Moda
Il-moda hija espressjoni estetika popolari f'perjodu u f'post partikolari u f'kuntest speċifiku, speċjalment fl-ilbies, iż-żraben, l-istil tal-ħajja, l-aċċessorji, il-makeup, l-istil tax-xagħar, u l-proporzjonijiet tal-ġisem. Filwaqt li tendenza ħafna drabi tissuġġerixxi espressjoni estetika partikolari u li ma ddumx iktar minn staġun, il-moda hija espressjoni distintiva u sostnuta mill-industrija tradizzjonalment marbuta mal-istaġun u l-kollezzjonijiet tal-moda. L-istil huwa espressjoni li ddum bosta staġuni u ħafna drabi huwa konness ma' movimenti kulturali u aspetti soċjali, simboli, klassi, u kultura (eż. il-Barokk, ir-Rokokò, eċċ.). Skont is-soċjologu Pierre Bourdieu, il-moda tissuġġerixxi "l-aħħar moda, l-aħħar differenza".
Għalkemm ħafna drabi jintużaw flimkien, it-terminu "moda" huwa differenti mill-ilbies u l-kostumi. Il-moda tiddeskrivi l-libsa materjali u teknika, filwaqt li l-ilbies u l-kostumi ġew relegati għal sens speċjali bħall-ilbies ta' kostumi bil-maskri. Il-moda tiddeskrivi s-sistema soċjali u temporali li "tattiva" l-ilbies bħala sinifikatur soċjali f'ċertu ħin u kuntest. Il-filosfu Giorgio Agamben jgħaqqad il-moda mal-intensità attwali tal-mument kwalitattiv, mal-aspett temporali li bil-Grieg jissejjaħ kairos, filwaqt li l-ilbies jappartjeni għal dak li hu kwantitattiv, li bil-Grieg jissejjaħ chronos.
Ditti esklużivi jaspiraw għat-tikketta tal-haute couture, iżda t-terminu huwa teknikament limitat għal membri tax-Chambre Syndicale de la Haute Couture[1] f’Pariġi. L-haute couture hi aktar aspirazzjonali u ispirata mill-arti, il-kultura u l-moviment. Hi ta' natura estremament esklużiva.
Biż-żieda fil-produzzjoni tal-massa ta' komoditajiet tal-konsumatur bi prezzijiet aktar baxxi, u b'kopertura globali, is-sostenibbiltà saret kwistjoni urġenti fost il-politiċi, id-ditti u l-konsumaturi.[2]
Moda tal-ilbies
immodifikaIl-vjaġġaturi bikrija tal-Punent, li vvjaġġaw lejn l-Indja, il-Persja, it-Turkija, jew iċ-Ċina, spiss kienu jikkummentaw dwar in-nuqqas ta' bidla fil-moda f'dawk il-pajjiżi. Vjaġġatur Spanjol iddeskriva konverżazzjoni li kellu ma' impjegat fis-servizz diplomatiku Ġappuniż fiż-żmien ix-Shogun li baqa' skantat u saħansitra xxukkjat bit-tipi differenti ta' lbies tal-Ewropej. Skontu l-ħwejjeġ Ġappuniżi baqgħu l-istess għal elf sena sħaħ.[3] Madankollu, hemm evidenza konsiderevoli fiċ-Ċina tad-dinastija Ming li l-moda kienet tinbidel malajr fl-ilbies Ċiniż.[4] Bidliet fl-ilbies spiss seħħew fi żminijiet ta’ bidla ekonomika jew soċjali, kif seħħ f’Ruma Antika u fil-Kaliffat Medjevali, segwiti minn perjodu twil mingħajr bidliet sinifikanti. Fi Spanja taħt l-Għarab, fis-seklu 8, il-mużiċist Ziryab introduċa f'Córdoba[5][6] stili ta' ħwejjeġ sofistikati bbażati fuq moda staġjonali u ta' kuljum minn Bagdad, l-Iraq, art twelidu, modifikati mill-ispirazzjoni tiegħu. Bidliet simili fil-moda seħħew fis-seklu 11 fil-Lvant Nofsani wara l-wasla tat-Torok, li introduċew stili ta’ lbies mill-Asja Ċentrali u l-Lvant Imbiegħed.
Barra minn hekk, hemm storja twila tal-moda fil-Punent tal-Afrika. Id-drapp kien jintuża bħala forma ta’ munita fil-kummerċ mal-Portugiżi u mal-Olandiżi kmieni fis-seklu 16. Id-drapp prodott lokalment u l-importazzjonijiet Ewropej irħas kienu jiġu ttrasformati fi stili ġodda biex jakkomodaw il-klassi privileġġjata li kulma jmur kienet qed tikber ta' Afrikani tal-Punent u residenti li kienu negozjanti tad-deheb u tal-iskjavi. Kien hemm tradizzjoni eċċezzjonalment b'saħħitha tal-insiġ tad-drapp f'Oyo u fiż-żoni abitati mill-poplu Igbo.
Fl-Ewropa, il-bidu ta' bidla kontinwa u dejjem aktar mgħaġġla fl-istili tal-ilbies jista' jiġi ddatat b'mod pjuttost affidabbli. L-istoriċi, inklużi James Laver u Fernand Braudel, jiddataw il-bidu tal-moda tal-Punent fl-ilbies min-nofs is-seklu 14,[7][8] għalkemm għandhom it-tendenza li jibbażaw ħafna fuq xbihat kontemporanji u l-manuskritti illuminati ma kinux komuni qabel is-seklu erbatax. Waħda mill-ewwel bidliet l-iktar drammatiċi fil-moda seħħet fl-ilbies tal-irġiel. Il-kapott qsar f'daqqa u b'mod drastiku. Fejn qabel kien jasal sal-pexxun, f'daqqa qsar sew, u fil-parti tas-sider xi kultant kien jiddaħħal tip ta' mili biex jagħti dehra imbuzzata. Dan ħoloq il-kontorn distintiv tal-Punent b'topp imfassal bil-qies li jintlibes fuq leggings jew qalziet.
Fis-seklu ta' wara, il-bidliet bdew iseħħu b'pass iktar mgħaġġel, u l-moda tan-nisa u tal-irġiel, speċjalment fl-arranġament u t-tiżjin tax-xagħar, saret daqstantieħor kumplessa. Għalhekk, l-istoriċi tal-arti jistgħu jużaw il-moda b'kunfidenza u preċiżjoni biex jiddataw ix-xbihat, partikolarment fil-każ ta' xbihat mis-seklu 15. Fil-bidu, il-bidliet fil-moda wasslu għal frammentazzjoni fil-klassijiet għolja tal-Ewropa fejn qabel kienu kkaratterizzati minn stil simili ħafna ta' lbies u l-iżvilupp sussegwenti ta' stili nazzjonali distintivi. Dawn l-istili nazzjonali baqgħu differenti ħafna sakemm fis-sekli 17 sa 18 kontromoviment impona għal darb'oħra stili simili, li oriġinaw l-aktar minn Franza tal-Ancien Régime.[9] Għalkemm is-sinjuri ġeneralment kienu jmexxu l-moda, il-ġid dejjem jiżdied tal-Ewropa moderna bikrija wassal biex il-borgeżija u anke l-bdiewa bdew isegwu t-tendenzi tal-moda mill-bogħod, u dan kien biżżejjed biex jiskomoda lill-klassi privileġġjata - fattur li Fernand Braudel iqis bħala wieħed mill-muturi ewlenin tal-moda li qed tinbidel.[10]
Fis-seklu 16, id-differenzi nazzjonali kienu evidenti ferm. Għaxar ritratti ta' rġiel Ġermaniżi jew Taljani tas-seklu 16 jistgħu juru għaxart ikpiepel kompletament differenti. Albrecht Dürer wera d-differenzi fil-kuntrast attwali (jew kompost) tiegħu tal-moda ta' Nuremberg u dik Venezjana fit-tmiem tas-seklu 15 (fl-illustrazzjoni tal-lemin). L-"istil Spanjol" tal-aħħar tas-seklu 16 beda t-treġġigħ lura lejn is-sinkroniċità fost l-Ewropej ta' klassi għolja, u wara taqbida f'nofs is-seklu 17, deċiżivament, l-istili Franċiżi ħadu t-tmun, proċess li tlesta fis-seklu 18.[11]
Għalkemm il-kuluri u l-mudelli differenti tat-tessuti kienu jinbidlu minn sena għall-oħra,[12] il-qatgħa ta' kowt ta' raġel u t-tul tas-sidrija tiegħu, jew il-mudell kif kienet tinqata' libsa tan-nisa, kienu jinbidlu aktar bil-mod. Il-moda tal-irġiel kienet primarjament ġejja minn mudelli militari, u l-bidliet fis-siluwett maskili Ewropew ġew galvanizzati tul il-gwerer Ewropej fejn l-uffiċjali rġiel taw bidu għal stili differenti, pereżempju l-ingravajjet, fosthom l-ingravata ta' "Steinkirk" jew in-neckties.
Minkejja li kien hemm distribuzzjoni ta’ pupi mlibbsin minn Franza sa mis-seklu 16 u minkejja li Abraham Bosse kien ipproduċa inċiżjonijiet tal-moda fis-snin 20 tas-seklu 17, il-pass tal-bidla qabad ir-ritmu fis-snin 80 tas-seklu 18 permezz ta' żieda fil-pubblikazzjoni ta’ inċiżjonijiet Franċiżi li juru l-aħħar stili ta’ Pariġi. Sal-1800, l-Ewropej tal-Punent kollha kienu jilbsu l-istess (jew hekk kienu jaħsbu); il-varjazzjoni lokali saret l-ewwel sinjal tal-kultura provinċjali u aktar tard timbru tal-bidwi konservattiv.[13]
Għalkemm il-ħajjata tas-sengħa u l-ħajjata tal-ilbies tan-nisa bla dubju kienu responsabbli għal bosta innovazzjonijiet, u l-industrija tat-tessuti tabilħaqq wasslet għal bosta tendenzi, l-istorja tad-disinn tal-moda bdiet mill-1858 meta Charles Frederick Worth, imwieled l-Ingilterra, fetaħ l-ewwel dar awtentika tal-haute couture f'Pariġi. Dan it-titlu ġie stabbilit mill-gvern għad-djar tal-moda li kienu jilħqu l-istandards tal-industrija. Dawn id-djar tal-moda kellhom jaderixxu ma' ċerti standards, pereżempju kellhom iżommu mill-inqas għoxrin impjegat involuti biex jagħmlu l-ħwejjeġ, juru żewġ kollezzjonijiet fis-sena fi sfilati tal-moda, u jippreżentaw ċertu numru ta' mudelli lill-klijenti.[14] Minn dakinhar 'l hawn, l-idea tad-disinjatur tal-moda bħala ċelebrità fih innifsu saret dejjem aktar dominanti.
Għalkemm xi aspetti tal-moda jistgħu jkunu femminili jew maskili, xi tendenzi huma androġeni.[15] L-idea ta' lbies unisex oriġinat fis-sittinijiet tas-seklu 20 meta disinjaturi bħal Pierre Cardin u Rudi Gernreich ħolqu ħwejjeġ, bħal tuniċi jew leggings li jiġġebdu magħmulin mill-jersey, maħsuba biex jintlibsu kemm mill-irġiel kif ukoll min-nisa. L-impatt tal-unisex beda jespandi b’mod iktar wiesa’ biex jinkludi diversi temi fil-moda, inkluż l-androġenija, il-bejgħ bl-imnut bil-massa, u l-ilbies kunċettwali. It-tendenzi tal-moda tas-sebgħinijiet tas-seklu 20, bħall-ġkieket tal-ġilda tan-nagħaġ, ġkieket tal-piloti, kowtijiet mid-duffel (tessut tas-suf li ġej mill-belt ta' Duffel fil-Belġju), u ħwejjeġ mhux strutturati, influwenzaw lill-irġiel biex jattendu laqgħat soċjali mingħajr it-tuxedo u biex jużaw l-aċċessorji b'modi ġodda. Xi stili tal-irġiel ħalltu s-senswalità u l-espressività. Minkejja tendenza konservattiva, il-moviment dejjem jikber tad-drittijiet tal-omosesswali u enfasi fuq iż-żgħażagħ taw lok għal libertà ġdida ta' sperimentazzjoni bl-istili. Id-drapp, bħall-krepp tas-suf, li qabel kien assoċjat mal-ilbies tan-nisa beda jintuża mid-disinjaturi meta joħolqu ħwejjeġ maskili.
L-erba’ bliet kapitali tal-moda ewlenin attwali huma Pariġi, Milan, New York, u Londra, li lkoll huma kwartieri ġenerali tal-aktar kumpaniji tal-moda sinifikanti u huma rinomati għall-influwenza kbira tagħhom fuq il-moda globali. Il-ġimgħat tal-moda jsiru f'dawn l-ibliet, fejn id-disinjaturi juru l-kollezzjonijiet ta' ħwejjeġ ġodda tagħhom lil udjenza. Sensiela ta’ disinjaturi ewlenin bħal Coco Chanel u Yves Saint-Laurent żammew lil Pariġi bħala ċ-ċentru l-iktar segwit mill-bqija tad-dinja, għalkemm l-haute couture issa hija sussidjata mill-bejgħ ta’ kollezzjonijiet ta' ħwejjeġ lesti u fwejjaħ li jużaw l-istess ditti.
In-nies moderni tal-Punent għandhom għażla vasta minn fejn jagħżlu l-ħwejjeġ li jilbsu. Dak li persuna tagħżel li tilbes jista' jirrifletti l-personalità jew l-interessi tagħha. Meta nies li għandhom status kulturali għoli jibdew jilbsu ħwejjeġ ġodda jew differenti, tista' tibda tendenza tal-moda. Nies li jħobbu jew jirrispettaw lil dawn in-nies isiru influwenzati mill-istil tagħhom u jibdew jilbsu ħwejjeġ tal-istess stil. Il-moda tista' tvarja konsiderevolment fi ħdan soċjetà skont l-età, il-klassi soċjali, il-ġenerazzjoni, ix-xogħol, u l-ġeografija u tista' tvarja wkoll maż-żmien. Jekk persuna mdaħħla fiż-żmien tilbes skont il-moda li jużaw iż-żgħażagħ, tista' tidher redikola kemm f'għajnejn iż-żgħażagħ kif ukoll f'għajnejn l-anzjani. It-termini fashionista u vittma tal-moda jirreferu għal min hu lsir tal-moda kurrenti.
Wieħed jista' jħares lejn l-użu ta' modi differenti bħala lingwa tal-moda li tinkorpora dikjarazzjonijiet tal-moda differenti li jużaw grammatika tal-moda. Wieħed jista' jqabbel ftit mix-xogħlijiet ta' Roland Barthes dwar dan is-suġġett.
F'dawn l-aħħar snin, il-moda Asjatika saret iktar sinifikanti fis-swieq lokali u globali. Pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja, u l-Pakistan tradizzjonalment kellhom industriji kbar tat-tessuti, li ħafna drabi kienu użati minn disinjaturi tal-Punent, iżda issa l-istili tal-ħwejjeġ Asjatiċi qed jiksbu wkoll influwenza fuq l-ideat tagħhom.[16]
Industrija tal-moda
immodifikaIl-kunċett tal-industrija tal-moda globali huwa prodott tal-era moderna.[17] Qabel nofs is-seklu 19, ħafna mill-ilbies kien magħmul bil-qies. Kien magħmul bl-idejn għal individwi, jew bħala produzzjoni fid-dar jew fuq ordni minn ħajjata tal-ilbies tan-nisa jew ħajjata tas-sengħa. Fil-bidu tas-seklu 20 - biż-żieda ta’ teknoloġiji ġodda bħall-magna tal-ħjata, iż-żieda tal-kapitaliżmu globali u l-iżvilupp tas-sistema tal-produzzjoni tal-fabbriki, u l-proliferazzjoni ta’ ħwienet bl-imnut bħal ħwienet kbar - il-ħwejjeġ bdew jiġu prodotti bil-massa b'daqsijiet standard u mibjugħa bi prezzijiet fissi.
Għalkemm l-industrija tal-moda żviluppat l-ewwel fl-Ewropa u l-Amerka, mill-2017 'l hawn saret industrija internazzjonali u globalizzata ħafna, bil-ħwejjeġ spiss iddisinjati f'pajjiż, manifatturati f'ieħor, u mibjugħa mad-dinja kollha. Pereżempju, kumpanija Amerikana tal-moda tista' ġġib id-drapp miċ-Ċina u tipproduċi l-ħwejjeġ fil-Vjetnam, tlestihom fl-Italja, u tibgħathom f'maħżen fl-Istati Uniti għad-distribuzzjoni lill-ħwienet bl-imnut fil-livell internazzjonali. L-industrija tal-moda ilha waħda mill-ikbar impjegaturi fl-Istati Uniti, u dan għadu l-każ fis-seklu 21. Madankollu, l-impjiegi fl-Istati Uniti naqsu konsiderevolment hekk kif il-produzzjoni mxiet dejjem aktar barra mill-pajjiż, speċjalment lejn iċ-Ċina. Minħabba li d-data dwar l-industrija tal-moda tipikament hija rrappurtata għall-ekonomiji nazzjonali u espressa f'termini tal-ħafna setturi separati tal-industrija, huwa diffiċli li jinkisbu ċ-ċifri aggregati għall-produzzjoni dinjija tat-tessuti u l-ilbies. Madankollu, bi kwalunkwe miżura, l-industrija tal-ħwejjeġ tammonta għal sehem sinifikanti tal-produzzjoni ekonomika dinjija.[18] L-industrija tal-moda tikkonsisti f'erba' livelli:
- Il-produzzjoni tal-materja prima, prinċipalment il-ħajt, u t-tessuti iżda wkoll il-ġilda u l-fer.
- Il-produzzjoni ta' oġġetti tal-moda minn disinjaturi, manifatturi, kuntratturi, u oħrajn.
- Il-bejgħ bl-imnut.
- Diversi forom ta' reklamar u promozzjoni.
Dawn il-livelli jikkonsistu f'ħafna setturi separati iżda interdipendenti. Dawn is-setturi huma d-Disinn u l-Produzzjoni tat-Tessuti, id-Disinn u l-Manifattura tal-Moda, il-Bejgħ bl-Imnut tal-Moda, il-Kummerċjalizzazzjoni u l-Merchandising, l-Isfilati tal-Moda, u l-Media u l-Kummerċjalizzazzjoni. Kull settur huwa ddedikat għall-għan li tiġi ssodisfata d-domanda tal-konsumatur għall-ilbies taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-parteċipanti fl-industrija joperaw bi profitt.
Tendenzi tal-moda
immodifikaIt-tendenzi tal-moda huma influwenzati minn diversi fatturi, inklużi ċ-ċinema, iċ-ċelebritajiet, il-klima, l-esplorazzjonijiet kreattivi, l-innovazzjonijiet, id-disinji, il-politiċi, u l-fatturi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi. L-eżami ta' dawn il-fatturi jissejjaħ l-analiżi PEST. Dawk li jbassru l-moda jistgħu jużaw din l-informazzjoni biex tgħinhom jiddeterminaw jekk tendenza partikolari hix qed tikber jew tmajna. Tagħti informazzjoni dwar l-arena tal-moda u l-istil tal-ħajja fid-dinja moderna.
Influwenzi politiċi
immodifikaIl-politika kellha rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-moda. Pereżempju, il-First Lady Jacqueline Kennedy kienet ikona tal-moda tal-bidu tas-sittinijiet tas-seklu 20 li mexxiet it-tendenza tal-ilbies formali. B'libsa ta' Chanel, b'libsa dejqa u dritta struttuta ta' Givenchy, jew b'kowt ta' kulur ċar u b’buttuni kbar ta' Cassini, ħolqot id-dehra eleganti tagħha u mexxiet tendenza delikata.
Barra minn hekk, ir-rivoluzzjoni politika wkoll ħalliet impatt kbir fuq it-tendenza tal-moda. Pereżempju, matul is-sittinijiet tas-seklu 20, l-ekonomija saret iktar sinjura, ir-rata tad-divorzju kienet qed tiżdied, u l-gvern approva l-pillola kontraċettiva. Din ir-rivoluzzjoni ispirat lill-ġenerazzjoni żagħżugħa għar-ribelljoni. Fl-1964, id-dublett qasir sar tendenza tal-moda sinifikanti tas-sittinijiet. Minħabba li d-disinjaturi tal-moda bdew jesperimentaw bil-forom tal-ilbies, wesgħin, bla kmiem, mikro-mini, dbielet wesgħin, u kmiem f'forma ta' trumbetta. F'dan il-każ, it-tendenza tad-dublett qasir saret ikona tas-sittinijiet tas-seklu 20.
Barra minn hekk, il-moviment politiku bena relazzjoni impressjonanti mat-tendenzi tal-moda. Pereżempju, matul il-gwerra tal-Vjetnam, iż-żgħażagħ Amerikani waqqfu moviment li affettwa lill-pajjiż kollu. Fis-sittinijiet tas-seklu 20, it-tendenza tal-moda kienet mimlija kuluri fluworexxenti, drappijiet bid-disinn, jeans wesgħin ħafna mill-irkoppa 'l isfel (bell-bottom), flokkijiet bil-frenża, u d-dbielet saru simbolu ta’ protesta. Din hi t-tendenza Hippie, u għadha taffettwa t-tendenza tal-moda sal-lum.[19]
Influwenzi tat-teknoloġija
immodifikaIt-teknoloġija għandha rwol sinifikanti f'ħafna aspetti tas-soċjetà tal-lum. L-influwenzi teknoloġiċi qed isiru iktar evidenti fl-industrija tal-moda. Avvanzi u żviluppi ġodda qed isawru u joħolqu tendenzi attwali u futuri.
Żviluppi bħat-teknoloġija li tintlibes saru tendenza essenzjali fil-moda. Se jkomplu bl-avvanzi bħal ħwejjeġ magħmulin mill-pannelli solari li jiċċarġjaw l-apparat u drappijiet intelliġenti li jtejbu l-kumdità ta' min jilbishom billi jibdlu l-kulur jew in-nisġa abbażi tal-bidliet ambjentali.[20]
L-industrija tal-moda qed tara kif it-teknoloġija tal-istampar 3D influwenzat disinjaturi bħal Iris van Herpen u Kimberly Ovitz. Dawn id-disinjaturi ilhom jesperimentaw u jiżviluppaw biċċiet tal-ilbies bl-istampar 3D. Hekk kif it-teknoloġija tikber, l-istampaturi 3D se jsiru aktar aċċessibbli għad-disinjaturi u eventwalment għall-konsumaturi, li potenzjalment jistgħu jsawru l-industrija tal-moda għalkollox.
It-teknoloġija tal-internet bħal bejjiegħa bl-imnut online u pjattaformi tal-media soċjali wittew it-triq biex it-tendenzi jiġu identifikati, ikkummerċjalizzati u mibjugħa immedjatament.[21] L-istili u t-tendenzi jintbagħtu faċilment online biex joħolqu tendenzi. Karigi fuq Instagram jew Facebook jistgħu jżidu malajr l-għarfien dwar xejriet ġodda fil-moda, li sussegwentement jistgħu joħolqu domanda għolja għal oġġetti jew ditti speċifiċi,[22] teknoloġija ġdida "tal-buttuna Ixtri issa" tista' torbot dawn l-istili ma' bejgħ dirett.
It-teknoloġija tal-viżjoni bil-magna ġiet żviluppata biex issegwi kif il-moda tinfirex fis-soċjetà. L-industrija issa tista' tara l-korrelazzjoni diretta dwar kif l-isfilati tal-moda jinfluwenzaw l-ilbies ta' kuljum. L-effetti issa jistgħu jiġu kkwantifikati u jipprovdu rispons siewi lid-ditti tal-moda, lid-disinjaturi, u lill-konsumaturi rigward it-tendenzi.[23]
It-teknoloġija militari kellha rwol essenzjali fl-industrija tal-moda. Id-disinn tal-camouflage fil-ħwejjeġ ġie żviluppat biex jgħin lill-persunal militari jkun inqas viżibbli għall-forzi tal-għadu. Fis-sittinijiet tas-seklu 20 tfaċċat tendenza u d-drapp tal-camouflage ġie introdott fil-ħwejjeġ ta' kuljum. It-tendenza tad-drapp tal-camouflage sparixxiet u reġgħet tfaċċat diversi drabi minn dak iż-żmien 'l hawn. Il-camouflage beda jidher b'mod qawwi fil-moda sad-disgħinijiet tas-seklu 20.[24] Disinjaturi bħal Valentino, Dior, u Dolce & Gabbana kkombinaw il-camouflage fl-isfilati tal-moda tagħhom u fil-kollezzjonijiet ta' lbies għall-bejgħ.
Influwenzi soċjali
immodifikaIl-moda hija relatata mal-kuntest soċjali u kulturali ta' ambjent. Skont Matika,[25] "Elementi tal-kultura popolari jitwaħħdu meta tendenza ta' persuna tkun assoċjata ma' preferenza għal ġeneru ta' mużika... bħall-mużika, l-aħbarijiet jew il-letteratura, il-moda twaħħdet fil-ħajja ta' kuljum". Il-moda mhix meqjusa biss f'termini ta' valuri estetiċi puri; il-moda hija wkoll mezz biex l-artisti joħolqu atmosfera ġenerali u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom permezz ta' filmati mużikali. L-aħħar filmat mużikali "Formation" ta' Beyoncé, skont Carlos,[26] "L-istilla pop tagħti ġieħ lill-għeruq tagħha tal-Kreol.... li jittraċċa l-għeruq taċ-ċentru tan-nervituri kulturali ta' Louisiana mill-era ta' wara l-abolizzjoni sal-lum, u Beyoncé tikkataloga l-evoluzzjoni tal-istil vibranti tal-belt u l-istorja tumultuża tagħha f'daqqa. Fuq karozza tal-pulizija ta' New Orleans b'ilbies aħmar u abjad Gucci b’għonq għoli u stivali tal-ġlied, hi tpoġġi fost il-fdalijiet tal-Uragan Katrina, u immedjatament iddaħħal lilha nnifisha fl-akbar dibattitu nazzjonali dwar il-brutalità tal-pulizija u r-relazzjonijiet ta’ razza fiż-żminijiet moderni".
L-isfilata tal-moda hija riflessjoni tat-tendenzi tal-moda u l-ħsibijiet ta' disinjatur. Għal disinjaturi bħal Vivienne Westwood, l-isfilati tal-moda huma pjattaforma għall-vuċi tagħha dwar il-politika u l-ġrajjiet kurrenti. Skont Water,[27] fl-isfilata tal-moda tal-irġiel tal-HX15, "kien hemm mudelli b'uċuħ imbenġla sew biex jirrappreżentaw ġellieda favur l-ambjent fuq missjoni biex isalvaw il-pjaneta". Eżempju reċenti ieħor huwa marċ ta' protesta femminista fl-isfilata tar-RS15 ta' Chanel, fejn il-mudelli kienu qed ilissnu flimkien kliem li jagħti s-setgħa lin-nisa bħal "Femministi iżda femminili" u "In-nisa l-ewwel." Skont Water, "l-isfilata sfruttat l-istorja twila ta' Chanel li tippromwovi l-indipendenza tan-nisa: il-fundatriċi Coco Chanel kienet dik li wittiet it-triq għall-ħelsien tal-ġisem tal-mara fl-era ta' wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, u introduċiet siluwetti li jmorru kontra l-korsetti restrittivi li dak iż-żmien kienu għadhom in voga".
Influwenzi ekonomiċi
immodifikaEkonomija ċirkolari
immodifikaBil-kuxjenza ambjentali dejjem tiżdied, l-imperattiv ekonomiku li "Onfoq issa, aħseb wara" qed isir dejjem aktar skrutinizzat. Il-konsumatur tal-lum għandu t-tendenza li jkun iktar konxju dwar il-konsum, li jfittex biss dak li għandu bżonn u ta' kwalità aħjar u li jservi fit-tul. In-nies saru wkoll aktar konxji tal-impatt li l-konsum tagħhom ta' kuljum għandu fuq l-ambjent u s-soċjetà, u dawn l-inizjattivi spiss huma deskritti bħala ċaqliqa lejn moda sostenibbli, iżda l-kritiċi jargumentaw li ekonomija ċirkolari bbażata fuq it-tkabbir hija ossimoru, jew spirali dejjem tikber ta' konsum, minflok soluzzjoni ċirkolari utopika ta' cradle-to-cradle.
Iktar qari
immodifika- Breward, Christopher, The culture of fashion: a new history of fashionable dress, Manchester: Manchester University Press, 2003,ISBN 978-0-7190-4125-9
- Cabrera, Ana, u Lesley Miller. "Genio y Figura. La influencia de la cultura española en la moda. " Teorija tal-Moda: Il-Ġurnal tal-Ilbies, il-Ġisem u l-Kultura 13.1 (2009): 103–110
- Cumming, Valerie: Nifhmu l-Istorja tal-Moda, Kostum & Fashion Press, 2004ISBN 0-89676-253-X
- Hollander, Anne, Jaraw il-ħwejjeġ, Berkeley: University of California Press, 1993,ISBN 978-0-520-08231-1[28]
- Hollander, Anne, Sess u lbiesi: l-evoluzzjoni tal-ilbies modern, New York: Knopf, 1994,ISBN 978-0-679-43096-4
- Hollander, Anne, Feeding the eye: esejs, New York: Farrar, Straus, u Giroux, 1999,ISBN 978-0-374-28201-1
- Hollander, Anne, Tessili tal-viżjoni: libsa u drappijiet fil-pittura, Londra: National Gallery, 2002,ISBN 978-0-300-09419-0
- Kawamura, Yuniya, Fashion-ology: introduzzjoni għall-Istudji tal-Moda, Oxford u New York: Berg, 2005,ISBN 1-85973-814-1
- Lipovetsky, Gilles (tradott minn Catherine Porter), L-imperu tal-moda: dressing demokrazija moderna, Woodstock: Princeton University Press, 2002,ISBN 978-0-691-10262-7
- McDermott, Kathleen, Stil għal kulħadd: għaliex il-moda, ivvintata mir-rejiet, issa tappartjeni lilna lkoll (Storja illustrata), 2010,ISBN 978-0-557-51917-0 - Bosta illustrazzjonijiet bil-kulur imfassla bl-idejn, bibljografija estensiva annotata u gwida għall-qari
- Perrot, Philippe (tradott minn Richard Bienvenu), Fashioning the bourgeoisie: a history of clothing in the 19th century, Princeton NJ: Princeton University Press, 1994,ISBN 978-0-691-00081-7
- Steele, Valerie, il-moda ta 'Pariġi: storja kulturali, (2. ed., Rev. U aġġornata), Oxford: Berg, 1998,ISBN 978-1-85973-973-0
- Steele, Valerie, Ħamsin sena ta' moda: dehra ġdida għal issa, New Haven: Yale University Press, 2000,ISBN 978-0-300-08738-3
- Steele, Valerie, Enċiklopedija tal-ħwejjeġ u l-moda, Detroit: Thomson Gale, 2005
- Davis, F. (1989). Ta' uniformijiet ta' maids u jeans blu: Id-drama tal-ambivalenzi tal-istatus fil-ħwejjeġ u l-moda. Soċjoloġija Kwalitattiva, 12(4), 337-355.
Referenzi
immodifika- ^ "Fédération de la Haute Couture et de la Mode". Fédération de la Haute Couture et de la Mode (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
- ^ "Fixing fashion: clothing consumption and sustainability - Report Summary - Environmental Audit Committee". publications.parliament.uk. Miġbur 2021-09-13.
- ^ Braudel, 312–313
- ^ Timothy Brook: "The Confusions of Pleasure: Commerce and Culture in Ming China" (University of California Press 1999); this has a whole section on fashion.
- ^ al-Hassani, Woodcok and Saoud (2004), Muslim Heritage in Our World, FSTC publishing, pp. 38–39
- ^ Terrasse, H. (1958) 'Islam d'Espagne' une rencontre de l'Orient et de l'Occident", Librairie Plon, Paris, pp. 52–53.
- ^ Laver, James: The Concise History of Costume and Fashion, Abrams, 1979, p. 62
- ^ Fernand Braudel, Civilization and Capitalism, 15th–18th Centuries, Vol 1: The Structures of Everyday Life", p317, William Collins & Sons, London 1981
- ^ Braudel, 317–324
- ^ Braudel, 313–315
- ^ Braudel, 317–321
- ^ Thornton, Peter. Baroque and Rococo Silks.
- ^ James Laver and Fernand Braudel, op cit
- ^ Claire B. Shaeffer (2001). Couture sewing techniques "Originating in mid- 19th-century Paris with the designs of an Englishman named Charles Frederick Worth, haute couture represents an archaic tradition of creating garments by hand with painstaking care and precision". Taunton Press, 2001
- ^ Undressing Cinema: Clothing and identity in the movies – Page 196, Stella Bruzzi – 2012
- ^ Lemire, B., & Riello, G (2008). "East & West: Textiles and Fashion in Early Modern Europe". Journal of Social History, 41(4), 887–916.
- ^ "fashion industry | Design, Fashion Shows, Marketing, & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
- ^ "How Bargain Fashion Chains Will Keep Themselves Cut-Rate -- New York Magazine - Nymag". New York Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
- ^ "Political & Economic Factors That Influenced Fashion in the 1960s | Synonym". classroom.synonym.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
- ^ "Top 6 Tech Trends in the Fashion Industry". RIS News (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
- ^ Parker, Chris; Wang, Huchen (2016). "Examining Hedonic and Utilitarian Motivations for M-Commerce Fashion Retail App Engagement". Journal of Fashion Marketing and Management . 20 (4): 487–506.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
- ^ "安全加密检测". www.thinkrunway.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-10. Miġbur 2021-09-13.
- ^ "How Machine Vision Is About to Change the Fashion World". MIT Technology Review (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
- ^ "Bloomsbury Fashion Central - Home". www.bloomsburyfashioncentral.com. Miġbur 2021-09-13.
- ^ News, The Sunday. "Does pop culture influence fashion?". The Sunday News (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
- ^ Nast, Condé (2016-02-06). "The Fashion in Beyoncé's New Video Is as Powerful as Its Politics". Vogue (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
- ^ Dazed (2015-04-08). "Vivienne Westwood's top ten political moments". Dazed (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-13.
- ^ "Australia has held its first National Indigenous Fashion Awards. Here are the winners". www.abc.net.au (bl-Ingliż). 2020-08-05. Miġbur 2021-09-13.