Ġebla tal-Ġeneral

gżejra żgħira f’Għawdex

Il-Ġebla tal-Ġeneral hija gżejra żgħira b’massa ta’ art għolja 60 metru li xi kultant jingħad li għandha l-għamla ta’ faqqiegħa.[1] Il-Ġebla tal-Ġeneral tinsab eżattament 36°02′45″N 14°11′27″E qrib id-daħla tal-baħar imsejħa Il-Port[2] fid-Dwejra f’Għawdex, u qrib ukoll fejn qabel kien hemm it-Tieqa tad-Dwejra. Il-Ġebla tal-Ġeneral taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tar-raħal ta’ San Lawrenz.

Il-Ġebla tal-Ġeneral
 
Għerq il-ġeneral

Il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann x’aktarx li skoprew il-pjanta bl-istess isem tal-Ġebla tal-Ġeneral bl-Ingliż (Fungus Rock/Plant), li tikber b’abbundanza fuq l-art ċatta ta’ fuq il-gżejra. Din il-pjanta li bil-Latin tissejjaħ Cynomorium coccineum; jew bi żball anke Fucus coccineus melitensis[3][4]; mentri bil-Malti tissejjaħ għerq il-ġeneral[5]. Il-pjanta, minkejja l-isem qarrieqi bl-Ingliż, la hi fungu u lanqas hija endemika għal Malta imma tinsab fl-għaram tar-ramel tat-Tramuntana tal-Afrika kif ukoll fi Sqallija u f’Sardenja. L-għerq il-ġeneral hi pjanta parassitika li tarmi l-fjuri minn April sa Ġunju, u għandha riħa tinten. Fi żmien il-Kavallieri, it-tobba kienu jaħsbu li għandha proprjetajiet mediċinali u l-Kavallieri kienu jużawha bħala duwa emostatika għall-ġrieħi u bħala kura għad-disenterija. Il-Kavallieri tant kienu jgħożżu din il-pjanta li spiss kienu jagħtuha bħala rigal lin-nies nobbli u lill-viżitaturi distinti tal-Gżejjer Maltin.[6][7]

 
Il-Ġebla tal-Ġeneral mill-baħar

Fl-1746, il-Gran Mastru Pinto ħareġ digriet li jipprojbixxi l-aċċess għall-Ġebla tal-Ġeneral; min kien jinqabad jikser dan id-digriet seta’ jeħel sa tliet snin jaħdem bħala qaddief għall-Kavallieri. Il-Gran Mastru Pinto stazzjona għassies permanenti hemmhekk u saħansitra kienet tintuża qoffa prekarja marbuta bil-ħbula minn żewġ naħat biex wieħed jidħol fiha u jinġebed ’l hemm u ’l hawn għal xi 50 metru bejn il-gżejra u l-irdumijiet tad-Dwejra. Huwa ordna wkoll li l-blat tad-dawra tal-Ġebla tal-Ġeneral jiġi llixxat iktar biex wieħed ma jkunx jista’ jixxabbat mill-baħar.

Illum il-ġurnata, il-Ġebla tal-Ġeneral hija riżerva naturali. Madakollu, il-kosta ta’ Għawdex fil-qrib hija aċċessibbli għall-għawm u huwa post tajjeb ħafna biex tosserva l-ħajja fil-baħar b’maskra.

 
Il-Ġebla tal-Ġeneral f’inżul ix-xemx

Il-Ġebla tal-Ġeneral hija post għal qalb id-dilettanti tal-fotografija, għaliex waranofsinhar wieħed jista’ jieħu ritratt tax-xemx nieżla eżatt minn fetħa f’nofs il-gżejra. Madankollu, dan jista’ jsir biss minn punt partikolari u fi żminijiet partikolari tas-sena biss meta x-xemx tinzerta tidher li nieżla eżatt minn hemm.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Ganado, Albert (2005). "Bibliographical notes on Melitensia - 3". Melita Historica: Journal of the Malta Historical Society (bl-Ingliż). 14 (2): 169–186. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-04-21. Miġbur 2021-02-21.
  2. ^ miklem (2019-11-21). "Id-Dwejra u l-inħawi ta' madwarha (II)". Il-Miklem (bl-Ingliż). Miġbur 2022-01-06.
  3. ^ "Maltese Mushroom and the Knights Hospitaller". Natural Remedies of Arabia (bl-Ingliż). 2012-03-15. Miġbur 2021-02-20.
  4. ^ Cleghorn, H. (1870). "Notes on the Botany and Agriculture of Malta and Sicily". Transactions and Proceedings of the Botanical Society of Edinburgh (bl-Ingliż). 10. Botanical Society of Edinburgh. p. 115.
  5. ^ Mifsud, Stephen. "Cynomorium coccineum (General's Root)". MaltaWildPlants.com - the online Flora of the Maltese Islands (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-20.
  6. ^ Dharmananda, Subhuti. "Cynomorium: Parasitic Plant Widely Used in Traditional Medicine". Institute for Traditional Medicine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-20.
  7. ^ Borzesi, Giuseppe Pericciuoli (1830). The historical guide to the island of Malta and its dependencies (bl-Ingliż). p. 88.