Faragħun[1] huwa l-isem bibliku (Lhudi: פרעה, Grieg: φαραώ) mogħti lir-re tal-Eġittu l-Antik. L-ewwel faragħun kien Narmer, imsejjaħ Menes minn Manetun[2], li kien isaltan madwar is-sena 3050 QK. L-aħħar faragħun kienet mara ta' nisel Grieg, Kleopatra VII li saltnet mill-51 sat-30 QK.

Il-Faragħun Menkaura, Mużew tal-Kajr

Madankollu, it-titlu ta' "Faragħun" bit-terminu terminu Eġizzjan pɛr ɑʔɑ[3] li jfisser "Dar Kbira", strettament għandu jintuża biss, minn meta l-Eġittu estenda s-setgħa tiegħu 'il barra mit-territorju oriġinali, jiġifieri mill-Imperu l-Ġdid, jew b'mod aktar speċifiku, min-nofs tad-Dinastija XVIII, wara r-renju ta' Hatshepsut.[4]

Il-faragħuni kienu meqjusin bħala esseri kważi divini matul l-ewwel dinastiji u identifikati mal-alla Horus. Mid-dinastija V kienu wkoll "Ulied l-alla Ra". Normalment ma kinux deifikati matul ħajjiethom. Wara l-mewt il-Fargħun kien jingħaqad mal-alla Osiris u jikseb l-immortalità u kategorija divina, imbagħad l-aktar fit-tempji kien jitqiem bħala alla.

Etimoloġija

immodifika
 
Is-Serekh[5] li jirrappreżenta id-"Dar Kbira" jew palazz.

Faragħun tfisser "Dar Kbira", ir-residenza tal-koppja rjali, li kienet akbar minn kull dar oħra fl-Eġittu l-Antika. Il-"pɛr" kien oriġinarjament l-art madwar it-tempju li kienet ta' iktar minn għaxart elef ettaru. Bil-mod it-terminu beda jintuża bħala titlu u fir-renju ta' Thutmose III (ca. 1479-1425 QK.) kien diġà jintuża bħala terminu ta' indirizz għall-persuna tar-re. [6]

It-terminu faragħun ġej mill-kelma komposta rrappreżentata minn pɛr ɑʔɑ, miktuba biż-żewġ geroglifiċi bilaterali pɛr "dar" u ɑʔɑ "kolonna". Kien użat biss fi frażijiet itwal bħal smr pɛr ɑʔɑ "Membru tal-qorti tad-Dar l-Għolja", b'referenza speċifika għall-bini tal-qorti rjali jew il-palazz innifsu[7], imma terġa' b'referenza għall-palazz biss u mhux għal persuna.

L-eqdem eżempju fejn pɛr ɑʔɑ intużat speċifikament għar-re insibuh f'ittra lil Amenhotep IV (Akhenaten), li kien isaltan madwar l-1353-1336 QK, indirizzata lil faragħun, lilu l-ħajja, il-ġid u s-saħħa.[8]

Matul it-tmintax-il dinastija (seklu 16 sas-seklu 14 QK), it-tilu faragħun kien jintuża bħala isem ta' rispett għar-re. Tard fil-21 dinastija (seklu 10 QK), però, minflok li kien jintuża waħdu bħal qabel, bdew iżiduh mat-titli l-oħra għall-isem tar-re, u mill-ħmistax-il dinastija (seklu 8 sas-seklu 7 QK) kien, għall-inqas fl-użanza ordinarja, l-uniku epitetu quddiem l-appelattiv irjali.[9]

Mid-dsatax-il dinastija 'l hawn pɛr ɑʔɑ waħidha kienet tintuża regularment bħala hm.f. 'Majestà'. It-terminu allura evolva minn kelma li kienet tirreferi speċifikament għal binja għal isem ta' qima għar-re, b'mod partikolari mit-tnejn u għoxrin dinastija.

Rappreżentazzjoni bil-ġeroglifiċi
Pɛr ɑʔɑ Pɛr ɑʔɑ smr
O1
O29
O1
O29
sU23mrA21A1

Pereżempju l-ewwel każ bid-data li nafu taż-żieda tat-titlu ta' faragħun mat-titlu ta' re ġeej mis-sena 17 ta' Siamun fuq framment tal-Annali Saċerdotali ta' Karnak. Fih insibu induzzjoni ta' individwu għas-saċerdozju ta' Amun li fid-data tirreferi speċifikamnet għas-saltna tal-Faragħun Siamun. Din l-użanza baqgħet taħt is-suċċessur tiegħu Psusennes II u r-rejiet tal-wieħed u għoxrin dinastija. Fl-istess ħin, l-użanza antika li biha kienu jirreferu għar-re sempliċement bħala Pɛr ɑʔɑ baqgħet sejra fir-rakkonti tradizzjonali Eġizzjani.

Dak iż-żmien il-kelma Eġizzjana jaħsbu li kienet titlissen *par-ʕoʔ li minnha ġie l-Grieg antik φαραώ pharaō u l-Latin tat-tard pharaō. Minnha ġie t-Taljan faraone u minnha l-Malti faraun. Iktar tard l-studjużi tal-Bibbja żiedu l-għ billi l-Lhudi *par-ʕoʔ (פרעה) fih din l-ittra fil-kelma u saret faragħun.

Is-suċċessjoni tal-faragħuni u l-istorja tal-Eġittu huma marbutin flimkien b'mod inseparabbli u huma tant komplementari ta' xulxin li impossibbli tkun espert fuq waħda u ma tkunx taf fuq l-ieħor. Tant hu hekk li anke l-perjodi l-aktar kritiċi meta l-anarkija kienet issaltan f'ħafna partijiet tal-pajjiż, dejjem kien hemm mill-inqas faragħun wieħed li afferma d-dritt tiegħu bħala ħakkiem leġittmu tan-nazzjon kaotika fit-totalità kollha tagħha.

Il-qassis u storiku Eġizzjan Manetun [2], li għex fi żmien l-ewwel rejiet Tolomej (madwar it-300 QK) irċieva ordni rjali biex jikteb l-istorja tal-Eġittu. Billi kien hemm xi tliet mitt re, kienet ħaġa loġika li jiġborhom f'insla jew "dinastiji" li sallum għadhom jintużaw mill-istoriċi. Għalkemm, bi sfortuna kbira għall-istorjografi ix-xogħol ta' Manetun intilef, fortunatament għad hemm xi frammenti minn awturi ta' wara, fosthom l-istoriku Lhudi, Josephus, li jikkummentaw fuqu, u minnhom nistgħu nirrikonstriwixxu t-tletin dinastija li fihom Manetun qasam l-istorja twila ta' pajjiżu.

Minn Menes, 3100 QK sas-sena 2600 QK, il-monarkija għaddiet minn perjodi fejn kienet dagħjfa. L-organizzazzjoni tal-istat saret ikkomplikata b'mod partikolari bl-espansjoni tal-ħakma Eġizzjana fuq il-pajjiżi ġirien. Xi dmirijiet kellhom jiġu trasferiti lill-uffiċjali u dawn kienu jsiru ġeneralment permezz tal-tempji. Allura dawn l-uffiċjali kellhom jissorveljaw l-kunsinni tal-oġġetti u l-ħlas ta' taxxi lit-tempji u l-palazz. Kienu jieħdu ħsieb ukoll ċerti xogħlijiet (bħall-bini tal-piramidi u aktar tard tal-palazzi u l-fortifikazzjonijiet tal-fruntieri) li l-bdiewa kienu jagħmlu waqt li x-xmara Nil kienet tkun mgħargħra u għalhekk ma setgħux jaħdmu r-raba'. L-uffiċjali kienu jiġu ppremjati b'għotjiet ta' art. Maż-żmien dan beda jdgħajjef l-awtorità rjali ċentrali billi xi uffiċjali ġabru ħafna artijiet u fil-lokal setgħu jaġixxu bħala prinċpijiet indipendenti. Għalhekk ma niskantawx li fid-Dinastija II ir-rejiet tilfu ħafna poter u kellhom jiffaċċjaw xi irvellijiet perikolużi li heddu l-istabbiltà tal-pajjiż.

Ir-Renju l-Antik

immodifika

Dam biss mill-2600 sal-2200 QK u matulu l-istituzzjoni ikkonsolidat ruħha u r-rejiet saru monarki assoluti bi dritt divin. Kienet l-epoka tad-deheb tal-monarkija Eġizzjana, magħrufa minn xi wħud bħala l-Imperu l-Antik (għalkemm fir-realtà l-isem ta' imperu japplika biss għall-Imperu l-Ġdid jew l-aktar għar-Renju tan-Nofs). Dan il-perjodu intemm, traġikament minħabba d-dgħjufija tal-aħħar rejiet tad-Dinastija VI, meta għal darb'oħra n-nobbli u l-gvernaturi tan-nomi[10] ħadu l-poter f'idejhom u twaqqfu prinċipalitajiet indipendenti. Herodotus jgħid: "Wara l-mewt ta' Nitocris, il-pajjiż kien mgħarraq fi stat ta' instabbiltà, konfużjoni u kaos". Hekk beda l-hekk imsejjaħ l-Ewwel perjodu intermedju tal-Eġittu.

Ir-Renju tan-Nofs

immodifika

Is-sitwazzjoni tieħu aktar minn seklu u nofs biex tirkupra, u minkejja li għall-darb'oħra dinastija ta' rejiet, id-Dinastija XI, ħadet il-kontroll assolut tal-pajjiż, dejjem baqa' l-periklu ta' kolp ta' stat. Tant hu hekk li nafu b'għall-inqas, re wieħed li ġie assassinat, Amenemhat I, li ġie maqtul minn wieħed nobbli ambizzjuż. L-istabbiltà fraġli tar-Renju tan-Nofs kienet simili għal dik tar-Renju l-Antik, id-dgħjufija tar-rejiet u l-qawwa dejjem tikber tal-klassi tal-mexxejja lokali, magħmula agħar mill-wasla fl-Eġittu tal-popli Kangħanin xi wħud minnhom vjolenti.

L-Imperu l-Ġdid

immodifika

Il-perjodu ta' kalma u prosperità ta' wara dam ma ġie sal-1500 QK, bl-Imperu l-Ġgid, li fih irrenjaw il-faragħuni l-iżjed magħrufa, li ħolqu imperu kolonjali enormi fis-Sirja-Palestina (Kangħan) u Kux (Nubja) u ġew f'kuntatt mal-popli l-oħra tal-Lvant Nofsani. Madankollu, dawn ir-rejiet kellhom jiffaċċjaw periklu kbir li riegħed it-tron, ġej mill-qassisin ta' Amun li kienu saru qawwijin ħafna. It-tmexxija tal-belt kapitali għad-Delta fl-aħħar għenet biex il-Qassis l-Għoli ta' Amun isir kważi re indipendenti u jirrovina l-monarkija Eġizzjana.

il-Perjodu tat-tard

immodifika

Wara din is-sitwazzjoni, l-Eġittu qatt ma seta jsir imperu kbir. Bejn meta l-qassisin ta' Amun ħadu l-poter f'idejhom u l-wasla ta' dinastija qawwija, id-Dinastija XXVI, kien hemm erba' snin kritiċi li fihom iggvernaw tnejn, tlieta u anke aktar faragħuni fl-istess ħin, u l-pajjiż invadewh il-Libjani, in-Nubjani u l-Assirjani. Id-Dinastija XXVI ppruvat tirkupra l-glorja tar-Renju l-Qadim, iżda l-konkwista Persjana ħassret kollox.

Wara l-invażuri Akemenidi, Maċedoni u Tolemajċi (dawn tal-aħħar jappartjenu għad-dinastija msejħa Tolemajka) ippruvaw jadattaw għad-drawwiet tal-pajjiż u aċċettaw li jkunu deifikati matul ħajjithom.

Il-Perjodu Greko-Ruman

immodifika

L-aħħar fargħun Eġizzjan kienet ir-reġina leġġendarja Kleopatra. L-aħħar re nattiv, Nectanebo II, kien jirrenja tliet mitt snin qabel, u l-faragħuni Tolemajċi, ta' nisel barrani, iżolaw ruħhom ġo Lixandra u għalkemm dawn irrispettaw it-tradizzjonijiet tal-antenati tal-poplu, ma damux ma għamluhom semi-skjavi. Għalhekk ma niskantawx li meta l-Eġittu sar parti mill-Imperu Ruman, l-Eġizzjani ma tantx taw każ tal-bidla għax il-veru faragħuni kienu ilhom li telqu mill-pajjiż.

Is-simboli tal-faragħun

immodifika
 
Maskra tal-Faragħun Tutankhamun, ir-Re-tifel liebes in-Nemes

Mingħajr dubju l-element l-aħtar magħruf tal-ilbies tal-faragħuni Eġizzjani huma l-kuruni tagħhom, li kien hemm ħafna eżempji minnhom. L-aktar komuni u l-aktar magħrufa huma:

 
Faragħun bil-Kuruna Doppja
* Il-Kuruna Hedjet jew il-Kuruna l-Bajda simbolu tal-Eġittu l-Għoli.
* Il-Kuruna Desheret jew Il-Kuruna l-Ħamra simbolu tal-Eġittu l-Baxx.
* Il-Kuruna Sekhemti jew il-Kuruna Doppja, simbolu tal-Eġittu unifikat, is-soprapożizzjoni taż-żewġ kuruni preċedenti.
* Il-Kuruna Atef jew Il-Kuruna Osirijana, preżenti f'xi ritwali funebri. Il-kult funebri kien l-isfera tal-influwenza tal-alla Osiris.
* Il-Kuruna Khepresh jew il-Kuruna l-Kaħla, it-tifsira tagħha għadha mhux magħrufa, iżda kienet tintuża ħafna fl-Imperu l-Ġdid.
* Il-Kuruna Shuty jew Il-Kuruna bir-Rix, li fl-aħħar saret tintuża min-Nisa Rjali Ewlenin u mill-Adoratriċi Divina ta' Amun.
* Il-Kuruna Hemhem jew l-Atef trippla magħmula minn tliet kuruni Atef u xi żidiet; jidher li kellha x'taqsam max-Xemx.
 
Ix-Xettri Nejej (frosta) u Heka (baklu) u n-Nemes

Kien hemm ukoll diversi varjetajiet ta' xettri, kull wieħed bi rwol sottili, kienu biss biex jenfasizzaw l-ħakma tal-faragħun fuq id-dinja ċivilizzata kollha. L-aktar komuni kienu:

* Ix-Xettru Nejej, simbolu antikissmu tal-istat, kellu l-forma ta' frosta jew flaġell. Kien jintuża ħafna fil-ċerimonji, u jidher spiss assoċjat mal-alla Osiris.
* Ix-Xettru Heka fil-forma ta' ħatar tar-ragħaj jew baklu dejjem jidher man-Nejej. Il-funzjoni tiegħu kienet ċara: bħalma r-ragħaj imexxi l-bhejjem bil-ħatar, il-faragħun imexxi bil-heka lin-nies kollha tiegħu. Ir-re s-soltu jidher b'dirgħajh marbutin u f'kull waħda minnhom iżomm wieħed minn dawn iż-żewġ simboli tal-poter. Hekk isaħħaħ il-messaġġi: "Jiena l-mulej tal-artijiet u l-merħliet tal-Eġittu", "nirrappreżenta il-qawwa temporali u spiritwali." Ix-xettru Heka kien ukoll assoċjat ma' Osiris u b'poteri maġiċi kbar (l-kelma Heka tfisser maġija).
* Ix-Xettru Sejem, użat kemm mir-rejiet kif ukoll min-nobbli, kien jissimbolizza l-qawwa u l-enerġija maġika ta' min ikollu dan fuqu.

Fiċ-ċerimonja tal-inkurunazzjoni li kienet issir Memphis, l-ewwel belt kapitali tar-renju unit, l-eredi kien jiġi elevat għal-livell tal-allat bl-għoti tas-simboli tal-ħatar tar-ragħaj (Heka) u l-frosta (Nejej), l-attributi tal-poter. Wara kien jitlibbes il-kuruna l-bajda tal-Eġittu l-Għoli, imbagħad il-ħamra tal-Eġittu l-Baxx u fl-aħħar il-kuruna doppja, imbagħad joqgħod bilqiegħda fuq it-tron magħmul mill-papiru (simbolu tat-tramuntana) u l-lotus (simbolu ta' nofsinhar).

Simboli oħra tal-poter

immodifika

Il-faragħun ma kienx magħruf biss għall-kuruna u x-xettru. Minħabba l-istorja twila u l-organizzazzjoni reliġjuża kumplessa u r-ritwali tal-Eġittu l-Antik żviluppaw ħafna lbies, tiżjin u kpiepel ornamentali rjali, kull wieħed b'funzjoni speċifika:

* Il-baffi falza, użata mill-faragħuni f'okkażjonijiet kbar biex jerġgħu jiġu identifikati ma' Osiris, meqjus bħala l-ewwel monarka kbir Eġizzjan, u kien irrappreżentat b'baffi kbira bħal tas-suċċessuri tiegħu.
* L-Uraeus u l-avultun: Il-Kobra, annimal karatteristika tal-alla mara Uadyet, patruna tal-Eġittu l-Baxx. L-avultun kien l-annimal karatteristiku tal-alla mara Nejbet, patruna tal-Eġittu l-Għoli. Għalhekk iż-Żewġ allat nisa jirrappreżentaw l-unifikazzjoni taż-Żewġ Artijiet taħt il-faragħun.
* Denb ta' barri jew ta' ljun, jirrapreżenta l-poter kreattiv tal-monarka.

Kien hemm ukoll għadd kbir ta' tipi ta' għenuq, imsielet, ċinturini, sandlijiet, ilbies ippjegat tal-għażel u tipi oħra ta' ġojjellerija biex isebbħu d-dehra tal-Faragħun fil-glorja kollha tiegħu u hekk jimpressjonaw l-abitanti tal-Wied tan-Nil.

L-ambjent familjari

immodifika
 
Skultura tar-reġina Hatshepsut, waħda mill-ftit nisa li ggvernaw bħala faragħun waħidhom

Il-Mara Rjali Ewlenija , ekwivalenti għar-reġina fit-trasmissjoni tan-nisel irjali dejjem kienet toqgħod mal-faragħun. Il-pożizzjoni ta' Mara Rjali Ewlenija bl-Eġizzjan ueret nise Hemet ma kinitx biss pożizzjoni politika fil-qorti rjali, iżda wkoll pożizzjoni reliġjuża peress li l-Mara Rjali Ewlenija kienet tippresiedi f'diversi riti reliġjużi tal-festi. Kienu jeżistu varji riti mferrxin mal-pajjiż taż-Żewġ Artijiet li kienu jinvolvu l-faragħun u l-mara ewlenija tiegħu. Il-kulti li jiffurmaw terna bħal: Osiris, Isis u Horus; Amun, Mut u Jonsu; Shu, Tefnut u Atum, eċċ kull jinvolvu l-parteċipazzjoni tal-faragħun, il-mara ewlenija tiegħu u meta kien possibbli, l-eredi tiegħu. F'dawn riti, li kienu espressi f'għadd ta' festi bħall-festa ta' Opet f'Karnak, il-parteċipazzjoni tar-re u r-reġini kienu jfakkru l-eżistenza divina tal-allat rappreżentati. U mhux biss, minħabba li l-Eġizzjani kienu jemmnu li l-leġittimità tgħaddi biss mill-mara, il Mara Rjali Ewlenija kienet il-garanzija u l-aqwa appoġġ tal-faragħun matul saltnatu. Għalhekk ma niskantawx li l-fargħuni kienu jiżżewġu l-bint il-predeċessur tagħhom (f'ħafna każi din kienet tkun oħthom jew oħthom farsdieq) biex jitilgħu fuq it-tron.

Matul l-istorja Eġizzjana kien hemm ukoll hemm irġejjen kbar, li wħud minnhom saħansitra ħadu l-poter assolut f'idejhom wara mewt żewġhom. Oħrajn kellhom rwol politiku jew reliġjuż deċiżiv, u ma nistgħux nifhmu sewwa l-istorja Eġizzjana mingħajr ma nħarsu lejn il-poter li kellhom dawn in-nisa fid-dell ta' żewġhom.

Il-faragħun kien ikollu nisa ta' grad taħt il-Mara Rjali Ewlenija kemm irid, u jekk ried seta' wkoll itellagħhom għall-grad ta' Mara Rjali Ewlenija (għalkemm din kienet ħaġa rari). Fl-ewwel dinastiji kien ikollu għadd ta' nisa sekondarji u konkubini, u mill-bidu tal-Imperu l-Ġdid, ir-rejiet kienu jżommu ħaremijiet enormi li kien ikun fihom kull tipi ta' mara, fosthom prinċipessi barranin li kienu jmorru joqgħodu hemm. Hemm differenza kbira bejn il-ħaremijiet Fargħunin u l-ħaremijiet leġġendarju tal-kalifi u s-slaten Għarab; fl-Eġittu tal-qedem il-ħarem kien istituzzjoni aktar miftuħa, mhux ħabs mgħasses mill-ewnuki. Din is-sitwazzjoni bdiet tidher biss mal-wasla tal-Persjani u l-Griegi.

Inkwantu l-familja rjali u s-suċċessjoni għat-tron, ir-regoli ma baqgħux immutabbli matuk l-eluf ta' snin tar-renu tal-faragħuni. Għalhekk, matul id-Dinastija, fil-bidu tal-Imperu l-Ġdid twaqqfet il-pożizzjoni qawwija ta' Bint Alla, li rabtet ir-reġina mal-alla Amun, u għamlitha l-Wellieda tal-Eredi, l-unika waħda li setgħet twelled is-suċċessur tal-faragħuni renjanti, 'il fuq mill-irġejjen l-oħra tal-ħarem irjali. Madankollu, is-suċċessjoni normalment kien joħodha eredi maskili, anki jekk dan ma jkunx bin il-Mara Rjali Ewlenija, iżda bin reġina aktar baxxa. Jekk is-suċċessur ikun ġej minn reġina ta' grad aktar baxx, kien jiżżewweġ bint il-Mara Rjali Ewlenija tar-re li miet. Hekk ġara fil-każ ta' Hatshepsut u Thutmose II, li nafu kien bin reġina ta' grad iżjed baxx. Dan ġara wkoll fil-każ ta' Tutankhamun, li żżewweġ bint Akhenaten u l-Mara Rjali Ewlenija tiegħu Nefertiti.

Il-futur tal-ulied bniet kienet tiddependi fuq il-grad ta' ommhom; bint reġina kienet tista' tiret il-pożizzjoni tagħha jew tgħix waħidha u bint mara sekondarja kienet tiżżewweġ xi raġel nobbli jew tibqa tgħix fil-ħarem.

Faragħuni famużi

immodifika

Matul aktar minn tlett elef sena ta' ċivilizzazzjoni naturalment insibu kull tip ta' re fuq it-tron: konkwistaturi kbar, għażżenin u inkompetenti, megalomani u egotisti, despoti u tiranni, ħnien u onesti, paċifiċi u permissivi, tfal u anzjani, klubin u ġerrejja wara n-nisa ... Kien hemm ukoll xi faragħuni nisa.

Dawn huma xi wħud mill-faragħuni l-aktar famużi:

Referenzi

immodifika
  1. ^ L-ortografija Maltija ġejja mit-traduzzjoni tal-Bibbja mill-Lhudi billi l-verżjoni Lhudija fiha l-ittra għ
  2. ^ a b Manetun (Μανέθων, Manethōn,jew Μανέθως, Manethōs) kien storiku u qassis Eġizzjan minn Sebennytos (Eġizzjan antik: Tjebnutjer) li għex fl-epoka Tolemajka, bejn wieħed u ieħor matul it-tielet seklu QK. Manetun kiteb l-Aigyptiaká (L-istorja tal-Eġittu). Dan ix-xogħol hu ta' interess kbir għall-Eġittoloġiċi, u spiss jużawha għall-kronoloġija tar-renji tal-faragħuni. L-eqdem referenza għall-Aigyptiaká hi mill-istoriku Lhudi Josephus fix-xogħol tiegħu "Kontra Apjun".
  3. ^ Din hi l-pronunzja Eġittoloġika, jiġifieri kif l-Eġittoloġi jlissnu dan il-kliem illum. Din hi sistema vvintata għal kollox u m'għandhiex x'taqsam ma kif kienu jlissnu l-kliem l-Eġizzjani.
  4. ^ Dodson, Aidan u Hilton, Dyan. The Complete Royal Families of Ancient Egypt. Thames & Hudson. 2004. ISBN 0-500-05128-3.
  5. ^ Fil-Ġeroglifiċi Eġizzjani, serekh hu kaxxa rettangolari li tirrappreżenta il-faċċata tal-palazz bis-seqer ta' Horus fuqha, użata biex turi li t-test fiha hu isem irjali.
  6. ^ Redmount, Carol A. "Bitter Lives: Israel in and out of Egypt." pp. 89-90. The Oxford History of the Biblical World. Michael D. Coogan, ed. Oxford University Press. 1998.
  7. ^ Ancient Egyptian Grammar (Tielet ed.), A. Gardiner (1957) pp. 71-76
  8. ^ Hieratic Papyrus from Kahun and Gurob, F. LL. Griffith, 38, 17. Imma ara wkoll Temples of Armant, R. Mond u O. Myers (1940), pl.93, 5 għal eżempju li jista' jkun mis-slatna ta' Thutmose III.
  9. ^ "Pharaoh." in Encyclopædia Britannica. Ultimate Reference Suite. Chicago: Encyclopædia Britannica, 2008.
  10. ^ Nomu (mill-Grieg Νομός, “distrett”) kien reġjun amminstrattiv tal-Eġittu l-Antik.

Ħoloq esterni

immodifika