Skarpan

persuna li tipproduċi jew issewwi ż-żraben

Skarpan huwa ħaddiem tas-sengħa li jipproduċi jew issewwi ż-żraben u oġġetti oħra ġeneralment tal-ġilda bħal ċintorini, basktijiet, eċċ.[1]

Skarpan

Storja immodifika

L-ewwel xirkiet ta’ skarpana ġew stabbiliti fil-Medju Evu, meta San Krispinu u San Krispinjanu saru l-qaddisin patruni tagħhom.[2] Ovvjament, il-produzzjoni taż-żraben teħtieġ bosta ħiliet u kompetenzi tekniċi ta’ ħaddiem tas-sengħa jew artiġjan, u l-kwalità tal-prodott finali tiddependi fuq il-kapaċità tal-iskarpan innifsu. Madankollu, fis-snin 50 tas-seklu 20, beda l-iżvilupp tal-produzzjoni mekkanizzata taż-żraben, u dan wassal għal tnaqqis kbir fil-ħin meħtieġ għall-produzzjoni u fl-ispejjeż tal-produzzjoni taż-żraben. Għaldaqstant il-produtturi artiġjanali naqsu sew tul iż-żmien.[3]

Produzzjoni u tiswija immodifika

 
Il-qabar ta’ Xanthippos, 430-420 Q.K., Ateni

Skarpan iwettaq ħafna iktar xogħlijiet żgħar ta’ tiswija taż-żraben u ta’ oġġetti oħra milli xogħlijiet ta’ produzzjoni taż-żraben. Fost dawn ix-xogħlijiet hemm is-sostituzzjoni tas-sopratakka, it-tbiddil totali tal-pett taż-żarbun, it-twaħħil tas-suletti, it-tbiddil tal-qiegħ kollu taż-żraben tat-trekking li jkollhom qiegħ tal-lastiku, l-immodifikar taż-żraben, it-twaħħil taċ-ċineg tal-basktijiet, it-tqegħid tat-toqob fiċ-ċintorini, eċċ.[4]

Il-materjali li l-iskarpan juża l-iktar huma l-ġilda artifiċjali jew naturali u l-lastiku. Il-biċċa l-kbira tal-iskarpana li jipproduċu ż-żraben apposta magħmulin skont il-qies speċifiku tal-klijenti jużaw forom taż-żraben tal-injam jew inkella tal-plastik. Permezz tal-forma, l-iskarpan ikun jista’ jimmudella ż-żarbun skont il-qisien tal-klijent tiegħu. Ladarba ż-żarbun jiġi mmudellat fuq il-forma, il-mudell jiġi estrapolat u jinħoloq il-mudell tal-fibreboard li mbagħad iservi biex titwettaq il-parti ta’ fuq jew il-wiċċ taż-żarbun. Barra minn hekk, xi skarpana għandhom software CAD/CAM apposta tal-manifattura.[4]

Fil-bidu tal-fażijiet kollha tal-produzzjoni taż-żraben, l-iskarpan jieħu l-qisien bl-idejn u jużahom biex iwettaq il-forom, li fl-aħħar tax-xogħol iridu jitneħħew. Il-mudellatur jieħu ħsieb jagħżel il-ġlud li jkunu kompatibbli l-iktar u jelimina d-difetti. Bl-użu tal-kontorn tal-għamliet, l-iskarpan jaqta’ l-partijiet li jkunu adattati l-iktar biex jipproduċi l-parti t’isfel u ta’ fuq taż-żraben, li jridu jkunu partikolarment elastiċi. Kull oġġett li jiġi prodott, jinkitbulu l-qisien permezz ta’ timbru.[4]

 
Il-qaddisin patruni tal-iskarpana

Il-ġlud ġeneralment joriġinaw minn annimali bovini, kaprini u ovini, iżda jekk l-ewwel tnejn huma l-iktar komuni peress li huma rotob u uniformi, għaż-żraben lussużi jintużaw ġlud ta’ mammiferi jew annimali oħra bħar-rettili. Fil-fażi tat-tlestija tal-wiċċ taż-żraben, titħejja l-bordura tal-partijiet differenti li flimkien jiffurmaw il-wiċċ taż-żraben, li jiġu magħqudin flimkien billi dawn jinħietu flimkien. Il-biċċiet interni fit-truf ta’ fuq u t’isfel taż-żraben isaħħu l-istruttura u l-għamla tal-wiċċ taż-żraben, li mbagħad jitlesta biż-żieda tal-inforra, it-toqob għal-lazz u l-ganċijiet.[4]

Dejjem permezz tal-kontorn tal-għamliet, l-iskarpan jaqta’ l-pett u s-suletti tal-ġilda taż-żraben, li qabel jintużaw iridu jixxarrbu u jitnixxfu bil-mod il-mod. Kemm l-inforra kif ukoll il-wiċċ taż-żraben iridu jiġu adattati għall-forma li tkun twettqet qabel, permezz tal-issikkar, id-daqqiet bil-martell u t-tneħħija tal-materjal żejjed. Imbagħad dawn jinħietu bil-ħajt tad-drapp. Wara dan il-proċess kollu, il-pett u s-suletti taż-żraben jiġu magħqudin flimkien mal-qiegħ taż-żarbun permezz tal-kolla, jerġgħu jinħietu għat-tieni darba flimkien, u l-iskarpan iżid it-takkuna u s-sopratakka skont il-bżonn. Fl-aħħar nett, iż-żraben jitlestew billi jiġu llostrati.[4]

Qaddisin patruni immodifika

Il-qaddisin patruni tal-iskarpana huma San Krispinu u San Krispinjanu.[2]

Referenzi immodifika

  1. ^ "Snajja': Skarpan".
  2. ^ a b "Calzolai in festa per i Santi Patroni". Confartigianato Imprese Piemonte Orientale (bit-Taljan). Miġbur 2021-07-11.
  3. ^ Museo Etnologico Monza e Brianza. "Vecchi mestieri:calzolai" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-04-21. Miġbur 2021-07-11.
  4. ^ a b ċ d e Madelaine, Eve (2019-05-12). "How Shoes Are Made: Step by Step" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-11.