Malta

stat sovran fl-Ewropa tan-Nofsinhar; arċipelagu fil-Baħar Mediterran

Malta, magħrufa uffiċjalment bħala r-Repubblika ta' Malta, hija repubblika indipendenti, kostituzzjonali, żviluppata fl-Unjoni Ewropea.[4][5][6] Il-pajjiż jikkonsisti minn arċipelagu ta' seba' gżejjer li jinsabu fil-Baħar Mediterran, u meqjus pajjiż parti mill-Ewropa t'Isfel, 80 km mill-kosta ta' Sqallija (l-Italja), 288 km fil-Lvant tat-Tuneżija u 300 km fit-Tramuntana tal-Libja. Dawn il-gżejjer igawdu minn klima Mediterranja.[7][8]

Repubblika ta' Malta
Republic of Malta
Repubblika ta' Malta Republic of Malta – Bandiera Repubblika ta' Malta Republic of Malta – Emblema
Bandiera Emblema
Innu nazzjonali: L-Innu Malti

Lokazzjoni ta' Malta (aħdar skur)
– fi ħdan l-Unjoni Ewropea (aħdar ċar) fil-kontinent Ewropew (griż skur)
Belt kapitaliValletta
35°53′N 14°30′E / 35.883°N 14.5°E / 35.883; 14.5

L-ikbar belt San Pawl il-Baħar
Lingwi uffiċjali Malti u ingliż
Gruppi etniċi  Maltin
Gvern Repubblika parlamentari
 -  President Myriam Spiteri Debono
 -  Prim Ministru Robert Abela
Indipendenza
 -  mir-Renju Unit 21 ta' Settembru, 1964 
 -  Repubblika 13 ta' Diċembru, 1974 
 -  Ħelsien 31 ta' Marzu, 1979 
Sħubija fl-UE 1 ta' Mejju, 2004
Erja
 -  Total 316 km2 (200)
121 mil kwadru 
 -  Ilma (%) 0.001
Popolazzjoni
 -  stima tal-2019 514,564 (173)
 -  ċensiment tal-2011 404,9621 
 -  Densità 1,633/km2 (4)
4,229.5/mili kwadri
PGD (PSX) stima tal-2019
 -  Total $11.260 biljun[1] (125)
 -  Per capita $27,022[1] (32)
PGD (nominali) stima tal-2019
 -  Total $16,476 biljun[1] (125)
 -  Per capita $32,021[1] (32)
IŻU (2019) 0.895[2] (għoli ħafna) (28)
Valuta Ewro ()2Banek (EUR)
Żona tal-ħin CET (UTC+1)
Kodiċi telefoniku 356
TLD tal-internet .mt3
1 Il-popolazzjoni totali tinkludi wkoll lir-residenti barranin. Il-popolazzjoni ta' residenti Maltin fl-2004 kien ta' madwar 389,764. Kull data uffiċjali ta' popolazzjoni hi pprovduta mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).[3]
2Qabel l-2008: Lira Maltija
3 Ukoll .eu, li hi maqsuma flimkien mal-istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Matul l-istorja, il-pożizzjoni ta' Malta fil-Baħar Mediterran dejjem tqieset ta' importanza strateġika.[9] Minħabba f'hekk, bosta nazzjonijiet u qawwiet militari, fosthom il-Feniċi, il-Kartaġiniżi, ir-Rumani, l-Għarab, ir-rejiet u l-imperaturi ta' Spanja, il-Kavallieri ta' San Ġwann, il-Franċiżi u l-Brittaniċi, ilkoll ħakmu lil Malta. Fl-1964, Malta kisbet l-indipendenza tagħha mir-Renju Unit u mill-ewwel ġiet aċċettata bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti. Għaxar snin wara, fl-1974, Malta saret Repubblika. Malta żammet l-istatus tagħha bħala membru tal-Commonwealth. Fl-2004, Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea. Fl-2008, Malta bdiet tagħmel parti miż-żona tal-ewro. L-ilsien mitkellem prinċipalment hu l-Malti, ilsien li ġej mis-Semitiku u r-Rumanz. Illum dan l-ilsien tħallat ħafna bi kliem li ġej mill-Ingliż.

L-istorja ta' Malta tmur lura daqs 7,000 sena. It-Tempji Megalitiċi li jmorru lura daqs 5,500 sena huma rikonoxxuti mill-UNESCO bħala Wirt Dinji.[10]. Ma' dawn, il-UNESCO tirrikonoxxi wkoll il-Belt Valletta u l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni bħala Siti ta' Wirt Dinji.[11][12][13] Skont l-Atti tal-Appostli, Kap. 28, fis-sena 60 W.K., wara li l-bastiment li kien qed jivvjaġġa fuqu nkalja fuq il-kosta ta' Malta, San Pawl qatta' tliet xhur jgħix fuq il-gżira. Il-kitba fit-Testment il-Ġdid ma ssemmi xejn li San Pawl ikkonverta lill-Maltin għall-Kristjaneżimu. Biss, dan seta' ġara minħabba l-fatt li l-Maltin raw il-qawwa ta' dan il-bniedem meta ħelisha mill-għarqa kif ukoll mill-gidma velenuża tal-lifgħa. Imbagħad San Pawl seta' ngħata widen mill-Maltin wara li kien ukoll fejjaq lill-Missier Pubbliju, il-Gvernatur Ruman ta' Malta. Fl-Atti tal-Appostli lanqas ma jissemma li San Pawl għamel lil Pubbliju bħala l-ewwel Isqof ta' Malta. L-eqdem provi tal-eqdem komunità Nisranija f'Malta ġejjin minn xi katakombi li tħaffru u ntużaw xi ftit mijiet ta' snin wara il-miġja ta' San Pawl.

Il-belt kapitali ta' Malta hi l-Belt Valletta. Il-lingwi uffiċjali tal-pajjiż huma l-Malti u l-Ingiż, u dawn it-tnejn ħadu post it-Taljan fl-1935. Malta għandha konnessjoni qawwija mal-Kattoliċiżmu Ruman, li għadu r-reliġjon uffiċjali u l-aktar wieħed ipprattikat f'Malta.

Etimoloġija

immodifika

Id-definizzjoni tal-kelma 'etimoloġija' tista' tiġi deskritta bħala l-istudju tal-oriġini preċiża tal-kliem semantiku (tifsir) preżenti f'lingwa.

L-oriġini tat-terminu "Malta" hu inċert u l-varjazzjoni moderna hi derivata mil-lingwa Maltija. L-isem x'aktarx ġej mill-Grieg μέλι (meli) ('għasel'). Il-Griegi kienu jsejħu lill-gżira Μελίτη (Melite) li tfisser "għasel" jew "għasel ħelu" possibbilment minħabba l-produzzjoni ta' kwalità tal-għasel bnin Malti. Speċi endemika ta' naħal tgħix f'din il-gżira.[14]

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Storja ta' Malta.

Għall-ħabta tal-5200 Q.K., fuq il-gżira waslu l-ewwel abitanti f'Malta minn Sqallija. Għal mijiet ta' snin dawn kienu jgħixu fi kmamar żgħar, bħal giren, u fl-għerien. Wara, dawn ġew nies ta' kultura oħra dejjem minn Sqallija li bnew it-tempji megalitiċi (3800 - 2500 Q.K.). Fil-perjodu preistoriku mbagħad ġew nies oħra, magħrufa bħala nies ta' Żmien il-Bronż (2000 - 750 Q.K.). Warajhom ġew il-Feniċi li għamlu minn Malta kolonja qrib it-8 seklu Q.K.

Biż-żmien, Kartaġni li kienet kolonja Feniċja saret poter għaliha nfisha u Malta spiċċat taħt l-influwenza u t-tmexxija tal-Kartaġiniżi. Fil-bidu tat-Tieni Gwerra Punika (218 Q.K.), il-gżejjer Maltin waqgħu f'idejn ir-Rumani li għamlu lil Malta u lil Għawdex muniċipalitajiet.

Meta l-Imperu Ruman inqasam fi tnejn, Malta għaddiet f'idejn il-mexxejja militari Biżantini. Teżisti ftit xhieda ċara x'ġara verament f'dawn iż-żminijiet. Malta għaddiet f'idejn ħakkiema diversi li għadna ma nafux eżattament min kienu. Ċertament li l-istorja ta' Malta hi simili ħafna għal dik tal-istess żmien fi Sqallija. Malta ġiet maħkuma mill-Għarab li ġew Malta minn Sqallija fis-sena 870. Il-ġens Għarbi rnexxielu jinfluwenza l-lingwa tal-poplu Malti u għalhekk l-Għarbi jista' jitqies bħala l-pedament tal-Malti. L-Għarab xerrdu t-twemmin Iżlamiku fost il-Maltin u ta' dan hemm xhieda fl-oqbra Musulmani li nstabu qrib id-Domus Rumana fir-Rabat.

Fl-1091, il-Konti Ruġġieru żbarka Malta b'qawwa militari biex juri l-kobor u s-sovranità tiegħu bħala l-mexxej ta' Malta. Biss hu ma għamel xejn biex ibiddel l-amministrazzjoni Għarbija-Musulmana. Kien fi żmien ir-renju tat-tifel tiegħu, Ruġġieru II, li f'Malta beda jseħħ xi ċaqliq fl-amministrazzjoni influwenzata jew immexxija minn Sqallija. Bil-mod il-mod, l-influwenza tar-renju l-ġdid fi Sqallija u ta' dawk li ġew wara bdiet kulma jmur tinħass, u sal-aħħar tas-seklu ħdax bdiet dieħla sew f'Malta il-kultura Ewropea u t-twemmin Nisrani.

Fis-sekli ta' wara u sa ma ġie l-Ordni ta' San Ġwann, Malta ngħatat kemm-il darba mir-Re ta' Spanja lil diversi nies ta' poter li kienu jgħinuh jew finanzjarjament jew inkella militarment. Fl-1492 b'ordni tar-Re Ferdinandu u r-Reġina Isabella, tkeċċew minn Malta l-aħħar nies ta' twemmin Għarbi kif ukoll dawk ta' twemmin Lhudi.

Fl-1530, il-gżejjer Maltin ingħataw lill-Ordni ta' San Ġwann mill-Imperatur Karlu V. Dawn il-Kavallieri ta' demm nobbli kienu qed ifittxu art ġdida wara li kienu tkeċċew minn Rodi mis-Sultan Ottoman fl-1522.

Meta l-Ordni wasal Malta, il-popolazzjoni tal-Gżejjer Maltin kienet tlaħħaq madwar 20,000 ruħ. Bosta kienu jgħixu fl-Imdina, fir-Rabat u fl-irħula ż-żgħar mxerrda ma' Malta u Għawdex. L-Ordni ddeċida li juża l-Forti ta' Sant'Anġlu bħala l-kwartier il-ġdid tiegħu minn fejn imexxi, u r-raħal iż-żgħir tal-Birgu bħala l-post fejn bosta mill-Kavallieri setgħu jgħixu fi djar separati skont l-ilsien tagħhom. Din l-għażla saret minħabba li l-Ordni kellu x-xwieni tiegħu x'jieħu ħsieb għax dawn kienu importanti bħala servizz ta' komunikazzjoni u utli biex ikunu impurtati f'Malta oġġetti essenzjali. Wara xi ftit żmien, l-Ordni beda jsaħħaħ xi swar kemm ta' Sant'Anġlu kif ukoll madwar il-Birgu. Fuq l-Isla ttella' l-Forti San Mikiel.

Matul is-snin ta' wara, l-attakki tal-furbani Musulmani ma naqsu xejn, u fl-1551, Dragut attakka l-ewwel il-Birgu, imbagħad l-Imdina u wara salpa lejn Għawdex fejn minn hemm kaxkar il-popolazzjoni kollha għal fuq il-bastimenti bħala skjavi.

Fl-1565, seħħ l-Assedju l-Kbir hekk kif fit-18 ta' Mejju qawwiet militari Ottomani żbarkaw f'Marsaxlokk u ħadu posthom f'diversi lokalitajiet strateġiċi madwar il-Port il-Kbir. Dan l-Assedju dam sejjer sat-8 ta' Settembru, meta l-armata Ottomana ddeċidiet li ssalpa lura minn fejn ġiet. Il-ġurnata tar-rebħa tal-Ordni u l-Maltin fuq l-armata Ottomana għadha sal-lum titfakkar kull sena u hi meqjusa bħala festa nazzjonali. Dan il-jum fil-fatt hu magħruf bħala Jum il-Vitorja.

Din ir-rebħa ġiegħlet lil Gran Mastru La Valette u l-Kavallieri tal-Ordni jifhmu li issa li ddifendew lilhom infushom u lil Malta u li rebħu l-battalja għandhom iħarsu lejn il-gżejjer Maltin bħala r-residenza l-ġdida tagħhom b'mod permanenti. Dlonk La Valette ordna li tinbena belt ġdida ffortifikata fuq l-Għolja Xiberras. Din il-belt setgħet tiddefendi l-Port il-Kbir, dak ta' Marsamxett u l-ibliet tal-madwar. Din il-belt il-ġdida ngħatat l-isem tal-Gran Mastru fundatur tagħha u saret il-belt kapitali ta' Malta.

L-Ordni dam Malta sal-1798 meta mbagħad kellu jċedi għall-qawwa militari u r-rieda ta' Napuljun hekk kif dan wasal Malta fid-9 ta' Ġunju. Fit-2 ta' Settembru ta' wara, il-Maltin qamu kontra l-Franċiżi u bdew imblokk militari kontra t-truppi barranin li kellhom jissakkru wara s-swar tal-Belt u t-Tlett Ibliet tal-Kottonera. Bl-għajnuna tat-truppi Brittaniċi li Nelson stazzjona kemm fuq l-art kif ukoll bil-bastimenti Brittaniċi li żammew l-imblokk minn fuq il-baħar qrib il-kosta, wara sentejn il-Franċiżi kellhom iċedu l-armi u tkeċċew minn Malta. Il-Patt ta' Paċi li sar, kien iffirmat bejn il-Franċiżi u l-Brittaniċi, għax il-Maltin ma tħallewx jipparteċipaw f'dan il-ftehim. B'hekk Malta waqgħet taħt amministrazzjoni ta' 'protettorat' taħt il-Gran Brittanja. Sir Alexander John Ball sar l-ewwel Kummissarju Ċivili.

Fl-1814, bħala parti mit-Trattat ta' Pariġi, Malta uffiċjalment saret tagħmel parti mill-Imperu Brittanniku biex b'hekk saret bażi navali ta' importanza kbira għall-Gran Brittanja fil-Mediterran. Dan ir-rwol baqa' dejjem importanti kemm fis-seklu 19 kif ukoll fis-seklu 20.

Malta kellha rwol importanti ħafna fit-Tieni Gwerra Dinjija, minħabba li kienet fuq ir-rotta strateġika u importanti tal-Forzi tal-Assi, bejn l-Italja u t-Tramuntana tal-Afrika, fejn Rommel kien qed jieħu l-artijiet minn taħt idejn l-għadu. Malta sofriet aktar minn 3,000 attakk mill-ajru, għall-ewwel mill-Qawwa Ajrunawtika Taljana u mbagħad mill-Fliegerkorps Ġermaniż li kien stazzjonat fi Sqallija.

Malta ngħatat l-indipendenza tagħha fil-21 ta' Settembru 1964, b'arranġament li kien iħalli l-flotta Brittanika tibqa' tuża lil Malta bħala bażi navali - dan biex jagħti n-nifs lill-Gvern Malti jibni l-ekonomija l-ġdida b'mod kummerċjali u liberu u mhux aktar ibbażata fuq il-preżenza militari tal-Brittaniċi. Dan il-ftehim iġġedded fl-1971 u l-Flotta Navali Rjali Brittanika baqgħet tuża lil Malta bħala bażi militari sal-31 ta' Marzu 1979. Malta baqgħet membru tal-Commonwealth u saret Repubblika fl-1974. F'referendum li sar f'April 2003, il-votanti wrew ir-rieda tagħhom li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, biex b'hekk Malta saret membru sħiħ fl-1 ta' Mejju 2004.

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Lingwa Maltija.

Illum il-Malti stabbilit u meqjus bħala l-lingwa franka tal-poplu Malti waqt li l-Ingliż fl-istess ħin jaqsam mal-Malti l-istat ta' lingwa uffiċjali. Il-lingwa Maltija tmur lura lejn l-aħħar parti tad-disa' seklu għall-ħabta tat-870 W.K. meta l-Għarab invadew lil Malta. L-Għarbi baqa' jinfluwenza lill-Malti għal bosta sekli, kif naraw mill-Cantilena ta' Pietru Caxaro li nkitbet lejn l-aħħar kwart tas-seklu ħmistax. Il-kliem kollu ta' din il-poeżija, ħlief għal kelma waħda, huma kollha kliem li ġejjin mill-Għarbi. Aktar ma għadda ż-żmien, it-Taljan u l-Isqalli bdew jinfluwenzaw il-vokabularju li l-Maltin kienu jużaw. Mikiel Anton Vassalli (1764-1829) jgħid li l-Malti ta' madwar il-Port kien difettuż għax bosta minnu kien kliem li ġej mit-Taljan. Mas-seklu dsatax ħafna kliem Taljan kien stabbilixxa ruħu sew. Mal-ewwel deċennji tas-seklu għoxrin daħlu ħafna kliem fl-ilsien Malti tant li meta wieħed jifli r-riklami fil-kotba ta' dak iż-żmien, insibu li bosta termini bdew ikunu bl-Ingliż. Fl-1935, l-Ingliż u l-Malti ħadu post it-Taljan b'mod uffiċjali. Ironikament, kien fiż-żmien li l-Brittaniċi kienu bdew jitilfu, lejn l-aħħar tas-snin ħamsin u tas-snin sittin, li l-interess f'Malta lejn l-Ingliż beda jikber b'pass aktar mgħaġġel u sar l-aktar ilsien barrani studjat fl-iskejjel. Dan anki minħabba l-ħtieġa ta' bosta eluf ta' Maltin li xtaqu jemigraw lejn pajjiżi u kontinenti fejn l-Ingliż kien mitkellem. Il-ħajra lejn l-ilsien Ingliż kompliet kibret aktar u aktar meta l-films u l-mużika kif ukoll il-qari tal-kotba u r-rivisti Ingliżi u Amerikani kienu saru aktar popolari fost il-Maltin.

Festi nazzjonali

immodifika

Dawn huma l-ħames festi nazzjonali ċċelebrati f'Malta:

Uħud minn dawn il-festi huma marbuta ma' diversi tradizzjonijiet, fosthom ir-regatta fil-Port il-Kbir nhar Jum il-Ħelsien u Jum il-Vitorja. Minbarra dawn il-ħames festi, hemm ukoll għadd ta' festi pubbliċi marbuta mar-reliġjon u t-tradizzjonijiet li ssawru magħhom. Fosthom insibu l-Imnarja (29 ta' Ġunju), Santa Marija (15 ta' Awissu), il-miġja ta' San Pawl f'Malta (10 ta' Frar) u l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni (8 ta' Diċembru).

Politika

immodifika
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Politika ta' Malta.
 
Il-bini tal-qorti fil-Belt Valletta

Malta hija repubblika demokratika b'parlament elett kull ħames snin jew kif ikun hemm il-ħtieġa skont is-sitwazzjoni politika. Il-poteri eżekuttivi tal-Gvern huma f'idejn il-Prim Ministru, magħżul mill-partit rebbieħ fl-elezzjoni. Il-President għandu r-rwol li jirrappreżenta lil Malta barra l-pajjiż u li jaġixxi b'mod imparzjali f'affarijiet ta' importanza kostituzzjonali. Il-Gvern hu wkoll assistit fit-tmexxija tiegħu f'kull belt u raħal f'Malta u Għawdex minn kumitati amministrattivi, magħrufa bħala Kunsilli Lokali.

Malta hi repubblika[15] li għandha s-sistema parlamentari u l-amministrazzjoni pubblika mfassla fuq is-sistema ta' Westminster. Mill-1960 sal-1995, skont l-istatistika li nġabret fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, Malta kellha t-tieni l-ogħla rata fid-dinja ta' nies li kienu eleġibbli li jivvutaw u li ħarġu jivvutaw (u l-ogħla waħda minn nazzjonijiet mingħajr votazzjoni obbligatorja).[16] Il-Kamra tad-Deputati tiġi eletta kull ħames snin u hi magħmula minn ħamsa u sittin membru parlamentari. Madanakollu, meta partit jikseb il-maġġoranza tal-voti imma mhux tas-siġġijiet, il-partit jingħata aktar siġġijiet biex jiġi assigurat maġġoranza parlamentari. Il-Kostituzzjoni ta' Malta tgħid li l-President għandu jaħtar bħala Prim Ministru dak il-membru tal-Kamra li hu l-aktar kapaċi li jmexxi l-maġġoranza fil-Kabinett. L-istess President normalment jaħtar, fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru, il-ministri li għandhom imexxu kull ministeru.[17] Kandidati għal xi postijiet vakanti jiġu determinati bil-maġġoranza tal-voti li jkunu ġabu fl-elezzjoni preċedenti.

Il-President tar-Repubblika jiġi elett kull ħames snin mill-Kamra tad-Deputati. F'Malta hawn diversi partiti. Il-partiti politiċi l-kbar huma l-Partit Nazzjonalista, li hu partit Demokratiku Kristjan, u l-Partit Laburista, li hu partit Soċjal-Demokratiku. Il-Partit Laburista jinsab attwalment fil-Gvern u l-Prim Ministru huwa Robert Abela. Il-Partit Nazzjonalista jinsab fl-oppożizzjoni. Il-Partit Demokratiku li tela' fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista, għandu żewġ siġġijiet. Apparti dawn il-partiti, hemm ukoll partiti iżgħar li mhumiex eletti u rrappreżentati fil-Kamra tad-Deputati.

Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea fl-2004. Fl-2008, Malta bdiet tagħmel parti miż-żona tal-ewro. Fil-21 ta' Diċembru 2007, Malta implimentat it-Trattat ta' Schengen.[18] Il-kontrolli fil-fruntieri baqgħu jsiru fl-ajruporti sa Marzu 2008.

Diviżjonijiet amministrattivi

immodifika
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Kunsilli lokali ta' Malta.
 
Diviżjonijiet amministrattivi ta' Malta

L-Att tal-Kunsilli Lokali tal-1993 (Att XV tal-1993) ġie ppubblikat fit-30 ta' Ġunju 1993, fejn qasam lill-gżejjer Maltin f'54 kunsill lokali f'Malta u 14-il kunsill lokali f'Għawdex b'kull kunsill responsabbli għall-amministrazzjoni tal-belt jew tar-raħal tiegħu. Ir-responsabbiltà amministrattiva hi mqassma bejn il-kunsilli lokali u l-gvern ċentrali. L-abitanti li huma eleġibbli għall-votazzjoni jeleġġu l-kunsill tagħhom kull tliet snin. Is-sindku hu l-kap tal-kunsill lokali u r-rappreżentant tal-kunsill b'kull effett taħt l-Att. Is-Segretarju Eżekuttiv, li jiġi appuntat mill-Kunsill, hu l-kap eżekuttiv, amministrattiv u finanzjarju tal-Kunsill. Il-kunsilliera l-oħra eletti mill-elezzjoni tal-kunsilli jieħdu d-deċiżjonijiet flimkien mas-sindku. Il-kunsilli lokali huma responsabbli għall-ħarsien u tisbiħ tal-lokalità, l-allokazzjoni tal-gwardjani lokali u l-ġbir tal-iskart. Il-kunsilli lokali jieħdu ħsieb ċerti doveri amministrattivi għall-Gvern Ċentrali, bħal ġbir ta' fondi u kirjiet tal-gvern u jirrispondu għall-ilmenti li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent tal-lokalità u kif dan jaffettwa lir-residenti.

Ġeografija

immodifika
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Ġeografija ta' Malta.
 
Ir-Riżerva Naturali tal-Għadira

Il-gżejjer Maltin huma arċipelagu li jinsabu f'nofs il-Baħar Mediterran madwar 93 km fin-Nofsinhar ta' Sqallija. Huma biss it-tliet gżejjer, Malta, Għawdex u Kemmuna li huma abitati. Il-gżejjer iż-żgħar, bħal Filfla, Kemmunett u l-Gżejjer ta' San Pawl huma diżabitati. Malta hi miżgħuda b'bajjiet u wħud minnhom jipprovdu wkoll portijiet tajbin. Il-gżejjer tal-arċipelagu ġew iffurmati mis-sediment ta' qiegħ il-baħar miljuni ta' snin ilu (fiż-Żmien Plioċen). Meta dan is-sediment issolidifika u bil-mod il-mod inkixef f'wiċċ l-ilma dawn biż-żmien, l-aktar dak Tas-Silġ, ingħaqdu ma' Sqallija. Dan il-pont ma kienx jibqa' sejjer lejn l-Afrika minħabba l-widien profondi immens ta' taħt il-baħar li jeżistu bejn Malta u l-Afrika.[19] L-arċipelagu jinsab f'tarf il-plakka tettonika Afrikana, bil-konfini tiegħu jmissu mal-plakka Ewroasjatika.[20] Għal mijiet ta' snin, Malta kienet meqjusa bħala gżira tal-Afrika ta' fuq.[21]

Il-pajsaġġ tal-gżejjer Maltin attwalment huwa kkaraterizzat minn għoljiet baxxi b'għelieqi mtarrġin. L-ogħla punt hu Ta' Dmejrek, 253 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, qrib Ħad-Dingli. Ċerti widien fil-gżejjer Maltin jimtlew bl-ilma ġieri tax-xita li jdum għaddej għal ċertu żmien biss, u li jinxef wara ċertu żmien, l-aktar fis-sajf. Ma jeżistux xmajjar jew għadajjar ta' ċertu kobor b'mod permanenti. Postijiet f'Malta fejn hemm xi għejun magħrufa huma, Wied Qlejgħa, il-Baħrija, l-Imtaħleb u San Martin, waqt li f'Għawdex hemm il-Wied tal-Lunzjata.

Gżejjer żgħar, blat fil-baħar u skolli

immodifika

Gżejjer żgħar li jiffurmaw parti mill-arċipelagu jinkludu lil Kemmunett (diżabitata), Filfla (riżerva naturali diżabitata), il-Ġebla tal-Ġeneral (diżabitata), il-Gżira Manoel (li hi magħquda mal-lokalità tal-Gżira permezz ta' pont żgħir), u l-Gżejjer ta' San Pawl (diżabitati).

Il-gżejjer Maltin huma dawn is-segwenti:

  • Delmarva
  • Filfla
  • Ġebel Fessej
  • Ġebel ta' Bejn il-Kmiemen
  • Ġebla ta' Sala
  • Ġebla taċ-Ċawla
  • Ġebla tal-Ġeneral
  • Ġebla tal-Għallis
  • Ġebla tal-Ħalfa
  • Gżejjer ta' San Pawl/Selmunett
  • Gżira ta' Malta
  • Gżira Manoel
  • Għawdex
  • Kemmuna
  • Kemmunett
  • Mistra
  • Skoll tal-Barbaġanni
  • Ta' Fraben
  • Xrob l-Għaġin
 
Mappa satellitari ta' Malta
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Klima ta' Malta.
 
Malta ġeneralment tgawdi minn klima Mediterranja

Il-klima hi waħda Mediterranja, bi xtiewi moderati u umdużi, u bi sjuf sħan u xotti. M'hemm l-ebda staġun sħun fejn il-pjanti jorqdu, minkejja li l-iżvilupp tal-pjanti jista' jiġi osservat xi ftit f'xitwa b'kesħa li ma tkunx normali, u s-sħana u l-aridità tas-sajf jistgħu jwasslu biex il-veġetazzjoni tkun dgħajfa.

L-inqas temperatura qatt irreġistrata kienet fid-19 ta' Frar 1895, fil-Belt Valletta, meta t-temperatura niżlet għal 1.2°C, waqt li l-ogħla waħda laħqet it-43.8°C f'Awwissu tal-1999.[22]

Kienu ftit l-okkażjonijiet fejn ġiet irreġistrata xi preċipitazzjoni ta' borra, u dawn kienu fi Frar 1895, f'Jannar 1905 u fil-31 ta' Jannar 1962. Il-bidla fil-klima wasslet biex id-differenza li hemm bejn l-ogħla u l-inqas temperaturi tiżdied, u dan ħafna drabi jwassal għal staġuni b'temp instabbli. Dawn l-aħħar snin kienu rreġistrati wkoll każi aktar frekwenti ta' borra u silġ li laqtu lill-gżejjer.[23]

Il-provista tal-ilma toffri sfida għal Malta, peress li fiż-żmien sħun tas-sajf il-preċipitazzjoni tkun waħda minima filwaqt li dan ikun ukoll iż-żmien fejn l-ilma jkun użat l-iktar. Din il-problema tinħass ukoll matul ix-xitwa minħabba x-xita qawwija li tagħmel, li ħafna drabi tkompli nieżla fil-baħar minflok tippenetra fl-art. Malta tiddependi fuq ir-riżervi ta' taħt l-art tal-ilma ħelu (40 fil-mija), li jinġieb minn sistema ta' riżervi tal-ilma msejħin galleriji, bħal pereżempju, Ta' Kandja, b'fond ta' madwar 97 metru. Aktar minn nofs l-ilma tax-xorb ta' Malta huwa prodott permezz tad-desalinazzjoni (60 fil-mija), li twassal għal aktar użu ta' kombustibbli fossili u għal aktar tniġġis.[24]

  Medji tat-temperaturi għal Malta  
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ
Medja tal-ogħla temperatura °C (°F) 15
(59)
15
(59)
16
(61)
18
(64)
22
(72)
26
(79)
30
(86)
30
(86)
27
(81)
23
(73)
19
(66)
16
(61)
Temperatura medja ta' kuljum °C (°F) 12
(54)
12
(54)
13
(55)
15
(59)
18
(64)
22
(72)
26
(79)
26
(79)
24
(75)
21
(70)
16
(61)
13
(55)
Medja tal-inqas temperatura °C (°F) 9
(48)
9
(48)
10
(50)
12
(54)
15
(59)
18
(64)
21
(70)
22
(72)
20
(68)
17
(63)
13
(55)
11
(52)
Preċipitazzjoni ċm (pulzier) 8
(3.1)
5
(2)
4
(1.6)
2
(0.8)
1
(0.4)
0
(0)
0
(0)
0
(0)
3
(1.2)
7
(2.8)
9
(3.5)
10
(3.9)
Sors #1: Weatherbase[25]


Ekonomija

immodifika
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Ekonomija ta' Malta.

L-ekonomija ta' Malta hi bbażata fuq diversi setturi, kemm dawk tal-manifattura kif ukoll tas-servizzi. L-uniċi riżorsi naturali u tanġibbli huma l-blat tal-Franka u tal-Qawwi/taż-Żonqor, u l-baħar ta' madwar il-gżejjer. Minn tal-ewwel jitqatta' l-ġebel tal-franka għall-bini kif ukoll jittieħed żrar u trab mill-ġebla ta' qawwi l-aktar biex titħallat mas-siment.

L-ekonomija tiddependi ħafna fuq il-kummerċ u l-investiment barrani, l-aktar fil-manifattura ta' bosta prodotti. Hawn ħames żoni industrijali fejn jiġu prodotti tant kwalitajiet ta' oġġetti bħal, għodda ta' inġinerija speċjalizzata, u komponenti tagħhom, oġġetti tal-plastik, kimika, oġġetti elettroniċi jew komponenti tagħhom, tessuti, ikel, xorb u tant affarijiet oħra. Dawn kollha jaħdmu f'suq liberu. L-aktar setturi importanti tal-ekonomija ta' Malta fl-2018 kienet il-manifattura u l-esportazzjoni tal-prodotti tagħhom, it-turiżmu, il-qasam finanzjarju, l-avjazzjoni, il-Port frank u s-servizzi tal-ikel. Il-kummerċ fl-UE jammonta għal 57% tal-esportazzjonijiet ta' Malta (il-Ġermanja 16%, l-Italja 12% u Franza 11%), filwaqt li barra mill-UE 6% jmorru kemm f'Singapore kif ukoll fil-Ġappun.[26]

F'termini ta' importazzjonijiet, 72% jiġu minn Stati Membri tal-UE (l-Italja 25% u l-Ġermanja 8%), filwaqt li barra mill-UE 4% jiġu miċ-Ċina u 3% mill-Indja.[26]

Storja tal-ekonomija

immodifika

Qabel l-1800, Malta kellha vera ftit industriji, apparti dik tal-qoton, it-tabakk, u tat-tarzna. L-Ingliżi bdew jibnu it-tarzna u bosta baċiri mill-1848 'l hinn. Fi żmien il-gwerer fil-Mediterran li l-Ingliżi kienu involuti fihom, l-ekonomija ta' Malta kienet tmur tajjeb. Eżempju ta' dan kienet il-Gwerra tal-Krimea (1854 - 1856).

Fl-1869, mal-ftuħ tal-Kanal tas-Swejz kien hemm żieda massiva fil-vapuri li kienu jidħlu Malta. L-ekonomija tal-Mediterran ġiet ideskritta bħala "Awtostrada" tan-negozju tad-dinja, u numru ta' vapuri kienu jidħlu Malta għal faħam u proviżjon ieħor qabel ikomplu bil-vjaġġi tagħhom lejn l-Eġittu u l-Oċean Indjan.

Bejn l-1871 u l-1881, 8,000 ħaddiem sabu xogħol fit-tarzni. In-negozjanti kienu ngħaqdu bħala assoċjazzjoni u fl-1856 inbniet La Borsa (The Exchange) fi triq ir-Repubblika (dak iż-żmien imsejħa Strada Rjali). Fil-Borsa kien hemm żewġ banek.

Demografija

immodifika
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Demografija ta' Malta.

Il-popolazzjoni tal-gzejjer Maltin hi ta' madwar 500,000 ruħ. Hu mifhum li f'kull kilometru kwadru jgħixu madwar 1,400 ruħ. Malta tista' titqies bħala wieħed mill-iktar pajjiżi b'densità tal-popolazzjoni fid-dinja.

Malta fl-UE

immodifika

Maltq daħlet fl-Unjoni Ewropea (UE) fl-2004 fejn għandha sitt membri jirrapreżentawha. [26]

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri tal-pajjiżi membri jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politika ta' bejniethom. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti mill-gvern ta' Malta, skont il-qasam ta' politika li jkun qed jiġi indirizzat.[26]

Il-Kunsill tal-UE m'għandux persuna waħda permanenti bħala President (bħal pereżempju l-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.[26]

Matul dawn is-sitt xhur, il-ministri mill-gvern ta' dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f'kull qasam ta' politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE. Dati tal-Presidenza Maltija: Jan-Ġun 2017[26]

Il-Kummissarju nominat minn Malta għall-Kummissjoni Ewropea hi Helena Dalli, li hi responsabbli għall-Ugwaljanza.[26]

Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f'kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ "rappreżentanza".[26]

Malta għandha ħames rappreżentanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta' interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.[26]

Malta għandha rappreżentant wieħed fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.[26]

Malta tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. L-"ambaxxata għall-UE" ta' Malta, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b'mod effettiv kemm jista' jkun fl-UE.[26]

L-ammont li jħallas kull pajjiż tal-UE fil-baġit tal-UE huwa kkalkulat b'mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun b'saħħitha l-ekonomija tal-pajjiż, akbar hi l-kontribuzzjoni finanzjarja. L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost li jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej b'mod ġenerali. [26]

Ċifri tal-2018 għal Malta: [26]

  • Nefqa totali tal-UE f'Malta – € 0.156 biljun (ekwivalenti għal 1.38% tal-ekonomija ta' Malta)
  • Kontribuzzjoni totali għall-baġit tal-UE – € 0.102 biljun (ekwivalenti għal 0.91% tal-ekonomija ta' Malta)

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE minn Malta jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta' toroq, is-sussidjar ta' riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.[26]

Ara wkoll

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d "Malta". International Monetary Fund (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-03-24. Miġbur 2013-04-17.
  2. ^ Human Development Report 2013 - The Rise of the South: Human Progress in a Diverse World (PDF) (Rapport) (bl-Ingliż). United Nations Development Programme. 2013. ISBN 978-92-1-126340-4. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-03-19.
  3. ^ National Statistics Office (2006). Census of Population and Housing 2005: Preliminary Report (Rapport) (bl-Ingliż). ISBN 978-99909-73-38-9. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-03-11.
  4. ^ "European Microstates". TravelTips24.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-03-23.
  5. ^ Sultana, Ronald G. (1998). "Career guidance in Malta: A Mediterranean microstate in transition". International Journal for the Advancement of Counselling (bl-Ingliż). 20: 3–15. doi:10.1023/A:1005386004103.
  6. ^ "The Microstate Environmental World Cup: Malta vs. San Marino". EnvironmentalGraffiti.com (bl-Ingliż). 2007-12-15.
  7. ^ "Malta: Geography" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-30.
  8. ^ "Il-Gżejjer Maltin". gov.mt (bil-Malti).
  9. ^ "A History of Malta - Introduction". A History of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2008-02-06.
  10. ^ "Megalithic Temples of Malta". UNESCO (bl-Ingliż). Miġbur 2009-09-28.
  11. ^ "The Prehistoric Archaeology of the Temples of Malta". BradshawFoundation.com (bl-Ingliż). Miġbur 2009-04-28.
  12. ^ "OTSF in Malta". The OTS Foundation for Neolithic Studies (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-12-05. Miġbur 2009-04-28.
  13. ^ Cilia, Daniel, ed. (2004). Malta Before History: The World's Oldest Free-Standing Stone Architecture (bl-Ingliż). Miranda Publishers. ISBN 9789990985085.
  14. ^ Manduca, Julian (2003-06-29). "Controversy over unique Maltese bee population" (bl-Ingliż). Malta Today. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2003-08-23.
  15. ^ "Kostituzzjoni ta' Malta". Leġiżlazzjoni Malta (bil-Malti). Miġbur 2021-03-30.
  16. ^ Franklin, Mark N. (2001). "Electoral Participation". F' Niemi, Richard; Weisberg, Herbert (ed.). Controversies in Voting Behavior (bl-Ingliż) (4ba ed.). CQ Press. ISBN 978-1568023342.
  17. ^ Segratarjat tal-Prim Ministru, Uffiċċju tal-Prim Ministru
  18. ^ "L-Ewropa u int fl-2007, Estiż l-ivvjaġġar mingħajr passaport". Kummissjoni Ewropea (bil-Malti). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-03-23. Miġbur 2009-04-29.
  19. ^ Mannion, A. M.; Vogiatzakis, I. N. (2007). "Island Landscape Dynamics: Examples from the Mediterranean" (PDF). Geographical Paper (bl-Ingliż) (183).
  20. ^ Geodynamic Map of the Mediterranean (Mappa) (1el ed.). 1:13,000,000. Commission for the Geological Map of the World. Arkivjat minn l-oriġinal (JPG) fl-2010-02-14. Miġbur 2009-04-29.
  21. ^ Falconer, William; Falconer, Thomas (2009-09). Dissertation on St. Paul's Voyage (bl-Ingliż). BiblioBazaar. Parametru mhux magħruf |iktar= injorat (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  22. ^ "Highest Maximum Temperature (Celsius)". MaltaWeather.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-03-30.
  23. ^ Fenech, Ingrid (2009-01-01). "It-Temp fl-2008" (bil-Malti). MaltaRightNow.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-01-09. Miġbur 2009-04-03.
  24. ^ McGrath, Matt (2007-04-04). "Briney future for vulnerable Malta" (bl-Ingliż). BBC News.
  25. ^ "Valletta, Malta Travel Weather Averages (Weatherbase)". Weatherbase. Miġbur 2024-08-25.
  26. ^ a b ċ d e f ġ g h ħ i ie j "Malta". europa.eu (bil-Malti).

Ħoloq Esterni

immodifika
Aħbarijiet
Vjaġġar
Oħrajn