Papa Ġwanni Pawlu II
Il-Papa San Ġwanni Pawlu II (Latin.
: Ioannes Paulus PP. II; Taljan: Giovanni Paolo II; Pollakk: Jan Pawel II), imwieled Karol Józef Wojtyła (18 ta' Mejju 1920 – 2 ta' April 2005), kien il-264 papa fl-istorja tal-Knisja Kattolika mis-16 ta' Ottubru 1978 sa mewtu. Kien it-tieni l-iktar Papa li kellu pontifikat twil, wara Piju IX li dam sitt snin iktar minnu. Huwa l-uniku Papa Slav u Pollakk s'issa. Kien l-ewwel Papa mhux Taljan wara iktar minn erba' sekli ta' Papiet Taljan, sa minn Papa Adrijanu VI mill-1522. Kien l-iktar mexxej dinji li żar pajjiżi: 129 pajjiż. Iddikjara 483 qaddis u 1340 beatu, iktar mill-Papiet l-oħra kollha f'daqqa. Fl-1 ta' Mejju 2011 hu nnifsu kien iddikjarat Beatu fi Pjazza San Pietru mis-suċċessur tiegħu Papa Benedittu XVI. Fis-27 ta’ April 2014, dakinhar ukoll Festa tal-Ħniena Divina, kien iddikjarat qaddis fi Pjazza San Pietru minn Papa Franġisku.
Tfulija
immodifikaKarol Wojtyla twieled nhar it-18 ta’ Mejju 1920, f’Vadovize (Wadowice) fin-nofsinhar tal-Polonja, viċin tal-fruntiera maċ-Ċekoslovakkja, 50 kilometru minn Krakovja u 30 kilometru minn Auschwitz. Dakinhar li twieled kien hemm l-eklissi tax-xemx bħal dakinhar tal-funeral tiegħu 85 sena wara. Dakinhar li twieled ukoll, Marshal Jozef Pilsudski daħal trijonfalment Varsavja wara li l-forzi Pollakki għamlu l-akbar rebħa fuq l-Armata l-ħamra: il-konkwista tal-belt Ukrajna ta’ Kiev. Dakinhar, eluf ta’ Pollakki imlew it-toroq biex jilqgħu lir-rebbieħ ta’ Kiev. Riedu jgħaddu kważi sittin sena oħra biex il-Polonja terġa’ tesperjenza ferħ u tama bħal dik, meta t-tarbija li kienet qed titwieled dakinhar kellha tirritorna trijonfalment f’Varsavja, bħala Mexxej tal-Knisja fl-1979.
Il-Mewt ta' Ommu
immodifikaOmmu Emilia, imwielda Kaczorowska,ta' dixxindenza Litwana, kellha 36 sena meta kella lilu. Kienet "l-isbaħ mara u l-iktar waħda eleganti ta' Vadovize" iżda saħħitha kienet dgħajfa. Sitt snin qabel kienet tilfet it-tifla tagħha, Olga. Semmietu Karol għal missieru, iżda kienet issejjaħlu Lolek.
Nhar l-20 ta' Ġunju tgħammed fil-Knisja tal-Preżentazzjoni tal-Beata Verġni Marija, f'Vadovize, mill-kappillan militari Franciszek Zak. Kienu jgħixu fl-ewwel sular fi triq Rynek 3, ħdejn familja Lhud. Mit-tieqa wieħed jista' jinnota arloġġ tax-xemx bil-kliem: "Il-ħin jgħaddi, l-eternità tistenna."
Kien fuq tiegħu, jixbah ħafna lil ommu. Bit-tifel il-kbir l-iskola, Emilia kienet tgħaddi l-ħin liberu tagħha kollu mat-tarbija, tilgħab miegħu, taqralu u tirrakkuntalu stejjer tal-Bibbja. Meta Lolek beda jmur l-iskola ta’ sitt snin, is-saħħa ta’ ommu bdiet sejra għall-agħar. Uġigħ kbir f’daharha u sturdamenti kienu jitfgħuha fis-sodda. Fl-iskola primarja Karol kien tifel diliġenti u kien iġib riżultati tajbin: “tajjeb ħafna” fir- reliġjon, fil-kondotta, fid-disinn, fil-kant u fil-ġinnastika. “Tajjeb” fis-suġġetti l-oħra kollha.
Missieru Karol, Pollakk etniku, kien suldat fl-eżerċtu Awstro-Ungariku u kien magħruf bħala "il-Kaptan", iżda meta twieled Karol, huwa kien maġenb martu għax kien kbir fl-età biex imur għall-gwerra. Matul it-tqala ta’ martu kien jieħu ħsieb lil binhom il-kbir Edmund li kellu 13-il sena. Fl-1930 Karol ħa lil ibnu Krakovja biex jara lil ħuh jiggradwa tabib. Il-familja kienet qed tgħix bil-pensjoni modesta tal-missier. Il-gradwazzjoni ta’ Edmund kellha toffri futur aħjar għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja ta’ Karol.
Karol kien dilettant kbir tal-futbol u kien ukoll tajjeb ħafna fl-iskola. Bħall-ġenituri tiegħu kien Nisrani tajjeb. Mill-bidunett, Emilia xtaqet li binha jsir qassis, ħolma li kienet taqsamha mal-ġirien. Meta Emilia ttieħdet l-isptar, Karol ta’ 9 snin kien l-iskola. Dakinhar l-għalliema ta’ Karol, li kienet ukoll ġara tagħhom, iltaqgħet miegħu hekk kif wasal id-dar mill-iskola. “Ommok mietet,” qaltlu. Kien t-13 ta' April 1929, u kien għad kellha biss 45 sena. Il-mewt t’ommu serqet dak il-ferħ tat-tfal li qabel kellu Karol. L-għalliema tiegħu nnutat din il-bidla fih. Beda jingħalaq fih innifsu u jsib kenn fil-kotba u fit-talb.
Nhar il-25 ta' Mejju 1929, Karol għamel l-Ewwel Tqarbina wara r-riformi fit-tnaqqis tal-età tal-Papa San Piju fl-1910.
Ħdejh fil-bank tal-iskola kien hemm bil-qiegħda tifel Lhudi, Jerzy Kluger, iben il-president tal-komunità Ebrajka. Kluger kien sar jaf li hu u Karol għaddew għall-ġinnasju statali “Marcin Wadowita”, u mar biex itih l-aħbar. Billi ma kienx id-dar mar ifittxu l-knisja fejn Karol kien iservi ta' abbati. Mara fil-Knisja stkerrhitu għax Lhudi iżda Karol, tifel ta' għaxar snin, qallu: "In-nies ma jafux li aħna ulied tal-istess Alla." Fil-Polonja dak iż-żmien kien hemm 3 miljun Lhudi. Wara l-ġenoċidju Nażista li ġie ftit snin wara, kien baqa' biss 30,000.
Il-Mewt ta' ħuh, Edmund
immodifikaDak iż-żmien ħuh Edmund, imlaqqam “Mundek” kien qed jistudja għal tabib fl-università ta’ Krakovja. Kien żagħżugħ sabiħ, intelliġenti u sportiv. Minn wara l-mewt t’ommu Edmund sar idolu għal Karol. Edmund, li issa kellu 23 sena, kien tennista u futboler tajjeb. Kellu mħabba bla tarf għal ħuh. Kont tarahom iqassmu l-ballun lil xulxin fit-triq. Edmund kien jerfa’ lil ħuh iż-żgħir fuq spallejh meta kienu jkunu għaddejjin minn xi għalqa. Għal Karol, Edmund kien kenn mid-dwejjaq. Meta kien ikun ma’ ħuh, kien iħossu ferħan mill-ġdid. Iżda 3 snin wara l-mewt ta’ ommu, ħuh miet ukoll. Miet waħdu l-isptar wara erbat ijiem f’agunija għax ġie infettat minn epidemija tal-iskarlattina, inqas minn sentejn wara li sar tabib. Dakinhar ġara qalba tajba sabet lil Karol waħdu ċċassat. “Ħadtu f’idejja u għannaqtu miegħi,” irrakkuntat il-ġara. “Lolek, tlift lil ħuk,” qaltlu. B’wiċċ serju, it-tifel ħares lejha u qallha sempliċiment, “Hekk ried Alla.” Sal-lum, f’wieħed mill-kxaxen tal-iskrivanija tiegħu fil-Vatikan, il-Papa għadu jżomm rigal għażiż ħafna għalih li rċieva mill-istaff tal-isptar fejn kien jaħdem ħuh: l-istetoskopju tat-tabib Edmund Wojtyla.
Lejn il-vokazzjoni saċerdotali
immodifikaWara l-mewt ta’ ommu u ħuh, missieru kien determinat li jagħti lill-uniku iben li kien għad baqagħlu l-imħabba kollha li seta’ jagħtih. Il-missier u l-iben kienu jitolbu flimkien - kienu jmorru l-quddiesa kuljum - u jilagħbu flimkien. Spiss kien jieħu lil uliedu fis-Santwarju ta' Ċestokova. Il-Papa jgħid hekk dwar missieru: “Ġieli stenbaħt bil-lejl u kont insibu għarkubbtejh jitlob, l-istess kif kont narah għarkubbtejh fil-knisja. Bejnietna qatt ma tkellimna dwar vokazzjoni għas-saċerdozju, iżda l-eżempju tiegħu b’xi mod kien għalija l-ewwel seminarju, seminarju fid-dar.”
Karol beda jiffrekwenta l-Karmelitani fil-monasteru tagħhom f'Vadovize u sar devot tal-labtu tal-Karmnu, li nkiteb fih meta kellu 12-il sena. Dak il-labtu kellu jiċċappas bid-demm, tant snin wara fl-attentat fuq ħajtu.
Meta beda jikber u kien il-Liċeo, Karol beda jiddedika l-ħin liberu tiegħu kollu għal passatemp ġdid tiegħu: id-drama. Sħabu ma kellhomx dubju li kien se jsir attur. Malajr sar star. Kien attur u awtur tat-teatru rapsodiku. Daħal fi “Studio 38”, ċirkolu teatrali mwaqqaf minn Tadeusz Kudliński. Kienu snin sbieħ għalih. Il-ġirien spiss kienu jisimgħuh nieżel it-taraġ ikanta hu u sejjer għar-rehearsals. Kien ħabib b'mod speċjali ta' tfajla attriċi miegħu, Ginka.
Ta' ħmistax-il sena ntlaqat minn drama oħra ta' natura differenti: il-liturġija tat-Tridu tal-Għid, li sa ma miet baqa' għalih "esperjenza skonvolġenti".
Nhar it-3 ta' Mejju 1938, l-Isqof ta’ Krakovja Adam Sapieha ta s-sagrament tal-Griżma lil Karol, waqt żjara pastorali f’Vadovika. Billi Karol kien kelliem tajjeb, ġie magħżul biex jagħmel diskors ta’ merħba, li kitbu hu stess. L-Isqof baqa’ mpressjonat mid-diskors ħiereġ mill-qalb ta’ student ta’ 18-il sena. Wara ċ-ċerimonja qal lis-surmast tal-liċeo: “Dat-tifel jista’ jkun qassis mill-aqwa. X’jidhirlek?” Iżda s-surmast wieġbu li f’moħħu t-tifel kellu li jsir attur. L-Isqof iddispjàih: “ħasra! Kif narah jien, kien ikun tajjeb għal qassis.” L-Isqof ma kienx ra ħażin. Tmien snin wara kien l-istess isqof li ordna lil Karol Wojtyla qassis.
II Gwerra Dinjija
immodifikaSadanittant id-dinja ta’ madwaru kienet qed tinbidel. Kien fil-katidral antik ta’ Vavel meta l-bombi Ġermaniżi laqtu l-belt fl-1 ta’ Settembru 1939. Hekk kif bdew jinstemgħu l-isplużjonijiet u s-sireni jwerżqu, it-truppi Ġermaniżi avvanzaw lejn Krakovja. Kien mar biex iqerr, kif kien jagħmel f'kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar u kien sab katidral vojt. Huwa baqa' hemm jitlob b'wiċċu mal-art u b'idejh miftħin f'forma ta' salib jitlob. "Kienet l-aħħar darba li stajt nidħol liberament f'dak it-tempju." Il-waqgħa ta’ Polonja ma damitx ma seħħet. Sa ħamest ijiem wara Krakovja kienet okkupata. Wara erba’ ġimgħat Varsavja ċediet, u għal Karol Wojtyla, il-ħajja f’Polonja okkupata kienet bdiet.
Karol u missieru ppruvaw jaħarbu lejn il-Lvant bil-ħsieb li jidħlu fl-eżerċtu li kien qed jirriorganizza ruħu biex iwieġeb għall-invażjoni Nażista. Diġà kienu bdew jaslu l-ewwel aħbarijiet ta' persekuzzjonijiet fuq il-Lid. Fis-17 ta' Settembru r-Russi nvadew il-Lvant tal-Polonja, wara l-Patt Hitler-Stalin, u ħafna Pollakki fosthom Karol u missieru kellhom jerġgħu lura lejn Krakovja, wara mixja ta' 400 kilometru. Wojtyla iktar tard kiteb "Il-Polonja hija l-vera martri tal-Ewropa." Il-parroċċa fejn kien Karol kienet immexxija mis-Sależjani li uħud minnhom kienu jaqbżu għal-Lhud u l-persegwitati. Dawn kollha ġew deportati min-Nażisti ħlief qassis wieħed anzjan. Fil-Kastell ta' Vavel fi Krakovja kien insejda ruħu Hans Frank, il-gvernatur ġenerali Nażista tal-Polonja.
Fil-Barriera
immodifikaKull min ma kellux xogħol approvat mill-Ġermaniżi kien qed jirriskja li jispiċċa deportat fil-Ġermanja. L-universitajiet għalqu u Karol kellu jieqaf mill-istudji fil-Letteratura Pollakka li kien għadu kif beda ftit iktar minn sena qabel fl-Università ta’ Krakovja. Karol kien sema' d-diskors vjolenti, antislav ta' Frank li kien laqqa' l-lekċerers kollha tal-Università ta' Krakovja biex imbagħad arrestahom u iddeportahom. In-Nażisti mhux biss riedu jeqirdu l-pajjiż, iżda ukoll l-għeruq tiegħu, il-kultura u l-ilsien Pollakk.
Fil-ħarifa tal-1940, Karol beda jaħdem f’barriera immexxija mill-fabbrika Ġermaniża Solvay. Għal tmien sigħat sħaħ kuljum kien sfurzat jaħdem barra f’temperaturi li kienu jinżlu sa 22 grad taħt iż-żero. Darba Karol ra wieħed minn sħabu jmut waqt ix-xogħol wara li waqgħet fuqu biċċa blata. Ħass l-uġigħ u r-rabja tal-ħaddiema l-oħra u l-agunija tal-armla tal-ħaddiem mejjet. Dakinhar Wojtyla kien ħażżeż dawn il-versi:
Ma kienx waħdu
il-muskoli tiegħu kibru u laħħmu l-folla
imlew b’enerġija l-polz
sakemm żammew il-martell,
sakemm saqajh ħassew l-art.
U ġebla faqgħetlu nagħsu
u nifditlu l-fond ta’ qalbu.
Huma middewh, dahru fuq liżar ta’ żrar.
ġiet martu, mikula bl-inkwiet; ġie ibnu lura mill-iskola
ħadu ġismu u mxew f’filliera siekta.
Il-ġebel jiċċaqlaq għal darb’oħra: karrettun kollu fjuri.
Għal darb’oħra l-kurrent jaqta’ fil-fond fil-ħitan.
Imma l-bniedem ħa miegħu l-ġewwieni tad-dinja,
fejn ikbar mhi l-korla, ogħla hi l-isplużjoni tal-imħabba.
Il-ħaddiema l-oħra kienu jsejħulu “l-istudent”. Darba ħallihom iċċassati meta rawh ġej abjad karti u jterter bil-bard għax kien ta l-ġakketta tiegħu lil wieħed fqir li ltaqa’ miegħu fit-triq. Ix-xogħol fil-barriera biddlu lil Karol. Wiċċu sar irqiq u mgħaddam. Kien jitħatteb meta jimxi. Ftit li xejn kien qed isib x’jiekol. Biex tagħqad. Iż-żagħżugħ Karol kellu missier marid gravament.
Il-mewt ta' missieru
immodifikaNhar it-18 ta’ Frar 1941, wara ġurnata ta’ kesħa kbira, Karol ħa ftit ikel u mediċini u telaq id-dar flimkien ma’ oħt ħabibu. Daħal fil-kamra ta’ missieru, iżda malajr reġa’ ħareġ jibki. Missieru kien miet b'attakk f'qalbu. Jgħannaq lit-tifla miegħu, wiċċu maħsul bid-dmugħ, beka: “Ma kontx hemm meta mietet ommi, ma kontx hemm meta miet ħija, ma kontx hemm meta miet missieri.” It-tifel baqa’ ħdejn il-ġisem ta’ missieru l-lejl kollu, jaħseb dwar il-futur tiegħu. Iżjed tard il-Papa qal hekk dwar dan iż-żmien: “Ta’ għoxrin sena kont diġà tlift in-nies kollha li kont inħobb.” Fix-xhur ta’ wara, it-tbatija ġegħlitu jintrabat iktar mal-fidi.
Saċerdot
immodifikaDarba waqt li kien qed jaħrab minn raid tal-SS, Karol sar jaf lil Jan Tiranovski, ħajjat, iżda wkoll mistiku li fehem it-taqbida li kien hemm f'ruħ Karol u qabbdu t-triq għall-vokazzjoni. Fi kliem Karol, id-deċiżjoni tiegħu li jsir saċerdot immaturat ruħha bis-sehem tiegħu fit-tbatija, fit-teatru tal-biża' ta' dak iż-żmien, fis-sagrifiċċju ta' tant żgħażagħ tal-ġenerazzjoni tiegħu u fil-qari tal-kitbiet ta' San Ġwann tas-Salib, li l-ħajjat kien laqqgħu magħhom. L-iskop tas-saċerdozju tiegħu u allura ta' ħajtu, kellu jkun li jsir bniedem għall-oħrajn, li jiddefendi d-dinjità ta' kull bniedem, hu min hu u jinsab fejn jinsab.
F’Ottubru 1942, Karol ħabbat il-bieb biex jidħol fis-seminarju klandestin ta’ Krakovja. Karol baqa’ jaħdem fil-fabbrika, u fil-ħin liberu kien jistudja. F’Awissu 1945 f’Varsavja qamet rewwixta tal-Pollakki kontra n-Nażisti li fiha eluf ta’ Pollakki sfaw mejta. Biex ma jiġrix hekk fi Krakovja wkoll il-Gestapo bdew jiġbru l-irġiel kollha taħt il-ħamsin sena. L-Isqof biex iħares lis-seminaristi ġabarhom kollha fil-Palazz tiegħu. Karol issa kien deċiż li jsir saċerdot. L-Isqof libbishom is-suttana biex jekk jinterrogawh ikun jista’ jgħid li kienu qassisin. Karol kien imfittex mill-Uffiċju tax-Xogħol. Kien l-Isqof stess li mar biex jingassa lil Karol mill-fabbrika Solvay.
Filwaqt li r-Russi kienu fuq l-għatba ta' Krakovja, u n-Nażi fil-ħarba, nhar l-1 ta’ Novembru 1946, l-Isqof Sapieha ordna saċerdot lil Karol fil-kappella privata tiegħu. L-għada qaddes l-ewwel quddiesa fil-kripta tal-Katidral ta’ Krakovja. Fost il-mistidnin kien hemm sħabu l-ħaddiema tal-barriera.
Taħt il-Komunisti
immodifikaWara sena u nofs ta’ studju f’Ruma fl-Angelicum tad-Dumnikani fejn kien bagħtu l-Isqof u fejn qara lil San Tumas t'Akwinu u San Ġwann tas-Salib, Dun Karol wasal lura l-Polonja. (Fit-8 ta' April 1948 Wojtyla fil-vaganzi tal-Għid mar Assisi, u wara San Giovanni Rotondo fejn assista quddiesa ta' Padre Pio ta' Pietrelcina. Reġa' mar San Giovanni Rotondo fl-1 ta' Novembru 1974). Mill-ewwel beda jduq il-ħakma ġdida Komunista.
Is-Sovjetiċi u l-gvern Pollakk bdew jimponu l-Istaliniżmu fil-pajjiż, bil-vjolenza bla ebda rispett tal-libertà. Il-Kardinal Stefan Wyszynski, Primat tal-Polonja, ġie arrestat. It-Tygodnik Powszechny, pubblikazzjoni Kattolika li fiha kien jikteb ukoll Wojtyla, tingħalaq. Saċerdoti u attivisti oħra Kattoliċi ġew arrestati u uħud minnhom kundannati għall-mewt.
F’Marzu 1949 l-Isqof Sapieha, li issa kien sar Kardinal, bagħat lil Karol jaħdem fil-parroċċa ta’ San Florjan fejn seta’ jiżviluppa l-kariżma kbira li kellu maż-żgħażagħ. Kien jieħu l-“boys and girls”, kif kien isejħilhom, mixjiet qalb il-muntanji u l-għadajjar. Kien jibdielhom il-ġurnata b’quddiesa. Ġieli bħala artal uża kayak maqlub wiċċu 'l isfel. Biex ma jurix li hu qassis kien jilbes poloshirt u shorts. Il-komunisti ma kinux iħallu lill-qassisin imexxu gruppi ta’ żgħażagħ barra l-knisja. Iż-żgħażagħ kienu jsejħulu “ziju” - kemm b’kunfidenza, kif ukoll biex jevitaw is-suspetti. Iż-żgħażagħ kienu jiftħu qalbhom miegħu u jiddiskutu anke l-imħabbiet tagħhom. Kienu jintlaqtu mill-ġabra assoluta li kien ikun fiha waqt it-talb.
Sitt snin wara beda jgħallem l-Etika fl-Università Kattolika, l-unika università Kattolika tollerata mir-reġim Komunista. Sa minn dak iż-żmien kien hemm min installa mikrospiji biex jikkontrollaw id-diskorsi tiegħu u saħansitra l-qrar tiegħu. Intant Karol kien qed itella' ġenerazzjoni ta' studenti fil-kult tal-libertà, tal-verità u tar-rispett tad-dinjità umana.
Isqof
immodifikaIl-Komunisti kienu jibżgħu minn Wyszynski imma lil Wojtyla ma kinux jarawh perikoluż, għax ma kinux iqisuh bħala bniedem tal-politika, imma sempliċiment studjuż b'tendenzi mistiċi u b'passjoni għat-tagħlim u l-kultura. Fl-aħħar għaxar snin Wyszynski kien sar is-simbolu tal-Knisja Pollakka, difensur tat-tradizzjoni Kattolika tal-pajjiż kontra r-reġim Komunista. Bejn l-1953 u l-1956 kien intefa’ l-ħabs iżda meta ħareġ irnexxielu jġib ħelsien għall-Knisja li fl-ebda pajjiż ieħor Komunista ma kellha.
Nhar l-4 ta’ Lulju 1958, Dun Karol issejjaħ f’Varsavja mill-Kardinal Stefan Wyszynski. Dak il-ħin Wojtyla kien għall-vaganzi f'għadira fit-tramuntana tal-Polonja, fuq il-kayak. Il-Kardinal kellu idea li dan il-qassis sportiv ta’ 38 sena ma kienx aktarx biżżejjed fil-konfront tar-reġim Komunist, u lanqas biss proponieh bħala kandidat għall-episkopat. Iżda l-Vatikan għażel lilu. Meta wasal, Wyszynski refa’ karta minn fuq l-iskrivanija u qallu, “Din hija ittra interessanti li rċevejna mingħand il-Papa,” beda. “Isma, jekk jogħġbok: ‘Qed naħtar lil Dun Karol Wojtyla isqof awżiljarju ta’ Krakovja; esprimi l-approvazzjoni tiegħek għal din il-ħatra.” Il-kardinal ħares lejn Wojtyla. “Taċċetta?” staqsieh. Wojtyla wieġeb iva, u hekk sar l-Awżiljarju tal-Arċisqof Eugeniusz Baziak, u kien ordnat isqof fit-28 ta' Settembru 1958. Kien l-iżgħar isqof fil-Polonja. Erba' snin wara, Baziak miet u Wojtyła nħatar amministratur temporanju tad-djoċesi.
Fl-1978, meta Wojtyla sar Papa u l-kardinali ġew wieħed wara l-ieħor biex jagħtuh qima, Wojtyla niżel għarkubbtejh hu quddiem Wyszynski. Nhar il-31 ta’ Mejju 1981, fl-ewwel diskors tiegħu wara l-attentat fuq ħajtu, il-Papa sellem lill-Kardinal Wyszynski li miet waqt li l-Papa kien l-isptar. Għalih kienet telfa kbira.
Minn Ottubru 1962, l-Isqof Wojtyła beda jieħu sehem fil-Konċilju Vatikan II(1962–1965), fejn ta kontribut għal żewġ digrieti mill-iktar importanti, id-Digriet fuq il-Libertà Reliġjuża (bil-Latin, Dignitatis Humanae) u l-Kostituzzjoni fuq il-Knisja fid-Dinja tal-Lum(Gaudium et Spes).
Nhar it-13 ta' Jannar 1964, Papa Pawlu VI ħatru Arċisqof ta' Krakovja. Fi żmien l-arċiveskovat ta' Wojtyla kien hemm il-kwistjoni ta' Nowa Huta li kellha tkun belt mudell tal-Komuniżmu fi Krakovja. Ma kienx maħsub li tinbena knisja f’din il-belt Komunista iżda Wojtyla mill-bidu, hekk kif sar isqof ħadem kemm felaħ biex iġib permess ħa jibni knisja. Meta ra li l-Komunisti ma jridux jafu, mar fuq is-sit fejn kellha tinbena l-Knisja u ċċelebra l-Quddies ta’ Nofs il-Lejl tal-Milied barra fis-silġ f’temperaturi taħt iż-żero. U fl-1977 il-knisja nbniet u ssemmiet l-Arka tal-Mulej. Lill-awtoritajiet Komunisti kien jibgħatilhom ruxxmata petizzjonijiet biex jinbnew seminarji ġodda, knejjes ġodda u biex isiru l-purċissjonijiet. U meta l-gvern ipprova jwaqqaf milli jiġi mgħallem il-katekiżmu lit-tfal, Wojtyla rreżista bil-qawwa kollha. Pawlu VI sejjaħ lil Wojtyla “un uomo coraggioso e magnifico”. Fl-1976 kien għażel lilu biex jipprietkalu fl-Eżerċizzji tar-Randan.
Fl-1962 Wojtyla kien bagħat ittra lil Patri Piju ta' Pietrelcina, fejn fiha talbu jitlob għal waħda omm żagħżugħa Pollakka li kienet kważi fl-aħħar għax kellha tumur fi griżmejha. Għaddew biss ftit ġranet u Woytla reġa’ kitiblu biex jirringrazzjah għax il-mara kienet qalgħet il-grazzja.
Papa
immodifikaIl-Papa Pawlu VI ħatar lill-Isqof Wojtyla Kardinal fl-1967. Kienu saru ħbieb kbar, u kien għenu f’numru ta’ enċikliki u dokumenti. Nhar is-6 t’Awissu 1978 il-Papa Pawlu VI miet fl-età ta’ 81 sena. Kien ilu Papa 15-il sena, mill-1963. Sentejn qabel in-New York Times, ġurnal Amerikan kien semma’ lil Wojtyla fost l-għaxar kardinali li jistgħu jsiru Papa. Dakinhar tal-mewt tal-Papa, Wojtyla qaddes għalih f’monasteru Franġiskan f’Kalvarja (Polonja), post għall-qalbu ħafna, fejn kienu jieħu gruppi jagħmlu l-Via Sagra. Il-patrijiet rawh inkwetat. Wara Pawlu VI, ntgħażel l-Isqof ta’ Venezja Albino Luciani li ħa l-isem ta’ Ġwanni Pawlu I, l-ewwel Papa b’żewġ ismijiet: il-Papa tat-Tbissima u ħabib tal-foqra. Iżda Ġwanni Pawlu I miet b’attakk f’qalbu, nhar id-29 ta’ Settembru 1978, wara biss 33 jum. Wojtyla reġa’ qaddes f’Kalvarja quddiem l-altar iddedikat lil Massimiljanu Kolbe. Talab biex il-kardinali jagħmlu għażla għaqlija. Qabel ma telaq għal Ruma qal lil sħabu: “Ħbieb tiegħi, itolbu għalija.” Qabel miet, Luciani qal lis-segretarju tiegħu: “Seta’ jintgħażel bniedem aħjar minni. Pawlu VI diġà kien wera min kellu jkun is-suċċessur tiegħu: kien bil-qiegħda quddiemi fil-Kappella Sistina. Hu jrid jiġi, għax jien se nitlaq.” Bil-qiegħda quddiemu kien hemm il-Kardinal Wojtyla. Meta x-xufier ta’ Wojtyla sema’ minn fuq ir-radju bl-aħbar tal-mewt ta’ Luciani u qalha lill-Kardinal, Woytla kesaħ u bjad. Kien jaf x’kien hemm lest għalih.
Wojtyla kien laħaq sar popolari u rispettat ħafna fost il-kardinali. Fis-16 ta’ Ottubru 1978, fis-6.15 p.m. ħareġ duħħan abjad miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina. Nofs siegħa wara l-Kardinal Felici ħareġ fil-gallarija ċentrali ta’ Pjazza San Pietru u qal “Habemus Papam.” L-isem kien stramb u ħawwad lill-folla preżenti: Karolum Wojtyla li kien għażel l-isem ta’ ġwanni Pawlu II. Kien l-ewwel Papa mhux Taljan wara 456 sena. (L-aħħar Papa mhux Taljan kien Adrijanu VI, Olandiż li kien sar Papa fl-1522.) Wojtyla kien ġej minn pajjiż Nisrani ħafna, il-Polonja, immexxija minn gvern ateu Komunista. L-ewwel Papa minn pajjiż tal-Lvant. Relattivament kien għadu żgħir: 58 sena.
Il-folla kienet qed tistenna l-barka tradizzjonali Urbi et Orbi iżda qabel il-Papa għamel xi ħaġa mhux tas-soltu. Tkellem mal-folla b’mod familjari, b’Taljan b’aċċent Pollakk: Carissimi fratelli e sorelle, għadna mnikkta bil-mewt tal-maħbub tagħna l-Papa ġwanni Pawlu I, u għalhekk il-Kardinali sejħu Isqof ġdid ta’ Ruma. Sejħulu minn pajjiż ‘il bogħod, ‘il bogħod iżda qrib, minħabba l-għaqda tagħna fit-tradizzjonijiet tal-Knisja. Kont imbeżża’ li naċċetta din ir-responsabbiltà, iżda qed nagħmel dan fi spirtu ta’ ubbidjenza lejn il-Mulej u b’fiduċja sħiħa f’Marija, Ommna l-iktar qaddisa.” Il-folla diġà kien ħakimha, iżda ssokta: “Ma nafx jekk nistax nesprimi lili nnifsi fil-lingwa tagħkom - le, fil-lingwa tagħna, it-Taljan. Jekk nagħmel l-iżbalji, tridu tikkoreġuni.”
Malli sar Papa, mill-ewwel wera kemm ried kuntatt dirett man-nies. Ma kinitx ħaġa tas-soltu li min ikun għadu kif intgħażel Papa jħalli l-Vatikan qabel il-quddiesa tal-inawgurazzjoni. Iżda ġwanni Pawlu II, l-għada li ntgħażel ħareġ mill-Vatikan u mar fl-Isptar Gemelli biex jara lil ħabib tiegħu Pollakk, Mons. Andrea Deskur. U la kien hemm ma rax biss lil ħabibu. Sab il-ħin ukoll biex jiltaqa’ mal-ħaddiema tal-isptar. Meta kien se jitlaq xi ħadd fakkru li ma kienx berikhom. Il-Papa bi tbissima fuq fommu qallhom: “Għax għad irrid nitgħallem inġib ruħi ta’ Papa.” Fl-ewwel quddiesa tiegħu bħala Papa, reġa’ kiser it-tradizzjoni meta fl-aħħar innu beda riesaq lejn in-nies miġburin fi Pjazza San Pietru. Jgħannaq grupp ta’ ħandikappati fuq is-siġġu tar-roti, jieħu b’idejn in-nies u jbus it-trabi. Imbagħad b’ħarstu fissa fuq il-folla entużjasta, għolla l-kurċifiss b’idejh it-tnejn u ta l-barka. Jibqa’ magħruf il-kliem tiegħu f’dik l-ewwel quddiesa: “Ħuti, tibżgħux tilqgħu lil Kristu u taċċettaw is-setgħa tiegħu. Għinu lill-Papa u lil dawk kollha li jixtiequ jaqdu lil Kristu u bis-setgħa tiegħu jaqdu lill-persuna umana u lill-umanità kollha. La tibżgħux. Iftħu beraħ il-bibien għal Kristu, għas-setgħa tiegħu li tifdi. Iftħu l-ħitan tal-Istati, tas-sistemi ekonomiċi u politiċi, tal-oqsma vasti tal-kultura, taċ-ċiviltà u tal-iżvilupp. La tibżgħux. Kristu jaf ‘x’hemm fil-bniedem'. Hu waħdu jaf”.
L-Attentat fuq ħajtu
immodifikaFtit iktar minn sentejn wara l-ħatra tiegħu, il-Knisja kienet se terġa’ titlef il-mexxej spiritwali tagħha. Nhar it-13 ta’ Mejju 1981, fil-5pm, il-Papa ħareġ għall-appuntament tiegħu ta’ kull ġimgħa biex jiltaqa’ mal-poplu fi Pjazza San Pietru. Kif kien qed idur fil-popemobile miftuħa, instema’ ħoss li jtarrax. Il-ħamiem kollu tal-pjazza tar. Il-Papa waqa’ fuq is-segretarju tiegħu, fdaqa. Is-segretarju nduna li l-Papa ntlaqat iżda ma kien jidher l-ebda sinjal ta’ demm jew feriti. Staqsieh fejn laqtuh. Il-Papa wieġbu, ‘F’żaqqi.’ Il-Papa kien intlaqat f’żaqqu, minkbu tal-lemin u subgħu l-werrej ta’ idu x-xellugija. Tqiegħed f’ambulanza li ħaditu malajr lejn l-isptar.
“Marija, omm tiegħi! Marija, omm tiegħi!”. Hekk irrepeta l-Papa huma u jwassluh sa l-isptar. Għajnejh kienu magħluqin, u kien qed iħoss uġigħ kbir. Fl-Isptar Gemelli, il-kundizzjoni tiegħu kienet kritika. Kien tilef ħafna demm. Tawh l-aħħar sagramenti. L-operazzjoni damet kważi ħames sigħat u nofs. L-ebda organu vitali ma kien intmiss mill-bullet sparat. Iktar tard il-Papa qal, “Id waħda sparat u id oħra mexxiet il-bullet.”
Min sparalu nqabad mill-ewwel. Kien terrorista Tork, bl-isem ta’ Ali Agca. Sentejn qabel, kien ħarab minn ħabs fit-Turkija fejn kien intefa’ għax qatel editur ta’ gazzetta. Meta ħarab bagħat ittra lil din il-gazzetta li kienet tgħid “L-uniku skop li kelli meta ħrabt kien biex noqtol lill-Papa.” Dan ġara fiż-żmien meta l-Papa kien qed jagħmel żjara fit-Turkija. Disat ijiem qabel l-attentat, il-gvern Tork wissa lill-pulizija Taljana li Agca kien qiegħed fl-Italja b’passaport falz. Imma l-pulizija ma laħqux sabuh qabel ġara l-attentat. Iżda r-raġuni vera wara l-attentat fuq il-ħajja tal-Papa saret wieħed mill-ikbar misteri mhux solvuti tas-sekli għoxrin. ħafna kienu konvinti li s-Sovjetiċi jew l-alleati Komunisti tagħhom kienu l-moħħ wara dan l-attentat. Li hu żgur hu li l-Papa kien skomdu ħafna għall-Komunisti u huma xtaqu jeħilsu minnu. Fl-1984, qorti Taljana akkużat lis-servizzi sigriet Bulgari li riedu jeħilsu mill-Papa biex iwaqqfu l-moviment tal-ħaddiema fil-Polonja.
Malli l-Papa ġie f’sensih, mill-ewwel ħafer lil min sparalu. Iżda nhar is-27 ta’ Diċembru 1983 ried jagħmel ġest mill-isbaħ li jibqa’ jsemmi fl-istorja. Ali Agca jinżel għarkubbtejh fiċ-ċella tiegħu tal-ħabs quddiem il-Papa u jbus l-id tal-bniedem li hu prova joqtol. Waqt il-laqgħa emozzjonanti ta’ bejniethom, Agca talab maħfra u l-Papa, li kien qed jagħmel żjara tal-Milied fil-ħabs Ruman ta’ Rebibbia, ħafirlu b’qalbu kollha. Meta ħareġ miċ-ċella, il-Papa li kien jidher kommoss ħafna, qal: “Tkellimt ma’ wieħed minn ħuna li fih għandi fiduċja sħiħa. Dak li għedna lil xulxin huwa sigriet bejnietna.” F’ġunju ta’ sentejn qabel Agca kien intbagħat għomru l-ħabs minn qorti Taljana.
Il-Papa jgħid li kienet il-Madonna ta’ Fatima li salvatu minn dak l-attentat. Fil-fatt kien fit-13 ta’ Mejju ta’ 64 sena qabel (1917) li l-Madonna dehret lil tliet itfal u qaltilhom tliet sigrieti, fosthom li “Ir-Russja għad tikkonverti, fl-aħħar tirbaħ il-qalb tiegħi.” Il-Papa jgħid li “ma setgħux kienu huma li vvintaw din it-tħabbira. La kienu jafu l-istorja u lanqas il-ġeografija, u wisq anqas kellhom tagħrif dwar movimenti soċjali u żvilupp ta’ ideoloġiji. U b’danakollu seħħ kulma kienu ħabbru.” Il-Papa żar is-santwarju ta’ Fatima darbtejn: L-ewwel darba fl-1982 biex jirringrazzja l-Madonna li salvatu eżattament sena qabel. Il-bullet li t-tobba qalgħu mill-ġisem tal-Papa tpoġġa mad-djamanti tal-kuruna li titqiegħed fuq ras il-Madonna f’okkażjonijiet speċjali. F’din iż-żjara, raġel b’sikkina prova joqtlu. Reġa’ mar fl-1991 wara li spiċċa l-Komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant u kkonsagra d-dinja kollha lill-Verġni Marija.
Ħajja Spiritwali
immodifikaPenitenzi
immodifikaPapa Ġwanni Pawlu II kien iqatta’ ljieli mixħut minn tulu għall-qiegħa tal-art, kien isum qabel l-ordinazzjoni saċerdotali u episkopali u kien jiflaġella lilu nnifsu. Dan iddikjarah il-promutur tal-kawża tal-kanonizzazzjoni tiegħu Mons Slawomir Oder. Meta kien qed jindirizza lill-ġurnalisti fit-tnedija tal-ktieb WHY HE’S A SAINT: THE REAL JOHN PAUL II ACCORDING TO THE POSTULATOR OF HIS BEATIFICATION CAUSE, Mons Oder qal li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien juża l-mortifikazzjoni fuqu nnifsu fost affarijiet oħra biex jimxi iktar 'il quddiem fil-ħajja tal-perfezzjoni.
Il-Kult Marjan
immodifikaL-unika ħaġa li l-Papa żied meta daħal fl-appartament tiegħu fil-Vatikan kienet xbieha tal-Madonna s-Sewda ta’ Ċestekova. Il-Papa jgħid hekk: “Il-Verġni ta’ Jasna Gora ilha mijiet ta’ snin meqjuma bħala s-Sultana tal-Polonja. Dan hu s-Santwarju tan-nazzjon kollu kemm hu. Mis-Sidt u s-Sultana tagħha, il-Polonja, tul mijiet ta’ snin, fittxet u għadha tfittex għajnuna u qawwa għal twelid spiritwali ġdid.” Il-motto li kien għażel meta sar isqof kien Totus Tuus (Kollni tiegħek) indirizzat lil Marija. Devot kbir tal-Madonna, il-Papa ddedika l-1987 bħala s-sena Marjana bi thejjija għall-millenju l-ġdid: bħalma Marija hejjiet għal ġesù f’ġufha, hekk issa tistenna magħna l-elfejn anniversarju tat-twelid ta’ binha. Fl-istess sena ħareġ l-enċiklika sabiħa tiegħu, Redemptoris Mater (Omm il-Feddej, 1987).
Il-Ġlieda kontra l-Komuniżmu
immodifikaGħalkemm il-Papa Ġwanni Pawlu II baqa' msemmi fl-istorja bħala wieħed minn dawk li għen biex jispiċċa l-Komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant, hu jgħid: “Ma kontx jien li għamilt dan. Is-siġra kienet diġà mħassra. Jiena tajt skoss tajjeb, u t-tuffieħ imħassar waqa’.”
Lech Walesa, kien mexxej ta’ Solidarnosc (Solidarjetà) għaqda Pollakka tal-ħaddiema li sfidat ir-reġim Komunista tal-Polonja. Mill-bidu nett tal-ġlieda tiegħu, Walesa kellu l-appoġġ sħiħ tal-Papa li ltaqa’ miegħu kemm -il darba kemm f’Ruma kif ukoll fil-Polonja. Meta mar Ruma f’Jannar 1981, Walesa qal,“L-iben ġie jara lil missieru.” F’Mejju seħħ l-attentat fuq il-Papa. F’Diċembru r-reġim Pollakk daħħal il-liġi marzjali għax kien qed jibża’ minn gwerra ċivili. Walesa ntefa’ l-ħabs fejn dam kważi sena. Wara 8 snin Walesa rnexxielu jġib elezzjonijiet demokratiċi li waqqgħu l-gvern Komunista u ħolqu demokrazija Pollakka ġdida fl-1989.
Fl-1 ta’ Diċembru 1989, fil-Vatikan, seħħet il-laqgħa storika bejn Mikhail Gorbachev, il-mexxej tal-Unjoni Sovjetika u l-Papa. Laqgħa “mhejjija mill-Providenza” li temmet sebgħin sena ta’ nuqqas ta’ fiduċja bejn il-Knisja u l-eqdem stat ateu fid-dinja. Gorbachev wiegħed li jdaħħal liġijiet dwar il-libertà sħiħa reliġjuża liċ-ċittadini Sovjetiċi, wegħda li saret realtà f’inqas minn sena. Il-Papa bierek ir-riformi li kien qed iwettaq Gorbachev f’pajjiżu. Jumejn wara, saret f’Malta l-laqgħa storika bejn Gorbachev u George Bush, il-President Amerikan. Iżda iktar ma għadda żmien, Gorbachev ikter beda jitlef il-popolarità tiegħu, u Boris Yeltsin beda jsib appoġġ ikbar. Dan kompla kiber f’Awissu 1991 meta sar kolp ta’ stat kontra Gorbachev li ġie fi tmiemu bis-saħħa ta’ Yeltsin. Waqt li Gorbachev kien arrestat, il-Papa appella għall-ħelsien tiegħu. F’Diċembru l-Unjoni Sovjetika spiċċat, Gorbachev irriżenja u Yeltsin sar President. Fl-ewwel tas-sena 1996 Yeltsin u l-Papa bagħtu messaġġi ta’ awguri lil xulxin fejn assiguraw lil xulxin li kienu rkupraw, wara li matul dik is-sena it-tnejn li huma kellhom interventi mediċi.
Kontra l-Gwerra
immodifikaNhar it-2 t’Awissu 1990 l-Iraq okkupa l-Kuwajt, pajjiż żgħir iżda sinjur għax produttur taż-żejt. Il-Papa mill-ewwel ikkundanna din l-okkupazzjoni għax kull nazzjon għandu d-dritt għall-eżistenza ħielsa tiegħu. Iżda meta l-Amerika flimkien ma’ pajjiżi bdew jippreparaw għal gwerra kontra l-Iraq, il-Papa tkellem ċar u tond kontra l-gwerra għax “Alla jikkundanna l-gwerra” li hi mewt u vjolenza. Il-Papa ħass id-dulur ta’ dawk kollha li sofrew matul il-gwerra li seħħet f”Jannar 1991: in-nies tal-Kuwajt, is-suldati joqtlu lil xulxin, il-vittmi innoċenti tal-eħrex bumbardamenti li qatt rat l-istorja tal-bniedem. Wara din il-gwerra l-ġnus Magħquda mponiet embargo fuq l-Iraq. Il-Papa kkundanna dan l-embargo, li fih il-poplu Iraqi safa nieqes mill-iktar ħwejjeġ essenzjali, bħal ikel u mediċini.
Id-Dinjità tal-Bniedem
immodifikaWara l-waqgħa tal-Komuniżmu, il-Papa nsista li jridu jsiru sforzi ġodda biex jiġu mgħejjuna l-foqra. Il-flus li jintefqu għall-armamenti ikun aħjar jekk jintefqu fi żvilupp u għajnuna lill-pajjiżi foqra. “Il-waqgħa tal-ħitan li kienu jifirdu l-Lvant mill-Punent ħarġu fil-beraħ il-ħitan tal-faqar, vjolenza u inġustizzja politika li għadhom jifirdu parti kbira mill-umanità.” Fil-bosta vjaġġi li għamel f’pajjiżi foqra fl-Afrika, fl-Amerika Latina u fl-inħawi l-iktar iżolati tad-dinja, dejjem saħaq li l-bniedem għandu jiġi rrispettat fid-dinjità kollha tiegħu. Il-faqar, fil-forom kollha tiegħu, imur kontra d-dinjità tal-bniedem. Il-Knisja “tkompli tgħolli l-vuċi tagħha, tikkundanna l-inġustizzji, il-ħruxija kontra l-aktar fqar u sempliċi, mhux f’isem xi ideoloġija, hi liema hi, imma f’isem Kristu, l-Evanġelju Tiegħu, il-messaġġ tiegħu ta’ mħabba u pài, ta’ ġustizzja, verità, u libertà.”
Il-Lhud
immodifikaIl-Papa minn dejjem ħass il-bżonn li jkun djalogu bejn il-Lhud u l-Insara. Fit-13 t’April 1986 għamel l-ewwel żjara li qatt għamel Papa f’sinagoga, wara San Pietru. Huwa żar is-sinagoga ta’ Ruma, komunità eqdem mill-eqdem knisja Nisranija f’Ruma. Meta San Pietru u San Pawl waslu Ruma, sabu li hemm hekk diġà kien hemm komunità Lhudija. Waqt li kien qed jitkellem fis-sinagoga, il-Papa, li sejjaħ lill-Lhud “ħutna l-kbar” kien kważi se jibki. Meta kien żgħir il-Papa tilef bosta ħbieb (Lhud Pollakki) li ttieħdu fil-kampijiet ta’ Auschwitz. Darba, meta kien żgħir, kien mar f’sinagoga fir-raħal tiegħu ma’ missieru biex jisma’ kantur magħruf. Issa kien bilqiegħda jisma’ kor ikanta “Ani Maamin” (Jiena nemmen) li kienet titkanta mil-Lhud ikkundannati fil-kampijiet Nażisti fi triqthom lejn il-kmamar tal-gass. Il-Papa kkundanna kemm -il darba l-anti-semitiżmu u talab maħfra għal dawk il-membri tal-Knisja li matul l-istorja baqgħu passivi quddiem ġrajjiet li ħallew miljuni ta’ Lhud mejta.
Ekumeniżmu
immodifikaL-għada li ġie elett Papa, Ġwanni Pawlu kkometta ruħu kollu kemm hu għall-għaqda tal-Insara. Huwa wera t-tama tiegħu li bi sforzi komuni “nistgħu naslu għal għaqda sħiħa”. Waħda mill-ewwel żjarat tiegħu kienet fit-Turkija, fl-1979, meta għall-ewwel darba Papa qaddes mal-Patrijarka ta’ Kostantinopli, il-mexxej tal-Knejjes Ortodossi. Ix-xewqa tal-Papa għadha tidher ‘il bogħod għax id-differenzi f’ċerti każi kibru flok naqsu bħall-ordinazzjoni tal-qassisin nisa fil-Knejjes Protestanti. Fl-enċiklika tiegħu Ut Unum Sint (Li Jkunu ħaġa Waħda, 1995) il-Papa jitkellem dwar il-kwistjonijiet li għadhom jifirdu l-knejjes Insara bħall-Ewkaristija, l-irwol tal-Verġni Marija, u r- relazzjoni bejn l-Iskrittura u t-tradizzjoni. Fl-istampa jidher, l-Arċisqof ta’ Canterbury Robert Runcie, mexxej tal-Knisja Anglikana, li bejn l-1980 u l-1989 iltaqa’ mal-Papa ħames darbiet u saru ħbieb kbar.
Vjaġġi Papali
immodifikaŻgur li dan il-Papa ma setax jissejjaħ “priġunier tal-Vatikan”. Ma kienx l-ewwel Papa li ħareġ mill-Vatikan. Iżda żgur kien l-aktar Papa li vjaġġa, iktar minn tmenin vjaġġ. Jagħmel dan għax “Il-missjoni ta’ Pietru hija li nkun pastoralment responsabbli tal-Knisja kollha” u “Nimxi t-toroq tad-dinja kollha biex insir naf il-bżonnijiet tal-bnedmin.” X’jistenna l-Papa mill-vjaġġi? Il-Papa jgħid li l-iktar importanti fil-ministeru tiegħu huwa li “niftaħ it-triq għall-Ispirtu s-Santu.”
Malta
immodifikaFl-1990. F’Mejju 1990 il-Papa għamel żjara ta’ tlett ijiem f’Malta. Il-Papa baqa’ impressjonat b’din iż-żjara. Meta wasal lura fil-Vatikan, il-Papa qal li fil-kuntatt dirett li kellu mal-poplu Malti seta’ jara kemm il-Maltin huma nies kburin u nobbli. Qal li l-laqgħa kordjali li rċieva f’Malta għadha ħajja f’qalbu. Il-Papa qal li minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta għandha importanza kbira internazzjonali waqt li fakkar li għandha vokazzjoni speċjali biex tagħmilha ta’ medjatriċi bejn il-popli li jgħixu fuq ix-xtut tal-Mediterran. Il-Papa awgura li Malta ma twarrab qatt il-wirt prezzjuż tal-valuri miġbura mill-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija. Folol enormi ta’ Maltin u Għawdxin kienu tawh merħba mimlija entużjażmu matul il-Konċelebrazzjoni Solenni li saret fuq il-Fosos tal-Floriana. Għal dan l-avveniment, kienu attendew aktar minn 120,000 ruħ, u ħadu sehem iżjed minn 800 saċerdot. Is-sostitut segretarju tal-Istat tal-Vatikan Mons Giovanni Battista kien qal li “l-akkoljenza li l-Papa ngħata f’Malta ftit li xejn rajt bħalha.” Tmien snin wara, meta kien qed jitkellem man-Nunzju għal Malta, Mons. Josè Sebastian Laboa, huwa qallu li għandu impressjoni straordinarja dwar Malta u li għalih, mill-pajjiżi kollha li żar fil-Mediterran, Malta kienet qisha ħolma.
Fl-1 ta’ Settembru 1990, il-Papa għamel waqfa ta’ siegha u ftit minuti f'Malta, sakemm l-ajruplan li kien fuqu fi triqtu lejn it-Tanżanija ngħata l-fuel. Bosta nies kienu nġabru fil-gallarija tal-ajruport filwaqt li d-diversi ħaddiema tal-Air Malta inġabru madwar l-ajruplan tal-Papa. Dakinhar, il-Papa ma niżilx l-art, iżda ħareġ biss mill-ajruplan, sellem u bierek lill-poplu Malti.
Huwa reġa' żar Malta f'Mejju 2001 biex ibbeatifika l-ewwel tliet beati Maltin, Dun Ġorġ Preca, Marija Adeodata Pisani u Nazju Falzon.
Mard u Mewt
immodifikaFl-aħħar tlettax -il sena ta' ħajtu Karol Woutyla ,li meta sar Papa fl-1978 kien bniedem sportiv u enerġetiku, kellu jċedi għat-tbatijiet tal-marda Parkinson's. Minkejja t-tbatijiet imqanqla minn din il-marda, huwa kompla bil-vjaġġi tieghu. Kemm -il darba alluda għat-tbatijiet tiegħu fil-metafora Kristjana tas-salib. Xbieha li kompliet toħroġ tul l-aħħar jiem.
Il-mewt ta’ Ġwanni Pawlu II tħabbret fid-9.37pm tas-Sibt 2 ta' April 2005, wara li fil-bulettin mediku tas-7.00 pm, il-kundizzjoni ta’ saħħtu kienet deskritta bħala li qalbet għall-agħar. Żdiedlu id-deni, u l-perjodi li fihom ma jkunx konxju komplew isiru aktar spissi. Sorsi kkwotati minn mezzi tax-xandir Taljani qalu li l-Papa qabad it-triq tal-mewt: “Diġà qiegħed imiss lill-Kristu.” L-aħbar tal-mewt kienet ikkonfermata mill-Vatikan madwar l-9.50pm. Sa mill-Ġimgħa, l-1 ta' April madwar 70,000 ruħ kienu nġabru fi Pjazza San Pietru, f’Ruma, biex jitolbu, ikantaw u jimmeditaw l-aħħar sigħat ta’ Ġwanni Pawlu II. Fid-dinja kollha sar talb fil-knejjes, anke fiċ-Ċina, fejn il-gvern ma jagħrafx l-awtorità tal-Vatikan fuq il-qassisin tal-pajjiż. Sar talb għall-Papa kemm f’komunitajiet Ortodossi, kif ukoll dawk Iżlamiċi. F’Kuba, il-Prelat tal-pajjiż tħalla iwassal il-kundizzjoni tal-Papa lill-poplu minn fuq ir-radju, f’konċessjoni unika mogħtija mill-gvern Komunista. F’messagg li għadda lill-ġurnalisti, il-portavuċi Navarro Valls qal li l-Papa ipprova jitkellem meta kien mgħarraf bin-numru ta’ nies li kien hemm jitlobu għalih fi pjazza San Pietru. Skond Navarro Valls, il-Papa tenna l-kliem: “Jiena ġejt għandkom, u issa ġejtu intom għandi... Grazzi...”
Reazzjonijiet għall-aħbar ta' mewtu
immodifikaWaqt konferenza stampa li saret fil-White House, il-President Amerikan George W. Bush qal li l-“Knisja Kattolika tilfet lir-ragħaj tagħha. Id-dinja tilfet paladin tal-ħelsien tal-bniedem... nirringrazzjaw lil Alla li bagħat persuna bħalu... eroj ta’ żminijietna”. Bħala sinjal ta’ rispett, Bush ordna li l-bnadar Amerikani kollha jittajru mezz’asta.
Kofi Annan, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, qal li “l-Papa kien imħasseb ħafna dwar id-dinja li ngħixu fiha u bħali kien jemmen li fil-gwerer, kulħadd hu tellief”.
Lech Walesa, li mexxa l-moviment Solidarjetà fi żmien meta l-Polonja kienet qiegħda tiġġieled biex tneħħi r-reġim Komunista, qal li “mingħajru ma kienx ikun hemm tmiem il-Komuniżmu, jew inkella kieku seħħ iktar tard, it-tmiem kien ikun wieħed imdemmi”.
Mikhail Gorbachev, eks-mexxej tal-Unjoni Sovjetika, qal li “bħala bniedem kien in-numru wieħed. Ma kien hemm l-ebda konflitt li ħarab mill-attenzjoni tiegħu”.
Il-President Russu Vladimir Putin qal li “l-umanità se tibqa’ tgħożż il-wirt storiku u politiku li ħalla l-Papa Gwanni Pawlu II”.
Il-President Palestinjan Mahmoud Abbas iddeskriva lill-Papa bħala “figura reliġjuża kbira li ddedika ħajtu kollha biex jiddefendi l-valuri tal-paċi, ħelsien, ġustizzja u ugwaljanza għar-razez u r-reliġjonijiet kollha, kif ukoll id-dritt tal-poplu Palestinjan li jkollu l-istat indipendenti tiegħu”.
Ir-Rabbi Marvin Hier, il-fundatur taċ-Ċentru Simon Wiesenthal f’Los Angeles, qal li “l-ebda Papa m’għamel daqshekk ġdid mal-Lhud daqs Ġwanni Pawlu II“. Dwar iż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Art Imqaddsa f’Marzu tas-sena 2000, il-mexxej tal-Knisja Kattolika talab quddiem il-ħajt tal-Punent ta’ Ġerusalemm u talab maħfra ghad-dnubiet tal-Kattoliċi kontra l-Lhud. Il-Prim Ministru Iżraelit Ariel Sharon qal li “Ġwanni Pawlu II kien ħabib tal-poplu Lhudi u li d-dinja tilfet wieħed mill-aqwa mexxejja ta’ din il-ġenerazzjoni”.
Anki jekk il-Papa Ġwanni Pawlu II ma rnexxielux jirranġa l-qasma bejn il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa Russa, il-Patrijarka Alexiy ammetta li l-“personalità u x-xogħol u l-ideat tiegħu ħallew impatt kbir fuq l-istorja tad-dinja”.
L-awtoritajiet Kubani ħallew lill-poplu juri s-sogħba tiegħu għall-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-waqt li ċ-Ċina esprimiet il-kondoljanzi tagħha għall-mewt tal-mexxej tal-Knisja Kattolika.
Il-Kattoliċi Afrikani wkoll urew is-sogħba tagħhom għall-mewt ta’ Papa li t-tagħlim tiegħu dejjem intlaqa’ pożittivament minnhom. Eluf ta’ Insara Niġerjani bkew waqt quddiesa li saret f’Onitsha fin-Niġerja. Mary Jovita Ezeani, soru ma’ l-ordni tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, qalet li huma qegħdin jibku t-telfa tal-Papa minhabba li Ġwanni Pawlu II s’issa kien l-uniku mexxej tal-Knisja Kattolika li qatt żar ir-reġjun ta’ Onitsha, iċ-ċentru tal-komunità Nisranija Niġerjana.
Il-Prim Ministru Ingliż Tony Blair qal li “anki jekk ma jkollokx fidi reliġjuża, kulħadd seta’ jinnota li Ġwanni Pawlu II kien bniedem b’fidi spiritwali vera u profonda ħafna”.
Id-Dalai Lama, il-mexxej spiritwali tal-Buddisti fit-Tibet, qal li hu kellu l-istess valuri tal-Papa: il-battaja kontra r-reġimi Komunisti, armonija bejn ir-reliġjonijiet u tħassib dwar il-fatt li l-valuri materjali kienu qegħdin jitpoġġew qabel dawk spiritwali.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Josè Manuel Barroso, qal li l-Papa Ġwanni Pawlu II se jibqa’ magħruf bħala bniedem li ħadem biex jerġa’ jġib l-għaqda fl-Ewropa u biex jinfirxu madwar l-istess kontinent il-ħelsien u d-demokrazija. “L-Ewropej m’huma se jinsew qatt il-ħidma tiegħu favur il-paċi u d-dinjità umana”, hu stqarr f’messaġġ li ħareġ bħala tislima għall-mewt tal-Mexxej tal-Knisja Kattolika. Minbarra l-kondoljanzi lill-Vatikan u lill-Knisja Kattolika, Barroso bagħat messaġġ ta’ solidarjetà lill-pajjiż li minnu ġej il-Papa, il-Polonja.
Beatifikazzjoni
immodifikaL-investigazzjoni djoċesana tal-kawża ta’ beatifikazzjoni bdiet f’Ġunju 2005 u ntemmet f’April 2007. F’Diċembru 2009, Benedittu XVI awtorizza l-promulgazzjoni tad-digriet tal-virtujiet erojċi tal-predeċessur tiegħu. Il-Kongregazzjoni, eventwalment eżaminat il-każ ta’ fejqan mirakoluż bl-interċessjoni ta’ dan il-Papa; każ ta’ Swor Marie Simon Pierre Normand li fieqet mill-marda tal-Parkinson’s, l-istess marda li kien ibati minnha l-istess Papa Pollakk.
Ir-rapporti tal-periti legali u mediċi dwar dan il-fejqan ġew sottomessi lill-Kongregazzjoni għall-investigazzjoni xjentifika tagħha fil-21 ta’ Ottubru 2010. Eventwalment fl-14 ta’ Diċembru daħlu jistudjaw il-każ il-konsulturi teoloġiċi. Nhar it-Tlieta 11 ta’ Jannar 2011, unanimament, il-Kongregazzjoni qablet li l-fejqan ta’ Swor Marie Simon Pierre, "inkiseb minn Alla b’mod mhux xjentifikament possibbli wara l-interċessjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II, li b’tama kien invokat mill-istess Swor Simon u bosta fidili oħra”.
Ġwanni Pawlu II kien ibbeatifikat fl-1 ta' Mejju 2011, Ħadd fuq l-Għid il-Kbir, jum li fih titfakkar il-festa tal-Ħniena Divina. Kien Ġwanni Pawlu II innifsu li istitwixxa din il-festa. Huwa kien miet fil-vġili tal-istess festa fl-2005. Il-komunikat maħruġ mill-Vatikan fakkar li l-kawża ta’ beatifikazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II bbenefikat minn dispensa pontifiċja li ppermettiet li l-kawża tibda qabel il-perijodu ta’ ħames snin mill-mewt tal-individwu li statutorjament huma neċessarji. Fl-istess ħin, saħaq l-istess komunikat, in-normi kanoniċi dwar il-kawża ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni kienu osservati b’mod rigoruż.
Madwar miljun pellegrin ħonqu Pjazza San Pietru u t-toroq tal-madwar hekk kif il-Papa Benedittu XVI ibbeatifika lill-predeċessur tiegħu Ġwannu Pawlu II. Il-ġisem ta’ Ġwanni Pawlu II ittieħed mill-kripta għall-Bażilika ta’ San Pietru proprja, fejn skont it-tradizzjoni jitpoġġew l-iġsma tal-papiet beatifikati, traspożizzjoni li saret mingħajr eżumazzjoni, jiġifieri l-ġisem tal-papa Pollakk ma kienx jidher. Minflok, il-qabar kien magħluq b’irħama sempliċi bil-kitba Beatus Ioannes Paulus II. Il-ġisem ta’ Ġwanni Pawlu II tqiegħed fil-kappella ta’ San Sebastjan, li tinsab bejn il-kappella tal-Pietà u dik tas-Sagrament Imqaddes.
Din kienet l-ewwel darba fl-aħħar elf sena li Papa iddikjara beatu lill-predeċessur tiegħu. Għal din iċ-ċerimonja kien hemm 90 delegazzjoni uffiċjali minn diversi pajjiżi, fosthom membri ta’ ħames familji Rjali Ewropej u sittax –il Kap ta’ stat fosthom il-mexxej kontroversjali taż-Żimbabwe, Robert Mugabe.
Fl-omelija tiegħu, il-Papa Benedittu semma s-sofferenza u l-fidi qawwija u ġeneruża li dejjem wera Ġwanni Pawlu II, saħħa ta’ ġgant li kienet ġejja minn Alla sabiex biddel soċjetà, kulturi kif ukoll sistemi politiċi u ekonomiċi. Semma kif sitt snin ilu, malli tħabbret il-mewt tiegħu, diġa’ kienu bdew is-sejħiet għall-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni u qal li dan il-jum fl-aħħar wasal. Semma lill-Verġni Marija li Ġwanni Pawlu dejjem afda lilu nnifsu għal kollox f’idejha, u din kienet raġuni oħra għaliex intgħażel l-ewwel Ħadd tax-xahar Marjan barra għax il-Ħadd tal-Ħniena Divina.
Kanonizzazzjoni
immodifikaIl-miraklu li wassal għall-kanonizzazzjoni kien dak ta’ Floribeth Mora, mara mill-Kosta Rika li fieqet minn anewriżma ċelebrali bl-interċessjoni ta’ Ġwanni Pawlu II ftit wara l-beatifikazzjoni tieħu. Dan kien approvat fit-2 ta’ Lulju 2013 u kkonfermat minn Papa Franġisku jumejn wara.
Il-Kanonizzazzjoni tiegħu flimkien ma' dik ta' Papa Ġwanni XXIII saret il-Ħadd 27 ta’ April 2014, dakinhar ukoll Festa tal-Ħniena Divina, fi Pjazza San Pietru.
Ħoloq Esterni
immodifika- L-ewwel diskors tiegħu bħala Papa ("Aprite le porte a Cristo")
- L-Ewwel Żjara tal-Papa f'Malta, f'Mejju 1990
- It-Tieni Żjara tal-Papa f'Malta, f'Mejju 2001
- L-Aħbar ta' mewtu, 2 ta' April 2005
- Dokumentarju mill-aqwa tar-RAI, mis-sensiela La Grande Storia, fuq il-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II
- Third pilgrimage of John Paul II to Poland, Institute of National Remembrance