Jum il-Ħelsien (Malta)
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Jum il-Ħelsien hija festa nazzjonali ċċelebrata f'Malta li tfakkar il-31 ta' Marzu, 1979, ġurnata li mmarkat il-ħelsien tal-gżejjer Maltin minn kull qawwa barranija għall-ewwel darba fl-istorja tagħha. Minn dakinhar 'l hawn ma kien hawn ebda bażi militari ta' xi nazzjon ieħor f'Malta, u b'hekk wara eluf ta' snin bħala bażi militari u navali, il-Maltin kellhom fl-aħħar is-sovranità totali ta' arthom. Dan l-avveniment seħħ meta l-bażi militari Ingliża ngħalqet wara li r-Renju Unit irrifjuta li jħallas iċ-ċens dovut lil Malta fl-1979, u peress li l-kuntratt kien jagħlaq fl-1 ta' April, il-forzi Ingliżi telqu minn Malta ġurnata qabel. Jum il-Ħelsien huwa wieħed mill-ħames Festi Nazzjonali li għandha Malta, flimkien ma' Jum l-Indipendenza, Is-Sette Giugno, Il-Vitorja u Jum ir-Repubblika.
Iċ-Ċerimonja tal-Ħelsien
immodifikaIl-Priministru ta' Malta Dom Mintoff, fil-lejl tal-31 ta' Marzu 1979 xegħel it-torċa tal-Ħelsien fuq il-monument tal-Ħelsien, xogħol tal-iskultur Anton Agius, quddiem il-Knisja ta’ San Lawrenz il-Birgu, fost il-ferħ u l-għajat tal-pubbliku preżenti, l-isparar tal-murtali, id-daqq tal-marċi mill-baned u d-daqq ta’ qniepen tal-knejjes kollha ta’ Malta. Flimkien mal-Prim Ministru Mintoff, xegħel id-dawl tal-ħelsien George Agius, Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union.
Ftit qabel, il-bandiera Ingliża tniżżlet bil-mod il-mod u flokha telgħet il-bandiera Maltija għad-daqq tal-Innu Malti u l-għajat ta’ ferħ tal-Maltin miġburin fit-toroq u fuq is-swar tal-Kottonera u, fuq in-naħa l-oħra, tal-Belt Valletta. Il-bandiera Ingliża tniżżlet mill-baħri Ingliż David Gilchrist ta’ 23 sena, signal man fuq l-HMS London wara li l-pulizija Malti Richard Cauchi ta’ 28 sena mill-Ħamrun ta s-salut. Il-baħri Ingliż imbagħad geżwer il-bandiera u ħa b’idejn il-ħaddiem Malti Carmel Boxall ta’ 22 sena mill-Birgu, li kien impjegat mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Imbagħad il-bandiera Maltija ttellgħet minn Alfred Xuereb ta’ 45 sena minn Bormla, li kien welder it-tarzna, fost ċapċip kbir, kaxxi infernali u daqq tal-qniepen tal-knejjes.
Id-diskors tal-President Anton Buttigieg
immodifikaWara sar diskors mill-President tar-Repubblika Anton Buttigieg, diskors li xxandar dirett fuq Xandir Malta, radju u televiżjoni.
Dakinhar Buttigieg tkellem hekk:
"Aħna miġburin hawn illejla biex nifirħu flimkien u niċċelebraw it-tmiem tal-bażi militari Ingliża. Miġburin hawn illejla biex fuq kollox naħilfu li qatt iżjed ma jkun hawn bażi militari barranija f’artna u li Malta tibqa’ għal dejjem Repubblika ħielsa mmexxija mill-Maltin għall-Maltin.
Dan il-monument twaqqaf bħala tifkira tal-ferħ tagħna u tal-ħalfa tagħna lil dawk kollha li jiġu warajna sakemm jibqa’ jeżisti n-nisel Malti. Hija x-xorti kbira tiegħi li nkun President tar-Repubblika llum u li nagħmel dan id-diskors lilkom f’din l-okkażjoni.
F’dan il-mument solenni nħoss id-demm tiegħi Malti jbaqbaq fil-vini tiegħi. Moħħi huwa mixgħul bis-sbuħija tad-dehra li qed nara madwari u qalbi tfur bl-imħabba għal Malta ommi. U nistħajjel. Nistħajjel li bħalissa kif aħna miġburin hawnhekk flimkien qegħdin jingħaqdu magħna, fl-ispirtu, mhux biss dawk li qegħdin jarawna fuq it-televiżjoni u jisimgħuna fuq ir-radju, imma dawk il-Maltin kollha mxerrdin mad-dinja.
Nistħajjel li qegħdin jingħaqdu magħna ukoll, fl-ispirtu, missirijietna f’qabarhom, anke dawk li talbu u offrew sagrifiċċji għal Malta fit-tempji neolitiċi ta’ Ħal Tarxien, Ħaġar Qim u l-Ġgantija. U lil dawn il-Maltin kollha jiena ngħid: ‘Ifirħu magħna, ingħaqdu magħna f’din il-ħalfa tagħna’.
Niftakar b’mod speċjali dawk il-Maltin li nġabru fit-8 ta’ Settembru 1565 f’dan il-post storiku, forsi l-aktar post storiku tal-gżejjer tagħna, fejn għad-daqq tal-istess qniepen tal-knisja ta’ San Lawrenz iżżu ħajr lil Alla għar-rebħa li kisbu fl-Assedju l-Kbir li biha salvaw liċ-ċiviltà Nisranija fl-Ewropa.
Iżda għalkemm missirijietna ġġieldu u xerrdu demmhom fuq is-swar, baqgħu jkunu maħkumin mill-barrani fl-interessi tiegħu, komplew jitgħaffġu minnu, komplew jgħixu fil-miżerja, u fuq kollox pajjiżhom baqa’ fortizza li minnha l-barrani għamel il-gwerra fuq il-ġirien tagħna fil-Mediterran. Min jaf kemm minn¬hom inqatlu jew ittieħdu lsiera fil-battalji fuq il-baħar!
Kemm isbaħ hija Malta tal-lum, xebh ma’ dawk iż-żminijiet. Malta tagħna tal-lum hija Repubblika ħielsa mibnija fuq ix-xogħol u mhux fuq il-privileġġi. Bis-saħħa tad-demokrazija li tħaddan, kull wieħed minn uliedha, anke l-aktar wieħed umli bħali, jista’ jsir Membru tal-Parlament, Ministru, Prim Ministru u anke President.
Malta hija Repubblika li tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, ewlieni fosthom id-dritt ta’ elezzjonijiet ħielsa, il-libertà tal-kuxjenza, il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-assoċjazzjoni. Il-valuri morali u spiritwali tagħna jkattru għax l-imħabba tal-proxxmu ma baqgħetx biss imħabba fil-qalb, imma tbiddlet f’għemil ta’ għajnuna lill-fqar, lil nies qgħeda, lill-morda, lill-inkapaċitati, lix-xjuħ, lir-romol, lill-orfni, fil-fatt lil uliedha kollha.
Fuq kollox Malta llum ħelset lilha nfisha mill-bażi militari barranija, mhux b’mibegħda jew vendetta, iżda permezz ta’ għadd kbir ta’ fidi għax hija trid twettaq missjoni ġdida ta’ sliem fil-Mediterran fl-interess tal-paċi fid-dinja kollha.
Is-sliem fuq kollox ifisser li ma jkunx hemm għelm u gwerra u għalhekk it-tneħħija tal-bażi militari barranija titqies bħala pass kbir ’il quddiem fis-sliem. Madankollu l-kelma sliem tfisser aktar minn hekk. Il-kelma sliem u l-kunċett tagħha, li aħna writna mill-popli semitiċi, ma tfissirx biss in-nuqqas ta’ għelm, iżda aktar tfisser il-ġid, l-hena u r-relazzjoni¬jiet tajbin. Bil-kliem sabiħ ‘sliem għalik’ aħna flimkien mal-ġnus semitiċi nilqgħu b’merħba lil dawk li huma għeżież għalina, insellmulhom, fi kliem ieħor nixtiequlhom il-ġid, l-hena u relazzjonijiet tajbin. Dan il-kunċett ta’ sliem insibuh fil-Kotba Mqaddsa.
Dan hu li tfisser il-missjoni l-ġdida ta’ Malta. Il-ġirien tagħna m’għandhomx għalxiex jibżgħu aktar minn attakk mill-barrani, immexxi minn pajjiżna. Malta issa ħielsa għal kollox u hija għal kollox f’idejna. Mhux biss m’aħniex se naħbtu għalihom, iżda rridu naħdmu flimkien magħhom għall-ġid u l-progress, sabiex il-Mediterran, storikament baħar ta’ gwerra, jinbidel f’għadira ta’ sliem.
Din illum hija Malta tagħna, b’ruħ isbaħ milli qatt kellha qabel. Għal din ir-raġuni għalhekk, illum huwa l-bidu ta’ żmien ġdid fil-ġrajja ta’ Malta. Ejjew nifirħu lkoll. Doqqu l-qniepen, ixgħelu d-dwal, xejru l-bnadar u l-istandardi, itfgħu l-fjuri, doqqu l-banda u għannu innijiet ta’ glorja!
Huwa minnu li fuq spallejna jaqgħu responsabbiltajiet akbar. Imma Alla jgħin lil dawk li jħobbu u li jaħdmu għall-paċi. ‘Imberkin dawk li jaħdmu għall-paċi, qal Kristu, ‘għax huma jissejħu ulied Alla’.
Niżżu ħajr lill-mistednin barranin tagħna talli ngħaqdu magħna llum u ngħidulhom: aqsmu magħna l-ferħ tagħna! Fuq kollox ngħidulhom: kunu xiehda għal din il-ħalfa li għamilna, li qatt iżjed ma jkun hawn bażi militari barranija fuq artna u li Malta tibqa’ għal dejjem Repubblika demokratika ħielsa għal kollox, immexxija mill-Maltin għall-Maltin."
Tqegħid ta' fjuri
immodifikaIl-President temm id-diskors imqanqal tiegħu b’qari tal-poeżija tiegħu Il-Kappella tal-Paċi. Wara huwa tela’ fuq il-monument biex iqiegħed bukkett ta’ fjuri ħomor u bojod f’riġlejn il-monument. Kien akkumpanjat minn żewġt itfal Maltin, Odette Buhagiar u Garry Hurst, li ssimbolizzaw il-ġenerazzjoni l-ġdida, li ukoll qiegħdu fjuri f’riġlejn il-monument.
Wara tela’ l-Prim Ministru akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU, li poġġew ukoll il-fjuri f’riġlejn il-monument. Warajhom telgħu jqegħdu l-fjuri l-ministri tal-kabinett Malti.
Imbagħad tela’ l-Kurunell Muammar Gaddafi, Mexxej tal-Ġemeħerija Libjana, li poġġa bukkett fjuri kbir f’riġlejn il-monument, li kien milqugħ b’ċapċip kbir mill-folol preżenti.
Warajh telgħu jqegħdu l-fjuri tagħhom il-membri tal-korp diplomatiku, rappreżentanti tal-Partit Laburista u tal-General Workers Union u rappreżentanti ta’ għaqdiet u assoċjazzjonijiet li waslu sa fuq il-Monument tal-Ħelsien f’korteo li telaq minn Pjazza Gavino Gulia, Bormla. Aktar kmieni, fid-daħla ta’ bejn il-Birgu u l-Isla saret ir-regatta tradizzjonali, tlielaq tal-kenuri, opri tal-baħar u fl-aħħar għadd ta’ skiers daħlu sa quddiem il-monument bit-torċa tixgħel f’idejhom.
L-Innu tal-Ħelsien
immodifikaDom Mintoff kien ikkummissjona lill-kompożitur magħruf Mikis Theodorakis biex jikkomponi l-mużika tal-innu "Lil Malta f'Jum il-Ħelsien", miktub mill-poeta Malti Karmenu Vassallo. L-Innu ndaqq għall-ewwel darba fil-31 ta' Marzu 1979 mill-Berlin Philharmonic Orchestra taħt it-tmexxija ta' Herbert von Karajan.
Aħna minn qalbna nsellmulek, Malta!
Ifraħ u thenna, Ġenna ta’ Sliem!
Fuqek qatt aktar barrani ma jaħkem.
Ħares ferħana, Malta, ‘l quddiem.
Tlajt sal-quċċata: minn hemm ħadd ma jniżżlek.
Ġensek iħarsek jibqa’ sat-tmiem.
Aħna minn qalbna nsellmulek, Malta!
Ommna kont dejjem, omm mill-aħjar!
Bosta fl-imgħoddi rajt għawġ u tbatija.
Bosta doqt f'għomrok niket u mrar.
Ħajtek għaddejtha tistabar b'min ħakmek.
Ħajtek lejl kienet - xitwa mill-agħar
Ifraħ! Jum ġdid, Malta, sebaħ għalik:
F'artek, Sultana, kulħadd jifraħ bik.
Ħielsa tul għomrok kif int ma kont qatt.
Ġieħek ma' ħiltek kif jixraq irbatt.
Wasal sa fl-aħħar għalik il-ħelsien
Beda sa fl-aħħar għalik l-egħżeż żmien.
Tifkira kull sena mill-Partit Laburista
immodifikaMill-1980 'l quddiem il-Partit Laburista dejjem fakkar din il-ġrajja b'kommemorazzjoni fuq l-Għolja tal-Ħelsien. Mill-1989 sal-1995 iċ-ċerimonja uffiċjali tal-Gvern ma baqgħetx issir fuq l-Għolja tal-Ħelsien il-Birgu wara xi inċidenti li kienu nqalgħu fl-1988. Mill-1996 iċ-ċerimonja uffiċjali tal-Gvern reġgħet bdiet issir fuq l-Għolja tal-Ħelsien.
Il-Kwistjoni tal-Jiem Nazzjonali
immodifikaFiċ-ċerimonja kommemorattiva tal-2009 il-Mexxej Laburista Joseph Muscat tkellem dwar kif Malta tista’ jimxi ‘l quddiem jekk il-Maltin iridu li jkun hawn għaqda nazzjonali. Huwa qal li bħala ġens qatt ma stajna naslu sa hawn kieku ma kienx għall-ġrajjiet li sawruna. Qal li wasal iż-żmien li ma nkomplux nitkellmu qisu hemm xi kisbiet tal-ewwel, it-tieni u t-tielet klassi. Huma kollha ġrajjiet li huma katina waħda. Mit-taqbida tas-7 ta’ Ġunju 1919 fejn il-Maltin qamu biex jagħtuna x-xogħol u l-ħidma u r-rebħa u liberazzjoni tal-Ewropa fil-Gwerra fit-8 ta’ Settembru. Għall-kisba importanti tal-21 ta’ Settembru 1964 fejn Ġorġ Borg Olivier kiseb l-Indipendenza u wera li jemmen fil-ħila tal-Maltin. Mill-jum rari fit-13 ta’ Dicembru 1974 fejn il-Parlament qabel kważi unanimament li Malta għandha tkun Repubblika u li l-Kap tal-Istat għandu jkun Anthony Mamo, wild Art Twelidna. Sal-appuntament mad-destin tal-31 Marzu 1979 meta l-poplu Malti mmexxi minn Dom Mintoff wera li kiber u sar Nazzjon.
“Ejja nirrispettawhom kollha. Rispett mhux żebliħ. Rispett mhux tfixkil lil min irid irodd ħajr lil pajjiżna. Ir-rispett lejn il-kisbiet kollha huwa bżonnjuż biex fl-aħħar nibdew id-diskussjoni biex inżommu l-festi kollha filwaqt li naslu għal Jum Nazzjonali wieħed. Jum Nazzjonali li jgħaqqad lill-poplu Malti kollu. Dan huwa s-sens ta’ għaqda nazzjonali li ġensna qed jitlobna.
Ħoloq Esterni
immodifika- Silta minn dokumentarju fuq dak li wassal għal Jum il-Ħelsien
- Jum il-Ħelsien u Dom Mintoff - silta mis-sensiela televiżiva Bijografiji