Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Dan l-artiklu dwar il-politika huwa nebbieta. Jekk trid, tista' tikkontribwixxi issa biex ittejjeb dan l-artiklu, dejjem skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea (KtR) huwa korp konsultattiv tal-UE magħmul minn rappreżentanti eletti lokali u reġjonali mit-27 Stat Membru tal-UE. Permezz tal-KtR huma jistgħu jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE li jista’ jkollha impatt dirett fuq ir-reġjuni u l-ibliet.[1]
Il-KtR jagħti lir-reġjuni u l-ibliet leħen formali fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE li jiżgura li l-pożizzjoni u l-bżonnijiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu rispettati.[1]
Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew iridu jikkonsultaw mal-KtR meta jfasslu l-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-gvern lokali u reġjonali bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi, il-politika soċjali, il-koeżjoni ekonomika u soċjali, it-trasport, l-enerġija u t-tibdil fil-klima; Jekk dan ma jsirx, il-KtR jista' jressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; Ladarba l-KtR jirċievi proposta leġiżlattiva, jipprepara u jadotta opinjoni u jiċċirkolaha mal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE; Il-KtR joħroġ ukoll opinjonijiet fuq l-inizjattiva tiegħu stess.[1]
Il-membri tal-KtR huma rappreżentanti eletti li jservu fl-awtoritajiet lokali jew reġjonali. Kull pajjiż jaħtar il-membri tal-għażla tiegħu li jinħatru għal mandat ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded mill-Kunsill tal-UE. L-għadd ta’ membri għal kull pajjiż jiddependi mid-daqs tal-popolazzjoni ta’ dak il-pajjiż.[1]
Membri minn pajjiż wieħed jiffurmaw id-delegazzjoni nazzjonali li tirrifletti l-bilanċ politiku, ġeografiku, reġjonali u lokali ta' pajjiżhom.[1]
Kull Membru jista’ jagħżel ukoll li jkun parti minn grupp politiku fil-KtR. Bħalissa hemm sitt gruppi politiċi li jirriflettu firxa ta' affiljazzjonijiet politiċi: il-Partit Popolari Ewropew (PPE), il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PSE), It-tiġdid tal-Ewropa, il-Grupp tal-Alleanza Ewropea (EA), il-Grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej (ECR) u Il-Ħodor. Il-membri jistgħu jagħżlu wkoll li ma jkunux parti minn parti politiku jekk jixtiequ jagħmlu dan (mhux affiljati).[1]
Il-KtR jaħtar President minn fost il-membri tiegħu, għal terminu ta' sentejn u nofs.[1]
Il-KtR jaħtar relatur (wieħed mill-membri tiegħu) li jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u jipprepara l-opinjoni. It-test jiġi diskuss u adottat mill-kummissjoni tal-KtR responsabbli mill-qasam ta' politika kkonċernat. L-opinjoni mbagħad tiġi ppreżentata lill-membri kollha f’sessjoni plenarja fejn jivvutaw biex jemendawha u jadottawha. Fl-aħħar nett, l-opinjoni tiġi maqsuma u kkomunikata fl-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE.[1]
Isiru sa 6 sessjonijiet plenarji kull sena, fejn jiġu adottati opinjonijiet li jkopru minn 50 sa 80 proġett leġiżlattiv tal-UE.[1]
Il-KtR jinkuraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-livelli kollha, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali saċ-ċittadini individwali. L-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-assoċjazzjonijiet, l-NGOs, l-esperti u l-akkademiċi jistgħu jipparteċipaw fi stħarriġiet, konsultazzjonijiet u avvenimenti online. Il-Premjijiet għar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew huma miftuħa għar-reġjuni kollha b’kompetenzi politiċi, filwaqt li l-kompetizzjonijiet tat-teżijiet huma miftuħa għall-akkademiċi.[1]
Il-KtR stabbilixxa għadd ta' netwerks biex jippermettu lir-reġjuni u l-ibliet tal-UE jiskambjaw l-aħjar prattiki, jaħdmu flimkien u jikkontribwixxu fid-dibattitu tal-UE dwar temi bħat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-kooperazzjoni transfruntiera, l-iżvilupp u s-sussidjarjetà.[1]
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jirrappreżenta miljun politiku lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea u jimpenja ruħu b’mod speċjali mal-Politiċi Żgħażagħ Eletti (YEPs) billi jistedinhom għas-Sessjonijiet plenarji tal-KtR jew pereżempju għas-Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Ibliet.[1]