Kemmuna
Dan l-artiklu dwar il-ġeografija huwa nebbieta. Jekk trid, tista' tikkontribwixxi issa biex ittejjeb dan l-artiklu, dejjem skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Kemmuna hija gżira li tifforma parti mill-arċipelagu Malti bejn il-gżejjer ta' Malta u Għawdex fil-Baħar Mediterran, fejn tkopri żona ta' 1.35 mil kwadru. Imsemmija għall-kemmun (Cuminum cyminum), ħaxixa li tintuża bħala tip ta' ħwawar li kienet tinbet fuq din il-gżira, Kemmuna hija popolari għat-trankwillità li toffri. Sa ftit snin ilu kellha popolazzjoni permanenti ta' erba' residenti biss imma n-numru nieżel għal tnejn wara l-mewt ta' Marija Said fl-2017 u ta' Anġlu Vella fl-2020. Qassis u pulizija jservu lil din il-gżira minn Għawdex, biex jagħtu s-servizz tagħhom lill-popolazzjoni lokali u lill-viżitaturi sajfin. Din il-gżira żgħira hija parti intrinsika mil-lokalita' ta' Għajnsielem, f'Għawdex.
Ambjent
immodifikaIl-gżira ta' Kemmuna għandha pajsaġġ karst jissostjeni makkja b'arbuxxelli sklerofilli. Riċentement saret afforestazzjoni limitata bis-siġar tal-Arżnu. L-Għeriem tar-ramel fil-bajja ta' Santa Marija fihom parti mill-veġetazzjoni nattiva tal-gżira, inklużi hemm is-siġar tal-Vitex u tat-Tamarisk. Il-gżira ġiet identifikata bħala żona importanti għall-għasafar mill-għaqda internazzjonali ta' Bird Life, dan għaliex fuqha hemm bejn 50 sa 80 par ta' Garni li jbejtu fuq din il-gżira.
Storja
immodifikaHuwa magħruf li Kemmuna kienet abitata mill-bdiewa matul il-perjodu Ruman, imma qatt ma kellha popolazzjoni li setgħet issejħilha tagħha għax il-gżira kienet meqjusa bħala proprjetà privata jonkella għax ġiet abbandunata għalkollox. Il-kosta ta' din il-gżira hija mogħnija bl-isbaħ irdum tal-franka u hija miżgħuda b'għerien fondi li kienu popolari mal-pirati u mal-ħallelin tal-baħar, li kienu jduru madwar il-Mediterran fi żmien il-Medju Evu. L-għerien u l-ħofor ta' Kemmuna kienu użati ta' sikwit bħala bażijiet naturali minn fejn wieħed ikun jista' jattakka lil dawk id-dgħajjes li kellhom il-ħsieb jaqsmu l-fliegu ta' bejn Malta u Għawdex sabiex ikunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni mixtieqa. Iktar tard, il-Kavallieri ta' Malta bdew jagħmlu użu importanti minn Kemmuna, u għalhekk innominawha l-gżira tal-kaċċa u tar-rikreazzjoni. Il-Kavallieri kienu protettivi ħafna f'dak kollu li kien jirrigwarda l-kaċċa fuq din il-gżira, dan għaliex fuqha kienu jabitaw ċerti speċi bħall-majjal salvaġġ u l-fenek tal-Grixti. Ħadd ħlief il-Kavallieri ma kellu l-permess li jikkaċċja fuq Kemmuna, u għalhekk kull min kien imur kontra din il-liġi kien jispiċċa jeħel piena pjuttost twila ta' tliet snin skjav, jaħdem xogħol iebes fil-kċina tax-xini tal-iskjavi.
Fis-sekli 16 u 17 Kemmuna serviet bħala post ta' priġunerija jew ta' eżilju għall-Kavallieri messaġġiera. Dawk il-Kavallieri li kienu jinstabu ħatja li wettqu xi att kriminali ta' gravità minuri kienu jiġu ssentenzjati jagħmlu l-kompitu solitarju u perikoluż, dak li jintrama t-Torri ta' Santa Marija. Fil-passat, kif ukoll fis-seklu 20, meta l-ibħra kienu jkunu mqallba żżejjed sabiex il-patri Għawdxi jkun jista' jaqsam il-fliegu sa Kemmuna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, il-komunità lokali kienet tinġema' fuq il-blat f'dik il-parti tal-gżira magħrufa bħala "tal-Ħamra", fejn joqogħdu jħarsu 'l bogħod lejn il-baħar mezzan li jifred il-gżejjer sakemm jilmħu l-kappella tal-Madonna tal-Blat, f'Ħondoq ir-Rummien, Għawdex, il-post fejn tiġi ċċelebrata l-Quddiesa. Huma kienu jsegwu l-progressjoni tal-Quddiesa sat-tmiem.
F'Marzu tal-1889, il-vapur tal-battalja Ingliż HMS Sultan kien ħabat ma' blata mhux immarkata fuq il-mappa fil-baħar ta' Kemmuna, kolliżjoni li ċarrtet qiegħ il-vapur. Il-vapur beda jegħreq bil-mod u żelaq minn fuq il-blata u għereq fl-14 ta' Marzu tal-1889. Il-kumpanija Taljana Baghino & Co. irnexxielha ttella' l-vapur minn qiegħ il-baħar f'Awwissu tal-1889 marbut bi ħlas ta' £50,000. Is-Sultan inġieb lura Malta fis-27 ta' Awwissu.
It-Torri ta' Santa Marija
immodifikaIt-Torri ta' Santa Marija huwa l-iktar bini prominenti li jinsab fuq il-gżira ta' Kemmuna. L-isfond tipiku ta' dan it-Torri jmur lura għall-1416, fiż-żmien meta l-Maltin iddeċidew li kellhom id-dritt li jsemmgħu leħinhom permezz ta' petizzjoni li tappoġġja l-kostruzzjoni ta' torri fuq Kemmuna, intenzjonat sabiex iservi ta' sistema ta' twissija bikrija fil-każ ta' xi invażjoni li tista' taħbat għall-gżejjer Maltin, u biex ikun ta' skoraġġjament għat-Torok, għall-pirati, għall-ħallelin u għall-kursara bil-ħsieb li jużaw lil Kemmuna bħala moħba jew bħala post ta' waqfien minn xi vjaġġ twil. Sentejn wara, ir-Re Alfonsu V ta' Aragona kien eleva taxxa speċjali fuq l-inbid importat sabiex jinġabru l-fondi neċessarji għal dan il-proġett, però dan l-involviment ma ssodisfax ix-xewqa tant mixtieqa tal-poplu Malti għax il-flus kienu qegħdin imorru fit-teżor tar-Re minflok ma bdew jintefqu għad-difiża ta' Kemmuna. Għalhekk il-gżira ċkejkna ta' Kemmuna baqgħet nieqsa mid-difiża għal mitejn sena oħra.
It-Torri ta' Santa Marija nbena fi żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann, taħt l-ordni tal-Gran Mastru Wignacourt. It-Torri jinsab mibni bejn wieħed u ieħor fiċ-ċentru tal-kosta tan-Nofsinhar tal-gżira. It-Torri kien jifforma parti mill-katina tat-torrijiet difensivi – It-torrijiet ta' Wignacourt, Lascaris u De Redin ippożizzjonati f'postijiet vantaġġjużi madwar il-kosta tal-gżejjer Maltin u għen fit-titjib tal-komunikazzjonijiet bejn iż-żewġ gżejjer prinċipali ta' Malta u Għawdex. It-Torri ta' Santa Marija huwa kbir, b'forma kwadra u għandu erba' turretti f'kull kantuniera. It-Torri jinsab xi 80 metru (262 Pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, u huwa madwar 12-il metru għoli, b'ħitan li huma bejn wieħed u ieħor 6 metri wesgħin. It-Torri huwa elevat fuq pjattaforma u fuq bażi kwadra li huma ta' xi 8 metri għoli.
Matul l-imblokk Franċiż (1798-1800) it-Torri ta' Santa Marija serva ta' ħabs għall-ispiji ssuspettati. Fl-1829, il-militar Brittaniku kien abbanduna 'l dan is-sit. Għal bosta deċennji, dan it-torri strateġiku kien meqjus bħala l-proprjetà tal-awtoritajiet ċivili u lokali, u jista' jkun li kien qed jiġi użat bħala sptar ta' iżolazzjoni jonkella bħala maqjel għall-annimali tal-għalqa, bħala kenn mill-kefrija tal-istaġun kiesaħ tax-xitwa. It-Torri ta' Santa Marija reġa' beda jintuża b'mod regolari matul iż-żewġ Gwerer Dinjija. It-Torri kien meqjus bħala l-proprjetà tal-forzi armati ta' Malta mill-1982. Illum, dan it-torri jservi l-irwol ta' għassies kontra l-kuntrabandu u l-kaċċa illegali tal-għasafar, li jkollhom bżonn ipassu minn fuq il-baħar.
It-Torri ta' Santa Marija għadda minn restawr estensiv bejn l-2002 u l-2004. Illum, jibqa' rikonoxxut bħala l-iktar struttura notevoli fuq il-gżira mezzana ta' Kemmuna, u jservi ta' destinazzjoni għat-turisti li jabitaw il-gżira temporanjament sabiex jiskopru l-maġija moħbija li toffri din il-gżira hekk maqtugħa minn ġensha, fil-kwiet u fl-imħabba mal-baħar li jdawwarha.
Folklor
immodifikaSkont il-Folklor Malti, xi drabi eremita mistiku li jismu Kerrew jaqsam il-fliegu ta' bejn Malta u Kemmuna fuq il-mantell tiegħu bl-iskuża li għandu bżonn jiltaqa' mal-kabbalist magħruf, Abulafja (Abraham ben Samwel Abulafja li twieled Saragozza fl-1240 u skont it-tradizzjpni miet Kemmuna).
L-industrija tal-films
immodifikaKemmuna hija lokazzjoni popolari għall-produtturi tal-films. Din il-gżira tidher f'films bħal: Troy, The Count of Monte Cristo u fi Swept Away. It-Torri tant prominenti ta' Santa Marija deher fil-film The Count of Monte Cristo, fejn serva bħala x-Château d'If.