L-Unjoni Ewropea (abbrevjata bħala UE) hija unjoni politika u ekonomika ta' 27 stat membru li jinsabu prinċipalment fl-Ewropa.[1] L-UE ġiet stabbilita taħt l-isem attwali permezz tat-Trattat ta' Maastricht tas-7 ta' Frar 1992 (li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 1993),[2] liema stati aderenti ġew miżjuda wara t-triq twila tal-Komunitajiet Ewropej li kienu jeżistu qabel.

Bandiera tal-Ewropa

L-organi prinċipali tal-UE jinvolvu lill-Kunsill (denominazzjoni li ħadet post dik tal-Kunsill tal-Ministri mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Maastricht), il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew. Il-membri tal-Parlament Ewropew huma eletti kull ħames snin miċ-ċittadini Ewropej. Il-belt kapitali de facto tal-UE hija Brussell.[3]

L-UE żviluppat suq komuni permezz ta' sistema standardizzata ta' liġijiet li japplikaw fl-istati membri kollha. Fi ħdan iż-Żona Schengen (li tinkludi 22 stat tal-UE u 4 stati non-UE) kontrolli fuq il-passaport ġew aboliti.[4] Il-politiki tal-UE jassiguraw il-moviment ħieles ta' nies, merkanzija, servizzi u kapital,[5][6] jiddekretaw leġiżlazzjoni fil-ġustizzja u l-affarijiet interni, u jżommu politiki komuni għall-kummerċ,[7] l-agrikoltura,[8] is-sajd u l-iżvilupp reġjonali.[9]

Fil-preżent, l-Unjoni Ewropea hija l-aktar organizzazzjoni reġjonali potenti. F'ċerti postijiet fejn l-istati membri ttrasferew ammont ta' sovranità lill-Unjoni, l-UE tidher tixbah iktar lil xi federazzjoni jew kofederazzjoni. Iżda l-istati membri jibqgħu jikkontrollaw it-trattati, jiġifieri l-Unjoni m'għandhiex is-setgħa li tieħu l-poter minn fuq il-pajjiżi mingħajr il-kunsens tagħhom. Dan apparti l-fatt li l-pajjiżi membri jibqgħu jħaddnu l-politika tagħhom f'dawk l-oqsma ta' importanza nazzjonali, bħal relazzjonijiet barranin u d-difiża.

Din l-istruttura unika, probabbilment iġġiegħlek tħares lejn l-Unjoni Ewropea iktar bħala entità sui generis.

L-istat attwali u futur tal-UE huwa s-suġġett ta' ħafna battibekki politiċi fost il-pajjiżi membri.

Bażi ġuridika

immodifika

Il-bażi ġuridika tal-Unjoni Ewropea hija sekwenza ta' trattati bejn il-pajjiżi membri. Dawn ġew emendati ħafna drabi tul is-snin, b'kull trattat ġdid jemenda u jissupplimenta dak ta' qablu. L-ewwel trattat li seħħ kien it-Trattat ta' Pariġi tal-1951 li stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (European Coal and Steel Community; ECSC) bejn grupp oriġinali ta' sitt pajjiżi Ewropej li kienu jinkludu lil Franza, il-Belġju, il-Pajjiżi Baxxi, il-Lussemburgu, l-Italja, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Minn dak iż-żmien 'l hawn, dan it-trattat skada u l-funzjonijiet tiegħu ġew meħuda minn trattati oħra li ġew warajh. Minn naħa l-oħra, it-Trattat ta' Ruma tal-1957 għadu jgħodd sal-lum, avolja ġie emendat, partikolarment bit-Trattat ta' Maastricht tal-1992, li stabbilixxa l-Unjoni Ewropea taħt dan l-isem. It-Trattat ta' Ruma kien essenzjali biex tiġi stabbilità l-Komunità Ekonomika Ewropea (European Economic Community; EEC) kif ukoll l-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewropea (European Atomic Energy Community; EAEC jew Euratom). Il-ħolqien ta' suq komuni kellu jkun wieħed mill-għanijiet ewlenija tal-unifikazzjoni tal-Ewropa għal ħafna żmien. L-aħħar modifiki li saru fuq it-Trattat ta' Ruma ġew miftiehma bħala parti mit-Trattat tal-Adeżjoni ta' 10 Stati Membri ġodda, li ġie implimentat fl-1 ta' Mejju, 2004.

Reċentement, l-Istati Membri tal-UE qablu mal-kontenut ta' trattat kostituzzjonali li, jekk jiġi ratifikat mill-pajjiżi membri, għandu jkun l-ewwel kostituzzjoni uffiċjali tal-UE, li tirrimpjazza t-trattati kollha preċedenti b'dokument wieħed.

F'każ li t-trattat tal-kostituzzjoni ma jiġix ratifikat mill-membri kollha tal-UE, ikun hemm bżonn li jerġgħu jinfetħu n-negozjati fuqu. Ħafna politiċi u uffiċjali jaqblu li l-istrutturi prekostituzzjonali huma ineffiċjenti għal Unjoni ta' 27 Stat Membru li qiegħda dejjem tikber maż-żmien. Politiċi f'ċerti pajjiżi membri (partikolarment fi Franza), issuġġerew li jekk ikun hemm biss ftit pajjiżi li ma jirratifikawx it-trattat, il-bqija tal-Unjoni għandha tinjorahom u timxi mingħajrhom. Dan l-aġir pjuttost kontroversjali jista' possibbilment joħloq unjoni oħra iktar Avant Garde ta' pajjiżi li impenjaw ruħhom għal dan it-trattat, ġewwa l-unjoni preżenti.

Ara wkoll:

Istituzzjonijiet tal-UE

immodifika

L-UE m'għandha l-ebda kapitali uffiċjali u l-istituzzjonijiet tagħha huma mifruxa f'ħafna bliet:

Aġenziji tal-UE

immodifika

L-UE għandha numru ta' agenziji speċializzati u deċentralizzati b'mandat sabiex ikunu ta' għajnuna għall-Istati Membri tal-UE:

Aġenziji tal-Politika Komuni tal-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà (CFSP):

Aġenziji komunitarji

Aġenziji tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

Aġenti Eżekuttivi

Aġenziji u entitajiet tal-EURATOM

Stati Membri u Tkabbir Suċċessiv

immodifika

'Artikli prinċipali: Pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, Tkabbir tal-Unjoni Ewropea, Pajjiżi ġirien li jdawru l-Unjoni Ewropea, Il-kriterji tal-isħubija.

Sa mill-1 ta' Mejju, 2004, l-Unjoni Ewropea tikkonsisti f'25 pajjiż membru. L-erja totali ta' dawn il-25 pajjiż (2004) hija 3,892,685 km². Kieku kienet pajjiż, l-UE kienet tkun is-seba' l-akbar pajjiż fid-dinja mid-daqs. In-numru ta' ċittadini tal-UE (kull ċittadin ta' pajjiż membru tal-UE, skont it-termini stipulati fit-Trattat ta' Maastricht) fil-25 stat, jammonta, bejn wieħed u ieħor, 453 million (Marzu 2004). Din il-figura hija it-tielet l-akbar fid-dinja wara ċ-Ċina u l-Indja.

 
Mappa tat-27 pajjiż membru tal-UE, ammissjonijiet tal-2013 u pajjiżi kandidati

Fl-1952/1958 is-sitt pajjiżi fundaturi tal-UE kienu: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi. Minn dakinhar, 19-il pajjiż ieħor ingħaqdu mal-UE fi tkabbir sussegwenti:

Sena Pajjiżi
1973 Danimarka, Irlanda, u r-Renju Unit
1981 Greċja
1986 Portugall u Spanja
1995 Awstrija, Finlandja, u Svezja
2004 Ċipru, Ċekja, Estonja, Ungerija, Latvja, Litwanja, Malta, Polonja, Slovakkja u Slovenja
2007 Bulgarija u Rumanija
2013 Kroazja

Noti:

Membri futuri tal-UE

immodifika

Bħalissa hemm tliet stati li jissejħu kandidati, dawn huma s-Serbja, it-Turkija (ma' dawn l-istati, in-negozjati għadhom għaddejjin) u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-pajjiżi li applikaw biex isiru membri tal-Unjoni huma l-Albanija, l-Islanda u l-Montenegro. Iktar informazzjoni fuq tkabbir futur jista' jinsab fl-artiklu Tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

Xi pajjiżi bħan-Norveġja u l-Isvizzera li fil-preżent mhumiex membri tal-UE, xorta għandhom ftehim speċjali mal-unjoni. (Ara l-artiklu dwar relazzjonijiet ta' terzi pajjiżi ma l-UE). Ħafna mill-membri tal-EFTA (European Free Trade Association) huma sħab mat-Trattat tal-EEA (European Economic Area), li jfisser li dawn il-pajjiżi jistgħu jipparteċipaw ukoll fis-suq komuni.

Status ta' Territorji extra-Ewropej

immodifika

Ċerti postijiet għandhom konnessjonijiet jew assoċjazzjonijiet mal-istati membri tal-UE minħabba l-passat kolonjali tagħhom, rabtiet kulturali jew ġeografiċi. Għar-relazzjoni tal-UE ma' Groenlandja, l-Isle of Man, l-Ażores u Madejra, fost oħrajn, ara l-artiklu dwar Territorji ta' stati membri speċjali u r-relazzjoni tagħhom mal-UE.

Struttura

immodifika

Il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jinkludu numbru kbir ta' strutturi legali u istituzzjonali li huma sovvrapposti fuq xulxin. Dan huwa r-riżultat tal-ħafna trattati internazzjonali suċċessivi li seħħew maż-żmien. Fi żminijiet riċenti, saru ħafna sforzi konsiderevoli biex jiġu konsolidati u simplifikati dawn it-trattati, li fl-aħħar mill-aħħar wasslu għall-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni Ewropea. Jekk dan it-trattat propost jiġi adottat, dan jispiċċa biex jieħu post it-trattati l-oħra li attwalment jiffurmaw il-kostituzzjoni tal-UE.

Sħubija

immodifika

Storikament l-Unjoni Ewropea żviluppat l-attivitajiet ta’ politika reġjonali tagħha u ddistribwit il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni permezz ta’ proċess ta’ sħubija, li jinkludi kontribuzzjoni sinifikanti mill-Istati Membri.

Il-ħidma tas-sħubija tkopri l-proċess ta’ programmazzjoni sħiħ, mill-istadju preparatorju, matul l-implimentazzjoni sal-valutazzjoni tar-riżultati. Dan l-approċċ għandu jwassal għal riżultati aħjar tal-programm u jiżgura li l-flus mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) jintnefqu b'mod effiċjenti.

Fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-20, il-prinċipju ta’ sħubija ġie msaħħaħ aktar, u jinkludi mhux biss lill-Istati Membri, iżda anke lill-partijiet interessati bħat-trade unions, l-impjegaturi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), u korpi oħrajn li jippromwovu, pereżempju, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u n-nondiskriminazzjoni. Il-Kummissjoni fasslet Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija li l-Istati Membri jridu jikkonformaw miegħu fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, kull Stat Membru adotta Ftehim ta’ Sħubija mal-Kummissjoni Ewropea li jistabbilixxi kif l-awtoritajiet nazzjonali jippjanaw li jużaw u jiddistribwixxu l-finanzjament mill-FSIE fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-20.[10]

L-Istati Membri tal-UE jikkontribwixxu għal baġit tal-UE komuni sabiex jilħqu objettivi komuni. L-Istati Membri jikkontribwixxu direttament fuq il-bażi tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tagħhom. Id-dazji doganali u r-riċevuti tal-VAT jipprovdu dħul addizzjonali. Il-limitu massimu tal-baġit fil-preżent huwa stabbilit għal 1,23  % tal-UE DNG.

F’termini tal-proċedura tal-baġit, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi abbozz ta’ baġit li jirrifletti l-objettivi prinċipali tal-politika tal-UE bħat-tkabbir u l-impjiegi, ir-riċerka, it-tibdil fil-klima u l-enerġija. L-Istati Membri mbagħad jidħlu f’negozjati mal-Parlament Ewropew sabiex jemendaw l-abbozz u jadottaw il-baġit. Il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll biex tiżgura li l-baġit tal-UE jintnefaq skont ir-'Regolament Finanzjarju tal-UE.

Il-qafas tal-baġit attwali jkopri l-perjodu 2014-2020; il-pjanijiet tal-baġit annwali jagħtu dettalji speċifiċi dwar l-infiq. Matul dan il-perjodu, il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni sejrin jirċievu madwar 32,5  % tal-baġit globali, ekwivalenti għal madwar EUR 351,8 biljun (fil-prezzijiet tal-2014).[11]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Tagħrif bażiku dwar l-Unjoni Ewropea". europa.eu. Miġbur 2012-10-04.
  2. ^ Craig, Paul; Craig, P. P.; De Burca, Grainne (2007). EU Law: Text, Cases and Materials (bl-Ingliż) (4 ed.). Oxford: Oxford University Press. p. 15. ISBN 978-0-19-927389-8.
  3. ^ "Brussels' EU capital role seen as irreversible" (bl-Ingliż). Euractiv.com. Miġbur 2012-10-28.
  4. ^ "Schengen area" (bl-Ingliż). europa.eu. Miġbur 2010-09-08.
  5. ^ "The EU Single Market: Fewer barriers, more opportunities" (bl-Ingliż). europa.eu. Miġbur 2007-09-27.
  6. ^ "Suq wieħed mingħajr fruntieri". europa.eu. Miġbur 2007-06-29.
  7. ^ "Common commercial policy" (bl-Ingliż). europa.eu. Miġbur 2008-09-06.
  8. ^ "Agrikoltura u Sajd". Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-11-03. Miġbur 2013-06-03.
  9. ^ "Politika Reġjonali Inforegio". europa.eu. Miġbur 2013-06-03.
  10. ^ Il-Kummissjoni Ewropea - Sħubija
  11. ^ Baġit - Kummissjoni Ewropea

Ħoloq esterni

immodifika
Uffiċjali
Data u statistika