-Prussjani, il-belt kellha ċċedi fit-28 ta' Jannar 1871. Fit-28 ta' Marzu, gvern rivoluzzjonarju msejjaħ il-Komun ta' Pariġi ħataf il-poter f'Pariġi. Il-Komun żamm il-poter għal xahrejn, sakemm kien soppress bl-aħrax mill-armata Franċiża matul il-"Ġimgħa tad-Dmija" fl-aħħar ta' Mejju 1871.

Tard fis-seklu 19, Pariġi organizzat żewġ espożizzjonijiet internazzjonali ewlenin: l-Espożizzjoni Universali tal-1889, li saret biex tfakkar iċ-ċentenarju tar-Rivoluzzjoni Franċiża u għal din l-okkażjoni nbena t-Torri Eiffel; u l-Espożizzjoni Universali tal-1900, li tat lill-Pariġi il-Pont Alexandre III, il-Grand Palais, il-Petit Palais u l-ewwel linja tal-Métro. Pariġi saret il-laboratorju tan-Naturaliżmu (Émile Zola) u tas-simboliżmu (Charles Baudelaire u Paul Verlaine), u tal-Impressjoniżmu fl-arti (Courbet, Manet, Monet, Renoir.)

Seklu 20 u 21 immodifika

Sal-1901, il-popolazzjoni ta' Pariġi kienet kibret sa 2,715,000 ruħ. Fil-bidu tas-seklu, artisti minn madwar id-dinja, inklużi Picasso, Modigliani u Matisse marru jgħixu Pariġi. Hemm twieldu wkoll il-Fauviżmu, il-Kubiżmu u l-arti astratta,[8] u awturi bħal Marcel Proust li kien jesplora approċċi ġodda għal-letteratura.

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, kultant Pariġi sabet ruħha fuq il-front; bejn 600 u 1,000 taksi ta' Pariġi kellhom rwol żgħir iżda importanti u simboliku ferm billi ttrasportaw 6,000 suldat għall-front fl-Ewwel Battalja tal-Marne. Il-belt kienet ukoll ibbumbardjata miż-Żeppellini u ntlaqtet ukoll minn armi tan-nar Ġermaniżi. Fis-snin ta' wara l-gwerra, magħrufa bħala Les Années Folles, Pariġi kompliet tkun mekka għall-kittieba, għall-mużiċisti u għall-artisti minn madwar id-dinja, inklużi Ernest Hemingway, Igor Stravinsky, James Joyce, Josephine Baker, Sidney Bechet[9] u Salvador Dalí.[10]

Fis-snin wara l-konferenza tal-paċi, fil-belt ġew joqogħdu numru kbir ta' studenti u attivisti mill-kolonji Franċiżi u minn pajjiżi Asjatiċi u Afrikani oħra, li aktar tard saru l-mexxejja tal-pajjiżi tagħhom stess, bħal Ho Chi Minh, Zhou Enlai u Léopold Sédar Senghor.[11]

 
Il-Ġeneral Charles de Gaulle jiċċelebra l-liberazzjoni ta' Pariġi (is-26 ta' Awwissu 1944).

Fl-14 ta' Ġunju 1940, l-armata Ġermaniża daħlet bil-forza f'Pariġi, li kienet ġiet iddikjarata "belt miftuħa". Fis-16 u s-17 ta' Lulju 1942, bl-ordni tal-Ġermaniżi, il-pulizija Franċiża u l-ġendarmi arrestaw 12,884 Lhudi, inklużi 4,115-il tifel u tifla, u għalquhom għal ħamest ijiem fil-Vel d'Hiv (Vélodrome d'Hiver), minn fejn ġew trasportati bil-ferrovija għall-kamp ta' sterminju f'Auschwitz, u l-ebda wieħed mit-tfal ma ġie lura. Fil-25 ta' Awwissu 1944, il-belt inħelset mit-Tieni Diviżjoni Armata Franċiża u mir-Raba' Diviżjoni tal-Infanterija tal-Armata tal-Istati Uniti. Il-Ġeneral Charles de Gaulle mexxa folla enormi u emozzjonali mix-Champs Élysées lejn in-Notre Dame de Paris, u għamel diskors stimolanti mill-Hôtel de Ville.

Fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, Pariġi nqabdet fil-Gwerra Alġerina għall-indipendenza; f'Awwissu 1961, xi nies tal-Front Liberali Nazzjonali li kien favur l-indipendenza qatlu 11-il pulizija Pariġin u dan wassal għall-impożizzjoni ta' curfew fuq il-Musulmani tal-Alġerija (li f'dak iż-żmien kienu ċittadini Franċiżi). Fis-17 ta' Ottubru 1961, protesta paċifika iżda mhux awtorizzata mill-Alġerini kontra l-curfew, wasslet għal konfrontazzjonijiet vjolenti bejn il-pulizija u d-dimostranti u mietu mill-inqas 40 ruħ, xi wħud mitfuha fis-Seine. Min-naħa l-oħra l-Organisation de l'armée secrète (OAS), li kienet kontra l-indipendenza, għamlet sensiela ta' bombi f'Pariġi bejn l-1961 u l-1962.[12]

F'Mejju tal-1968, l-istudenti li kienu qed jieħdu sehem fil-protesti okkupaw is-Sorbonne u għamlu barrikati fil-Kwartier Latin. Eluf ta' ħaddiema manwali Pariġini ssieħbu mal-istudenti, u l-moviment kiber fi strajk ġenerali ta' ġimagħtejn. Il-partiti tal-gvern rebħu l-elezzjonijiet ta' Ġunju b'maġġoranza kbira. Dawn il-protesti ta' Mejju 1968 irriżultaw fil-qsim tal-Università ta' Pariġi fi 13-il kampus indipendenti.

Fl-1975, l-Assemblea Nazzjonali bidlet l-istatus ta' Pariġi għal dak tal-bliet l-oħra Franċiżi, u fil-25 ta' Marzu 1977 Jacques Chirac kien l-ewwel sindku elett ta' Pariġi mill-1793. It-Torri Maine Montparnasse, l-itwal bini fil-belt b'57 sular u għoli 210 metri, inbena bejn l-1969 u l-1973. It-torri kien kontroversjali ħafna, u baqa' l-uniku bini fiċ-ċentru tal-belt għoli aktar minn 32 sular.

Il-popolazzjoni ta' Pariġi niżlet minn 2,850,000 ruħ fl-1954 għal 2,152,000 ruħ fl-1990, minħabba li l-familji tal-klassi tan-nofs marru jgħixu lejn il-subborgi. In-network ferrovjarju suburban, ir-RER (Réseau Express Régional), inbena biex jikkomplementa l-Métro, u l-Périphérique; dan il-proġett tlesta fl-1973.

Ħafna mill-Presidenti ta' wara l-gwerra tal-Ħames Repubblika riedu jħallu l-monumenti tagħhom f'Pariġi; il-President Georges Pompidou beda ċ-Ċentru Georges Pompidou (1977), Valéry Giscard d'Estaing beda l-Musée d'Orsay (1986); il-President François Mitterrand li kien fil-poter għal 14-il sena, bena l-Opéra Bastille (1985-1989), il-Bibliothèque nationale de France (1996), l-Arche de la Défense (1985-1989), u l-Piramida tal-Louvre b'bitħa taħt l-art tagħha (1983-1989); Jacques Chirac (2006), il-Musée du quai Branly.

Kmieni fis-seklu 21, il-popolazzjoni ta' Pariġi bdiet tiżdied bil-mod mill-ġdid, billi aktar żgħażagħ marru jgħixu fil-belt. Laħqet 2.25 miljun ruħ fl-2011. F'Marzu 2001, Bertrand Delanoë sar l-ewwel sindku Soċjalista ta' Pariġi. Fl-2007, bl-għan li jitnaqqas it-traffiku tal-karozzi fil-belt, introduċa l-Vélib', sistema għall-kiri tar-roti għall-użu mir-residenti lokali u l-viżitaturi. Bertrand Delanoë trasforma wkoll sezzjoni tal-awtostrada tul ix-xatt tax-xellug tas-Seine fi promenade urbana u park, il-Promenade des Berges de la Seine, u inawgurahom f'Ġunju 2013.[13]

Fl-2007, il-President Nicolas Sarkozy fetaħ il-proġett Grand Paris, biex jintegra Pariġi aktar mill-qrib mal-bliet fir-reġjun tal-madwar. Wara ħafna modifiki, iż-żona l-ġdida, imsemmija l-Metropoli ta' Grand Paris, b'popolazzjoni ta' 6.7 miljuni ruħ, ġiet skedata għall-ħolqien fl-1 ta' Jannar 2016.[14]

Fl-2011, il-Belt ta' Pariġi u l-gvern nazzjonali approvaw il-pjanijiet għall-Grand Paris Express, b'total ta' 205 kilometri ta' linji tal-metro awtomatizzati li jikkollegaw lil Pariġi, il-ġewwanett tat-tliet dipartimenti madwar Pariġi, l-ajruporti u l-istazzjon tal-veloċità għolja TGV, u ġie stmat li dawn il-proġetti b'kollox qamu xi €35 biljun.[15] Is-sistema ġiet skedata li titlesta sal-2030.[16]

Fil-5 ta' April 2014, is-Soċjalista Anne Hidalgo, ġiet eletta l-ewwel sindku mara ta' Pariġi.

 
Dimostrazzjoni kontra t-terroriżmu fil-Place de la République wara l-isparar ta' Charlie Hebdo (il-11 ta' Jannar 2015).

Fis-7 ta' Jannar 2015, żewġ estremisti Musulmani Franċiżi attakkaw il-kwartieri ġenerali ta' Charlie Hebdo f'Pariġi, u qatlu tlettax-il ruħ; fid-9 ta' Jannar, it-tielet terrorist qatel erba' ostaġġi waqt attakk f'ħanut tal-merċa Lhudi ġewwa l-Porte de Vincennes.[17] Fil-11 ta' Jannar kien stmat li 1.5 miljun ruħ immarċjaw flimkien mal-politiċi mexxejja internazzjonali biex juru solidarjetà kontra t-terroriżmu u d-difiża tal-libertà tal-kelma.[18]

Għaxar xhur wara, fit-13 ta' Novembru 2015, waslu serje ta' attakki kkoordinati terroristiċi f'Pariġi u Saint-Denis allegatament mill-organizzazzjoni tal-'Istat Iżlamiku', ISIL ('Dagħex', ISIS);[19] 130 persuna nqatlu minn sparaturi u bombi, u ndarbu aktar minn 350. Sebgħa mit-terroristi qatlu lilhom infushom u oħrajn splodew lilhom infushom. Fl-għodwa tat-18 ta' Novembru, tliet terroristi suspettati, inkluż l-allegat pjanifikatur tal-attakki Abdelhamid Abaaoud, inqatlu minn sparaturi tal-pulizija fis-subborg ta' Pariġi, Saint-Denis. Il-President Hollande iddikjara stat ta' emerġenza għal tliet xhur fi Franza.[20]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Ix-xtut tax-xmara Seine f'Pariġi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[21]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[21]

Ġeografija immodifika

 
Għoljiet u l-idroloġija ta' Pariġi.

Pariġi tinsab fit-Tramuntana ċentrali ta' Franza. Il-belt hija 450 kilometru 'l bogħod mix-Xlokk ta' Londra, 287 kilometru min-Nofsinhar ta' Calais, 305 kilometri mil-Lbiċ ta' Brussell, 774 kilometru mit-Tramuntana ta' Marsilja, 385 kilometru mill-Grigal ta' Nantes u 135 kilometru mix-Xlokk ta' Rouen.[22] Pariġi tinsab fl-ark tat-Tramuntana tax-xmara Seine u tinkludi żewġ gżejjer, l-Île Saint-Louis u l-Île de la Cité, l-akbar waħda, kif ukoll parti qadima tal-belt. Il-bokka tax-xmara fuq il-Fliegu Ingliż (La Manche), stabbilit għall-ħabta tat-8000 Q.K., huwa madwar 375 km 'l isfel mill-belt. Il-belt hija mifruxa fil-wisgħa fuq iż-żewġ xtut tax-xmara.[23] Jekk inħarsu lejha kollha, il-belt hija relattivament ċatta, u l-aktar żona baxxa hija 35 m 'il fuq mil-livell baħar. Pariġi għandha diversi għoljiet prominenti, l-ogħla waħda hija l-Montmartre li hi għolja 130 metru. Montmartre kisbet isimha mill-martirju ta' San Dijoniżju, l-ewwel isqof ta' Pariġi, fuq il-Mons Martyrum, "l-Għolja tal-Martri", fil-250.

Barra l-parks periferiċi ta' Bois de Boulogne u l-Bois de Vincennes, Pariġi tkopri erja ovali ta' madwar 87 km², imdawra bil-Boulevard Périphérique, triq ta' 35 km li tagħmel ċirku madwar il-belt. Fl-1860, l-aħħar annessjoni importanti tat-territorji ta' madwar, mhux biss tatha il-forma li għandha iżda ħolqot ukoll spiral li jdur skont l-arloġġ magħmul minn 20 arrondissements. Fl-1860 kellha erja ta' 78 km², u fl-1920 il-limiti tal-belt tkabbru bi ftit għal 86.9 km². Fl-1929, il-parks forestali, il-Bois de Boulogne u l-Bois de Vincennes ġew uffiċjalment annessi mal-belt, biex b'hekk l-erja kibret għal 105 km².[24] L-erja metropolitana tal-belt hija 2,300 km² (890 mil kwadru).[23]

Klima immodifika

 
Il-ħarifa f'Pariġi.

Pariġi għandha klima oċeanika Ewropea tal-Punent tipika li hija affettwata mill-Kurrent Atlantiku tat-Tramuntana. Il-klima ġenerali matul is-sena hi spiss moderata bix-xita qliel.[25] Il-ġranet tas-sajf huma normalment sħan u pjaċevoli b'temperaturi medji bejn 15 u 25 °C (59 u 77 °F) u ammont sewwa ta' xemx. Kull sena, hemm ftit jiem fejn it-temperatura togħla 'l fuq minn 32 °C (90 °F). Saħansitra f'ċertu snin kien hemm perjodi twal ta' temp b'sajf aħrax, bħall-mewġa ta' sħana tal-2003 meta t-temperaturi qabżu it-30 °C (86 °F) għal ġimgħat twal, kif ukoll l-40 °C (104 °F) f'ċertu jiem. Aktar reċentement, it-temperatura medja għal Lulju 2011 kienet 17.6 °C (63.7 °F), b'temperatura medja minima ta' 12.9 °C (55.2 °F) u b'temperatura medja massima ta' 23.7 °C (74.7 °F).

Bħala medja, ir-rebbiegħa u l-ħarifa jkollhom jiem moderati u ljieli friski, imma varjabbli u mhux stabbli. Ħaġa li ma tistennihiex, spiss ikun hemm temp sħun jew frisk, fiż-żewġ staġuni.[26] Fix-xitwa, il-klima tkun nieqsa mix-xemx; il-ġranet ikunu kesħin imma ġeneralment ogħla mit-temperatura tal-iffriżar b'temperaturi ta' madwar 7°C (45°F).[27] Madankollu billejl mhux rari li jkun hemm ġlata ħafifa; it-temperatura tinżel iżjed baxx minn 5°C (9°F) taħt iż-0°C (32°F) għal ftit jiem fis-sena. Tagħmel il-borra kull sena, iżda rari li tibqa' fl-art. Fil-belt kultant ikun hemm burraxka ta' borra ħafifa imma din ma takkumulax.[28]

Pariġi għandha preċipitazzjoni annwali medja ta' 652 mm, u jkollha xita ħafifa mifruxa sewwa mas-sena. Madankollu l-belt hija magħrufa għall-ħalbiet ta' xita qawwija li jkun hemm kultant. L-ogħla temperatura rreġistrata hija ta' 40.4°C (104.7°F) (it-28 ta' Lulju 1948), u l-anqas hija ta' −23.9°C (−11.0°F) (l-10 ta' Diċembru 1879).[29]

Amministrazzjoni immodifika

Gvern immodifika

 
Il-Hôtel de Ville
 
Mappa tal-arrondissements ta' Pariġi

Matul kważi l-istorja twila kollha tal-belt, ħlief għal xi ftit perjodi qosra, Pariġi kienet iggvernata direttament mir-rappreżentanti tar-reijiet, imperaturi, jew preżidenti ta' Franza. Il-belt ma kinitx moghtija awtonomija muniċipali mill-Assemblea Nazzjonali sal-1974. L-ewwel sindku elett modern ta' Pariġi kien Jacques Chirac, dan ġie elett fl-20 ta' Marzu 1977, u kien l-ewwel sindku tal-belt mill-1793. Bħalissa s-sindku hu Anne Hidalgo, soċjalista li ġiet eletta fil-5 ta' April 2014.[30]

Is-sindku ta' Pariġi huwa elett b'mod indirett mill-votanti Pariġini; il-votanti ta' kull arrondissement jaħtru l-Conseil de Paris (Kunsill ta' Pariġi), magħmul minn 163 membru. Kull arrondissement għandhu numru ta' membri li jiddependi fuq il-popolazzjoni tiegħu, minn 10 membri għal kull wieħed mill-inqas arrondissement popolat (1 sa 9) sas-36 membru għall-aktar arrondissement popolat (il-15). Il-membri tal-kunsill eletti jagħżlu s-sindku. Xi kultant il-kandidat li jirċievi l-aktar voti mill-belt kollha ma jintgħażilx jekk il-kandidat l-ieħor ikun rebaħ l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-kunsill. Is-sindku Bertrand Delanoë (2001-2014) ġie elett minn minoranza ta' votanti tal-belt biss, iżda kellu l-maġġoranza tal-membri tal-kunsill. Wara l-elezzjoni, il-kunsill għandu rwol aktar passiv fil-gvern tal-belt; huwa jiltaqa' biss darba fix-xahar. Il-kunsill attwali huwa maqsum bejn koalizzjoni tax-xellug ta' 91 membri, inklużi s-soċjalisti, komunisti, ħodor, u x-xellug estrem; u 71 membri taċ-ċentru lemini, kif ukoll ftit mill-membri mill-partiti ż-żgħar.[31]

Kull wieħed mill-20 arrondissements ta' Pariġi għandu muniċipju u kunsill elett direttament (conseil d'arrondissement), li mbagħad, itellgħu sindku ta' arrondissement. Il-kunsill ta' kull arrondissement huwa magħmul minn membri tal-Conseil de Paris u membri oħra li jservu biss fuq il-kunsill tal-arrondissement. In-numru ta' sindki deputati f'kull arrondissement ivarja skond il-popolazzjoni tiegħu. B'kollox hemm 20 sindku ta' arrondissement u 120 sindku deputati.

Il-baġit tal-belt għall-2013 kienet €7.6 biljun, li 5.4 biljun minnhom marru għall-amministrazzjoni tal-belt, filwaqt €2.2 biljun l-oħra, marru għall-investiment. L-akbar parti tal-baġit (38 fil-mija) marret għall-akkomodazzjoni pubblika u l-proġetti urbaniċi; 15 fil-mija għat-toroq u t-trasport; 8 fil-mija għall-iskejjel (li huma fil-parti l-kbira finanzjati mill-baġit statali); 5 fil-mija għall-parkijiet u l-ġonna; u 4 fil-mija għall-kultura. Is-sors ewlieni ta' dħul għall-belt hija taxxa diretta (35 fil-mija), supplimentata minn 13 fil-mija tat-taxxa tal-proprjetà immobbli, 19 fil-mija tal-baġit ġejja minn trasferiment mill-gvern nazzjonali.[32]

In-numru tal-impjegati jew aġenti tal-belt, kiber minn 40,000 fl-2000 għal 73,000 fl-2013. Id-dejn tal-belt kiber minn €1.6 biljun fl-2000 għal 3.1 biljuni fl-2012.[33] Minħabba d-dejn kbir u dejjem jikber, il-klassifikazzjoni tal-bond tal-belt niżlet minn AAA għal AA+ fis-snin 2012 u 2013. F'Settembru 2014, is-sindku Hidalgo ħabret li l-belt se jkollha żbilanċ fil-baġit ta' €400 miljun, l-aktar minħabba tnaqqis fl-appoġġ mill-gvern nazzjonali.[34]

 
Mappa tal-Metropoli ta' Grand Paris (Métropole du Grand Paris) b'131 komuni fil-madwar.

Il-Metropoli ta' Grand Paris immodifika

Il-Métropole du Grand Paris, jew il-Metropoli ta' Grand Paris, formalment se tibda teżisti fl-1 ta' Jannar, 2016.[35] Dan il-proġett hu struttura amministrattiva għall-kooperazzjoni bejn il-belt ta' Pariġi u s-subborgi qrib tagħha. Dan jinkludi il-Belt ta' Pariġi, il-komuni, u l-bliet tat-tliet dipartimenti tas-subborgi ta' madwar; Hauts-de-Seine, Seine-Saint-Denis u Val-de-Marne; kif ukoll seba' komuni fis-subborgi ta' barra, inklużi Argenteuil f'Val d'Oise u Paray-Vieille-Poste f'Essonne, li ġew miżjuda biex jinkludu l-ajruporti ewlenin ta' Pariġi. Il-Metropoli se tkopri 814 kilometru kwadru u se jkollha popolazzjoni ta' 6.945 miljun ruħ. [36][37]

L-istruttura l-ġdida se tkun amministrata minn Kunsill Metropolitan ta' 210 membri, mhux eletti b'mod dirett, iżda magħżula mill-kunsilli membri tal-komuni. Finalment, il-kompetenzi bażiċi se jinkludu l-ippjanar urban, l-akkomodazzjoni, u l-protezzjoni tal-ambjent.[38] Il-Grand Paris se jkollha il-kwartieri ġenerali f'rue Leblanc fil-15-il arrondissement ta' Pariġi.[37] L-ewwel president tal-kunsill metropolitan se jkun elett fit-22 ta' Jannar, 2016.[39]

Gvern reġjonali immodifika

Ir-Reġjun ta' Île de France, li jinkludi Pariġi u komunitajiet tal-madwar, huwa ggvernat mill-Kunsill Reġjonali. Ir-reġjun għandhu l-kwartieri tiegħu fis-7 arrondissement ta' Pariġi. Huwa magħmul minn 209 membri li jirrappreżentaw il-komuni differenti fi ħdan ir-reġjun. Fil-15 ta' Diċembru, 2015, lista ta' kandidati tal-Unjoni tad-Dritt u koalizzjoni ta' partiti ċentrali u lemini, immexxija minn Valerie Pecresse, rebħu l-elezzjoni reġjonali b'mod restrittiv, billi għelbu l-koalizzjoni tas-soċjalisti u l-ekoloġisti. Is-soċjalisti kienu ggvernaw ir-reġjun għal sbatax-il sena. Fl-2016, il-kunsill reġjonali l-ġdid se jkollhu 121 membru mill-Unjoni tad-Dritt, 66 mill-Unjoni tax-Xellug u 22 mill-Front Nazzjonali estrem lemini. [40]

Gvern nazzjonali immodifika

 
Il-Palazz Élysée, residenza tal-President Franċiż

Peress li l-belt hija l-kapitali ta' Franza, Pariġi hija s-sede tal-gvern nazzjonali. Għall-eżekuttiv, iż-żewġ uffiċjali prinċipali għandhom residenza uffiċjali kull wieħed, li jservu wkoll bħala uffiċċji tagħhom. Il-President tar-Repubblika Franċiża jirrisjedi fil-Palazz Élysée fit-8 arrondissement,[41] filwaqt li s-sede tal-Prim Ministru jinsab fil-Hôtel Matignon fis-7 arrondissement.[42] Il-ministeri tal-gvern jinsabu fil-partijiet differenti tal-belt; ħafna minnhom jinsabu fis-7 arrondissement, viċin il-Matignon.

Iż-żewġ djar tal-Parlament Franċiż jinsabu fuq ix-Xatt tax-Xellug. Id-dar ta' fuq, is-Senat, jiltaqa fil-Palais du Luxembourg fis-6 arrondissement, filwaqt li d-dar t'isfel, li hija l-aktar importanti, l-Assemblée Nationale, tiltaqa' fil-Palais Bourbon fis-7 arrondissement. Il-President tas-Senat, it-tieni l-ogħla uffiċjal pubbliku fi Franza (wara l-President tar-Repubblika), jirrisjedi fil-"Petit Luxembourg", palazz żgħir anness mal-Palais du Luxembourg.[43]

 
Il-Palais Royal, residenza tal-Conseil d'État

L-ogħla qrati ta' Franza jinsabu f'Pariġi. Il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-ogħla qorti fl-ordni ġudizzjarja, dan jirrevedi kawżi kriminali u ċivili, huwa allokat fil-Palais de Justice fl-Île de la Cité,[44] filwaqt li l-Kunsill tal-Istat, li jipprovdi pariri legali lill-eżekuttiv u jaġixxi bħala l-ogħla qorti fl-ordni amministrattiva, jiġġudika l-litigazzjoni kontra entitajiet pubbliċi, huwa allokat fil-Palais-Royal fl-1 arrondissement.[45] Il-Kunsill Kostituzzjonali, huwa korp konsultattiv b'awtorità dwar il-kostituzzjonalità tal-liġijiet u d-digrieti tal-gvern, huwa jiltaqa wkoll fil-Palais Royal.[46]

Pariġi u r-reġjun tagħha jospitaw l-kwartieri ġenerali ta' diversi organizzazzjonijiet internazzjonali inklużi l-UNESCO, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, il-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali, il-Klabb ta' Pariġi, l-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-Organisation internationale de la Francophonie, l-Istitut Ewropew għall-Istudji tas-Sigurtà, il-Bureau Internazzjonali tal-Piżijiet u l-Kejl, il-Bureau tal-Ekspożizzjonijiet Internazzjonali u l-Federazzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Skond il-motto "Pariġi biss hija denja ta' Ruma; Ruma biss hija denja ta' Pariġi";[47][48] l-unika belt tewmija ta' Pariġi hija Ruma, għalkemm Pariġi għandha ftehim ta' sħubija ma' ħafna bliet oħra madwar id-dinja.[47]

Forza tal-Pulizija immodifika

 
Uffiċjali tal-Pulizija Nazzjonali f'Pariġi

Is-sigurtà ta' Pariġi hija prinċipalment ir-responsabbiltà tal-Prefettura tal-Pulizija ta' Pariġi, sottodiviżjoni tal-Ministeru tal-Intern ta' Franza. Hi tissorvelja l-unitajiet tal-Pulizija Nazzjonali li jgħassu l-belt u t-tliet dipartimenti viċinati. Hija wkoll responsabbli biex tipprovdi servizzi ta' emerġenza. Hemm 30,200 uffiċjal taħt il-prefettura, u flotta ta' aktar minn 6,000 vettura, inklużi l-karozzi tal-pulizija, muturi, trakkijiet tan-nar, dgħajjes u ħelikopters. Minbarra r-responsabbiltajiet tal-pulizija tradizzjonali, il-pulizija lokali timmonitorja l-għadd ta' bejgħ bl-iskont miżmum minn ħwienet kbar u wara jivverifikaw, matul il-vaganzi tas-sajf, talanqas furnar wieħed ikun miftuħ f'kull lokal. Il-pulizija nazzjonali għandha unità speċjali għall-kontroll tal-irvellijiet u kontroll tal-folla u s-sigurtà tal-bini pubbliku, imsejħa Compagnies Républicaines de Sécurité (CRS), unità li ffurmat fl-1944 eżatt wara l-liberazzjoni ta' Franza. Vannijiet tal-aġenti CRS jidhru spiss fiċ-ċentru tal-belt meta jkun hemm dimostrazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi.

Il-pulizija huma appoġġjati mill-Gendarmerie nationale, fergħa tal-Forzi Armati ta' Franza, għalkemm issa, l-operazzjonijiet tal-pulizija huma ssorveljati mill-Ministeru tal-Intern. Il-kepis tradizzjonali tal-gendarmes ġew sostitwiti mill-kapep fl-2002, u l-forza immodernizzat, għalkemm il-kepis għadhom jintlibsu f'okkażżjonijiet ċerimonjali.[49]

Il-kriminalità f'Pariġi hija simili ma ħafna bliet kbar. Il-kriminalità vjolenti hija relattivament rari fiċ-ċentru tal-belt.[50] Il-vjolenza politika hija rari, għalkemm dimostrazzjonijiet kbar ħafna jistgħu jseħħu f'Pariġi u fi bliet Franċiżi oħra simultanjament. Dawn id-dimostrazzjonijiet, normalment amministrati minn preżenza qawwija tal-pulizija, jistgħu jduru f'konfrontazzjoni u teskala l-vjolenza.[50]

Bliet imsieħba immodifika

 
Kolonna ddedikata għall-Pariġi f'Ruma.

Sa mid-9 ta' April 1956, Pariġi hija esklussivament u reċiprokament tewmija biss ma:

(FR) Seule Paris est digne de Rome; seule Rome est digne de Paris.
(IT) Solo Parigi è degna di Roma; solo Roma è degna di Parigi.
(EN) Only Paris is worthy of Rome; only Rome is worthy of Paris.
"Pariġi biss hija denja ta' Ruma; Ruma biss hija denja ta' Pariġi"[48][51]

Pariġi għandha patt ta' ħbiberija u koperazzjoni ma:

Referenzi immodifika

  1. ^ "Évolution de la population au 1er janvier 2014". INSEE. Miġbur 2015-12-04.
  2. ^ "Séries historiques des résultats du recensement - Aire urbaine de Paris (001)" (bil-Franċiż). INSEE. Miġbur 2015-11-21.
  3. ^ INSEE. "Séries historiques des résultats du recensement - France" (bil-Franċiż). Miġbur 2015-11-21.
  4. ^ Bħala ċiviltà ewlenija f'salib it-toroq, Pariġi kienet irrappreżentata 22 darba fil-Fieri Dinjija u fl-ekspożizzjonijiet sa mill-1798
  5. ^ "Busiest Subways". geography.about.com. Miġbur 2015-08-30.
  6. ^ Il-kelma kienet x'aktarx maħluqa mill-Pariġini tal-klassi popolari t'isfel li tkellmu *argot*, Imbagħad *parigot* kienet użata b'mod provokanti barra r-reġjun Pariġin u barra minn Franza kienet tfisser Parisians b'mod ġenerali.
  7. ^ "Massacre of Saint Bartholomew's Day". Encyclopedia Britannica Online. Miġbur 2014-11-23.
  8. ^ Dan Franck, Bohemian Paris: Picasso, Modigliani, Matisse, and the Birth of Modern Art, Grove Press, 2003, ISBN 080219740X
  9. ^ William A. Shack, Harlem in Montmartre, A Paris Jazz Story between the Great Wars, University of California Press, 2001. ISBN 9780520225374,
  10. ^ Meisler, Stanley (2005-04-01). "The Surreal World of Salvador Dalí". Smithsonian.com. Smithsonian Magazine. Miġbur 2014-07-12.
  11. ^ Goebel, Anti-Imperial Metropolis.
  12. ^ Willsher, Kim. "France remembers Algerian massacre 50 years on". The Guardian. Miġbur 2014-10-26.
  13. ^ "Les berges de Seine rendues aux Parisiens" (bil-Franċiż). Le Moniteur. 2013-06-19. Miġbur 2014-12-02.
  14. ^ Lichfield, John (2009-04-29). "Sarko's €35bn rail plan for a 'Greater Paris'". Londra: The Independent. Miġbur 2009-06-12.
  15. ^ "€26.5bn Grand Paris metro expansion programme confirmed". Railway Gazette International. 2013-03-12. Miġbur 2013-04-24.
  16. ^ "Le Metro du Grand Paris" (bil-Franċiż). Site of Grand Paris Express. Miġbur 2014-11-27.
  17. ^ "Attentats terroristes : les questions que vous nous avez le plus posées" (bil-Franċiż). Le Monde. 2015-01-15. Miġbur 2015-01-15.
  18. ^ "Les politiques s'affichent à la marche républicaine" (bil-Franċiż). Le Figaro. 2015-01-11. Miġbur 2015-01-11.
  19. ^ "Islamic State claims Paris attacks that killed 127". Reuters. 2015-11-14. Miġbur 2015-11-14.
  20. ^ Le Monde on-line, 10:15 14 ta' Novembru
  21. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Paris, Banks of the Seine". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-18.
  22. ^ Google Maps, 6 ta' Lulju 2013
  23. ^ a b "Paris". Encyclopedia Britannica Online. Miġbur 2013-07-04.
  24. ^ "Key figures for Paris". Mairie de Paris. 2007-11-15. Miġbur 2009-05-05.
  25. ^ "Klima". Paris.com. Miġbur 2013-06-29.
  26. ^ "Klima". Parisinfo.com. Miġbur 2013-06-29.
  27. ^ "Paris in the Winter". Goparisabout.com. Miġbur 2013-06-29.
  28. ^ "Temp fi Franza". GoFrance.about.com. Miġbur 2013-06-29.
  29. ^ "Géographie de la capitale – Le climat" (bil-Franċiż). Institut National de la Statistique et des Études Économiques, Paris.fr. Miġbur 2006-05-24.
  30. ^ "Anne Hidalgo is new Mayor of Paris". City of Paris. Miġbur 2014-11-29.
  31. ^ "List of members of the Council of Paris". City of Paris. Miġbur 2014-11-29.
  32. ^ "Projet de Budget Primitif" (PDF) (bil-Franċiż). Maire de Paris. 2014. Miġbur 2014-11-23.
  33. ^ Les Echos, 16 ta' Ġunju 2014.
  34. ^ "Municipales : Anne Hidalgo vous promet 200 millions de déficit en plus dès 2015". Economie matin. 2014-03-28. Miġbur 2014-11-23.
  35. ^ "Article L. 5219-1 du code général des collectivités territoriales" (bil-Franċiż). Legifrance. Miġbur 2015-11-29.
  36. ^ "Décret n° 2015-1212 du 30 septembre 2015 constatant le périmètre fixant le siège et désignant le comptable public de la métropole du Grand Paris" (bil-Franċiż). Legifrance. Miġbur 2015-11-29.
  37. ^ a b "The Metropole of Grand Paris will see the day on 1 January 2016" (bil-Franċiż). Le Moniteur. 2015-07-17. Miġbur 2015-12-03.
  38. ^ "Article L. 5219-1 du code général des collectivités territoriales" (bil-Franċiż). Legifrance. Miġbur 2015-11-29.
  39. ^ "Grand Paris : André Santini prépare sa candidature" (bil-Franċiż). Le Journal du Grand Paris. Miġbur 2015-11-29.
  40. ^ "Results of 2015 Regional Elections". Ile-de-France. Miġbur 2015-12-16.
  41. ^ "Le Palais de L'Élysée et son histoire". Elysee.fr. Miġbur 2013-06-16.
  42. ^ "Matignon Hotel". Embassy of France, Washington. 2007-12-01. Miġbur 2013-06-19.
  43. ^ "Le "Petit Luxembourg"" (bil-Franċiż). Senat.fr. Miġbur 2013-05-03.
  44. ^ "Introduction" (bil-Franċiż). Pariġi: Cour de Cassation. Miġbur 2013-04-27.
  45. ^ "Histoire & Patrimoine" (bil-Franċiż). Pariġi: Conseil d'Etat. Miġbur 2013-04-27.
  46. ^ "Le siège du Conseil constitutionnel" (PDF) (bil-Franċiż). Paris: Conseil Constitutionnel. 2011-09-16. Miġbur 2013-04-26.
  47. ^ a b "International relations: special partners". Mairie de Paris. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-25. Miġbur 2007-10-14.
  48. ^ a b "Twinning with Rome". Mairie de Paris. Miġbur 2013-06-19.
  49. ^ "Gendarmerie". Gendarmerie.interieur.gouv.fr. Miġbur 2014-11-22.
  50. ^ a b U.S. Dipartiment ta' Stat, Uffiċċju tal-Affarijiet Konsulari, u Sigurtà
  51. ^ "Les pactes d'amitié et de coopération". Mairie de Paris. Miġbur 2007-10-14.

Ħoloq esterni immodifika