Statwa

skultura maħsuba primarjament bħala oġġett rappreżentattiv

Statwa hija skultura ġeneralment wieqfa waħedha li fiha jiġu mnaqqxin jew iffurmati figuri realistiċi, persuni jew annimali fuq skala reali jew għamliet mhux rappreżentattivi f’materjal pjuttost durevoli bħall-injam, il-metall jew il-ġebel. L-istatwi tipiċi jkollhom daqs fuq skala reali jew qrib; skultura li tirrappreżenta persuni jew annimali sħaħ iżda li tkun żgħira biżżejjed biex tista’ tintrefa’ u tinġarr tissejjaħ statwetta jew figurina, filwaqt li waħda li tkun iktar mid-doppju tal-iskala reali tissejjaħ statwa kolossali.[1] Statwa li tintrefa’ fil-festi tissejjaħ vara.

L-istatwa ta’ Kristu Redentur, Rio de Janeiro, il-Brażil, magħmula minn Paul Landowski u Gheorghe Leonida fl-1931

L-istatwi ilhom jiġu prodotti f’ħafna kulturi mill-preistorja sal-preżent. L-eqdem statwa magħrufa sa issa tmur għal madwar 30,000 sena ilu. L-istatwi jirrappreżentaw ħafna nies u annimali differenti, kemm reali kif ukoll mitiċi. Ħafna statwi jitqiegħdu f’postijiet pubbliċi bħala arti pubblika. L-ogħla statwa tad-dinja, l-Istatwa tal-Unità, hija twila 182 metru u tinsab ħdejn id-diga ta’ Narmada f’Gujarat, l-Indja.

 
L-Istatwi tat-Terrakotta fi Xian, iċ-Ċina, meta ġew midfuna kienu kollha kkuluriti. Fil-fatt, għad hemm bosta statwi li tħallew taħt l-art sakemm tiġi żviluppata teknoloġija għall-preservazzjoni tal-kulur.

L-istatwi antiki spiss juru l-wiċċ mikxuf tal-materjal li jkunu magħmulin minnu. Pereżempju, ħafna nies jassoċjaw l-arti klassika Griega mal-iskulturi tal-irħam abjad, iżda hemm evidenza li ħafna mill-istatwi kienu miżbugħa b’kuluri jgħajtu.[2] Il-biċċa l-kbira tal-kuluri ttieklu maż-żmien; ftit fdalijiet żgħar tneħħew matul it-tindif; f’xi każijiet baqgħu traċċi żgħar li setgħu jiġu identifikati. Fl-2008, kien hemm wirja ta’ 20 replika kkulurita ta’ opri tal-arti Griegi u Rumani, flimkien ma’ 35 statwa u riljiev oriġinali, li saret fl-Ewropa u fl-Istati Uniti bit-titlu Gods in Color: Painted Sculpture of Classical Antiquity.[3] Id-dettalji bħal jekk ingħatawx żewġ passati żebgħa kkulurita jew passata waħda, kemm kienu jkunu midħuna sa daqs fin il-pigmenti li kienu jintużaw, jew liema mezz kien jintuża eżattament f’kull każ biex iż-żebgħa tagħqad u tibqa’ mal-materjali — dawn kienu kollha elementi li kienu jaffettwaw id-dehra ta’ opra tal-arti ladarba titlesta — mhumiex magħrufa. Richter saħansitra jgħid dwar l-iskulturi Griegi klassiċi: “L-iskulturi kollha tal-ġebel, kemm tal-ġebla tal-ġir kif ukoll tal-irħam, kienu miżbugħa, jew kompletament jew parzjalment”.[4]

L-istatwi Medjevali wkoll kienu jkunu miżbugħa normalment, u wħud baqgħu bil-pigmenti oriġinali tagħhom sa żminijietna. L-għoti tal-kulur lill-istatwi waqaf matul ir-Rinaxximent, peress li skulturi klassiċi skavati, li kienu tilfu l-kulur tagħhom, saru meqjusa bħala l-aqwa mudelli.

Żminijiet storiċi

immodifika
 
L-istatwa tar-Raġel ta’ Urfa, fil- Mużew ta’ Şanlıurfa; magħmula mill-blat ramli għall-ħabta tad-9,000 Q.K. u għolja 1.80 metru

Preistorja

immodifika

Il-Venere ta’ Berekhat Ram, ċagħqa antropomorfika li nstabet fit-Tramuntana ta’ Iżrael u li tmur lura għal mill-inqas 230,000 sena ilu, jingħad li hija l-eqdem statwetta magħrufa. Madankollu, ir-riċerkaturi għadhom ma laħqux qbil dwar jekk l-għamla tagħha oriġinatx mill-erożjoni naturali jew ġietx imnaqqxa mill-ewwel bnedmin.[5] Il-Venere ta’ Tan-Tan, oġġett simili li ġie magħmul għall-ħabta tal-istess żmien, u li nstab fil-Marokk, intqal ukoll li huwa statwetta.[6]

Il-figurin ta’ Löwenmensch (magħruf ukoll bħala r-“Raġel Iljun”) u l-Venere ta’ Hohle Fels, it-tnejn mill-Ġermanja, huma l-eqdem statwetti kkonfermati fid-dinja, u jmorru lura għal xi 35,000-40,000 sena ilu.[7][8]

L-eqdem statwa magħrufa ta’ skala reali hija dik tar-Raġel ta’ Urfa li nstabet fit-Turkija u li tmur lura għal madwar 9,000 Q.K.

Antikità

immodifika

Tul l-istorja, l-istatwetti ġew assoċjati ma’ immaġnijiet ta’ twemmin jew idoli f’ħafna tradizzjonijiet reliġjużi, mill-Eġittu Antik, l-Indja Antika, il-Greċja Antika, u Ruma Antika sal-preżent. Statwi Eġizzjani li juru l-faragħuni bħala sfinġijiet ilhom jeżistu mir-Renju l-Qadim, l-eqdem waħda kienet dik iddedikata lil Djedefre (għall-ħabta tal-2500 Q.K.).[9] L-eqdem statwa ta’ faragħun bilwieqfa tmur lura għar-renju ta’ Senwosret I (għall-ħabta tal-1950 Q.K.) u tinsab fil-Mużew Eġizzjan, il-Kajr.[10] Matul ir-Renju Nofsani tal-Eġittu (li beda madwar l-2000 Q.K.) kien hemm żieda fil-produzzjoni ta’ statwi kubiċi li dak iż-żmien saru l-iktar għamla popolari sal- perjodu Ptolemajku (għall-ħabta tat-300 Q.K.).[11]

 
Statwi moai fil-Gżira ta’ Rapa Nui, iċ-Ċilì

Il-punt fokali taċ-cella (l-ispazju intern) ta’ tempju Ruman jew tan-naos (l-ispazju intern) ta’ tempju Grieg kien ikun meħud minn statwa ta’ xi alla li għalih kien ikun iddedikat it-tempju. Fit-tempji maġġuri, dawn l-istatwi kienu jkunu bosta drabi iktar mill-iskala reali. Statwi oħra ta’ allat kien ikollhom pożizzjonijiet subordinati tul il-ħitan tal-ġnub.

L-eqdem statwa ta’ alla f’Ruma kienet l-istatwa tal-bronż ta’ Ceres tal-485 Q.K.[12] L-eqdem statwa f’Ruma issa hija l-istatwa ta’ Diana fuq l-Għolja Aventina.[13][14]

Għal politiku jew negozjant Grieg jew Ruman li rnexxa (li kien ikun ta donazzjonijiet konsiderevoli għal proġetti pubbliċi sabiex jitqies biex jingħata dan l-unur), li jkollok statwa pubblika tirrappreżentak, preferibbilment fil-forum lokali jew f’xi tempju, kienet konferma importanti tal-istatus, u dawn is-siti mtlew bi statwi fuq bażijiet jew pedestalli (il-biċċa l-kbira kienu iżgħar minn dawk tal-ekwivalenti tagħhom tas-seklu 19).

L-għeġubijiet tad-dinja tal-qedem kienu jinkludu diversi statwi mill-antikità, pereżempju l-Koloss ta’ Rodi u l-Istatwa ta’ Zeus f’Olimpja fost is-Seba’ Għeġubijiet tad-Dinja tal-Qedem.

Medju Evu

immodifika
 
Statwa titulari ta’ San Ġorġ, Malta

Filwaqt li l-iskulturi ġeneralment tkattru fl-arti Medjevali Ewropea, l-istatwi ma kinux ikunu l-iktar ta’ persuna waħda, għajr dawk tal-Madonna, ġeneralment bil-Bambin Ġesù, u l-corpus jew il-ġisem ta’ Kristu fuq il-kurċifiss. L-istatwi tagħhom saru ta’ kull daqs sa skala reali, u sal-aħħar tal-Medju Evu bosta knejjes, anke fil-villaġġi, kellhom statwi ta’ grupp ta’ nies madwar kurċifiss. Is-Salib ta’ Gero f’Köln huwa kemm wieħed mill-ewwel kif ukoll wieħed mill-ifjen statwi kbar ta’ Kristu msallab. Sa dak iż-żmien, l-istatwi ta’ qaddisin u ta’ mexxejja bilwieqfa bi skala reali ma kinux komuni, iżda l-effiġji tal-oqbra, ġeneralment mimdudin, kienu komuni ħafna għall-għonja minn madwar is-seklu 14, wara li nfirxu mill-oqbra rjali ’l isfel fis-sekli ta’ qabel.

Filwaqt li l-arti Biżantina tkattret f’diversi forom, il-produzzjoni tal-iskulturi u tal-istatwi għaddiet minn tnaqqis ġenerali; għalkemm baqgħu jiġu prodotti statwi ta’ imperaturi. Eżempju kienet l-istatwa ta’ Ġustinjanu (is-seklu 6) li kienet fil-pjazza faċċata tal-Hagia Sophia sal-waqgħa ta’ Kostantinopli fis-seklu 15. Parti mit-tnaqqis fil-produzzjoni tal-istatwi fil-perjodu Biżantin jista’ jiġi attribwit għan-nuqqas ta’ fiduċja li l-Knisja kellha fl-arti, minħabba li kienet tqis l-iskultura inġenerali bħala metodu biex jiġu prodotti u adurati l-idoli. Filwaqt li l-produzzjoni tal-istatwi ma kinux soġġetti għal projbizzjoni ġenerali, ma tantx kienet imħeġġa f’dan il-perjodu. Ġustinjanu kien wieħed mill-aħħar imperaturi li saritlu statwa ta’ skala reali, u l-istatwi lajċi ta’ kwalunkwe daqs saru prattikament ineżistenti wara l-ikonoklażma; u l-ħila artistika tal-produzzjoni tal-istatwi ntilfet maż-żmien.[15]

Rinaxximent

immodifika
 
L-istatwa tal-Pietà ta’ Michelangelo

L-arti Rinaxximentali Taljana identifikat l-istatwa bilwieqfa bħala l-għamla ewlenija tal-arti Rumana li waslet sa żmienha, u kien hemm qawmien mill-ġdid kbir ta’ statwi ta’ figuri kemm reliġjużi kif ukoll lajċi, li kkontribwew biex jagħmluhom artisti ewlenin bħal Donatello u Michelangelo. L-istatwi ekwestri (ta’ figuri rikbin żiemel), sfida teknika kbira, reġgħu bdew isiru flimkien mal-istatwi ta’ gruppi ta’ figuri.

Dawn ix-xejriet intensifikaw fl-arti Barokka, meta kull mexxej ried li jkollu statwa tiegħu nnifsu, u l-knejjes Kattoliċi mtlew b’folol ta’ statwi ta’ qaddisin, għalkemm wara r-Riforma Protestanta, l-iskulturi reliġjużi sparixxew kważi għalkollox mill-knejjes Protestanti, b’xi eċċezzjonijiet fi knejjes kbar Luterani Ġermaniżi. Fl-Ingilterra, il-knejjes minflok imtlew b’monumenti elaborati tal-oqbra, li saru fuq il-mudelli ta’ stravaganzi kontinentali bħall-oqbra Papali f’Ruma, dawk tad-Doġi ta’ Venezja, jew dawk tal-familja rjali Franċiża.

 
Statwa tal-Kontinwità Spazjali ta’ Umberto Boccioni (1913)

Fl-aħħar tas-sekli 18 u 19 kien hemm żieda fl-istatwi pubbliċi fil-beraħ ta’ figuri pubbliċi fuq xi bażijiet jew pedestalli. Fost l-oħrajn, kienu jiġu rrappreżentati monarki, politiċi, ġenerali, sidien tal-art, kif ukoll artisti u kittieba. L-Ewwel Gwerra Dinjija wasslet għall-imfakar jew għall-monumenti tal-gwerra, li qabel ma kinux komuni, u dawn spiss kienu jkunu statwi ta’ suldati ġeneriċi.

Era Moderna

immodifika

Mix-xogħol ta’ Maillol għall-ħabta tas-sena 1900, il-figuri umani inkorporati fl-istatwi bdew jitbiegħdu mid-diversi skejjel tar-realiżmu li kienu ġew segwiti għal eluf ta’ snin. L-iskejjel Futuristi u Kubisti ħadu dan il-metamorfiżmu pass iktar ’il quddiem, sakemm l-istatwi, li ħafna drabi kienu għadhom nominalment jirrappreżentaw lill-bnedmin, tilfu kważi kull rabta mal-għamla tal-bniedem. Fis-snin 20 u 30 tas-seklu 20, l-istatwi bdew ikunu kompletament astratti fid-disinn u fit-twettiq tagħhom.[16]

In-nozzjoni li l-pożizzjoni tan-nagħal taż-żwiemel fl-istatwi ekwestri kienet tindika l-kawża tal-mewt tar-rikkieb taż-żiemel ġiet miċħuda u skreditata.[17]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Art & Architecture Thesaurus Full Record Display (Getty Research)". www.getty.edu. Miġbur 2021-05-03.
  2. ^ "From the Trenches - Carved in Living Color - Archaeology Magazine Archive". archive.archaeology.org. Miġbur 2021-05-03.
  3. ^ "Harvard University Art Museums - Upcoming Sackler Exhibitions". web.archive.org. 2009-01-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-01-04. Miġbur 2021-05-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Richter, Gisela M. A., The Handbook of Greek Art: Architecture, Sculpture, Gems, Coins, Jewellery, Metalwork, Pottery and Vase Painting, Glass, Furniture, Textiles, Paintings and Mosaics, Phaidon Publishers Inc., New York, 1960, p. 46.
  5. ^ "Venus of Berekhat Ram". www.visual-arts-cork.com. Miġbur 2021-05-03.
  6. ^ "'Oldest sculpture' found in Morocco" (bl-Ingliż). 2003-05-23. Miġbur 2021-05-03.
  7. ^ Dalton, Rex (2003-09-04). "Lion man takes pride of place as oldest statue". Nature (bl-Ingliż): news030901–6.
  8. ^ "Universität Tübingen - Press Releases". Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-11. Miġbur 2021-05-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ The Egyptian Museum in Cairo by Abeer El-Shahawy and Farid Atiya, p. 117, ISBN 9771721836.
  10. ^ The Oxford Encyclopedia of Ancient Egypt by Donald B. Redford, p. 230, ISBN 0195102347.
  11. ^ Egyptian Statues by Gay Robins, p. 28, ISBN 0747805202.
  12. ^ Famous Firsts in the Ancient Greek and Roman World by David Matz, p. 87, ISBN 0786405996.
  13. ^ The Art of Rome c.753 B.C.-A.D. 337 by Jerome Jordan Pollitt (30 June 1983), p. 19. ISBN 052127365X.
  14. ^ Samnium and the Samnites by E. T. Salmon (2 September 1967), p. 181, ISBN 0521061857.
  15. ^ Byzantine Art by Charles Bayet (1 October 2009), p. 54, ISBN 1844846202.
  16. ^ Giedion-Welcker, Carola, ‘’Contemporary Sculpture: An Evolution in Volume and Space, A revised and Enlarged Edition’’, Faber and Faber, London, 1961, pp. 10-20.
  17. ^ "FACT CHECK: Equestrian Statue Hooves Tell a Story". Snopes.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-03.