Saffi tal-gżejjer Maltin

Il-Blat tal-gżejjer Maltin huma magħrufa bħala depożitu sedimantari u ssawru min fdalijiet ta' qxur ta' kalċit irqiq, primarjament minn organiżmi zgħar tal-baħar li nġemgħu f'qiegħ il-baħar. Frak tal-arzell u bebbux ieħor tal-baħar jiffurmaw ukoll parti mit-taħlita f'dan il-proċess. Mill-aktar parti, il-ġebel tal-gżejjer Maltin jikkonsisti mill-ġebla tal-ġir. Fil-blat tal-gżejjer Maltin m'hemm ebda minerali, jiġifieri materja prima, lanqas hemm ġebla volkanika. Il-ġeoloġija ta' Malta tista' tinqasam f'ħames saffi li huma distinti wieħed mill-ieħor u li ssawru mal-milja taż-żmien, wieħed fuq l-ieħor. L-eqdem saff, dak ta' taħt nett, ifforma madwar 25 miljun sena ilu. Minħabba effetti mill-atmosfera tul iż-żmien, is-saffi ma jidhrux dejjem wieħed fuq l-ieħor . Dawk li kienu l-aktar mikxufa, jew dgħajfin, xterdu fix-xejn jew għebu għalkollox. Effett ta' tibdil ieħor fuq is-saffi b'forom oħra tal-ġebla tal-ġir sar b'imluħa tal-kalċju maħlula fl-ilma tax-xita (Pereżempju stalakmiti u stalagtiti juffurmaw fl-għerien). Billi ċerti saffi sfondaw, l-uċuħ ta' dawn is-saffi jinsabu f'livelli differenti. Dan il-proċess jirriżulta f'falja jew tarġa.

Qawwi ta' fuq

immodifika

Il-Qawwi ta' fuq, jinsab l-aktar għoli u hu l-aktar riċenti. L-għoljiet kollha ta' Malta u Għawdex huma magħmula minn dan is-saff, għalkemm il-gżira ta' Kemmuna u dik ta' Filfla, li mhumiex għoljin, huma wkoll ta' dan is-saff.

Ġebla s-safra

immodifika

Il-ġebla s-safra, tinsab taħt is-saff tal-qawwi ta' fuq. Minħabba li hi fraġli ħafna, tinkiser u tintradam bit-toqol ta' fuqha u sikwit tkun nieqsa.

Tafal kaħlani

immodifika

Billi t-tafal l-aktar li jinħall fl-ilma, dan is-saff jista jistagħadar u jinfirex f'medda u jagħti impressjoni li hu ħafna akbar milli hu. Miġemgħa kbar ta' tafal jinsabu f'postijiet bħal Għajn Tuffieħa u f'bosta nħawi f'Għawdex.

Ġebla tal-franka (tal-bini)

immodifika

Il-ġebla tal-franka jew tal-bini tieħu isimha mill-kelma "franka" li tfisser li hija ħielsa minn saffi jew impuritajiet oħra li ma jagħmluhiex tajba għall-bini. Il-ħxuna ta' dan is-saff tvarja minn 100 sa 150 metru u fejn mikxuf, il-kulur maż-żmien jibjad jew jisfar.

Dan is-saff jinqasam f'disa' tipi distinti:

  • Saff lewn griż li huwa artab ħafna u jiskura meta jkun espost għall-arja.
  • Saff magħmul minn għoqod ta' lewn kannella skur
  • Blat artab b'għoqod fiħ
  • Għoqod ta' kanella skur
  • Fili għoqod ta' lewn ħadrani
  • Saff ta' lewn roża safrani jew ikħal li jibbies ħafna
  • Blat safrani ċar li għandu għoqod ibsin ħafna
  • Sodda rqiqa ta' għoqod
  • Saff safrani ċar li minnu jittieħed il-ġebel għal-bini. Xi drabi ċar ħafna u kważi abjad. Meta jkun ta' dal-lewn ikun fiħ għoqod tal-qawwi.

Iż-Żonqor tal-qiegħ

immodifika

Dan il-ġebel jinsab fis-swar ta' quddiem il-baħar. Iż-żonqor ta' taħt huwa ftit differenti miż-żonqor tal-wiċċ, billi jidher li hu aktar magħqud, aktar iebes u kristallin. Dan il-ġebel jinqasam fi tliet kategoriji:

  • Soll Aħmar: Dan għandu grani kbar. Espost għall-atmosfera joskura u jrabbi lega.
  • Soll Safrani: Dan jagħti fl-isfar, xi drabi jkun abjad b'tebgħat sofor.
  • Soll Kaħlani: Dan jagħti fl-aħdar, u fih ħafna vini.