Mikiel Anton Vassalli
Mikiel Anton Vassalli (Ħaż-Żebbuġ, 5 ta' Marzu 1764 – 12 ta' Jannar 1829), magħruf bħala Missier l-Ilsien Malti, minħabba l-kontribut kbir li ta biex il-Malti jkun lingwa nazzjonali.
Mikiel Anton Vassalli | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Ħaż-Żebbuġ, 5 Marzu 1764 |
Nazzjonalità | Malta |
Mewt | Malta, 12 Jannar 1829 |
Post tad-dfin | Ġnien Storiku tas-Sur tal-Imsida |
Edukazzjoni | |
Alma mater | La Sapienza |
Lingwi |
Malti Latin Taljan |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
lingwista traduttur traduttur tal-Bibbja politiku lessikografu |
Impjegaturi | Università ta' Malta |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Tfulija
immodifikaSemmewh Mikiel għal missier missieru u Anton għal missier ommu. Fuq tfulitu Mikiel kien għad kellu sentejn meta' missieru miet fl-għomor ta' 32 sena, u li erba' snin wara, ommu reġgħat iżżewġet lil Gejtan Mifsud, bin Ġużeppi, gabillott minn Ħaż-Żebbuġ ukoll. Nhar it-8 ta' Mejju 1774 Mikiel Anton għamel il-Griżma tal-Isqof waqt żjara pastorali tal-Isqof Pellerano. Il-parrinu tiegħu kien il-Markiż Mikiel Apap. Fl-1785 huwa ngħata premju mill-iskola tal-Għarbi ġewwa l-Belt.
Billi l-familja tiegħu riditu jsir qassis bagħtuh is-Seminarju. Huwa malajr wera l-ħiliet tiegħu u għalhekk issokta l-istudji tiegħu f'Ruma fejn tħarreġ tajjeb fil-Latin u t-Taljan iżda l-iktar fl-ilsna semitiċi li ma damx ma sar professur tagħhom. Vassalli kien jemmen li l-akbar ħtieġa li kellu l-poplu Malti kienet li jgħolli lilu nnifsu billi jintebah min hu, jitgħallem sew ilsienu għax fih jinsab il-qofol ta' ħajtu u permezz ta' lsienu jsir midħla tal-ideat progressivi li bihom il-ġnus Ewropej kienu qed jagħmlu passi ta' ġgant 'il quddiem. Vassalli, fil-kitbiet tiegħu, ħajjar lill-Maltin biex ma jaqtaw qalbhom qatt.
“ | iwarrbu d-dalma ta' l-injoranza, ikissru l-ktajjen ta' fehmiet imqarrqa u ta' deni. | ” |
Għaldaqstant ħa sehem fit-tkeċċija tal-Kavallieri minn Malta favur il-ħakma Franċiza, u għalhekk intefa' l-ħabs mill-Kavallieri fil-forti Rikażli fejn dam sentejn sakemm inħeles minn Napuljun li laħħqu Ajjutant biex isoddlu ħalqu. Għall-għerf li bih kien imżejjen u għall-ħidma li ħadem favur il-Franċiżi kien ħaqqu jiġi mħallas b'xi ħaġa aħjar. Meta l-Ingliżi waslu Malta tefgħu lil Vassalli mill-ġdid fil-ħabs "fuq suspett li hu miftiehem mal-għedewwa". Huwa qatta' sena fil-qorti Kapitanali tal-Imdina sakemm marad u ħaduh fl-isptar tad-Dumnikani tar-Rabat. Jingħad li lanqas fl-isptar ma fdawh għax rabtulu siequ b'katina tal-ħadid mas-sodda. Xahar wara, eżiljawh fi Franza għal dejjem bħala Ġakbin.
Iżda għoxrin sena wara, fl-1820, Vassalli wasal lura Malta, għajjien u nieqes minn mezzi ta' għixien għalih u għal uliedu. B'xorti tajba, Vassalli għamel ħbieb ma' John Hookham Frere, il-President tal-Kunsill tal-Università li bis-saħħa tiegħu sar l-ewwel professur tal-Malti fl-Università. B'riħet Frere, Vassalli sab għajnuna mingħand iċ-Church Missionary Society li kienet knisja Protestanta u li kienet waqqfet ċentru f'Malta mnejn tqassam il-Bibbja f'ilsien il-poplu. Vassalli ġie fdat bit-traduzzjoni tal-Vanġeli, bil-wegħda li jistampawlu wkoll il-grammatika riveduta tiegħu tal-Malti. L-għan tat-traduzzjoni tal-Vangeli ma kienx reliġjuz iżda biex il-Maltin isiru midħla tal-Malti. Iżda meta miet fit-12 ta' Jannar 1829, il-Kappillan ma riedx jagħtih difna Kattolika minħabba l-kolloborazzjoni tiegħu mal-Protestanti għalkemm Vassalli qatt ma sar membru tagħhom, kif kitbet l-istess knisja Protestanta:
“ | Billi Vassalli qatt ma stqarr li hu protestant aħna ridna nidfnuh f'post tad-dfin ta' l-Insara Kattoliċi. | ” |
Billi ħbiebu l-Protestanti ma xtaqux li l-katavru tiegħu jindifen f'post imwarrab, li ma kienx jixraqlu, ħadu ħsieb huma u difnuh f'wieħed miċ-ċimiterji tal-Ingliżi li qegħdin taħt it-trunċieri tal-Furjana li jħarsu faċċata ta' Lazzarett.
Vassalli emmen b'qawwa kbira fil-lingwa Maltija, fejn f'waħda mill-kitbiet tiegħu hu jistqarr,
“ | ...imma jien, dan l-ilsien tagħna, li hu lsien art twelidi, u n-natura għalija, ma nafx u ma nistax insejjaħlu ħaġa oħra ħlief Malti. | ” |
L-Illuminiżmu u r-Romantiċiżmu ta' Vassalli
immodifikaIr-Romantiċiżmu, li nistgħu ngħidu li sar moviment għalih minn madwar nofs is-seklu tmintax, beda jikxef l-identita` tal-wirt mhux stmat tal-poplu. Introduċa viżjoni radikali tal-ħajja li permezz tagħha neħħa kemm seta’ l-qasma bejn iż-żewġ espressjonijiet ta’ poplu wieħed maqsum fi klassi kolta u klassi baxxa. Ir-Romantiċiżmu adotta l-prinċipju illuministiku tad-“demokratizazzjoni tal-kultura”. Vassalli, kellu propju dan l-ispirtu illuministiku (jew preromantiku) iżda kiseb għarfien ukoll mir-Romantiċi tar-Risorġiment Taljan bħala “eroj tagħhom”. Filwaqt li Oliver Friggieri qiegħed lil Vassalli fil-kwadru Romantiku, Frans Sammut jipproponi l-kwadru iżgħar ta’ l-Illuminiżmu, għad li fl-istess ċirku Romantiku.
Fi kliem Kant, l-ispirtu tal-Illuminiżmu jinġabar fil-motto, “Sapere aude! Kun qlubi biżżejjed biex tuża dehnek!” L-għan aħħari kellu jkun l-“hena tal-bniedem”. Fil-“Lexicon”, Vassalli jidher ispirat minn din il-filosofija meta jikteb li “t-trawwim tal-ilsien li jittieħed mill-omm huwa mmela meħtieġ l-ewwelnett għat-tagħlim. Dan hu l-għan ewlieni li għandu jkollha nazzjon, għaliex fuqu jistrieħ l-hena ta’ kulħadd”. Il-konvinzjoni ta’ Locke li l-bniedem jitwieled tabula rasa, lest biex jitgħallem kollox, u li huwa tort tal-ambjent li jitwieled fih li wieħed ma jsirx tajjeb, kompla għaddab lil Vassalli għall-ħakkiema li ma ridux jgħallmu lin-“nazzjon” għax kien jaqblilhom iħalluh fil-għama. Fuq kollox, ra li t-tagħlim seta` jseħħ biss f’ilsien il-poplu, jiġifieri bil-Malti. Il-Maltin ma setgħux jagħmlu parti mis-“seklu li fih l-oqsma ta l-arti u x-xjenzi mxew tant ’il quddiem” jekk ma jitgħallmux ilsienhom, għax minħabba f’hekk la setgħu jitgħallmu ilsna oħra u lanqas it-tagħlim li setgħu jiksbu bihom.
Sehem l-intelletwali fil-moviment illuninistiku kien fenomenu ġdid għax għall-ewwel darba l-intelletwali taw sehem ċivili fil-ġlieda kontra l-ordni soċjali. L-intelletwali tal-imgħoddi kienu jbaxxu rashom għas-slaten u jaħarbu f’dinja ta’ ħolm, filwaqt li l-intelletwali illuminista huwa fittiex tal-veritàu tal-ħelsien, riformatur konxju li qed jagħmel sehem minn “klassi” li dmirha kien li tmexxi lis-soċjeta`. “Vassalli ddakkar mill-ispirtu ta’ żminijietu”, jgħid Cremona. Meta Napuljun niżel Malta, lil Vassalli sejjaħlu “Ġakobin” għax kien ħabib tar-Rivoluzzjoni Franċiża li riedet tbiddel lis-soċjetà mill-qiegħ. Vassalli, bħal kull riformatur ewlieni tas-soċjeta`f’kull żmien, ħadha kontra l-ħakkiema ta’ żmienu, li kienu l-Ordni tal-Kavallieri, għamel ħafna ħbieb u ħafna għedewwa u ovvjament pattieha qares. Ta’ min jinnota li l-Ordni tal-Kavallieri, li oriġinarjament kien ordni religjuż-ospitalier, meta ntebaħ x’setgħa u xi privieġġi għandu fuq il-gżira u l-abitanti tagħha, inbidel f’reġim despotiku, ħabib tal-ancien regime u tas-Slaten tal-Ewropa.
Frans Sammut jistħarreġ u jgħarbel it-termini li Vassalli juża fil-kitbiet tiegħu, l-aktar id-“Discorso Preliminare” u “Stedina”. Fid-“Discorso”, isejjaħ għall-ewwel darba “nazione” lill-Maltin bħala poplu, u wkoll “concittadini”, terminu Repubblikan. Ir-“raġuni” hija dik li tmexxieh f’xogħlu u jistenna li min se jikkritikah jagħmel dan b’mod raġunat, u mhux biss sempliċiment jopponi iżda biex “ipoġġi l-verita` f’dawl aktar ċar”. Vassalli jinqeda bit-termini in voga li jieħdu saħħithom mill-miti tas-seklu biex iċanfar bil-qawwa kollha lil min qed iħalli lin-nazzjon fl-injuranza. Bħala Illuminista u neo-klassiċista, kif isejjaħlu Sammut, Vassalli ried iħaffer, bħalma għamlu l-arkeoloġi fl-Eġittu, biex isib nisel il-Malti fl-ilsna orjentali qodma.
F’argumentazzjoni illuministika interessanti, Vassalli jistaqsi: Jekk id-djaletti tal-Italja, fosthom dak ta’ Ragusa, jingħataw importanza mil-letterati, għaliex il-Malti le? Iżda Sammut, li jqis lil Vassalli iktar bħala Illuminista milli bħala Romantiku, jaċċenna għall-qasma bejn Vassalli u dawk ta’ żmienu b’għeruqhom fil-bidu tas-seklu dsatax, għall-fatt li Vassalli jħalli barra għal kollox x’kien se jfisser djalett wieħed, it-Toskan, iżjed tard it-Taljan, għall-unifikazzjoni tal-Italja li ġiet iżjed tard. Skond Sammut, aktarx li r-Romantiċi Maltin ma wirtux l-ideat mingħand Vassalli iżda mxew “fuq l-eżempju tar-Romantiċi Taljani”. Sammut jagħlaq il-kontribuzzjoni tiegħu fil-“Journal of Maltese Studies” billi jsostni li, “permezz ta’ Vassalli Malta ssieħbet, għall-inqas moralment, fl-Illuminiżmu li ħakem lill-Ewropa u ħariġha mid-dlam tal-Fewdaliżmu. Biż-zmien tagħlim Vassalli qabad l-art u minn għeruqu xxittlet siġra li kibret fil-ġnien intelletwali tal-Punent”.
Friġġieri jara f’Vassalli “It-Tnissil ta’ Kuxjenza Nazzjonali” li fuq kollox hija l-qofol tar-Romantiċiżmu li minnu twieled in-nazzjonaliżmu. Vassalli li studja fl-Ewropa ta’ żmienu, kien konxju li Malta ma tistax tibqa’ iżjed iżolata għax hija parti mill-Ewropa. Il-preżenza kulturali Taljana f’Malta ġabet magħha l-mewġa tal-Illuminiżmu u tar-Romantiċiżmu. Għall-kuntrarju tal-Illuminiżmu, ir-Romantiċiżmu beda jħares lejn l-individwu-ċittadin bħala l-qofol ta’kollox u dan “it-twemmin fil-poplu sar reliġjon u l-idejal ġdid tal-ħelsien tbiddel fi pjan ta’ fidwa għan-nazzjonijiet mhux ħielsa”. B’hekk twieled in-nazzjonaliżmu.
Vassalli huwa l-prekursur jew il-ħabbar ta’ din il-kuxjenza radikali li iktar tard saret moviment politiku u letterarju. In-nazzjonaliżmu romantiku ta importanza kbira lill-lingwa nazzjonali bħala mezz siewi ta’ għaqda popolari, u għalhekk ma setax jonqos li Vassalli jisħaq fuq il-bżonn tal-ilsien Malti u ma jarax fih il-valur lingwistiku li nqisu llum, iżda valuri politiċi u soċjali. Għal ħafna kittieba u filosofi Romantiċi, lingwa kienet tfisser nazzjon, u għalhekk l-għarfien tagħha ma setax jibqa' oġġett privat ta’ l-istudju, iżda kellu “jinfetaħ u jieħu wkoll xejriet politiċi diretti”. Iżda Vassalli, bħal kull riformatur ieħor tas-soċjeta` Maltija, “għal żmien twil kellu jibqa’ leħen solitarju, moħħ akbar minn żmienu”.
U tabilħaqq Vassalli immudella r-riforma tiegħu fuq esperjenzi ta’ artijiet oħra. Bena kollox fuq il-kultura li mingħajra m’hemmx riforma politika. U b’kultura kien qiegħed jifhem l-aktar l-għarfien lingwistiku u letterarju. Kif jgħid Friggieri, “dan ukoll hu wirt illuministiku u romantiku, żewġ kulturi li integraw b’saħħa kbira lill-kelma u l-arti tagħha fil-kumpless tal-ħajja ċivili u politika”. Qabel ma Vassalli seta’ jibdel l-ilsien Malti, monument ta’ qedem, “f’emblema ta’ għaqda fil-preżent u fi standard ta’ kburija storika”, ried jagħti fiduċja u jispira lill-Maltin biex iħossuhom nazzjon. Dan għamlu bid-diversi kitbiet tiegħu bit-Taljan (l-ilsien tal-kultura) dwar il-Malti (l-ilsien poplari), u b’hekk beda mixja twila li tkompliet mill-kitbiet bennejja tal-letteratura Maltija li ġew warajh bħal Ġan Anton Vassallo, Ġużè Muscat Azzopardi, Dun Karm u Ninu Cremona li wasslet biex il-Malti jingħata għarfien uffiċjali, isir l-ilsien kulturali tal-poplu kollu u għodda tajba għal-letteratura.
Xogħlijiet
immodifikaGħall-ewwel, Vassalli beda jiġbor il-proverbji (qwiel) tal-Maltin biex minnhom joħroġ il-bixra storika tal-gżejjer Maltin. Fl-1828, ippubblika “Motti, aforismi e proverbii maltesi”, li bihom fittex “li jinterpreta l-identità popolari skond kif il-kotra taħseb u mbagħad tirrifletti bil-għaqal f’sentenzi li jintirtu minn nisel għal ieħor u li jiġbru fihom l-għerf tal-poplu li ma jinqediex bil-kelma miktuba”. Permezz ta’ din it-tradizzjoni orali ried jasal għal tradizzjoni miktuba. Bħar-Romantiċi, Vassalli ried dinjità u attenzjoni lill-wirt qadim iżda mwarrab bħalma kienet l-għana, il-qwiel u l-idjomi. Din il-kuxjenza ta’ għarfien tal-kultura popolari fid-dawl tal-kultura ġdida kienet il-kuxjenza li dejjem mexxiet lil Vassalli.
Fost il-kitbiet tiegħu nsibu l-Alfabett Malti Mfisser bil-Malti u bit-Taljan, Alfabeto Maltese spiegato in lingua maltese e italiana, fuq ktejjeb ta' 24 faċċata li kien mibjugħ fl-istamperija ta' Antonio Fulgoni.
Vassalli kiteb ukoll l-ewwel dizzjunarju Malti, dan kien magħruf bħala Lexicon (lessiku), li kien ippublikat fl-1796. Dan id-dizzjunarju kien fih madwar tmintax-il elf kelma; kull kelma kienet spjegata bil-Latin imbagħad bit-Taljan. Riċentament, il-Lexicon reġa' ġie ippublikat minn Frans Sammut u mitbugħ fil-Marsa Press.
Vassalli llum
immodifikaIllum il-ġurnata, Mikiel Anton Vassalli jitqies bħala ħassieb u riformatur, kif ukoll bħala ribell u studjuż li lemaħ fil-bogħod u sa minn kmieni l-qawmien għaqli tan-nazzjonalità Maltija.
Fl-1994, l-awtur Frans Sammut ħareġ ir-rumanz Il-Ħolma Maltija, dwar il-ħajja ta' Vassalli, rumanz li ħafna kritiċi jqisuh li huwa fost l-aqwa jekk mhux l-aqwa rumanz bil-Malti li nkiteb s'issa.
Dawl ġdid fuq Vassalli huwa ktieb ieħor li jitratta dwar kitbiet li saru fiż-żminijiet li fihom għex Mikiel Anton Vassalli u li setgħu kienu xogħolijiet tiegħu.
Il-figura ta' Vassalli saret l-oġġett ta' attenzjoni mhux biss akkademika iżda wkoll letterarja u politika. Numru ta' storiċi fittxew tagħrif dwaru bħala bniedem, oħrajn l-aspetti ta' ħidmitu fil-politika u l-kultura u oħrajn xeħtu dawl fuq il-qofol ta' ħsibijietu fejn tixref il-viżjoni ta' nazzjon modern u ħieles.
Fid-daħla għal raħal twelidu llum jinsab monument tiegħu, quddiem Bieb de Rohan.
Kronoloġija ta' ġrajjiet minn ħajtu
immodifika5/3/1764 Jitwieled f’Ħaż-Żebbuġ, it-tieni iben ta’ Grabiel u Katerina
1785 Vassalli m’għadux ma’ niesu ħaż-Żebbuġ. Jitgħallem l-Għarbi taħt Dun Ġużepp Calleja, il-Belt Valletta. Rebbieħ tal-premju tal-Għarbi, f’Lulju jitla’ Ruma jissokta l-istudji tiegħu.
1790 Vassalli magħruf bħala Professur tal-Ilsien Sirjakk f’Ruma. Jippubblika f’Ruma l-Alfabett Malti Mfisser bil-Malti u bit-Taljan.
1791 Jippubblika f’Ruma ukoll, il-Grammatika Maltija tiegħu.
1795 Jikteb lill-Gran Mastru De Rohan u jitolbu l-permess biex jiftaħ skola għat-tagħlim tal-Malti. Jidħol sew fil-qasam politiku.
1796 Jippubblika f’Ruma ukoll il-Lexicon li fid-daħla tiegħu jesprimi l-fehmiet soċjali, lingwistiċi u politiċi tiegħu.
11/5/1797 Tinkixef il-konfoffa kontra l-Gvern tal-Ordni tal-Kavallieri, u Vassalli, meqjus bħala l-mexxej tagħha, jisfa arrestat u mressaq quddiem tribunal maħtur għal dan il-għan.
12/6/1797 Vassalli jinstab ħati u jintbagħat għomru l-ħabs. Jagħlquh ir-Rikażli minn fejn x’aktarx ħarrbuh ħbiebu għaxar xhur wara u ħaduh l-Italja t’Isfel.
10/6/1798 Vassalli ħieles f’pajjiżu mal-wasla ta’ Napuljun li jfaħħru bħala l-egħref fost il-Maltin.
28/8/1799 Joħroġ mill-Belt imbukkata u bi kmand tal-Kmandant Ingliż Alexander Ball jintbagħat il-ħabs fl-Imdina.
16/8/1800 Jisfa kkundannat mill-Ingliżi għall-eżilju fi Franza għal għomru
1813 Ma' Katerina Formosa de Fremaux ikollu tliet ulied subien (għad li ma kinux miżżewġin[1])
19/6/1820 Jerġa’ lura Malta wara vjaġġ ta’ ħamest ijiem minn Marsilja.
1/9/1820 Jibda jgħallem il-Franċiż f’dar fil-Belt.
21/2/1825 Vassalli maħtur Professur tal-Malti fl-Università b’talba ta’ John Hookham Frere li jidħol biex iħallaslu l-paga hu stess.
3/10/1827 Tidher aħbar fil-Gazzetta tal-Gvern li l-“wisq mistennija Grammatika Maltija” fl-aħħar tinsab għall-bejgħ.
12/1/1829 Vassalli jmut fl-għomor ta’ 65 sena fid-dar tiegħu f’Tal-Pietà. Jidfnuh l-għada, imċaħħad minn difna Kattolika.
1829 Toħroġ f’Londra, wara mewtu, it-traduzzjoni li Vassalli għamel tal-Vanġeli u l-Atti tal-Appostli.
4/5/1987 Jinkixef monument ta’ Vassalli f’Ħaż-Żebbuġ, raħal twelidu, iktar minn 150 sena wara mewtu.
Is-Sunett ta' Dun Karm iddedikat lil Vassalli
immodifikaIl-Poeta Nazzjonali kiteb sunett mill-isbaħ għal Vassalli, Żebbuġ bħalu.
Vassalli, meta ngħarrex ġewwa ħsiebek,
il-ħsieb li kiber ma' żgħożitek f'Ruma,
u kif fissirtu fit-taħdit ma' ħbiebek,
meta lil artek rajt bil-ħan maħkuma;
u n-nafra tas-sultan li xejn ma ġiebek
wara t-twissja b'għaqal kbir maħduma,
u l-għawġ u l-għar li ngabar wara biebek
u l-ħabs u l-ħarba f'nofs ta' lejl mitmuma,
"Malti safi tassew!" joħroġ minn fommi;
mhux għax għallimtna l-ġmiel, is-saħħa, il-għana
tal-lsien li tkellmu bih ommok u ommi,
iżd'għax ħabbejtha lil din l-art ħanina,
u kont ewlieni fost in-nisel tagħna
li ħsibt il-jedd li nkunu ġens għalina.