Monument

struttura li tfakkar persuna jew avveniment

Monument huwa tip ta’ struttura li tkun inħolqot espliċitament biex tikkommemora persuna jew avveniment, jew li tkun saret rilevanti għal grupp soċjali bħala mafkar tagħhom ta’ żminijiet storiċi jew ta’ wirt kulturali, minħabba l-importanza artistika, storika, politika, teknika jew arkitetturali tagħha. Uħud mill-ewwel monumenti kienu xi dolmen jew menħir, kostruzzjonijiet megalitiċi li nbnew għal skopijiet reliġjużi jew funebri.[1] Fost l-eżempji ta’ monumenti nsibu statwi, imfakar (tal-gwerra), binjiet storiċi, siti arkeoloġiċi, u assi kulturali. Jekk ikun hemm interess pubbliku biex jiġi ppreservat, monument jista’ perżempju jiġi elenkat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Bieb il-Bombi, il-Furjana, Malta

Etimoloġija immodifika

 
Il-Piramidi ta’ Giza, l-Eġittu

Il-kelma ‘monument’ toriġina mill-Grieg mnemosynon u mil-Latin moneo, monere, li jfissru 'fakkar', 'ta parir' jew 'wissa',[3] u li jissuġġerixxu li permezz ta’ monument inkunu nistgħu nħarsu lejn l-imgħoddi u naraw b’għajnejna x’jista’ jġib miegħu l-ġejjieni.[4] Bil-Malti, il-kelma ‘monumentali’ sikwit tintuża biex tirreferi għal xi ħaġa ta’ daqs u ta’ setgħa straordinarji, pereżempju skultura monumentali, iżda anke biex tirreferi sempliċement għal kwalunkwe ħaġa li ssir biex tikkommemora l-mejtin, bħal monument funebri jew xi eżempju ieħor ta’ arti funebri.

Ħolqien u funzjonijiet immodifika

 
It-Torri Eiffel, fil-qalba ta’ Pariġi, Franza

Il-monumenti ilhom jinħolqu minn żmien żemżem, u spiss ikunu l-iktar simboli dejjiema u famużi taċ-ċivilizzazzjonijiet antiki. Għadd ta’ tumuli, dolmen u strutturi preistoriċi simili nħolqu minn diversi kulturi preistoriċi madwar id-dinja, u ħafna tipi ta’ oqbra monumentali tal-iktar membri għonja u setgħana ta’ soċjetà spiss ikunu s-sors ta’ ħafna mit-tagħrif tagħna dwar l-arti u dwar dawk il-kulturi.[5] Bl-istess mod kif is-soċjetajiet saru organizzati fuq skala akbar, il-monumenti bħall-Piramidi Eġizzjani, il-Partenon tal-Greċja, il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina, it-Taj Mahal tal-Indja jew il-Moai ta’ Rapa Nui, iċ-Ċilì, saru għeġubijiet li wieħed lanqas biss tgħaddilu minn rasu li jeqridhom u li saru simboli taċ-ċivilizzazzjonijiet li bnewhom. Fi żminijiet iktar reċenti, strutturi monumentali bħall-Istatwa tal-Libertà u t-Torri Eiffel saru emblemi ikoniċi tal-pajjiżi fid-dinja moderna. It-terminu ‘monumentalità’ jorbot l-istatus simboliku mal-preżenza fiżika ta’ monument. F’dan il-kuntest, l-istoriku tal-arti Ġermaniż Helmut Scharf jiddikjara li “Monument jeżisti fl-għamla ta’ oġġett iżda anke bħala simbolu tiegħu. Bħala simbolu tal-lingwa, monument is-soltu jirreferi għal xi ħaġa konkreta, u qajla, f’xi każijiet, jirreferi għal xi ħaġa metaforika ... Monument jista’ jkun simbolu tal-lingwa għal diversi monumenti ... jew għal monument wieħed biss, iżda f’sens usa’ jista’ jirreferi wkoll għal kważi kull oġġett magħruf fl-orizzonti tal-għarfien. ... Dak li jitqies bħala monument jiddependi dejjem fuq l-importanza li jehmeż lill-kuxjenza prevalenti jew tradizzjonali ta’ sitwazzjoni storika u soċjali speċifika.”

Għaldaqstant, il-qafas tad-definizzjoni tat-terminu monument jiddependi fuq il-kundizzjonijiet attwali tal-qafas storiku. Barra minn hekk, hemm ukoll aspetti mehmuża mal-Kultura ta’ Mafkar, mal-memorja kulturali, kif ukoll ma’ kwistjonijiet dwar il-kunċetti tal-isfera pubblika u li persuna jew avveniment jibqgħu mfakkra tul iż-żmien, u mal-għamla u mal-kontenut tal-monument stess. Mill-perspettiva storika tal-arti, id-dikotomija tal-kontenut u tal-għamla twassal għall-problema tal-“kapaċità lingwistika” tal-monument. Huwa ċar li l-element lingwistiku huwa element importanti ta’ monument u spiss jiġi rrappreżentat f’“monumenti mhux oġġettivi” jew “arkitetturali”, minn tal-inqas bi plakka. F’dan ir-rigward, hemm ukoll ir-rabta bejn il-mekkaniżmi soċjali u l-Kultura ta’ Mafkar, fosthom l-aċċettazzjoni tal-monument bħala oġġett, il-kontenuti li jqanqal u l-impatt ta’ dawn il-kontenuti.

 
Il-quċċata tal-għolja tal-iljun fil-Belġju li tfakkar il-Battalja ta’ Waterloo.

Sikwit il-monumenti jintużaw biex itejbu d-dehra ta’ belt jew ta’ post. Bliet ippjanifikati, bħal ngħidu aħna Washington D.C., New Delhi u Brasília spiss jinbnew madwar il-monumenti. Pereżempju, L’Enfant ikkonċepixxa l-post fejn jinsab il-Monument ta’ Washington sabiex jgħin fl-organizzazzjoni tal-ispazju pubbliku fil-belt, saħansitra qabel id-disinn jew il-kostruzzjoni tagħha. Bliet eqdem ikollhom monumenti f’postijiet li diġà jkunu importanti jew xi kultant jiġu ddisinjati mill-ġdid biex jiffukaw fuq post importanti. Kif issuġġerixxa Shelley fil-poeżija famuża tiegħu Ozymandias (“Look on my works, ye Mighty, and despair!”), l-iskop tal-monument ikun li jimpressjonaw jew li jqanqlu suġġestjoni.

L-istrutturi li jkunu nħolqu għal skopijiet oħra u li jsiru magħrufa minħabba ż-żmien li għadda minn fuqhom, id-daqs u/jew l-importanza storika tagħhom jistgħu jitqiesu wkoll bħala monumenti, bħalma ġara pereżempju fil-każ tal-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina. Dan jista’ jiġri wkoll minħabba xi avveniment ta’ importanza kbira li jkun seħħ hemmhekk, ngħidu aħna l-monument tal-għolja tal-iljun fil-Belġju li jfakkar il-Battalja ta’ Waterloo. F’ħafna pajjiżi, il-kunċett ta’ monument antik (jew formulazzjoni simili bħal proprjetà kulturali) jintuża għad-deżinjazzjoni uffiċjali ta’ strutturi protetti jew ta’ siti arkeoloġiċi li oriġinarjament jaf kienu binjiet ordinarji.

 
Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina.

Spiss il-monumenti jkollhom l-għan li jikkomunikaw xi tagħrif storiku jew politiku, u għaldaqstant jistgħu jiżviluppaw qawwa soċjopolitika attiva. Jistgħu jintużaw biex isaħħu l-preminenza ta’ qawwa politika kontemporanja, pereżempju d-diversi statwi ta’ Lenin fl-Unjoni Sovjetika. Jistgħu jintużaw biex jedukaw lill-popolin dwar avvenimenti jew personaġġi importanti mill-imgħoddi, ngħidu aħna permezz tal-għoti ta’ isem ġdid iktar kontemporanju, pereżempju l-Putirjal sar magħruf bħala Bieb il-Belt qabel twaqqa’ fil-proġett ta’ Renzo Piano ta’ mmodernizzar tad-daħla tal-Belt Valletta. Sabiex jaqdi l-funzjonijiet informattivi u edukattivi tiegħu, monument jeħtieġ ikun miftuħ għall-pubbliku, li jfisser li d-dimensjoni spazjali kif ukoll il-kontenut tiegħu jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku u jkunu sostenibbli. Għalhekk, ħafna drabi monument ikun jinsab fi spazju pubbliku jew jiġi ppreżentat pubblikament sabiex tiġi spjegata t-tifsira tiegħu.

It-tifsira soċjali tal-monumenti qajla tkun fissa u frekwentement tiġi kkontestata minn gruppi soċjali differenti. Bħala eżempju, filwaqt li minn naħa l-eks Stat Soċjalista tal-Ġermanja tal-Lvant jaf kienu jħarsu lejn il-Ħajt ta’ Berlin bħala mezz ta’ protezzjoni mill-impurità ideoloġika tal-Punent, min-naħa l-oħra d-dissidenti u oħrajn jaf kienu jargumentaw li kien simbolu tar-repressjoni u tal-paranojja inerenti ta’ dak l-istat.

Tipi immodifika

 
Il-Kolossew ta’ Ruma, l-Italja
 
L-istatwa ta’ Kristu Redentur, f’Rio de Janeiro, il-Brażil
  • Parametri referenzjarji li jitnaqqxu jew jitpoġġew minn aġezija tal-gvern jew kumpanija privata.
  • Binjiet ikoniċi, li s-soltu jinbnew b’xi karatteristika straordinarja, ngħidu aħna jkunu l-ogħla, l-ikbar, jew ikollhom disinn li jiddistingwihom minn binjiet oħra.
  • Ċenotaffji (bil-ħsieb li jagħtu ġieħ lill-mejtin li jkunu midfuna xi mkien ieħor) u mfakar oħrajn li jikkommemoraw lill-mejtin.
  • Monumenti tal-Kristjaneżimu (knejjes, kappelli, katidrali, eċċ.) li jikkommemoraw il-mewt ta’ xi martri jew qaddis fejn il-qabar tagħhom u li jintużaw għal skopijiet reliġjużi.
  • Kolonni, li sikwit ikollhom xi statwa fuqhom.
  • Fjammi eterni li qatt ma jitħallew jintfew, pereżempju xi ħuġġieġa quddiem monumenti jew imfakar tal-gwerra.
  • Funtani u strutturi tal-ilma li s-soltu jkunu jinsabu fil-ġonna jew fil-pjazez ewlenin.
  • Lapidi u monumenti żgħar iddedikati lill-mejtin, li jitpoġġew quddiem l-oqbra tagħhom.
  • Mawżolej u oqbra li jagħtu ġieħ lill-mejtin bħat-Taj Mahal, f’Agra, l-Indja.
  • Monoliti eretti għal skopijiet reliġjużi jew kommemorattivi bħat-tempji megalitiċi tal-Ġgantija, Għawdex.
  • Monumenti tal-Iżlam (moskej, minareti, eċċ.) li ġeneralment ikollhom xi kalligrafija Iżlamika u disinni ġeometriċi tas-sengħa..
  • Għoljiet magħmula minn borġ ġebel jew trab li jikkommemoraw xi mexxejja jew avvenimenti kbar.
  • Obeliski, li normalment jiġu eretti biex jikkommemoraw xi mexxejja kbar.
  • Palazzi u residenzi rjali imponenti li jinbnew bil-ħsieb li jimpressjonaw lin-nies bil-ġmiel u bil-kobor tagħhom.
  • Dwal lejn is-sema, bħal dak fil-Mafkar u l-Mużew Nazzjonali tal-11 ta’ Settembru, fi New York, l-Istati Unit.
  • Statwi ta’ individwi jew simboli famużi.
  • Tempji jew strutturi reliġjużi li jinbew għall-pellegrinaġġi, għar-ritwali jew għal skopijiet kommemorattivi.
  • Monumenti urbani fit-toroq prinċipali tal-bliet u l-irħula.
  • Arkati, mini u bibien ewlenin, li kważi dejjem ifakkru xi suċċess militari, bħal pereżempju Bieb il-Bombi fil-Furjana jew il-Mina ta’ Hompesch f’Ħaż-Żabbar.
  • Imfakar jew monumenti tal-gwerra.
 
Il-mawżolew tat-Taj Mahal, f’Agra, l-Indja

Referenzi immodifika

  1. ^ Caves, R. W. (2004). Encyclopedia of the City. Routledge. p. 470. ISBN 978-0415252256.
  2. ^ "Preserving Cultural Heritages". wmf.org. World Monument Fund. Aċċessat 2021-01-24.
  3. ^ "Monument – definition of". thefreedictionary.com. The Free Dictionary by Farlex. Aċċessat 2021-01-22
  4. ^ John Young Cole; Henry Hope Reed (1997). The Library of Congress: The Art and Architecture of the Thomas Jefferson Building. Norton. p. 16. ISBN 978-0-393-04563-5.
  5. ^ Patton, Mark (1993) Statements in Stone: Monuments and Society in Neolithic Brittany. Routledge, London, ISBN 0415067294, pp. 1-7