Maltin
Il-Maltin (bl-Ingliż: Maltese, bit-Taljan: Maltesi) huma nazzjon u grupp etniku indiġenu ta’ Malta li jitkellmu bil-Malti, lingwa Semitika. Malta hija gżira f’nofs il-Baħar Mediterran. Inklużi fil-grupp etniku definit mill-Maltin hemm ukoll l-Għawdxin (bl-Ingliż: Gozitans, bit-Taljan: Gozitani) li jgħixu fil-gżira ta’ Għawdex.
Storja
immodifikaIl-Maltin attwali, ikkaratterizzati mill-użu tal-lingwa Maltija u mill-Kattoliċiżmu Ruman, huwa d-dixxendenti – għalkemm b’ħafna taħlit u ibridizzazzjoni – tal-kolonjalisti minn Sqallija u Calabria li reġgħu popolaw il-gżejjer Maltin fil-bidu tat-tieni millennju wara perjodu ta' żewġ sekli ta’ depopolazzjoni li segwiet il-ħakma Għarbija mill-Aglabidi fit-870 W.K.[1][2] Studju ġenetiku ta’ Capelli et al. jindika li Malta bilkemm kienet abitata fil-bidu tas-seklu għaxra u x’aktarx li ġiet popolata mill-ġdid minn insedjaturi minn Sqallija u minn Calabria li kienu jitkellmu bis-Sikulo-Għarbi (Għarbi li kien mitkellem Sqallija).[3] L-abitanti preċedenti tal-gżejjer – il-Feniċi, ir-Rumani, u l-Biżantini – ma ħallewx ħafna traċċi, peress li ħafna mill-ismijiet tal-postijiet intesew jew ġew sostitwiti. In-Normanni rnexxielhom jaħkmu l-gżira fl-1091 u kkonvertew lill-abitanti kollha għall-Kristjaneżmu sal-1249. Dan il-proċess ta’ Kristjanizzazzjoni mill-ġdid witta t-triq għall-evoluzzjoni tal-lingwa Maltija mid-djalett Sikulo-Għarbi li issa huwa estint.[4]
L-influwenzi fuq il-popolazzjoni wara dan ġew diskussi bil-qawwa fost l-istoriċi u l-ġenetisti. Il-kwistjoni dwar l-oriġini hija waħda kkumplikata minħabba bosta fatturi, fosthom l-istorja mqallba ta’ Malta magħmula minn sensiela ta’ invażjonijiet u ħakmiet, b’perjodi twal ta’ depopolazzjoni segwiti minn perjodi ta’ immigrazzjoni lejn Malta u żwiġijiet bejn il-Maltin u l-barranin mill-pajjiżi tal-Mediterran, tal-Punent tal-Ewropa u tan-Nofsinhar tal-Ewropa li ħakmu lil Malta. Fost il-ħafna influwenzi demografiċi fuq il-gżira nsibu:
- L-eżilju lejn Malta tal-popolazzjoni maskili kollha tar-raħal ta’ Celano (l-Italja) fl-1223
- It-tneħħija tal-kumplament tal-Għarab minn Malta fl-1224
- L-istazzjonar ta’ truppi Swabjani u Taljani Sqallin f’Malta fl-1240
- Mewġiet oħra ta’ ripopolazzjoni Ewropea matul is-seklu 13[5]
- Il-wasla ta’ diversi eluf ta’ suldati Aragoniżi (jiġifieri Katalani, Valenzjani, Majjorkani u Aragoniżi proprja, minn Spanja) mill-1283 sal-1425.
- L-insedjament f’Malta ta’ familji nobbli minn Sqallija (l-Italja) u mill-Kuruna ta’ Aragon bejn l-1372 u l-1450
- Il-wasla ta’ bosta eluf ta’ baħrin, suldati u skjavi Griegi minn Rodi mal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1530
- L-introduzzjoni ta’ diversi eluf ta’ ħaddiema Sqallin fl-1551 u mill-ġdid fl-1566
- L-emigrazzjoni ta’ xi 891 eżiljat Taljan lejn Malta matul ir-Risorgimento fl-1849
- L-istazzjonar ta’ xi 22,000 uffiċjal tas-servizz Brittaniku f’Malta mill-1807 sal-1979 (numru żgħir biss minnhom baqgħu fil-gżejjer)[6], kif ukoll Brittaniċi oħra u Irlandiżi li stabbilew ruħhom Malta tul iż-żmien
- L-emigrazzjoni tal-massa li seħħet wara t-Tieni Gwerra Dinjija u fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20. Ħafna Maltin telqu mill-gżira lejn ir-Renju Unit, l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerka. Wara l-adeżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004, inħolqu wkoll komunitajiet ta’ espatrijati f’pajjiżi Ewropej bħall-Belġju.
Maż-żmien, id-diversi mexxejja ta’ Malta ppubblikaw il-fehma tagħhom stess dwar l-etniċità tal-popolazzjoni.[7] Il-Kavallieri ta’ Malta ċekknu r-rwol tal-Iżlam f’Malta u ppromovew l-idea ta’ preżenza Kattolika Rumana kontinwa.[8]
Ġenetika
immodifikaL-aplogruppi tal-Y-DNA jinstabu fil-frekwenzi li ġejjin f’Malta: R1 (35.55 % inkluż 32.2 % R1b), J (28.90 % inkluż 21.10 % J2 u 7.8 % J1), I (12.20 %), E (11.10 % inkluż 8.9 % E1b1b), F (6.70 %), K (4.40 %), P (1.10 %). L-aplogruppi R1 u I huma tipiċi fil-popolazzjonijiet Ewropej u l-aplogruppi E, K, F u J jikkonsistu minn arbli tar-razza b’distribuzzjoni differenzjali l-iktar fil-Lvant Nofsani u fit-Tramuntana tal-Afrika. L-istudju ta’ Capelli et al. ikkonkluda li l-irġiel kontemporanji ta’ Malta x'aktarx oriġinaw min-Nofsinhar tal-Italja.[9] L-istudju jindika wkoll li Malta bilkemm kienet abitata fil-bidu tas-seklu għaxra u x’aktarx kienet reġgħet ġiet popolata minn insedjaturi minn Sqallija u minn Calabria li kienu jitkellmu bis-Sikulo-Għarbi. Dawn is-sejbiet jikkonfermaw l-evidenza onomastika u lingwistika ppreżentata fl-1993 minn Geoffrey Hull, li rintraċċa l-eqdem kunjomijiet Maltin fin-Nofsinhar u fix-Xlokk ta’ Sqallija, speċjalment fid-distrett ta’ Agrigento.[10]
L-istudju ta’ Capelli et al. tal-2015 għamel raggruppament tal-markaturi ġenetiċi Maltin tal-irġiel ma’ dawk minn Sqallija u minn Calabria, b’input minuskolu mil-Lvant tal-Mediterran b’affinità ġenetika mal-Libanu Kristjan.[11]
Studju ieħor imwettaq mill-ġenetisti Spencer Wells (2017) u Pierre Zalloua tal-Università Amerikana ta’ Bejrut sostna li iktar minn 50 % tal-kromożomi Y mill-irġiel Maltin jaf għandhom oriġini Feniċi.[12] Madankollu, ta’ min jinnota li dan l-istudju mhuwiex rieżaminat mill-pari u hemm studji ewlenin li jikkontradiċu s-sejbiet tiegħu, u li juru bil-provi li l-Maltin għandhom antenati komuni mat-Taljani tan-Nofsinhar tal-Italja, b’input ġenetiku negliġibbli mil-Lvant tal-Mediterran jew mill-Afrika ta’ Fuq.[13]
Kultura
immodifikaIl-kultura ta’ Malta hija riflessjoni ta’ diversi kulturi li ġew f’kuntatt mal-Gżejjer Maltin tul is-sekli, inkluż kulturi Mediterranji ġirien, u l-kulturi tan-nazzjonijiet li ħakmu lil Malta għal perjodi twal ta’ żmien qabel l-indipendenza tagħha fl-1964.
Il-kultura ta’ Malta moderna ġiet deskritta bħala “mudell rikk ta’ tradizzjonijiet, twemmin u prattiki”, li huwa r-riżultat ta’ “proċess twil ta’ adattament, assimilazzjoni u fertilizzazzjoni trasversali ta’ twemmin u ta’ drawwiet minn diversi sorsi konfliġġenti”. Kienet soġġetta għall-istess proċessi kumplessi u storiċi li wittew it-triq għat-taħlita lingwistika u etnika li tiddefinixxi min huma l-Maltin u l-Għawdxin illum.[15]
Lingwa
immodifikaIl-Maltin jitkellmu l-Malti, lingwa vernakulari ibrida unika li bażikament hija Semitika iżda b’superstratum Rumanz
(Taljan) imponenti, u miktuba bl-alfabett Latin fil-forma standard tiegħu. Il-lingwa ġejja mis-Sikulo-Għarbi, djalett estint tal-Għarbi li kien mitkellem fi Sqallija min-nies indiġeni li dak iż-żmien kienu maqsuma fir-reliġjon fi Kristjani tar-rit Grieg u Musulmani li l-antenati reċenti tagħhom kienu Sqallin ikkonvertiti mill-Kristjaneżmu.[16] Tul l-istorja ta’ Malta, il-lingwa adottat ammonti kbar ta’ kelmiet fil-vokabularju mill-Isqalli u mit-Taljan, isselfet ammont inqas ta’ kliem mill-Ingliż (l-angliċiżmi huma iktar komuni fil-Malti kollokjali milli fil-lingwa letterarja), u sselfet ftit għexieren ta’ kelmiet mill-Franċiż. Numru kbir ta’ kelmiet u idjomi li jidhru Għarab mal-ewwel daqqa t’għajn huma fil-fatt traduzzjonijiet ta’ kelmiet misselfa (kalki) mill-Isqalli u mit-Taljan li ftit li xejn jagħmlu sens għal kelliema ta’ lingwi oħra ġejjin mill-Għarbi.
Il-Malti sar lingwa uffiċjali ta’ Malta fl-1934, minflok it-Taljan u flimkien mal-Ingliż. Huwa stmat li hemm madwar 371,900 kelliem tal-Malti f’Malta, bi statistika li tikkwota li 100 % tal-popolazzjoni kapaċi titkellem bil-Malti, 88 % bl-Ingliż, 66 % bit-Taljan u 17 % bil-Franċiż, li juri grad ikbar ta’ ħiliet lingwistiċi mill-biċċa l-kbira ta’ pajjiżi Ewropej oħra.[17] Fil-fatt, il- multilingwiżmu huwa fenomenu komuni f’Malta, bl-Ingliż, bil-Malti u xi kultant bit-Taljan li jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum. Filwaqt li l-Malti huwa l-lingwa nazzjonali, ġie ssuġġerit li bl-axxendenza tal-Ingliż tista’ tibda sseħħ bidla fil-lingwa; għalkemm stħarriġ li jmur lura għall-2005 issuġġerixxa li l-persentaġġ ta’ Maltin li jitkellmu bil-Malti bħala l-lingwa materna tagħhom f’Malta baqa’ għoli (97 %).[18]
Reliġjon
immodifikaIl-Kostituzzjoni ta’ Malta tipprevedi l-libertà tar-reliġjon imma tistabbilixxi l-Kattoliċiżmu Ruman bħala r-reliġjon tal-istat. Il-popolazzjoni Maltija oriġinali kienet Kristjana tar-rit Biżantin (Grieg), bħall-komunitajiet Kristjani iktar antiki ta’ Sqallija. Konsegwentement, l-iktar saff antik tal-vokabularju liturġiku bil-Malti jikkonsisti minn kliem Grieg u Għarbi (dan tal-aħħar użat fil-qima mis-Sqallin tar-rit Biżantin li kienu jitkellmu bl-Għarbi matul l-okkupazzjoni Musulmana). Ir-rit Ruman (bil-Latin bħala l-lingwa liturġika) ġie impost fil-gżejjer kollha fil-bidu tas-seklu erbatax, għalkemm il-knisja Kattolika Griega ġiet stabbilita mill-ġdid wara l-1530 mill-Kavallieri ta’ San Ġwann għas-segwaċi tagħhom minn Rodi u minn inħawi oħra tal-Greċja.
Malta hija deskritta fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (Atti 27:39-42 u Atti 28:1-11) bħala l-post fejn Pawlu l-Appostlu safa nawfragu fi triqtu lejn Ruma biex jgħaddi mill-proċess ġudizzjarju. Freedom House u l-World Factbook jirrappurtaw li 98 % tal-Maltin huma Kattoliċi (l-iktar tar-rit Ruman, b’minoranza tar-rit Biżantin), u b’hekk in-nazzjon huwa wieħed mill-iktar pajjiżi Kattoliċi fid-dinja.[19]
Emigrazzjoni
immodifikaMalta ilha pajjiż ta’ emigrazzjoni, b’komunitajiet Maltin kbar jgħixu f’pajjiżi oħra li jitkellmu bl-Ingliż kif ukoll fi Franza
L-emigrazzjoni tal-massa qabdet ġmielha fis-seklu 19, u laħqet il-quċċata tagħha fid-deċennji ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
L-emigrazzjoni kienet inizjalment lejn il-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Afrika (partikolarment l-Alġerija, it-Tuneżija u l- Eġittu); iktar ’il quddiem l-emigranti Maltin bdew imorru lejn ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja.[20] Fadal ftit traċċi tal-komunitajiet Franċiżi-Maltin fit-Tramuntana tal-Afrika, peress li l-biċċa l-kbira minnhom ġew spostati, wara li bdew ifeġġu l-movimenti tal-indipendenza, lejn postijiet bħal Franza (speċjalment lejn Marsilja u r-Rivjera), ir-Renju Unit jew l-Awstralja. Il-Franċiżi-Maltin huma kulturalment distinti mill-Maltin minn Malta, fis-sens li tal-ewwel baqgħu marbuta mal-użu tal-lingwa Taljana (spiss, iżda mhux dejjem, flimkien mal-Malti) kif ukoll jitkellmu bil-Franċiż.
Għalkemm l-emigrazzjoni ma baqgħetx tkun fenomenu soċjali sinifikanti, għad hemm komunitajiet Maltin importanti fl-Awstralja, fil-Kanada, fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit. L-emigrazzjoni naqset b’mod drammatiku wara nofs is-snin sebgħin tas-seklu 20 u minn dak iż-żmien ’l hawn ma baqgħetx fenomenu soċjali sinifikanti. Minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2004, iffurmaw komunitajiet ta’ espatrijati f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, partikolarment fil-Belġju u fil-Lussemburgu.
Referenzi
immodifika- ^ "So who are the 'real' Maltese?". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
- ^ "History of Gozo | Gozo Tourism Association". islandofgozo.org. Miġbur 2021-04-27.
- ^ "Genetic origin of contemporary Maltese". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
- ^ "MED Magazine". macmillandictionaries.com. Miġbur 2021-04-27.
- ^ Constantiae Imperatricis et Reginae Siciliae Diplomata: 1195-1198, ed. T.K.Slzer (Vienna, 1983), pp. 237-240.
- ^ "Joseph M. Brincat, "Language and Demography in Malta: The Social Foundations of the Symbiosis between Semitic and Romance in Standard Maltese," in Malta: A Case Study in International Cross-Currents". www.webcitation.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-05. Miġbur 2021-04-27.
- ^ "Anthony Luttrell, "Medieval Malta: the Non-written and the Written Evidence", in Malta: A Case Study in International Cross-Currents". www.webcitation.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-05. Miġbur 2021-04-27.
- ^ "history conservation Malta David Mallia Malta Historical Society Melita Historica". web.archive.org. 2008-03-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-03-14. Miġbur 2021-04-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Genetic origin of contemporary Maltese". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
- ^ Geoffrey Hull, The Malta Language Question: A Case Study in Cultural Imperialism, Valletta: Said International, 1993, pp. 317-330.
- ^ "Genetic origin of contemporary Maltese". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
- ^ Zalloua, Pierre A.; Platt, Daniel E.; Sibai, Mirvat El; Khalife, Jade; Makhoul, Nadine (2008-11-17). "Identifying Genetic Traces of Historical Expansions: Phoenician Footprints in the Mediterranean". The American Journal of Human Genetics (bl-Ingliż). 83 (5): 633–642. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "Genetic origin of contemporary Maltese". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
- ^ "The last għonnella". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
- ^ J. Cassar Pullicino, "Determining the Semitic Element in Maltese Folklore", in Studies in Maltese Folklore, Malta University Press (1992), p. 68.
- ^ "MED Magazine". web.archive.org. 2008-05-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-05-09. Miġbur 2021-04-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Europeans and their Languages (PDF) Ec.europa.eu" (PDF).
- ^ ""EUROPEANS AND LANGUAGES" (PDF). Ec.europa.eu" (PDF). web.archive.org. 2007-01-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-01-28. Miġbur 2021-04-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Catholic Church in Malta". www.gcatholic.org. Miġbur 2021-04-27.
- ^ https://www.sbs.com.au/language/english/audio/2021-census-how-many-maltese-are-there-in-australia
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Maltin (People of Malta) |