Għawdex
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Għawdex huwa parti mill-arċipelagu Malti, u huwa t-tieni l-akbar gżira fid-daqs wara Malta. Għawdex għandu ambjent aktar rurali.
Għawdex magħruf bħala l-Gżira tat-Tliet Għoljiet, kif ukoll bħala l-Gżira ta' Kalipso, isem meħud mil-leġġenda ta' Omeru fl-Odissea, li tirrakkonta kif Ulisse żbarka fuq il-gżira ta' Ogigia (li jingħad li hi Għawdex), fejn Ulisse għex man-ninfa Kalipso.
Storja
immodifikaBħal Malta, l-istorja ta' Għawdex tmur lura sebat elef sena. Hawn instabu siti arkeoloġiċi antiki li xi wħud minnhom huma magħrufa sew, bħalma hu t-tempju megalitiku tal-Ġgantija fix-Xagħra. Hu possibli ħafna li l-ewwel nies li għexu fuq il-Gżejjer Maltin l-ewwel ma għexu kien f'Għawdex minħabba li din hi l-ewwel gżira li tintlaħaq minn Sqallija, minn fejn ġew l-eqdem abitanti tal-Gżejjer Maltin. L-istudjużi jaħsbu li l-ewwel abitanti tal-gżira kienu joqogħdu f'għerien u f'giren.
Fi żmien ir-Rumani, Għawdex sar muniċipju għalih, bi flus u tmexxija differenti minn dik ta' Melita.
Ic-Ċittadella
immodifika- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Ċittadella.
Matul iż-żminijiet, iċ-Ċittadella jew kif l-Għawdxin għadhom isejħula, “il-Kastell”, kienet isservi bħala refuġju għall-Għawdxin, l-istess bħalma l-Imdina kienet isservi għall-Maltin, kull meta l-gżejjer tagħna kienu jigu attakkati mill-furbani. Mhux l-ewwel darba li dawn kienu jiżbarkaw u jattakkaw lil Għawdex. Ma ninsewx li meta Dragut ma setax jieħu dak li ried minn Malta fl-iżbark li għamel f’Malta fl-1551, kien dar lejn Għawdex u kaxkar miegħu mal-5,000 ruħ bħala skjavi, anke jekk dawn kienu qed jistkennu ġewwa s-swar tal-Kastell.
Nafu li ċ-ċitadella kienet abitata, kemm fiż-żmien il-preistorja (2000-750 Q.K.), kif ukoll fiż-żmien ir-Rumani (madwar it-218 ’il quddiem). F’dan l-aħħar perjodu nstab li kienu nbnew diversi binjiet pubbliċi, bħal pereżempju tempji lill-allat pagani, kif ukoll monumenti li ġew mibnija f’ġieħ persunaġġi distinti tal-familji imperjali. Dak iż-żmien il-parti ffortifikata taċ-ċittadella kienet twassal aktar ’l isfel milli hija llum, dan biex tkopri u tipproteġi parti kbira mir-Rabat.
Meta wieħed iżur iċ-Ċittadella, wieħed jinduna li llum din hija kważi vojta mill-abitanti. Biss, il-monumenti storiċi li fiha, jindikaw passat u ħajja oħra aktar vivaċi. Żgur li l-iżjed monument impressjonanti fiċ-Ċittadella huwa l-Katidral li kien imbena bħala knisja ewlenija mill-arkitett Lorenzo Gafà, bejn l-1697 u l-1711. Fiċ-ċokon tiegħu, dan il-katidral xorta jispikka u jagħti xeħta maestuża, mibni kif inhu fuq taraġ wieqaf. L-istatura tiegħu tesprimi d-devozzjoni tal-Għawdxin lejn il-Madonna u l-fidi tagħhom f’Alla. Dan it-tempju nbena wara li ta’ qablu beda jitlef l-istabbilità tiegħu wara t-terremot tal-1693. L-istess kien ġara lill-Katidral tal-Imdina, u bħalu din il-knisja kellha tinħatt u tinbena mill-ġdid. Il-Katidral huwa ddedikat lill-Assunzjoni (il-Madonna Tiela’ s-Sema’) u l-festa titulari hi ċċelebrata fil-15 ta’ Awissu. Il-Katidral għandu koppla taparsi, fis-sens li, minflok ġiet mibnija, il-koppla ġiet impinġija minn ġewwa b’tali mod u manjiera li meta tħares lejha minn taħt, taħsibha koppla ta’ veru. Dan l-affresk huwa xogħol kapulavur tal-pittur Taljan Antonio Pippi. Ma’ dan il-katidral hemm mużew żgħir tal-knisja li huwa ta’ ċertu interess. Quddiem il-Katidral naraw statwi ta’ żewġ Papiet: dik ta’ Piju IX, li kien stabilixxa lil Għawdex bħala djoċesi fl-1864, u dik ta’ Ġwann Pawlu II, li kien żar il-Katidral fis-26 ta’ Mejju 1990.
Iċ-Ċittadella llum għandha ħafna binjiet imfarrka, biss għad fadlilha wkoll ħafna monumenti storiċi li jsebbħuha. Hawn jinsabu l-Palazz tal-Isqof u l-Qorti li ilhom hemm minn ħafna żmien. Insibu wkoll il-mużew tal-arkeoloġija f’Casa Bondì. Hemm ukoll il-Mużew tal-Folklor ġo dar antika u ħelwa, kif ukoll jeżisti mużew wkoll tax-xjenza naturali.
Gvernatur ta' Għawdex
immodifikaFl-1551, l-awtorità tal-ħakem ta’ Għawdex, jiġifieri dak li kien jippresiedi l-ġurati fil-Kunsill Popolari (jew l-Università), kienet abolita mill-Ordni ta’ San Ġwann. Floku l-Gran Mastru appunta uffiċċjal tal-Ordni biex jagħmilha ta’ Gvernatur tal-gżira. L-ewwel gvernatur li kien appuntat f’din il-kariga kien Fra Galazjan de Sesse, uffiċjal tal-Ordni ta’ Aragona. Dan l-ewwel gvernatur spiċċa ħażin ħafna għax safa mkaxkar bħala skjav mal-bqija tal-popolazzjoni, meta fl-istess sena li kien maħtur kien seħħ l-iżbark ta’ Dragut. Il-gvernatur ta’ Għawdex kellu s-sede tiegħu fiċ-ċittadella ta’ Għawdex. Dan kien imexxi b’mod awtokratiku, megħjun mill-ġurati tal-Kunsill. Il-gvernatur kien jagħmilha ta’ mħallef (Kastellan) ta’ Għawdex. F’kawżi ta’ importanza iżgħar kien hemm il-ġurati u l-kuntistabbli. Normalment, il-gvernatur kien iżomm il-kariga tiegħu għal madwar sena, biss kien hemm bosta li damu aktar minn hekk f’din il-kariga. Fir-rigward tad-difiża tal-gżira, il-Gvernatur kien jiddelega lil-Logutenent-Kmandant tiegħu biex imexxi r-riġment tal-Infanterija u mad-disgħin muskettier. Il-gvernatur kellu salarju bażiku ta’ 300 skud fis-sena. Hu kien igawdi wkoll minn taxxi dovuti lilu mill-bdiewa. Fil-knisja ewlenija tal-Kastell, hu kellu siġġu u inġinokkjatur magħmula apposta għalih. Dawn kienu jitqiegħdu fuq il-presbiterju, fuq in-naħa tal-ambone. Il-gvernatur ta’ Għawdex dejjem kien jieħu sehem fil-purċissjonijiet li kienu joħorġu minn din il-knisja.
Agrikoltura
immodifikaGħawdex hu magħruf għall-prodotti tal-biedja li ħafna minnhom ikunu kkunsmati f'Malta.
Ġeografija
immodifikaGħawdex hu madwar sitt kilometri 'l bogħod fil-Majjistral mill-eqreb art ta' Malta. Għawdex għandu erja ta' 67 km², b’tul ta’ 14-il km u b’wisa’ ta’ 7.25 km. Il-gżira għandha popolazzjoni ta' 30,000 ruħ, li 6,000 minnhom jgħixu r-Rabat.