Belt ta' New York

l-ikbar belt fl-Istati Uniti

New York, spiss imsejħa l-Belt ta' New York biex issir distinzjoni bejn il-belt u l-istat ta' New York (ġieli tiġi mqassra NYC jew tissejjaħ bil-laqam ta' Big Apple (litteralment Tuffieħa Kbira)), hija l-iktar belt popolata u l-ikbar belt fl-Istati Uniti. Skont stimi tal-2020, il-popolazzjoni ta' 8,253,213 ruħ kienet distribwita fuq madwar 784 km2, u għalhekk il-Belt ta' New York hija wkoll l-iktar belt b'popolazzjoni densa fl-Istati Uniti.[1][2] Il-belt tinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Istat ta' New York, u l-belt hija ċ-ċentru taż-żona metropolitana ta' New York, l-ikbar żona metropolitana fid-dinja bħala żona urbana.[3] Fiż-żona statistika metropolitana jgħixu 20 miljun ruħ u kważi 23 miljun ruħ jgħixu fiż-żona statistika kkombinata. B'hekk il-belt hija waħda mill-iktar megabliet popolati fid-dinja. Il-Belt ta' New York ġiet deskritta bħala l-belt kapitali kulturali, finanzjarja u tal-mezzi tax-xandir fid-dinja, u tinfluwenza ferm il-kummerċ[4], id-divertiment, ir-riċerka, it-teknoloġija, l-edukazzjoni, il-politika, it-turiżmu, l-arti, il-moda, u l-isport, u hija l-iktar belt li jeħdulha ritratti fid-dinja.[5] Il-belt tospita l-kwartieri ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[6], hija ċentru importanti għad-diplomazija internazzjonali[7], u kultant ġiet imsejħa bħala l-belt kapitali tad-dinja.[8]

Kartolina tal-Belt ta' New York

Il-belt tinsab fuq wieħed mill-ikbar portijiet naturali fid-dinja, u hija magħmula minn ħames kwartieri (bl-Ingliż: boroughs)—Brooklyn, Queens, Manhattan, il-Bronx, u l-Gżira ta' Staten—li nħolqu meta l-gvernijiet lokali ġew ikkonsolidati f'belt waħda fl-1898.[9] Il-belt u ż-żona metropolitana tagħha jirrappreżentaw id-daħla primarja għall-immigrazzjoni legali fl-Istati Uniti. Fi New York jiġu mitkellma saħansitra sa 800 lingwa, u b'hekk hija l-iktar belt b'diversità lingwistika fid-dinja.[10] F'New York jgħixu iktar minn 3.2 miljun resident li twieldu 'l barra mill-Istati Uniti, li hija l-ikbar popolazzjoni mwielda barra ta' kwalunkwe belt fid-dinja.[11] Mill-2019 huwa stmat li ż-żona metropolitana ta' New York tipproduċi prodott metropolitan gross (PMG) ta' $2.0 triljun. Li kieku ż-żona metropolitana ta' New York kienet stat sovran, kieku għandha t-tmien l-ikbar ekonomija fid-dinja. F'New York jgħixu l-ikbar għadd ta' biljunarji ta' kwalunkwe belt fid-dinja.[12]

L-oriġini tal-Belt ta' New York imorru lura għal bażi kummerċjali li kienet ġiet stabbilita fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Gżira ta' Manhattan mill-kolonjalisti Olandiżi fl-1624. L-insedjament kien ingħata l-isem ta' Amsterdam il-Ġdida (bl-Olandiż: Nieuw Amsterdam; bl-Ingliż: New Amsterdam) fl-1626 u uffiċjalment ġie ddokumentat bħala belt fl-1653.[13] Il-belt spiċċat taħt il-kontroll tal-Ingliżi fl-1664 u ġiet imsemmija New York wara li r-Re Karlu II tal-Ingilterra ta l-artijiet lil ħuh, id-Duka ta' York.[14] Il-belt reġgħet inħakment mill-Olandiżi f'Lulju 1673 u ngħatat l-isem ta' New Orange għal sena u tliet xhur; il-belt ilha tissemma New York kontinwament minn Novembru 1674. Il-Belt ta' New York kienet il-belt kapitali tal-Istati Uniti mill-1785 sal-1790[15], u ilha l-ikbar belt tal-Istati Uniti mill-1790. L-Istatwa tal-Libertà laqgħet miljuni ta' immigranti huma u deħlin fl-Istati Uniti bil-vapur fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20[16], u hija simbolu tal-Istati Uniti u tal-ideali li tħaddan tal-libertà u tal-paċi.[17] Fis-seklu 21, New York feġġet bħala ċentru globali tal-kreattività, tal-imprenditorija[18], u tas-sostenibbiltà ambjentali, kif ukoll bħala simbolu tal-libertà u tad-diversità kulturali.[19] Fl-2019, New York ġiet ivvutata bħala l-ikbar belt fid-dinja fi stħarriġ ta' iktar minn 30,000 ruħ minn 48 belt minn madwar id-dinja, li kollha semmew id-diversità kulturali tagħha.[20]

Bosta distretti u binjiet jew monumenti ikoniċi fil-Belt ta' New York huma magħrufa sew, fosthom tlieta mill-iktar għaxar attrazzjonijiet li jżuruhom turisti fid-dinja.[21] Fl-2017 intlaħaq rekord ta' 62.8 miljun turist li żaru l-Belt ta' New York. Times Square hija l-qalba mdawla tad-Distrett tat-Teatru ta' Broadway[22], wieħed mill-iktar postijiet fid-dinja li minnu jgħaddu nies bil-mixi kuljum[23][24], u ċentru maġġuri tal-industrija tad-divertiment fid-dinja.[25] Bosta mill-postijiet ikoniċi, mill-iskyscrapers[26], u mill-parks tal-belt huma magħrufa mad-dinja kollha. L-Empire State Building sar l-istandard globali ta' referenza biex jiġi deskritt l-għoli u t-tul ta' strutturi l-oħra.[27] Is-suq tal-proprjetà immobbli ta' Manhattan huwa fost l-iktar għaljin fid-dinja.[28][29] Is-Subway tal-Belt ta' New York tipprovdi servizz kontinwu 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa u tikkontribwixxi għal-laqam "il-Belt li Ma Torqod Qatt". Is-Subway tal-Belt ta' New York hija l-ikbar sistema ta' tranżitu rapidu fid-dinja b'operatur uniku, u għandha 472 stazzjon ferrovjarju. Il-belt għandha iktar minn 120 kulleġġ u università, fosthom l-Università ta' Columbia, l-Università ta' New York, l-Università Rockefeller, u s-sistema tal-Università tal-Belt ta' New York, li hija l-ikbar sistema universitarja pubblika urbana fl-Istati Uniti.[30][31][32] Ankrata b'Wall Street fid-Distrett Finanzjarju tal-parti t'isfel ta' Manhattan, il-Belt ta' New York ġiet imsejħa kemm bħala ċ-ċentru finanzjarju ta' quddiem nett fid-dinja kif ukoll l-iktar belt setgħana finanzjarjament fid-dinja, u tospita l-ikbar żewġ boroż fid-dinja bħala kapitalizzazzjoni totali tas-suq, il-Borża ta' New York u n-NASDAQ.[33][34]

Veduta panoramika ta' 16-il kilometru ta' Manhattan minn 120th Street sal-Batterija, meħud fi Frar 2018 min-naħa l-oħra tax-xmara Hudson f'Weehawken, New Jersey. Il-postijiet huma: 1. Riverside Church, 2. Time Warner Center, 3. 220 Central Park South, 4. Central Park Tower, 5. One57, 6. 432 Park Avenue, 7. 53W53, 8. Chrysler Building, 9. Bank of America Tower, 10. Conde Nast Building, 11. The New York Times Building, 12. Empire State Building, 13. Manhattan West, 14a. 55 Hudson Yards, 14b. 35 Hudson Yards, 14c. 10 Hudson Yards, 14d. 15 Hudson Yards, 15. 56 Leonard Street, 16. 8 Spruce Street, 17. Woolworth Building, 18. 70 Pine Street, 19. 30 Park Place, 20. 40 Wall Street, 21. Three World Trade Center, 22. Four World Trade Center, 23. One World Trade Center.

EtimoloġijaEdit

Fl-1664, il-belt ingħatat l-isem ta' New York biex jingħata ġieħ id-Duka ta' York, li iktar 'il quddiem sar ir-Re Ġakbu II tal-Ingilterra.[35] Ħu l-kbir ta' Ġakbu, ir-Re Karlu II, ħatar lid-Duka bħala sid l-eks territorju ta' New Netherland, inkluż il-belt ta' New Amsterdam, meta l-Ingilterra ħatfet it-territorju u l-belt minn taħt il-kontroll tal-Olandiżi.[36]

ReferenziEdit

  1. ^ "U.S. Census Bureau QuickFacts: New York city, New York". www.census.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  2. ^ Bureau, US Census. "City and Town Population Totals: 2010-2020". The United States Census Bureau (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  3. ^ ""World Urban Areas". Demographia. 2018" (PDF).
  4. ^ "New York City: The Financial Capital of the World" (bl-Ingliż). 2015-10-08. Miġbur 2021-07-24.
  5. ^ TravelZoo. "10 Most Photographed Places in the World Will Surprise You".
  6. ^ "Plan your visit | United Nations Visitor Centre". web.archive.org. 2017-03-14. Miġbur 2021-07-24.
  7. ^ "Mayor's Office for International Affairs". web.archive.org. 2015-06-16. Miġbur 2021-07-24.
  8. ^ Roberts, Sam. "When the World Called for a Capital (Ippubblikat fl-2017)". The New York Times. ISSN 0362-4331.
  9. ^ "KBD Preface". web.archive.org. 2011-10-23. Miġbur 2021-07-24.
  10. ^ Lubin, Gus. "Queens has more languages than anywhere in the world — here's where they're found". Business Insider (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  11. ^ "American FactFinder - Results". archive.ph. 2020-02-13. Miġbur 2021-07-24.
  12. ^ Borden, Hillary Hoffower, Taylor. "The top 10 cities in the world for billionaires, ranked". Business Insider (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  13. ^ "History of New York City, New York". www.u-s-history.com. Miġbur 2021-07-24.
  14. ^ "Dutch Colonization". www.nps.gov. Miġbur 2021-07-24.
  15. ^ "U.S. Senate: The Nine Capitals of the United States". www.senate.gov. Miġbur 2021-07-24.
  16. ^ Editors, History com. "Statue of Liberty". HISTORY (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.Manutenzjoni CS1: test żejjed: authors list (link)
  17. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Statue of Liberty". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  18. ^ "Venture Investment - NVCA". web.archive.org. 2016-04-08. Miġbur 2021-07-24.
  19. ^ "New York mayor on Germany trip: The world should know that Americans don't align with Trump" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  20. ^ Gleason, Will. "Citing its diversity and culture, NYC was voted best city in the world in new global survey". Time Out New York (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  21. ^ "The World’s Most-visited Tourist Attractions". Travel + Leisure (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  22. ^ "Times Square | Location, Description, History, & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  23. ^ "The World’s Most-visited Tourist Attractions". Travel + Leisure (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  24. ^ "Awesome Streetscapes in The World - Times Square, Michigan Mile, Shibuya". web.archive.org. 2014-09-21. Miġbur 2021-07-24.
  25. ^ "New York Architecture Images- Midtown- times square short history 3". web.archive.org. 2017-01-25. Miġbur 2021-07-24.
  26. ^ "New York City - The Skyscraper Center". www.skyscrapercenter.com. Miġbur 2021-07-24.
  27. ^ Staff, Reuters (2021-03-25). "Singapore transport minister says Suez block may disrupt supplies to region" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  28. ^ "Manhattan, New York – Some of the Most Expensive Real Estate in the World Overlooks Central Park | The Pinnacle List". web.archive.org. 2014-11-29. Miġbur 2021-07-24.
  29. ^ "6. New York City, U.S.A." Forbes (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  30. ^ "City University of New York | Agency Appropriations | FY 2020 Executive Budget | NYS DOB". www.budget.ny.gov. Miġbur 2021-07-24.
  31. ^ "6. New York City, U.S.A." Forbes (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  32. ^ "City University of New York | Agency Appropriations | FY 2020 Executive Budget | NYS DOB". www.budget.ny.gov. Miġbur 2021-07-24.
  33. ^ Bird, Mike. "The 25 cities with the most economic power on earth". Insider (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  34. ^ Florida, Richard (2012-05-08). "What Is the World's Most Economically Powerful City?". The Atlantic (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  35. ^ Contributor, Etta Badoe, Chronicle. "New Amsterdam becomes New York". Queens Chronicle (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-24.
  36. ^ Thomas J. Archdeacon (2013). New York City, 1664–1710: Conquest and Change. Cornell University Press. p. 19. ISBN 978-0-8014-6891-9.