Il-Komuniżmu huwa moviment soċjo-politiku li jimmira għal soċjetà bla klassijiet strutturata fuq proprjetà komuni tal-mezzi ta' produzzjoni, aċċess liberu għal artikli ta' konsum, u t-tmiem tal-proprjetà privata

Karl Marx
Il-martell u minġel, l-aktar simbolu komuni tal-komuniżmu.

Wieħed mill-effetti tar-Rivoluzzjoni Industrijali kien li l-ħaddiema bdew jingħaqdu bejniethom biex jiġġieldu għall-kundizzjonijiet u pagi aħjar. Hekk twieled il-proletarjat. It-twelid tal-proletarjat ġab miegħu għadd ta’ ħassieba u intelletwali b’kuxjenza soċjali. Dawn bdew jaraw kif se jgħinu lill-proletarjat jikseb id-drittijiet tiegħu. Riduh jinqata’ mix-xkiel u l-‘jasar’ tas-sinjur. Bdiet il-ġlieda bejn il-klassi tal-ħaddiema u l-klassi ta’ min iħaddem.

L-affarijiet komplew jeħżienu meta l-Ewropa u l-bqija tad-dinja spiċċaw maħkuma mill-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-ħaddiema mhux talli ma rnexxielhomx jiksbu d-drittijiet li riedu, talli sabu ruħhom fuq il-front tal-gwerra. Il-ħaddiema, issa suldati, bdew iħossuhom il-pawn taċ-ċess f’logħba bejn l-aristokratiċi li kienu qegħdin jippruvaw juru min minnhom kien l-aqwa.

Bħalissa, ħames pajjiżi biss fid-dinja huma stati uffiċjalment komunisti: Kuba, il-Vjetnam, il-Korea ta' Fuq, il-Laos u ċ-Ċina.

Rivoluzzjoni Dinjija

immodifika

L-aħbar li l-Imperu Russu kien sfaxxa u minflok twaqqfet Repubblika Sovjetika, bidlet ix-xena internazzjonali għal bosta snin ta’ wara l-1917. F’dawk il-pajjiżi li l-Ewwel Gwerra ħalliet devastazzjoni u miżerja, ħafna ħaddiema u suldati ingħaqdu flimkien biex jagħmlu movimenti simili għas-Soviets Russi. Eżempji ewlenin huma r-Rivoluzzjoni Ġermaniża u r-repubblika Sovjetika ta’ l-Ungerija. Iżda t-tnejn li huma kellhom ħajja qasira.

Biss ir-Rivoluzzjoni Russa sabet art fertili fejn il-qagħda tal-popli kienet ħażina. Kellhom jgħaddu 30 sena sakemm ma sseħħet rivoluzzjoni oħra kbira, dik Ċiniża, li bħal dik Russa seħħet fl-isfond tat-tieni Gwerra Dinjija u l-ġlieda kontra l-ħakma Ġappuniża.

It-tmiem tat-Tieni Gwerra, fejn fuq l-istess mejda tar-rebbieħa kellek lil Josef Stalin il-mexxej ta’ l-Unjoni Sovjetika, bdiet tibgħat messaġġ ġdid u ċar - il-popli opressi għandhom jagħmlu dak li seħħ fl-1917 u jqumu kontra l-ħakkiema tagħhom.

Iżda iż-żminijiet kienu nbidlu. Fin-nofs kellek l-influwenza ta’ l-Istati Uniti, li bl-hekk imsejjaħ Suq Ħieles riedet twaqqaf il-firxa tal-Komuniżmu u Soċjaliżmu. Kellek ukoll lil partiti tal-lemin li bil-biża’ li x-xellug jista’ jirbaħ il-poter, kontra qalbhom bdew jintroduċu miżuri simili għal dawk mixtieqa mill-partiti u movimenti xellugin, fosthom il-welfare state.

Ħafna kienu dawk iż-żgħażagħ li kienu influwenzati mill-affarijiet kif seħħew snin qabel fir-Russja.

Fost dawn nistgħu nsemmu lil Ernesto Che Guevara li wara vjaġġ li għamel tul l-Amerika Latina, il-faqar li ra b’għajnejh ħeġġu biex jippromwovi t-twemmin Soċjalista. Ingħaqad ma’ Fidel Castro u flimkien ħadmu biex iseħħ ir-Rivoluzzjoni Kubana. Mas-suċċess ta’ din ir-rivoluzzjoni ‘Che’ beda jaħdem biex l-ideali tar-rivoluzzjoni jinfirxu fil-kumplament tal-kontinent ta’ l-Amerika Latina.

Fl-istess waqt, fil-pajjiżi li kienu kolonja ta’ wieħed mill-pajjiżi Ewropej, bħall-Ingilterra, Franza, Belġju u Portugall, nibtu fihom movimenti xellugin u rivoluzzjonarji. L-idea li l-ġid tal-pajjiż jinqasam b’ugwaljan-za fost iċ-ċittadini u ma jitħal-liex ikompli jittiekel mill-ħak-kiema kienet waħda qawwija.

Iżda l-firxa tat-twemmin xellugi kien kontrastat mill-politika Amerikana li riedet tiproteġi l-interess tagħha - fuq quddiem nett il-kapital. L-Istati Uniti ħadmet bis-sħiħ biex flimkien ma’ l-alleati tagħha tiġġieled il-firxa Soċjalista. Fl-Istati Uniti stess, għexieren kienu dawk iċ-ċittadini Amerikani li spiċċaw fil-ħabsijiet minħabba li kellhom twemmin xellugi.

Aktar minhekk, l-Istati Uniti rat kif għamlet u għenet gvernijiet u reġimi tal-lemin biex ma jħallux pajjiżhom ‘isir’ Soċjalista. Fost dawn nistgħu nsemmu ċ-Ċili u n-Nikaragwa.

Għal 50 sena sħaħ l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika kienu jinsabu għaddejjin bil-magħrufa Gwerra Bierda, li għalkemm ma kienx hemm ġlied bl-armamenti, il-battalji kienu jseħħu fil-qasam ekonomiku u nfluwenzi politiċi.

Minħabba għadd ta’ ċirkostanzi, fosthom il-wasla fil-poter ta’ Mikhail Gorbachev, is-saħħa tal-Unjoni Sovjetika bdiet tmajna sa ma wasal il-kollass politiku u ekonomiku tagħha tas-snin disgħin.

Wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika

immodifika

Il-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika heżżet is-sisien politiċi ta’ diversi partiti xellugin, speċjalment dawk Ewropej. Il-fatt li ma kienx fadal stat Soċjalista b’saħħtu d-diżorjenta kompletament lill-partiti xellugin. Eżempju ċar ta’ dan huwa dak li seħħ fl-Italja. Il-Partit Kommunista Taljan għal snin twal dejjem kien wieħed mill-akbar partiti. Iżda l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika tatu daqqa li ma rkuprax minnha. Il-mexxejja tiegħu bdew jaħsbu kif jaraw ħalli jbiddlu l-politika tagħhom u jagħmluha appellabbli għan-nies. Bidlulu isimu għall-Partit Demokratiku tax-Xellug (PDS). Wara ftit snin reġgħu bidlu l-isem u għamluh Demokratiċi tax-Xellug (DS) u f’Ottubru li għadda ingħaqdu mal-partit Margherita u ffurmaw il-Partit Demokratiku (PD). L-uniku tifkira tal-partit komunista Taljan huma r-Rifondazione Comunista u Comunisti Italiani, magħmula minn politiċi u membri li ma ċaħdux l-ideal tagħhom biex jingħoġbu mill-bidliet li kienu qed iseħħu.

L-effett tal-waqgħa Sovjetika ma nħassitx mill-Kommunisti biss, iżda anke mill-partiti Soċjalisti. Il-biża’ li n-nazzjonalizzajzzoni ta’ ċerti oqsma tal-ekonomija m’għadhomx appellabbli fid-dinja ta’ suq ħieles, tat bidu għall-politika ġdida xellugija. Ir-riżultat ta’ dan narawh fil-politika ta’ New Labour jew Neo Soċjalisti.

Biss jekk inħarsu n-naħa l-oħra tal-Atlantiku fl-Amerika Latina l-effett kien bil-maqlub. Wara snin ta’ ħakmiet tal-lemin, il-popli qiegħdin jagħtu appoġġ u saħħa kbira lill-partiti soċjalisti. Ir-rebħiet fil-Brażil, Urugwaj, Venezwela, Ċili, Nikaragwa u Arġentina huma sinjal li l-ispirtu rivoluzzjonarju tal-popli għadu hemm u qawwi.

Għal ħafna snin il-Komuniżmu kien it-tama għall-ħaddiema tad-dinja li jekk jingħaqdu flimkien u jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom m’hemm ħadd li jista’ jwaqqafhom. Fl-għaqda isibu s-saħħa.