Feniċi
Il-Feniċi kienu poplu mil-Lvant Nofsani, min-naħat ta' fuq ta' fejn illum il-pjanuri tal-Lebanon, is-Sirja u l-Palestina.
Iċ-ċiviltà Feniċja kienet waħda bbażata fuq il-kummerċ marittimu li tferrxet tul il-Baħar Mediterran fl-ewwel millenju Q.K.[1] Anki jekk in-nies ta' dawk ir-reġjuni kienu jsejħu lilhom infushom Kanaaniti, l-isem Feniċi ingħata mill-Griegi, li kienu jsejħulhom Phoiniki - Φοινίκη (Phoiníkē); il-kelma Griega għal Feniċi kienet sinonimu ta' kulur vjola fl-aħmar, bil-Grieg φοινίξ (phoinix), minħabba l-fatt li l-Feniċi kienu jikkummerċjaw drapp miżbugħ b'dan dan il-kulur. Dan il-kulur jinsab fil-bekkum, bebbuxu tal-baħar (isem xjentifiku: Murex trunculus.
Il-Feniċi baqgħu jkattru r-rotot kummerċjali tagħhom u kienu waqqfu kolonji matul il-vjaġġi tagħhom, bħal Kartaġni, Lilybaeum, Spanja, Sardinja, Malta u anki mal-kosta Afrikana fl-Atlantiku.
Il-Feniċi kienu jitkellmu ilsien Semitiku imsejjaħ Puniku mir-Rumani, minħabba li l-kelma għal vjola bil-Latin kienet Puniceus. Anki jekk il-Feniċi biż-żmien naqsu mill-kummerċ tagħhom, xorta il-kultura tagħhom baqgħet ħajja matul is-sekli madwar il-Mediterran kollu.
Bidu tal-Poplu Feniċju
immodifikaHuwa diffiċli li wieħed jistabbilixxi data u post partikolari għal kif u fejn oriġinaw il-Feniċi bħala poplu distint minn ċiviltajiet u tribujiet kontemporanji oħra. Dan għaliex dawn kienu jgħixu fi bliet separati minn xulxin b'art muntanjuża, u kull waħda minn dawn l-ibliet kellha t-tmexxija awtonoma tagħha. Minkejja li ma kienx hemm gvern wieħed li jikkmanda dawn l-ibliet f'daqqa, xorta dawn kellhom karatteristiċi li jgħaqqduhom flimkien bħala ċiviltà omoġenja. Il-Feniċi ma kienu ħadd għajr ħlief il-Kananiti li jissemmew fil-Kotba Mqaddsa.[2][3][4] Dawn kienu jabitaw fl-ibliet ta' Tir, Sidon, Byblos, Akka, u Serepta fost oħrajn;[5][6] kollha bliet max-xtut tal-Libanu, is-Sirja u f'partijiet tal-kosta Palestinjana fejn illum hemm l-istat ta' Iżrael. Biż-żmien dawn l-abitanti kienu spiċċaw imrekkna fil-pjanuri ta' qrib ix-xtut tal-Lvant Nofsani, minħabba li madwar l-1200 Q.K. sar ħafna ċaqliq ta' popli fil-Lvant Nofsani, meta daħlu l-Filistini, l-Iżraeliti, popli li emigraw mill-Eġew u l-Balkani (magħrufa bl-Ingliż bħala s-Sea Raiders jew is-Sea Peoples) kif ukoll tribujiet li qarrbu lejn l-art tal-Palestina, min-naħa tat-Tramunta bħal ma kienu l-Aramej.
B'mod ironiku, ħafna mill-materjal arkeoloġiku li hu attribwit strettament għall-poplu Feniċju ma nstabx f'dawn l-ibliet imsemmija hawn fuq iżda 'l bogħod minn arthom, f'siti arkeoloġiċi mxerrda madwar il-Mediterran kollu. Fil-vjaġġi tagħhom, il-Feniċi tħalltu ma' ħafna nies u dawn il-baħħara-negozjanti influwenzaw b'diversi modi lil bosta popli, filwaqt li fl-istess ħin huma ġew influwenzati minnhom. L-ilsien tal-Feniċi kien wieħed mid-djaletti Semitiċi li żviluppaw fil-Lvant Nofsani. Kontemporanju mal-ilsien Feniċju kien hemm l-Aramajk kif ukoll l-ilsien Ebrajk. Wieħed jista' jibda' jidentifika l-Feniċi bħala poplu distint, b'ċertezza minn madwar l-1200 Q.K.[7] Il-Feniċi juru min huma b'diversi modi, mhux biss fl-ilsien tagħhom iżda anki fit-twemmin reliġjuż u r-ritwali tagħhom, kif ukoll fil-kwalità tax-xogħlijiet artiġjanali, l-aktar fil-fuħħar, fix-xogħol ornamentali, fid-deheb, fil-vażetti tal-ħġieġ u fid-drapp ħamrani-vjola li tant kien magħruf mal-Mediterran kollu. Dan tal-aħħar x'aktarx kien ir-raġuni prinċipali għaliex il-Feniċi bdew jikkummerċjaw ma' nies tant 'il bogħod minn arthom. Fuq il-fuħħar kienu jħobbu jiddisinjaw linji ġeometriċi, spirali u linji mmewġa, disinji ta' pjanti, l-aktar il-weraq tal-palm, u disinji ta' annimali, bosta minnhom ispirati mill-Anatolja, mis-Sirja, mill-Mesopotamja, u aktar u aktar mill-arti Eġizzjana. Dawn l-artiġjana kienu jagħmlu wkoll dekorazzjoni bl-avorju fuq l-injam b'dettalji artistiċi.[8]
Modi oħra kif jiġu identifikati l-Feniċi huma mill-kitba tagħhom. Għall-ewwel darba fl-istorja il-Feniċi żviluppaw alfabett magħmul minn kwantità ta' karattri li kull wieħed minnhom jirrappreżentaw ħoss ta' konsonant. Din il-kitba ġiet studjata mill-esperti u ddeċifrata b'mod li l-kitba Feniċja tista' tinqara'. Aktar tard, ma' dawn il-konsonanti, il-Griegi żiedu l-karattri li jirrappreżentaw il-ħsejjes tal-vokali biex b'hekk għaqqdu alfabett simili għal dak li nafu bih illum.
Kummerċ
immodifikaMadwar l-1000 Q.K., il-Feniċi kienu bdew jivvjaġġaw fuq l-imriekeb tagħhom biex jinnegozjaw l-aktar mal-abitanti ta' Ċipru.[9] Hemm stabbilew kolonja permanenti fejn setgħu jinnegozjaw u jpartu d-drapp ħamrani-vjola tagħhom mar-ram (Kúpros - l-isem ta' Ċipru - ifisser ram). Minn Ċipru kienu wkoll jimpurtaw il-ħadid u d-deheb li f'dik il-gżira huma materja prima.[10] Intant l-isem "Feniċi", ingħata lilhom mill-Griegi - Phoinikes, referenza għad drapp ħamrani li l-Feniċi kienu jesportaw. Din ir-referenza ma kinitx tirreferi għall-poplu kollu Feniċju, iżda aktar għal dawk in-negozjanti li jbigħu d-drapp ħamrani. Intant il-Feniċi kienu jsejħu lilhom infushom, Kananiti (bl-Akkadjan: Kinakhnu).[11] L-istess l-Eġizzjani kienu jafuhom ukoll b'dan l-isem.
Sat-tmien seklu Q.K., il-Feniċi kienu diġà bdew jinfirxu u jinnegozjaw madwar il-Mediterran kollu. Huma kienu stabbilew preżenza f'bosta portijiet għall-kummerċ f'diversi prodotti artiġjanali. Intant hawn min jgħid li l-Feniċi kienu wkoll jagħmluha ta' sensara jew intermedjarji biex ibigħu l-prodotti ta' ħaddieħor.[12] Minħabba dan in-negozju kontinwu, dawn stabbilew l-aġenti tagħhom f'bosta portijiet u dawn min-naħa tagħhom ġabu lil qrabathom biex jgħixu magħhom b'mod permanenti. B'hekk inħolqu bil-mod il-mod il-kolonji Feniċi b'mod paċifiku u naturali. Wieħed minn dawn il-postijiet kien f'Kartaġni, fit-Tuneżija; Kart Ħadaxt tfisser, il-Belt il-Ġdida. Minn kolonja Feniċja, din il-belt kibret sew u saret belt ekonomikament u militarment b'saħħitha, tant li kienet saret indipendenti u superjuri għall-ibliet minn fejn oriġinaw il-kolonizzaturi Feniċi. Intant, sa 574 Q.K. Tir, l-iktar belt Feniċja importanti ġiet meqruda, filwaqt li Kartaġni kompliet tiffjorixxi u ħolqot anki l-kolonji satellitari għaliha fi Spanja, f'Sardenja, fil-gżejjer Baleariċi, u f'Mozja, gżira żgħira qrib Marsala. fi Sqallija.
Żmien Puniku
immodifikaMis-seklu ħamsa Q.K. 'il quddiem, il-kultura Feniċja fil-Mediterran ġiet eġemonizzata minn dik tal-Kartaġiniżi. Minn hawn, l-istoriċi jibdew jirreferu għal din il-kultura li saret ibbażata aktar fil-Punent tal-Mediterran, bħala waħda Punika. It-terminu "Puniku" jirreferi b'mod ġeneriku għall-kultura Feniċja ta' wara l-ħames seklu Q.K. b'referenza għal Kartaġni bħala l-bażi prinċipali.[13]
Feniċi f'Malta
immodifikaMhux magħruf għaliex il-Feniċi bdew jikkummerċjaw ma' Malta. Anzi hemm dubju jekk kinux jikkummerċjaw ma' Malta. Dan għas-sempliċi raġuni li Malta ma kellha l-ebda materja prima li biha wieħed seta' jpartat mal-prodotti offruti mill-baħħara-negozjanti Feniċi.[14] X'aktarx l-ewwel darba li l-Feniċi tefgħu saqajhom l-art kien minħabba li Malta kienet tinsab fi triqithom lejn artijiet oħra u setgħu jagħmlu waqfa fil-portijiet ta' Malta matul il-vjaġġ twil tagħhom. [15]Jista' jkun ukoll li hawn kien isir xi tiswijiet u manutenzjoni fuq l-imriekeb tagħhom qabel ma jkomplu l-vjaġġ.[16] Minħabba li l-Lvant ta' Sqallija kien diġà kkolonizzat mill-Griegi, il-Feniċi qatt ma stabbilew ruħhom f'dawk in-naħat ta' Sqallija.[17] Biss, stabbilew kolonja Feniċja fuq il-gżira ta' Mozja, gżira qrib Marsala. Dan ifisser li biex il-baħħara setgħu jaslu Mozja u warajha jaqsmu għal Kartaġni jew Sardinja, riedu jgħaddu mill-Kanal ta' Sqallija u għalhekk qrib Malta. F'Malta setgħu jtellgħu fl-imriekeb tagħhom l-art biex jinxef l-injam mill-ilmu li kien beda jtaqqlu, u biex ifornu lilhom infushom bl-ilma tax-xorb u l-ikel għall-bqija tal-vjaġġ. Biex jingħata l-proviżjon u servizzi oħra, l-abitanti Maltin kienu ipartu mall-prodotti li l-Feniċi kienu qed iġorru magħhom abbord.
Fdalijiet Feniċi f'Malta
L-eqdem fdalijiet ta' oġġetti, binjiet u oqbra Feniċji li nstabu f'Malta jmorru lura għall-aħħar tat-tmien / bidu tas-seba' seklu Q.K.[18] Dawn in-nies baħħara x'aktarx lbaħħru mal-kosta tat-Tramuntana tal-Mediterran, u għamlu diversi waqfiet, l-aħħar waħda tkun fi Kreta, imbagħad salpaw lejn Malta fejn kienu jaslu wara xi erbatax il-jum.[19] Minħabba f'hekk instabu oġġetti li jagħtu wieħed x'jifhem li dawn il-baħħara tħaltu u partu ma' dawn in-nies. Jidher li wara xi ftit, il-Feniċi mhux biss bbażaw ruħhom madwar il-portijiet Maltin, bħal f'Marsaxlokk, fejn bnew tempju iddedikat lil Axtarte fuq l-għolja ta' Tas-Silġ. Fl-iskavi li saru fl-aħħar snin fl-Imdina, u f'oqbra fl-Imtarfa u Għajn Qajjet instabu bosta indikazzjonijiet li l-Feniċi kienu wara xi ġenerazzjonijiet bdew anki jgħixu hemm b'mod permanenti, minkejja li l-Imdina hi 'l bogħod mill-portijiet. Dan ifisser li kien hemm min telaq x-xogħol ta' baħħar u daħal għal xogħol u ħajja oħra anki dik agrikola. [20] [21]
Fost affarijiet li nstabu fl-inħawi tar-Rabat hemm is-sarkofagu li nstab f'Ħal Barka, illum esebit fil-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. Dan it-tebut hu magħmul kollu kemm hu mit-tafal u hu ta' stil Eġizzju-Rodjan.[22] Instabet ukoll bieqja b'disinji ta' għasafar fuqha, u kalċi li żgur kienu xogħol artiġjanali Grieg. Il-fuħħar miżbugħ bl-aħmar u msajjar darbtejn biex ileqq (Red slip ware) jindika li dan ix-xogħol kien isir Malta,fl-eqdem żminijiet li l-Feniċi stabbilew ruħhom hemm.[23] Instabu wkoll diversi amuletti li juru li l-Feniċi kienu jemmnu mhux biss fl-allat tagħhom, bħal Melkart, Ba'al u Axtarte, iżda anki f'allat Eġizzjani bħal Anubis, Horus, u Isis. Ix-xbieha tagħhom kienet ta' spiss tidher fuq l-amuletti li kienu jintlibsu bħala taliżmani biex jipproteġu lilhom infushom minn kull periklu, kemm dak fiżiku kif ukoll dak spiritwali. Ma' dawn instabu amuletti bis-simbolu tal-għajn (l-uġjat), bħala simbolu tal-alla Eġizzjan, Horus. Ma' dawn instab l-Ankħ - is-simbolu tal-ħajja li jidher kemm-il darba f'idejn il-farawni Eġizzjani. Skont Antonia Cesca dawn ħafna drabi kienu impurtati minn Kartaġni.[24]
F'Malta l-ismijiet tal-allat Feniċi jidhru kemm-il darba f'diversi iskrizzjonijiet. L-isem ta' Axtarte, l-alla mara, instab kemm-il darba mnaqqax fuq il-fuħħar, fit-tempju Tas-Silġ. Bħal f'Kartaġni u f'Mozja, f'Malta jidher li kien isir is-sagrifiċċju uman - magħruf bħala, il-molk. Din kienet użanza fejn, skont kif jingħad, l-ewwel tifel imwieled fil-familja, ta' xi disa' snin, kien jinqatel u jinħaraq bħala sagrifiċċju lill-alla Ba'al. Il-post ta' dan is-sagrifiċċju hu magħruf bħala t-tofet. Għalkemm dan it-tofet qatt ma nstab f'Malta, biss fl-inħawi tal-Virtù, ir-Rabat, instabet stelae (lapida funerarja) u disinn ta' stelae oħra bl-istess tip ta' skrizzjonijiet li jsemmu l-offerta tal-Molk lill-alla Ba'al Ħamon.[25][26]
Fil-218 Q.K., Malta ġiet maħkuma mir-Rumani. Biss, jidher li dan l-avveniment militari u politiku ma rnexxilux joqtol u jidfen il-kultura Feniċjo-Punika, għax anki waqt il-perjodu Ruman, sa sekli wara, l-ilsien Puniku baqa' mitkellem u miktub mill-abitanti Maltin. Dan hu vverifikat mill-iskrizzjonijiet Puniċi u Griegi li instabu fuq iż-żewġ ċippi li nstabu f'Marsaxlokk, li jmorru lura għas-seklu 2 Q.K.
Nota tal-aħħar dwar il-Feniċi: Meta Santu Wistin (354- 430 AD), saqsa lil xi bdiewa li kienu jgħixu qrib Kartaġni min huma, dawn wiġbuh li huma kienu Kananiti.[27]
Referenzi
immodifika- ^ "Phoenicia | Definition, Location, History, Religion, & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-29.
- ^ Scott, John C (2018). "The Phoenicians and the Formation of the Western World". Comparative Civilizations Review. 78 (78).
- ^ Quinn, Josephine Crawley (2017). In Search of the Phoenicians. Princeton University Press. ISBN 978-1-4008-8911-2. pp. 2, 204.
- ^ Frendo, Anthony. 'Some Observations on the investigation of the Phoenicians / Canaanites in teh ancient Mediterranean world', Journal of Mediterranean Studies, 1993. Vol 3. no 2. p.170.
- ^ Aubet, Maria Eugenia (2001). The Phoenicians and the West: Politics, Colonies and Trade. Translated by Turton, Mary. Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-79543-2. p. 17.
- ^ "Phoenicia". World History Encyclopedia (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-29.
- ^ Gouder, Tancred C. 'Accenni su Malta Feniċia' - Malta Archaeologicla Review, Issue 3, 1999. p. 17.
- ^ Gouder, Tancred C. The Phoenicians - Origin and Colonial Expansion - An Outline (Essay source unkown). p. 7.
- ^ Gouder, Tancred C. Malta and the The Lombard Bank Annual Report 1991. Lombard Bank (Malta) Ltd. p. 3.
- ^ Cesca, Antonia. 'Le Isole Maltesi e il Mediterraneao Fenice' - Malta archaeological Review Issue 3, 1999. p. 21.
- ^ Gouder, Tancred C. The Phoenicians - Origin and Colonial Expansion - An Outline. p. 3.
- ^ Bonanno, Anthony. Malta - Phoenician, Punica and Roman. Midsea Books Ltd. p. 28.
- ^ Bonanno, Anthony. Malta - Phoenician, Punic, and Roman. p. 40.
- ^ Bonnano, Anthony. Malta - Phoenician, Punic, and Roman. pp. 28, 29.
- ^ Gouder, Tancred C. 'Malta and the Phoenicians', Lombard Bank (Malta Ltd.) Annual Report 1991. p. 4.
- ^ Ciasca, Antonia. Malta Archeological Review Issue 2 1999 (bit-Taljan). Media Centre. p. 23.
- ^ Ciasca, Antonia. 'Malta' I Feniċi Ed. Sabatino Moscati. p. 206.
- ^ Gonzalez, Pablo Vidal. Malta in Phoenician and Punic times -Malta Archaeological Review, Issue 3, 1999. Media Centre. p. 26.
- ^ Gonzalez, Pablo Vidal. Malta in Phoenician and Punic Times - Malta Archaeological Review Issue 3, 1999. p. 26.
- ^ Bonanno, Anthony. Malta - Phoenician, Punic, and Roman. pp. 22–32, p. 48.
- ^ Gonzalez, Pablo Vidal. 'Malta in Phoenician and Punic times' Malta Archaeological Review, Issue 3, 1999. p. 26.
- ^ Gouder, Tancred C. 'Malta and the Phoenicians' Lombard Bank (Malta) Ltd - Annual Report 1991.
- ^ Bonanno, Anthony. Malta - Phoenician, Punic, and Roman. p. 54.
- ^ Cesca, Antonia. 'Malta' - I Feniċi Ed. Sabatino Moscati (Bompani).
- ^ Gouder, Tancred C. 'Accenni su Malta Fenicia' -Malta Archaeological Review, Issue 3, 1999. p. 19.
- ^ Bonanno, Anthony. Malta - Phoenician, Punic, and Roman. p. 40.
- ^ Frendo, Anthony. 'Some observations on the investigation of the Phoenicians / Canaanites in the ancient Mediterranean world', Journal of Mediterranean Studies, 1993, Vol. 3 No. 2. p. 170.