Id-demm huwa tessut likwidu li jiċċirkola fil-ġisem tal-annimali u li għandu rwol prinċipali għall-għixien tal-ġisem. Id-demm huwa kompost minn għadd ta' ċelluli (iċ-ċelluli ħomor, iċ-ċelluli bojod u l-pjastrini) jgħumu f'likwidu magħruf bħala plażma

Termini mediċi relatati mad-demm ħafna drabi jkunu jibdew bil-prefiss "emo-" li hija koruzzjoni tal-kelma Griega "haima" li tfisser "demm", jew inkella jispiċċaw bis-suffiss "-emja" jew "-emija". B'hekk pereżempju naraw kliem bħal emoraġija (telf ta' demm mill-ġisem), anemija u viremija.

Il-funzjoni prinċipali tad-demm hija li jwassal u jissupplixxi nutrienti (primarjament l-ossiġnu u l-glukosju) kif ukoll elementi oħra lit-tessuti, u fl-istess ħin ineħħi l-isktart metaboliku tal-ġisem (diossidu tal-karbonju u aċtu lattiku). Id-demm ukoll iservi ta' sistema ta' trasport kemm għaċ-ċelloli (lukoċiti, ċellolari abnormali minn xi tumur) kif ukoll għall-sustanzi differenti (amino aċidi, lipidi, ormoni) bejn it-tessuti u l-organi tal-ġisem. Problemi bil-kompożizzjoni jew biċ-ċirkolazzjoni tad-demm, jistgħu iwasslu għall-problemi fil-funzjoni normali tat-tessuti (jew aħjar disfunzjoni).

Id-demm jiċċirkola madwar il-pulmun u l-ġisem kollu minħabba t-taħbit tal-qalb.

Kompożizzjoni

immodifika

Bniedem adult iġorr madwar 5 litri ta' demm. Id-demm magħmul minn 55% plażma u l-bqija jinqasam f'madwar 96% ċelluli ħomor, 3% ċelluli bojod u 1% tromboċiti (bl-Ingliż: platelets).

Għal kull 600 ċellula ħamra hemm 40 tromboċita u ċellula bajda waħda. Iċ-ċelluli l-bojod huma ħafna ikbar miċ-ċelluli l-ħomor filwaqt li t-tromboċiti huma iżgħar.

Ix-xogħol tad-demm huwa li jġorr is-sustanzi li għandu bżonn il-ġisem għall-għixien tiegħu u fl-istess ħin iġorr ukoll l-affarijiet li l-ġisem irid jeħles minnhom. Iċ-ċelluli l-ħomor jieħdu ħsieb li jġorru l-ossiġnu (O2) lejn iċ-ċelluli l-oħra tal-ġisem. Il-plażma iġġorr il-glukosju u s-sustanzi l-oħra kollha li jitimgħu ċ-ċelluli filwaqt li jġorr ukoll id-CO2 sabiex jintrema 'l barra mill-pulmun.

Sabiex l-ossiġnu u s-sustanzi ta' ġod-demm jilħqu ċ-ċelluli tal-ġisem kollu, hemm bżonn li d-demm idur mal-ġisem. Għal dan il-għan hemm il-qalb li taħdem bħala pompa u ddawwar id-demm minn ġol-vini u l-arterji. Id-demm minn ġol-qalb jiġi ppumpjat l-ewwel ġol-pulmun u jimtela' bl-ossiġnu filwaqt li l-plasma jarmi l-arja l-ħażina. Minn hemm jerġa' jidħol fil-qalb u jerġa' jiġi ppumpjat fil-bqija tal-ġisem. Hekk kif id-demm jgħaddi minn madwar l-istonku u l-imsaren jiġbor fih ukoll is-sustanzi tal-ikel.

Tipi ta' Demm

immodifika

Jeżistu 4 gruppi ta' demm, l-A, il-B, l-AB u l-O. Kull wieħed minn dawn jista' jkollu karatteristika oħra, l-Rh. Jekk id-demm ikollu dil-karatteristika u hu tal-grupp 'A', jissejjah 'A+' filwaqt li jekk ma jkollux jissejjaħ, 'A-'. Dat-tipi ma jaqblux kollha bejniethom u meta persuna tingħata d-demm jingħatalha biss minn dak li jaqbel magħha. Jekk ma jsirx hekk, il-ġisem jista' jaħseb li hemm xi ħaġa ħażina u jipprova joqtol id-demm il-ġdid billi jagħmel reazzjoni miegħu.

Ħoloq esterni

immodifika