Artiġjan
Artiġjan (bil-Franċiż u bl-Ingliż: artisan, bit-Taljan: artigiano) huwa ħaddiem tas-sengħa li permezz tal-ħiliet manwali tiegħu u bl-użu tal-għodod jirnexxilu jipproduċi jew joħloq oġġetti materjali. Dawn l-oġġetti jistgħu jkunu funzjonali jew għat-tiżjin biss, pereżempju għamara, arti dekorattiva, skulturi, ilbies, oġġetti tal-ikel, oġġetti tad-dar u għodod u mekkaniżmi bħall-moviment tal-arloġġ magħmul bl-idejn minn arloġġar. L-artiġjani jipprattikaw sengħa u permezz tal-esperjenza, tat-talent u tal-ħiliet jistgħu jilħqu livelli espressivi ta’ artist.
L-aġġettiv “artiġjanali” spiss jintuża biex jiġi deskritt l-ipproċessar bl-idejn, b’kuntrast mal-ipproċessar industrijali. Għalhekk, xi kultant l-aġġettiv “artiġjanali” jintuża fil-kummerċjalizzazzjoni u fir-reklamar bħala kelma ta’ valur miżjud ta’ prodott biex tiġi deskritta jew tiġi implikata xi rabta mal-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel magħmula bl-idejn, pereżempju l-ħobż, ix-xorb jew il-ġobon. Tradizzjonalment, ħafna minn dawn il-prodotti rurali jew pastorali jsiru bl-idejn iżda issa saru jiġu prodotti fuq skala akbar bil-mekkanizzazzjoni awtomatizzata fil-fabbriki u żoni industrijali oħra.
L-artiġjani kienu l-produtturi dominanti tal-prodotti tal-konsumatur qabel ir-Rivoluzzjoni Industrijali.
Fil-Greċja tal-qedem, l-artiġjani kienu jinġabru f’agora u spiss kien ikollhom studjo jew ħanut fejn jaħdmu fil-qrib.[1]
Medju Evu
immodifikaMatul il-Medju Evu, it-terminu “artiġjan” kien jiġi applikat lil dawk li kienu jipproduċu l-affarijiet jew lil dawk li kienu jipprovdu s-servizzi. It-terminu ma kienx japplika għall-ħaddiema manwali mingħajr ħiliet speċifiċi. L-artiġjani kienu maqsumin f’żewġ gruppi distinti: dawk li kellhom in-negozju tagħhom stess u dawk li le. Dawk li kienu jmexxu n-negozju tagħhom kienu jissejħu “mastri” jew “imgħallma”, filwaqt li dawk li ma kellhomx negozju tagħhom stess kienu apprendisti jew jaħdmu fit-toroq u jmorru minn post għall-ieħor. Dawk li kienu jmexxu n-negozju tagħhom kienu l-iktar grupp influwenti u kienu jgawdu status soċjali ogħla fil-komunitajiet tagħhom.[2]
Shokunin
immodifika“Shokunin” hija kelma Ġappuniża għal artiġjan jew ħaddiem tas-sengħa, li timplika wkoll kburija fix-xogħol ta’ dak li jkun. Ix-shokunin Tashio Odate sostna li:
Shokunin tfisser mhux biss li jkollok ħila teknika, iżda timplika wkoll attitudni u kuxjenza soċjali... obbligu soċjali li tagħmel l-almu tiegħu għall-benesseri ġenerali tan-nies, obbligu kemm materjali kif ukoll spiritwali.[3]
Tradizzjonalment, ix-shokunin kienu jonoraw l-għodod tas-sengħa tagħhom fl-ewwel tas-sena – l-għodod imsinna u li jkunu ħadu ħsiebhom kienu jitpoġġew f’“tokonoma” (jiġifieri kontenitur jew kaxxa li għadha tinstab fid-djar u fil-ħwienet Ġappuniżi), u fuq kull kaxxa tal-għodda kienu jitpoġġew żewġ kejkijiet tar-ross u mandolina (fuq karta tar-ross), sabiex l-għodod jiġu onorati u sabiex jiġi espress il-ħajr lilhom li jaqdu l-funzjoni tagħhom.[3]
Referenzi
immodifika- ^ Peppas, Lynn (2005). Life in Ancient Greece. Crabtree Publishing Company. p. 12. ISBN 0778720357.
- ^ "Medieval Society". web.archive.org. 2009-01-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-01-07. Miġbur 2021-07-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b Nagyszalanczy, Sandor (2000). The Art of Fine Tools. Taunton Press. p. 131. ISBN 1561583618.