Ġebla tal-ġir
Il-ġebla tal-ġir, magħrufa wkoll bħala ħaġra, hija blat imsawwar minn depożitu sedimentari u kompost kimikament fil-parti kbira mill-karbonat tal-kalċju (CaCO3) fil-forma ta' kalċit u aragonit.[1] Is-saffi tal-gżejjer Maltin jikkonsistu fil-parti kbira mill-ġebla tal-ġir.
Isem
immodifikaIl-kelma ġebla tal-ġir mhix xjentifikament korretta u tista' tqarraq għaliex l-ġir mhux karbonat tal-kalċju iżda ossidu tal-kalċju (CaO; ħaġra maħruqa).[2] Ta' min jinnota wkoll li ħafna drabi l-kelma ġebla tal-franka tiġi użata biex tfisser ġebla tal-ġir minkejja li l-ġebla tal-franka hija biss tip wieħed tal-ġebla tal-ġir.[3]
Deskrizzjoni
immodifikaIl-ġebla tal-ġir sikwit tikkonsisti minn ammonti differenti ta' siliċi (diossidu tas-siliċju) fil-forma ta' selċi (chert) jew żnied, kif ukoll ammonti differenti ta' tafal, frak tal-ġebel u ramel li jinsabu bħala firxa, f'forma ta' għoqod, jew bħala saffi bejn il-blat. Il-kalċit fil-ġebla tal-ġir jiġi primarjament mill-organiżmi tal-baħar.[4]
Dawn l-organiżmi jiffurmaw qxur ta' kalċit rqiq li jinġema' f'qiegħ il-baħar jew fuq xi sikka fejn biż-żmien tifforma sikka tal-qroll. Mod ieħor kif tiġi ffurmata l-ġebla tal-ġir huwa b'imluħa tal-kalċju maħlulin fl-ilma tax-xita. Pereżempju s-stalagmiti u s-stalagtiti jiffurmaw fl-għerien minn imluħa tal-kalċju maħlulin fl-ilma tax-xita.
Referenzi
immodifika- ^ Boggs, Sam (2006). Principles of sedimentology and stratigraphy (4th ed.). Upper Saddle River, N.J.: Pearson Prentice Hall. pp. 177, 181. ISBN 0131547283.
- ^ Blatt, Harvey; Middleton, Gerard; Murray, Raymond (1980). Origin of sedimentary rocks (2d ed.). Englewood Cliffs, N.J.: Prentice-Hall. pp. 446, 510–531. ISBN 0136427103.
- ^ Blatt, Harvey; Tracy, Robert J. (1996). Petrology : igneous, sedimentary, and metamorphic (2nd ed.). New York: W.H. Freeman. pp. 295–300. ISBN 0716724383.
- ^ Jerry Lucia, F. (September 2017). "Observations on the origin of micrite crystals". Marine and Petroleum Geology. 86: 823–833.