Tutankhamun

faragħun Eġizzjan tat-18-il dinastija Eġizzjana

Tutankhamun (/ˌtuːtənkɑːˈmuːn/, bl-Eġizzjan Antik: twt-ꜥnḫ-jmn; bil-pronunzja Eġittoloġika: Tutankhamen; /ˌtuːtənˈkɑːmɛn/; twieled għall-ħabta tal-1341 Q.K. – miet għall-ħabta tal-1323 Q.K.), spiss imlaqqam ir-Re Tut, kien faragħun tal-Eġittu Antik u kien l-aħħar wieħed mill-familja rjali tiegħu li rrenja matul l-aħħar tat-18-il dinastija (irrenja mill-1332 Q.K. sal-1323 Q.K. skont il-kronoloġija konvenzjonali) matul ir-Renju l-Ġdid tal-istorja Eġizzjana. Missieru jingħad li kien il-faragħun Akhenaten, identifikat bħala l-mumja li nstabet fil-qabar KV55. Ommu kienet oħt missieru, identifikata permezz tal-ittestjar tad-DNA bħala mumja mhux magħrufa mlaqqma bħala "Is-Sinjura ż-Żgħira" li nstabet fil-qabar KV35.

Tutankhamun
faragħun

1332 "BCE" - 1323 "BCE"
Smenkhkare, Neferneferuaten - Ay
Ħajja
Isem propju Tutankhaten
Twelid Amarnac. 1341 BC
Nazzjonalità Renju Ġdid tal-Eġittu
Residenza unknown value
Mewt Memphis, 1323 "BCE"
Post tad-dfin Qabar KV62
Kawża tal-mewt kawżi naturali (malarja)
Familja
Missier Akhenaten
Omm The Younger Lady
Konjuga/i Ankhesenamun
Ulied
Aħwa
Tribù Tmintax-il Dinastija tal-Eġittu
Edukazzjoni
Lingwi Middle Egyptian (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni mexxej

Tutankhamun tela' fuq it-tron meta kellu tmien snin jew disa' snin taħt il-viżier tas-suċċessur eventwali tiegħu, xi ħaġa li kienet bla preċedent. Dan il-viżier kien Ay, u x'aktarx kien jiġi minnu. Huwa żżewweġ lill-oħtu tar-rispett Ankhesenamun. Matul iż-żwieġ tagħhom tilfu żewġt ibniet, waħda wara ħames jew sitt xhur ta' tqala u l-oħra ftit wara t-twelid wara tqala sħiħa. L-ismijiet tiegħu — Tutankhaten u Tutankhamun — jingħad li jfissru "Xbiha ħajja ta' Aten" u "Xbiha ħajja ta' Amun", u Aten ġiet sostitwita b'Amun wara l-mewt ta' Akhenaten. Għadd żgħir ta' Eġittologi, inkluż Battiscombe Gunn, jemmnu li t-traduzzjoni jaf hija żbaljata u fil-fatt għandha tkun "Il-ħajja ta' Aten hija sodisfaċenti" jew, skont il-Professur Gerhard Fecht, "Wieħed li għex ħajja perfetta huwa Aten".

Tutankhamun reġa' stabbilixxa r-reliġjon tal-Eġittu Antik wara li kienet ġiet xolta minn missieru, arrikkixxa u ta lill-ordnijiet tal-qassisin żewġ setet importanti u beda jirrestawra monumenti antiki li kienu ġew danneġġati matul il-Perjodu ta' Amarna preċedenti. Huwa ttrasferixxa l-fdalijiet ta' missieru fil-Wied tar-Rejiet u ttrasferixxa wkoll il-belt kapitali minn Akhetaten għal Tebe. Tutankhamun kien fiżikament diżabbli b'deformità f'siequ x-xellugija u kellu nekrożi tal-għadam, u minħabba f'hekk kellu juża bastun, fil-fatt instabu diversi bsaten fil-qabar tiegħu. Huwa kellu problemi oħra tas-saħħa, fosthom l-iskoljożi u kien laqqat diversi tipi ta' malarja.

L-iskoperta tal-1922 minn Howard Carter tal-qabar kważi intatt ta' Tutankhamun, fl-iskavi ffinanzjati minn Lord Carnarvon, dehret fl-istampa dinjija. B'iżjed minn 5,000 artefatt, qanqlet interess pubbliku mġedded fl-Eġittu Antik, u l-maskra ta' Tutankhamun, li issa tinsab fil-Mużew Eġizzjan fil-Kajr, għadha simbolu popolari. L-imwiet ta' wħud li kienu involuti fl-iskoperta tal-mumja ta' Tutankhamun qanqlu l-għajdut li kien hemm xi seħta tal-faragħuni. Mill-iskoperta tal-qabar intatt tiegħu, ġie mlaqqam bħala r-"Re Tut".

Ftit mit-teżori tiegħu vvjaġġaw mad-dinja kollha u kisbu rispons bla preċedent. Il-Kunsill Suprem Eġizzjan tal-Antikitajiet ippermetta li jsiru tours mill-1962 bil-wirja fil-Louvre f'Pariġi, Franza, segwit mill-Mużew tal-Arti Muniċipali ta' Tokyo, il-Ġappun. Il-wirjiet attiraw miljuni ta' viżitaturi. Il-wirja bejn l-1972 u l-1979 intweriet fl-Istati Uniti, fl-Unjoni Sovjetika, fil-Ġappun, fi Franza, fil-Kanada, u fil-Punent tal-Ġermanja. Ma reġax hemm wirjiet internazzjonali qabel l-2005-2011. Din il-wirja kienet tinkludi l-predeċessuri ta' Tutankhamun mit-18-il dinastija, fosthom Hatshepsut u Akhenaten, iżda ma kinitx tinkludi l-maskra funebri tad-deheb. It-tour tat-teżori tal-2019-2022 beda f'Los Angeles u se jintemm fl-2022 fil-Mużew Eġizzjan il-ġdid fil-Kajr, li għall-ewwel darba se jkun qed juri l-kollezzjoni sħiħa ta' Tutankhamun, miġbura flimkien mill-mużewijiet u mill-imħażen kollha tal-Eġittu.

 
Tutankhamun u r-reġina tiegħu Ankhesenamun

Tutankhamun, li ismu oriġinali kien Tutankhaten jew Tutankhuaten, twieled matul ir-renju ta' Akhenaten, matul it-Tmintax-il Dinastija tal-Eġittu Antik. Ir-renju ta' Akhenaten kien ikkaratterizzat minn bidla drammatika fir-reliġjon tal-Eġittu Antik, magħrufa bħala Ateniżmu, u r-rilokazzjoni tal-belt kapitali lejn is-sit ta' Amarna, li tat isem modern għall-Perjodu ta' Amarna. Lejn l-aħħar ta' dan il-perjodu, żewġ faragħuni oħra ġew irreġistrati li milli jidher kienu koreġġenti ta' Akhenaten: Neferneferuaten, mexxejja femminili li jaf kienet il-mara ta' Akhenaten, jiġifieri Nefertiti, jew bintu Meritaten; u Smenkhkare, li xi Eġittologi jemmnu li kienet l-istess persuna bħal Neferneferuaten iżda l-biċċa l-kbira jsostnu li kienet figura distinta. Mhuwiex ċert jekk ir-renju ta' Smenkhkare damx iktar minn dak ta' Akhenaten, filwaqt li Neferneferuaten issa jingħad li kienet saret koreġġenti ftit qabel ma miet Akhenaten u li kienet irrenjat għal xi żmien wara mewtu.

Iskrizzjoni minn Hermopolis tirreferi għal "Tutankhuaten" bħala "iben ir-re", u ġeneralment jingħad li kien iben Akhenaten, għalkemm uħud jissuġġerixxu minflok li missieru kien Smenkhkare. Iskrizzjonijiet mir-renju ta' Tutankhamun iqisuh bħala iben missier Akhenaten, Amenhotep III, iżda dan seta' jkun possibbli biss jekk ir-renju ta' sbatax-il sena ta' Akhenaten kien jinkludi koreġġenza twila ma' missieru, possibbiltà li bosta Eġittologi fl-imgħoddi kienu jappoġġaw iżda issa abbandunawha għalkollox.

Filwaqt li saru xi suġġerimenti li omm Tutankhamun kienet Meketaten, it-tieni bint ta' Akhenaten u Nefertiti, abbażi ta' riljiev mill-Qabar Irjali f'Amarna, din il-possibbiltà tqieset bħala improbabbli peress li kellha xi 10 snin meta mietet. Interpretazzjoni oħra tar-riljiev issemmi lil Nefertiti bħala ommu. Meritaten tressqet bħala ipoteżi li kienet ommu abbażi ta' eżami mill-ġdid ta' għatu ta' kaxxa u tunika tal-inkurunazzjoni li nstabu fil-qabar tiegħu. Tutankhamun kien jiġi mredda' minn mara li kien jisimha Maia, u isimha sar magħruf mill-qabar tagħha f'Saqqara.

Fl-2008, twettqet analiżi ġenetika fuq il-fdalijiet mummifikati ta' Tutankhamun u fuq oħrajn li kienu maħsuba jew li kien magħruf li kienu membri rjali tar-Renju l-Ġdid mill-Università tal-Kajr. Ir-riżultati indikaw li missieru kien il-mumja mill-qabar KV55, identifikat bħala Akhenaten, u li ommu kienet il-mumja mill-qaber KV35, magħrufa bħala s-"Sinjura ż-Żgħira", li nstab li kienet oħt ir-raġel tagħha. Dan ifisser li s-Sinjura ż-Żgħira tal-qabar KV35 ma setgħetx tiġi identifikata bħala Nefertiti peress li ma kinitx oħt Akhenaten. It-tim irrapporta b'ċertezza ta' iktar minn 99.99 % li Amenhotep III kien missier l-individwu tal-qaber KV55, li min-naħa tiegħu kien missier Tutankhamun. Il-validità u l-affidabbiltà tad-data ġenetika mill-fdalijiet mummifikati ġew iddubitati minħabba d-degradazzjoni possibbli minħabba ż-żmien. Riċerkaturi bħal Marc Gabolde u Aidan Dodson jisħqu li Nefertiti tabilħaqq kienet omm Tutankhamun. F'din l-interpretazzjoni tar-riżultati tad-DNA, il-qrubija ġenetika ma kinitx dovuta għal tqabbil fuq il-livell ta' aħwa iżda kienet ir-riżultat ta' tliet ġenerazzjonijiet ta' żwieġ ta' kuġini tal-ewwel nisel, u b'hekk Nefertiti kienet kuġina ta' Akhenaten.

Meta Tutankhaten sar re, huwa żżewweġ lil Ankhesenpaaten, waħda mill-bniet ta' Akhenaten, li iktar 'il quddiem bidlet isimha għal Ankhesenamun. Flimkien kellhom żewġt ibniet, iżda t-tnejn li huma mietu meta kienu għadhom trabi. Filwawt li nkiseb biss profil ġenetiku mhux komplet miż-żewġ feti mummifikati, dan kien biżżejjed biex jiġi kkonfermat li Tutankhamun kien missierhom. Bl-istess mod, data parzjali biss inkisbet sa issa għaż-żewġ mumji femminili mill-qabar KV21. Ġie ssuġġerit li l-qabar KV21A kien fih il-mumja ta' omm iż-żewġ feti iżda d-data mhix biżżejjed sinifikanti statistikament biex tiġi identifikata b'ċertezza bħala Ankhesenamun. L-istudji tat-tomografija komputati u ppubblikati fl-2011 żvelaw li bint minnhom twieldet qabel iż-żmien wara ħames jew sitt xhur ta' tqala, filwaqt li l-oħra twieled wara disa' xhur tqala. Il-mewt ta' Tutankhamun immarkat it-tmiem tal-linja rjali tat-18-il dinastija.

 
Siġilli rjali: fuq ix-xellug in-nomen "Tutankhamun, mexxej ta' Heliopolis ta' Fuq"; fuq il-lemin: il-prenomen "Nebkheperura"

Tutankhamun kellu bejn tmien snin u disa' snin meta tela' fuq it-tron u sar faragħun, u għażel l-isem tat-tron Nebkheperure. Huwa rrenja għal madwar disa' snin. Matul ir-renju ta' Tutankhamun, il-pożizzjoni ta' Viżier ġiet maqsuma bejn l-Eġittu ta' Fuq u t'Isfel. Il-viżier prinċipali għall-Eġittu ta' Fuq kien Usermontu. Figura oħra jisimha Pentju kienet viżier ukoll iżda mhux ċar jekk mhux mill-Eġittu ta' Fuq jew mill-Eġittu t'Isfel. Mhux magħruf għalkollox jekk Ay, is-suċċessur ta' Tutankhamun, effettivament kellux il-pożizzjoni ta' viżier. Framment tal-fojl tad-deheb mill-qabar KV58 milli jidher jindika, iżda mhux b'ċertezza, li Ay kien meqjus bħala l-Qassis ta' Maat u kien jissejjaħ ukoll bħala "viżier, operatur ta' maat". Dan l-epitet ma jaqbilx mad-deskrizzjoni tas-soltu li kienet tintuża mill-viżier regolari iżda jaf tindika titlu informali. Jista' jkun li Ay kien juża t-titlu ta' viżier b'mod bla preċedent.

Qassis Eġizzjan jismu Manetho kiteb storja komprensiva tal-Eġittu Antik fejn jirreferi għal re li kien jismu Orus, li rrenja għal 36 sena u li kellu bintu jisimha Acencheres li rrenjat għal tnax-il sena, u ħuha Rathotis irrenja għal disa' snin biss. Dawk li rrenjaw fil-Perjodu ta' Amarna huma ċentrali fil-lista iżda ma hemmx qbil fost ir-riċerkaturi dwar liema isem jikkorrispondi ma' liema figura storika. Orus u Acencheres ġew identifikati ma' Horemheb u Akhenaten, filwaqt li Rathotis ġie identifikat ma' Tutankhamun. L-ismijiet ġew assoċjati wkoll ma' Smenkhkare, Amenhotep III, Ay u oħrajn b'livelli differenti.

Ir-rejiet kienu jiġu vvenerati wara mewthom permezz ta' setet mortwarji u tempji assoċjati. Tutankhamun kien wieħed mill-ftit rejiet li kien meqjum b'dan il-mod matul ħajtu. Stele skoperta f'Karnak u ddedikata lil Amun-Ra u lil Tutankhamun tindika li r-re fl-istit divinizzat tiegħu seta' jintalab il-maħfra u biex kwalunkwe midneb jinħeles minn dnubietu. It-tempji ta' din is-setta nbnew f'postijiet imbiegħda saħansitra f'Kawa u f'Faras f'Nubja. It-titlu ta' oħt ill-Viċire ta' Kush kien jinkludi referenza għar-re divinizzat, u dan huwa indikattiv tal-universalità ta' din is-setta.

Sabiex il-faragħun, li kien meqjus divin, jiġi kkollegat man-nies u mal-allat, kienu jinħolqu epiteti speċjali għalihom malli kienu jaċċeddu għat-tron. It-titli li kienu jintużaw fl-Eġittu Antik kienu jintużaw ukoll biex jiddeskrivu l-kwalitajiet ta' dak li jkun u biex jiġu kkollegati mad-dinja terrestri. Il-ħames ismijiet ġew żviluppati matul is-sekli u l-ewwel isem kien isem Horus. L-isem oriġinali ta' Tutankhamun, Tutankhaten, ma kellux isem Nebty jew isem Falkun tad-Deheb assoċjat miegħu peress li ma nstab xejn skont il-protokoll sħiħ ta' ħames ismijiet. Tutankhaten jingħad li kien ifisser "Xbiha ħajja ta' Aten" diġà fl-1877; madankollu, mhux l-Eġittologi kollha jaqblu ma' din l-interpretazzjoni. L-Eġittologu Ingliż Battiscombe Gunn kien jemmen li l-interpretazzjoni antika ma kinitx taqbel mat-teoloġija ta' Akhenaten. Gunn kien jemmen li tali isem kien ikun blasfemija. Huwa kien iqis li tut kien verb u mhux nom u fl-1926 fassal it-traduzzjoni tiegħu: Il-ħajja ta' Aten hija sodisfaċenti. Il-ProfessUr Gerhard Fecht kien jemmen ukoll li l-kelma tut kienet verb. Huwa nnota li Akhenaten kien juża tit bħala kelma għal "xbiha", u mhux tut. Fecht ittraduċa l-verb tut bħala "li tkun perfett/komplut". B'Aten bħala s-suġġett, it-traduzzjoni sħiħa ta' Fecht kienet "Wieħed li għex ħajja perfetta huwa Aten". Fil-Blokka ta' Hermopolis (żewġ frammenti mnaqqxa skoperti f'Ashmunein) l-ewwel isem huwa spellut b'mod uniku bħala Tutankhuaten; ankh tintuża bħala verb, u b'hekk tappoġġa t-traduzzjoni l-antika ta' Xbiha ħajja ta' Aten.

Tmiem il-Perjodu ta' Amarna

immodifika
 
L-arti Eġizzjana tal-Perjodu ta' Amarna

Wara li kien inkurunat u "kiseb il-kunsill" tal-alla Amun, Tutankhamun ta diversi dotazzjonijiet li arrikkew u żiedu l-ordnijiet tal-qassisin tas-setet ta' Amun u ta' Ptah. Huwa kkummissjona statwi ġodda tal-allat bl-aqwa metalli u ħaġar u ordna li dgħajjes ġodda tal-purċissjonijiet jinbnew bl-ifjen ċedru mil-Libanu u jiġu mżejna bid-deheb u bil-fidda. Il-qassisin u ż-żeffiena, il-kantanti u l-qaddejja rjali reġgħu ngħataw il-karigi tagħhom u nħareġ digriet irjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà futura tagħhom.

Fit-tieni sena tiegħu bħala faragħun, Tutankhamun beda jerġa' jistabbilixxi l-ordni Eġizzjana antika. Kemm hu kif ukoll ir-reġina tiegħu neħħew "Aten" minn isimhom, u minflok użaw Amun. Il-belt kapitali tressqet minn Akhetaten għal Tebe. Tutankhamun irrinunzja l-alla Aten, u rrelegah għall-oskurità u reġa' stabbilixxa l-forma politeistika tar-reliġjon Eġizzjana. L-ewwel att tiegħu bħala faragħun kien li jneħħi l-mumja ta' missieru mill-qabar tiegħu f'Akhetaten u jerġa' jidfinha fil-Wied tar-Rejiet. B'hekk irnexxielu jsaħħaħ ir-renju tiegħu. Tutankhamun reġa' ordni l-bini ta' steli, santwarji u binjiet f'Karnak. Huwa żied xogħlijiet ta' kostruzzjoni f'Luxor u beda wkoll ir-restawr ta' tempji oħra fl-Eġittu kollu li kienu ġew misruqa u meqruda minn Akhenaten.

Kampanji, monumenti u kostruzzjoni

immodifika
 
Statwa tal-kwarzit li x'aktarx hija ta' Tutankhamun

Il-pajjiż kien dgħajjef ekonomikament u instabbli wara r-renju ta' Akhenaten. Ir-relazzjonijiet diplomatiċi ma' renji oħra kienu ġew injorati, u Tutankhamun fittex li jerġa' jistabbilihom, b'mod partikolari mal-Mitanni. Evidenza tas-suċċess tiegħu hija suġġerita mir-rigali minn diversi pajjiżi li nstabu fil-qabar tiegħu. Minkejja l-isforzi tiegħu għal titjib fir-relazzjonijiet, ġew irreġistrati battalji man-Nubjani u mal-Asjatiċi fit-tempju mortwarju tiegħu f'Tebe. Il-qabar tiegħu kien fih l-armatura tal-ġisem, banketti li jingħalqu li kienu xierqa għall-kampanji militari, u qwies, u kien imħarreġ biex jispara bil-qaws. Madankollu, minħabba d-diżabbiltajiet fiżiċi f'żgħożitu, li minħabba fihom kellu juża bastun biex jimxi, il-biċċa l-kbira tal-istoriċi jispekulaw li hu personalment ma ħax sehem f'dawn il-battalji.

Minħabba l-età tiegħu, x'aktarx li r-re kellu konsulenti li probabbilment kienu jinkludu lil Ay (is-suċċessur ta' Tutankhamun) u lill-Ġeneral Horemheb, li x'aktarx kien l-iben tar-rispett ta' Ay u s-suċċessur tiegħu. Horemheb jirreġistra li r-re ħatru bħala "sinjur tal-art" u prinċep eredi biex jieħu ħsieb id-dritt. Huwa rreġistra wkoll il-ħila tiegħu li jikkalma r-re żagħżugħ meta kien jitlef it-tempra.

Fit-tielet sena tar-renju tiegħu, Tutankhamun reġġa' lura diversi bidliet li kienu saru fir-renju ta' missieru. Huwa temm il-qima lill-alla Aten u reġa' stabbilixxa l-qima lill-alla Amun sas-supremazija. Il-projbizzjoni tas-setta ta' Amun tneħħiet u reġgħu ngħataw il-privileġġi tradizzjonali lill-qassisin ta' din is-setta. Il-belt kapitali reġgħet tressqet lejn Tebe u l-belt ta' Akhetaten ġiet abbandunata. Bħala parti mit-treġġigħ lura ta' deċiżjonijiet li kien ħa missieru, ir-re ordna diversi proġetti ta' kostruzzjoni, b'mod partikolari f'Karnak, Tebe, fejn ordna l-bini tat-triq bl-istatwi ta' bosta sfinġijiet li twassal sat-tempju ta' Mut. Is-sfinġijiet oriġinarjament kienu saru għal Akhenaten u Nefertiti; ingħataw irjus ġodda ta' mtaten u statwi żgħar tar-re. Fit-Tempju ta' Luxor lesta t-tiżjin tal-kolonni tad-daħla ta' Amenhotep III. Il-monumenti li kienu ġew danneġġati taħt Akhenaten ġew irrestawrati, u nħolqu xbihat ġodda tal-alla Amun. Il-festivals tradizzjonali bdew jiġu ċċelebrati mill-ġdid, inkluż dawk marbuta mal-Barri Apis, Horemakhet, u Opet. L-Istele tar-Restawr tiegħu li tinsab quddiem it-Tempju ta' Karnak tgħid:

It-tempji tal-allat femminili u maskili ... kienu fi stat ta' fdalijiet. In-niċeċ tagħhom kienu vojta u mimlija ħaxix ħażin. Is-santwarji tagħhom ma kinux jeżistu iktar u l-qrati tagħhom kienu qed jintużaw bħala toroq ... l-allat taw daharhom lil din l-art ... Kull meta xi ħadd kien jagħmel talba lil xi alla għal parir, ma kien jirċievi l-ebda rispons.

Binja msejħa t-Tempju ta' Nebkheperure l-Maħbuba ta' Amun li Stabbilixxa l-Ordni f'Tebe, li jaf hija identika għal binja msejħa t-Tempju ta' Nebkheperre f'Tebe, li x'aktarx kienet tempju mortwarju, sar b'talatat irriċiklat mit-tempji ta' Aten tal-Lvant ta' Karnak ta' żmien Akhenaten, u dan jindika li t-twaqqigħ ta' dawn it-tempji kien diġà nbeda. Ħafna mill-proġetti ta' kostruzzjoni ta' żmien Tutankhamun ma tlestewx sa meta miet u tlestew jew ġew sfruttati mis-suċċessuri tiegħu, speċjalment Horemheb. It-triq tal-isfinġijiet tlestiet mis-suċċessur tiegħu Ay u l-kumpless kollu ġie sfruttat minn Horemheb. L-Istele tar-Restawr ġiet sfruttata minn Horemheb; biċċiet mit-Tempju ta' Nebkheperure f'Tebe ġew irriċiklati għal proġetti ta' kostruzzjoni ta' Horemheb stess.

Saħħa u mewt

immodifika
 
Dettal tar-ras mummifikata ta' Tutankhamun

Tutankhamun kellu statura rqiqa, u bejn wieħed u ieħor kien twil 167 ċentimetru. Huwa kellu nejbiet kbar u ħerġin 'il barra, xi ħaġa li kienet karatteristika tal-linja rjali ta' Thutmosis li kien jifforma parti minnha. Minn analiżi tal-ilbies li nstab fil-qabar tiegħu, partikolarment id-dimensjonijiet tal-ilbies ta' taħt tiegħu u taċ-ċintorini tiegħu, jidher li kellu qaddu żgħir u ġenbejh ġejjin għat-tond. F'tentattivi li jiġu spjegati kemm ix-xbihat tiegħu mhux tas-soltu fl-arti kif ukoll il-mewt bikrija tiegħu, kien hemm teorija li Tutankhamun kien ibati mill-ġinekomastija, mis-sindromu ta' Marfan, mis-sindromu tad-diżabbiltà intellettwali b'rabta-X ta' Wilson-Turner, mis-sindromu ta' Fröhlich (distrofija adiposoġenitali), mis-sindromu ta' Klinefelter, mis-sindromu tal-insensittività androġena, mis-sindromu tal-eċċess ta' aromatasi flimkien mas-sindromu tal-kranjosinostożi saġittali u s-sindromu ta' Antley-Bixler jew waħda mill-varjanti tiegħu. Ġie ssuġġerit ukoll li kien ibati mill-epilessija tal-lobu temporali ereditarja sabiex tiġi spjegata r-reliġjożità ta' bużnannuh Thutmosis IV u ta' missieru Akhenaten u l-imwiet bikrin tagħhom. Madankollu, intalab li jkun hemm kawtela fir-rigward ta' din id-dijanjożi.

F'Jannar 2005, il-mumja ta' Tutankhamun għaddiet minn CT scan. Ir-riżultati wrew li Tutankhamun kellu palat iebes li b'palatoskiżi parzjali u possibbilment kellu każ mhux gravi ta' skoljożi. Is-CT scan uriet li siequ l-leminija kienet ċatta b'ipofalanġiżmu, filwaqt li siequ x-xellugija kienet midruba u kellu nekrożi fl-għadam tat-tieni u tat-tielet metatarsali (marda ta' Freiberg jew il-marda ta' Köhler II). Minħabba f'hekk Tutankhamun x'aktarx kellu juża bastun biex jimxi, u fil-fatt instabu ħafna bsaten fil-qabar tiegħu. L-ittestjar ġenetiku permezz tal-analiżi STR irrifjuta l-ipoteżi tal-ġinekomastija u tal-kranjosinostożi (eż., is-sindromu ta' Antley–Bixler) jew tas-sindromu ta' Marfan. L-ittestjar ġenetiku għal ġeni STEVOR, AMA1, jew MSP1 li huma speċifiċi għall-Plasmodium falciparum żvela indikazzjonijiet ta' malarja tropikali f'erba' mumji, inkluż dik ta' Tutankhamun. Attwalment din hija l-eqdem prova ġenetika tal-marda. It-tim skopra d-DNA minn diversi razez tal-parassita, li tindika li kien ġie infettat b'mod ripetut bl-iktar razza severa tal-malarja. L-infezzjonijiet tiegħu bil-malarja jaf ikkawżaw rispons immunitarju fatali f'ġismu jew skattaw xokk ċirkolatorju. Is-CT scan uriet ukoll li kien ibati minn frattura komposta fir-riġel tax-xellug tiegħu. It-teorija li din il-ferità jaf kienet ir-riżultat ta' ħsara moderna ġiet irrifjutata abbażi tat-truf ippuntati iżda ma jaqtgħux tal-frattura; il-ħsara moderna kien ikun fiha truf jaqtgħu. Sustanzi tal-ibbalzmar kienu preżenti fi ħdan il-frattura u dawn jindikaw li kienet assoċjata ma' ferita miftuħa; u ma kien hemm l-ebda sinjal ta' fejqan.

Rikostruzzjoni ta' wiċċ Tutankhamun twettqet fl-2005 mill-Kunsill Suprem Eġizzjan tal-Antikitajiet u minn National Geographic. Tliet timijiet separati — Eġizzjani, Franċiżi u Amerikani — ħadmu separatament sabiex jaslu bejn wieħed u ieħor għal wiċċ ir-re żgħir. Filwaqt li t-timijiet Eġizzjani u Franċiżi kienu jafu li s-suġġett tagħhom kien Tutankhamun, filwaqt li t-tim Amerikan ħadem fil-għama. It-timijiet kollha pproduċew riżultati simili ħafna, iżda dak tat-tim Franċiż fl-aħħar mill-aħħar intgħażel biex isir mudell tiegħu bis-silikon.

Kawża tal-mewt

immodifika

Ma teżisti l-ebda dokumentazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tal-mewt ta' Tutankhamun; dawn qajmu dibattitu konsiderevoli u studji ewlenin. Hawass u t-tim tiegħu jsostnu li mewtu x'aktarx li kienet ir-riżultat tal-kombinament tad-diversi mardiet li kellu li dgħajfuh, u ta' frattura tar-riġel, x'aktarx minħabba xi waqgħa, u infezzjoni gravi bil-malarja. Madankollu, Timmann u Meyer sostnew li l-anemija drepanoċitika hija ipoteżi iktar plawżibbli mal-patoloġiji li kellu r-re, u t-tim Eġizzjan issuġerixxa li din l-ipoteżi kienet "interessanti u plawżibbli".

Teorija oħra kienet li kien miet b'xi daqqa fuq rasu. Din it-teorija ngħatat abbażi ta' radjografija tal-1968 li wriet żewġ frammenti tal-għadam fil-kranju. Din it-teorija ġiet irrifjuta permezz ta' analiżi ulterjuri tar-radjografiji u s-CT scan. Ġie ddeterminat li l-frammenti tal-għadam interkranjali kienu r-riżultat ta' kif inkixfet il-mumja fiż-żminijiet moderni peress li mhumiex fissi u mhux aderenti mar-reżina tal-ibbalzmar. Ma nstabet l-ebda evidenza ta' traqqiq tal-għadam jew membrani kkalċifikati, li setgħu kienu jindikaw xi daqqa fatali f'rasu. Ġie ssuġġerit ukoll li r-re żagħżugħ inqatel f'aċċident f'karru minħabba xejra ta' feriti ta' sfrakassar, inkluż il-fatt li l-parti ta' quddiem tal-kaxxa ta' sidru u xi kustilji kienu neqsin. Madankollu, il-kustilji neqsin x'aktarx li mhumiex ir-riżultat ta' xi ferita fil-mument tal-mewt tiegħu; ir-ritratti li ttieħdu malli ġew konklużi l-iskavi ta' Howard Carter fl-1926 juru li l-kaxxa ta' sider ir-re kienet intatta, u kien liebes kullar biż-żibeġ b'irjus ta' falkuni fit-truf. In-nuqqas kemm tal-kullar kif ukoll tal-kaxxa ta' sider ir-re ġiet innutata fir-radjografija tal-1968 u ġiet ikkonfermata wkoll mis-CT scan. X'aktarx il-parti ta' quddiem tal-kaxxa ta' sidru tneħħiet minn xi ħallelin meta serqu l-kullar biż-żibeġ; ix-xedd ir-ras ornamentali biż-żibeġ li kien jidher liebes ir-re fir-ritratti tal-1926 kien għeb ukoll sal-1968.

Iktar qari

immodifika
  • Andritsos, John. Social Studies of Ancient Egypt: Tutankhamun. L-Awstralja, 2006.
  • Brier, Bob. The Murder of Tutankhamun: A True Story. Putnam Adult, it-13 ta' April 1998, ISBN 0-425-16689-9 (paperback), ISBN 0-399-14383-1 (hardcover), ISBN 0-613-28967-6 (School & Library Binding).
  • Carter, Howard and Arthur C. Mace, The Discovery of the Tomb of Tutankhamun. Courier Dover Publications, 1 June 1977, ISBN 0-486-23500-9; ir-rendikont semipopolari tal-iskoperta u tal-ftuħ tal-qabar mill-arkeologu responsabbli.
  • Desroches-Noblecourt, Christiane. Sarwat Okasha (Prefazju), Tutankhamun: Life and Death of a Pharaoh. New York: New York Graphic Society, 1963, ISBN 0-8212-0151-4 (1976 reprint, hardcover), ISBN 0-14-011665-6 (1990 reprint, paperback).
  • Il-Kunsill Suprem Eġizzjan tal-Antikitajiet, The Mummy of Tutankhamun: The CT Scan Report, kif stampat f'Ancient Egypt, Ġunju/Lulju 2005.
  • Haag, Michael. The Rough Guide to Tutankhamun: The King: The Treasure: The Dynasty. Londra, 2005. ISBN 1-84353-554-8.
  • Hoving, Thomas. The Search for Tutankhamun: The Untold Story of Adventure and Intrigue Surrounding the Greatest Modern archeological find. New York: Simon & Schuster, il-15 ta' Ottubru 1978, ISBN 0-671-24305-5 (hardcover), ISBN 0-8154-1186-3 (paperback). Dan il-ktieb jelenka għadd ta' anedotti dwar l-iskoperta u l-iskavi tal-qabar.
  • James, T. G. H. Tutankhamun. New York: Friedman/Fairfax, l-1 ta' Settembru 2000, ISBN 1-58663-032-6 (hardcover). Volum b'format kbir tal-eks Uffiċjal tal-Antikitajiet Eġizzjani fil-British Museum, mimli illustrazzjonijiet bil-kulur tal-oġġetti funebri ta' Tutankhamun, u oġġetti relatati.
  • Neubert, Otto. Tutankhamun and the Valley of the Kings. Londra: Granada Publishing Limited, 1972, ISBN 0-583-12141-1 (paperback). L-ewwel rakkont personali dwar l-iskoperta tal-qabar.
  • Rossi, Renzo. Tutankhamun. Cincinnati (Ohio) 2007. ISBN 978-0-7153-2763-0. Ktieb bl-illustrazzjonijiet bil-kulur.

Referenzi

immodifika
  • Arnold, Dorothea; Metropolitan Museum of Art Staff; Green, L.; Allen, James P. (1996). The Royal Women of Amarna: Images of Beauty from Ancient Egypt. Metropolitan Museum of Art. ISBN 978-0-87099-816-4. OCLC 35292712.
  • Baker, Rosalie F.; Baker, Charles F. (2001). Ancient Egyptians: People of the Pyramids. Oxford University Press, USA. ISBN 978-0-19-512221-3.
  • Barclay, John M.G. (2006). Flavius Josephus: Translation and Commentary, Volume 10: Against Apion. BRILL. ISBN 978-90-474-0405-7.
  • Booysen, Riaan (2013). Thera and the Exodus: The Exodus Explained in Terms of Natural Phenomena and the Human Response to It. John Hunt Publishing. ISBN 978-1-78099-450-5.
  • Brand, Peter Peter James; Cooper, Louise (2009). Causing His Name to Live: Studies in Egyptian Epigraphy and History in Memory of William J. Murnane. BRILL. ISBN 978-90-04-17644-7. OCLC 318869912.
  • Braun, David (2012). National Geographic Tales of the Weird: Unbelievable True Stories. National Geographic Society. ISBN 978-1-4262-0965-9.
  • Booth, Charlotte (2007). The Boy Behind the Mask: Meeting the Real Tutankhamun. Oneworld. ISBN 978-1-85168-544-8. OCLC 191804020.
  • Chyla, Julia; Rosińska-Balik, Karolina; Debowska-Ludwin, Joanna (2017). Current Research in Egyptology 17. Oxbow Books. ISBN 978-1-78570-603-5. OCLC 1029884966.
  • Clayton, Peter A. (2006). Chronicle of the Pharaohs: The Reign-by-Reign Record of the Rulers and Dynasties of Ancient Egypt. Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-28628-9. OCLC 869729880.
  • Collier, Mark; Manley, Bill (2003). How to Read Egyptian Hieroglyphs: A Step-by-step Guide to Teach Yourself. University of California Press. ISBN 978-0-520-23949-4. OCLC 705578614.
  • Cooney, Kathlyn M.; Jasnow, Richard (2015). Joyful in Thebes: Egyptological Studies in Honor of Betsy M. Bryan. Lockwood Press. ISBN 978-1-937040-41-3. OCLC 960643348.
  • Cooney, Kara (30 October 2018). When Women Ruled the World: Six Queens of Egypt. National Geographic Society. ISBN 978-1-4262-1978-8. OCLC 1100619021.
  • Dodson, Aidan (2009). Amarna Sunset: Nefertiti, Tutankhamun, Ay, Horemheb, and the Egyptian Counter-Reformation. American University in Cairo Press. ISBN 978-1-61797-050-4. OCLC 1055144573.
  • Dodson, Aidan; Hilton, Dyan (2010). The Complete Royal Families of Ancient Egypt. Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-28857-3.
  • Eaton-Krauss, Marianne (2015). The Unknown Tutankhamun. Bloomsbury Publishing. ISBN 978-1-4725-7563-0. OCLC 1049775714.
  • Gabolde, Marc (2000). D'Akhenaton à Toutânkhamon. Université Lumière-Lyon 2, Institut d'archéologie et d'histoire de l'antiquité. ISBN 9782911971020. OCLC 607262790.
  • Gilbert, Katherine Stoddert; Holt, Joan K.; Hudson, Sara, eds. (1976). Treasures of Tutankhamun. The Metropolitan Museum of Art. ISBN 978-0-87099-156-1. OCLC 865140073.
  • Gundlach, Rolf; Taylor, John H. (2009). 4. Symposium Zur Ägyptischen Königsideologie. Otto Harrassowitz Verlag. ISBN 978-3-447-05888-9. OCLC 500749022.
  • Fritze, Ronald H. (2016). Egyptomania: A History of Fascination, Obsession and Fantasy. Reaktion Books. ISBN 978-1-78023-685-8. OCLC 1010951566.
  • Hawass, Zahi; et al. (17 February 2010). "Ancestry and Pathology in King Tutankhamun's Family" (PDF). The Journal of the American Medical Association. 303 (7): 638–647. doi:10.1001/jama.2010.121. PMID 20159872. Retrieved 27 August 2019.
  • Hawass, Zahi (2004). The Golden Age of Tutankhamun. American Univ in Cairo Press. p. 56. ISBN 978-977-424-836-8. OCLC 56358390.
  • Hawass, Zahi; Saleem, Sahar (2016). Scanning the Pharaohs: CT Imaging of the New Kingdom Royal Mummies. Oxford University Press. ISBN 978-977-416-673-0. OCLC 1078493215.
  • Hawass, Zahi; Saleem, Sahar (2011). "Mummified Daughters of King Tutankhamun: Archeologic and CT Studies". American Journal of Roentgenology. 197 (5): W829–W836. doi:10.2214/AJR.11.6837. ISSN 0361-803X. PMID 22021529.
  • Hoving, Thomas (2002). Tutankhamun: The Untold Story. Cooper Square Press. ISBN 978-1-4617-3214-3. OCLC 3965932.
  • Kozma, Chahira (2008). "Skeletal dysplasia in ancient Egypt". American Journal of Medical Genetics Part A. 146A (23): 3104–3112. doi:10.1002/ajmg.a.32501. ISSN 1552-4825. PMID 19006207. S2CID 20360474.
  • Leprohon, Ronald J. (2013). The Great Name: Ancient Egyptian Royal Titulary. SBL Press. ISBN 978-1-58983-736-2.
  • Mackowiak, Philip A. (2013). Diagnosing Giants: Solving the Medical Mysteries of Thirteen Patients Who Changed the World. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-936114-4.
  • Marchant, Jo (25 June 2010). "Tutankhamen 'killed by sickle-cell disease'". New Scientist. Retrieved 2 July 2021.
  • Morkot, Robert (10 November 2004). The Egyptians: An Introduction. Routledge. ISBN 978-1-134-48857-5. OCLC 60448544.
  • Nici, John (2015). Famous Works of Art—And How They Got That Way. Rowman & Littlefield Publishers. ISBN 978-1-4422-4955-4. OCLC 1035635529.
  • Osing, Jürgen; Dreyer, Günter (1987). Form und Mass: Beiträge zur Literatur, Sprache und Kunst des alten Ägypten : Festschrift für Gerhard Fecht zum 65. Geburtstag am 6. Februar 1987. Otto Harrassowitz Verlag. ISBN 978-3-447-02704-5.
  • Redford, Donald B. (2003). The Oxford Essential Guide to Egyptian Mythology. Berkley Publishing Group. ISBN 978-0-425-19096-8.
  • Reeves, Carl Nicholas (1990). The Complete Tutankhamun: The King, the Tomb, the Royal Treasure. Thames and Hudson. ISBN 978-0-500-27810-9. OCLC 1104938097.
  • Reeves, Nicholas (2015). "Tutankhamun's Mask Reconsidered (2015)". Bulletin of the Egyptological Seminar. 19: 511–526. Retrieved 7 September 2019 – via Academia.edu.
  • Reeves, Nicholas; Wilkinson, Richard H. (1996). The Complete Valley of the Kings. London: Thames and Hudson. OCLC 809290016.
  • Ridley, Ronald T. (2019). Akhenaten: A Historian's View. Cairo and New York: The American University in Cairo Press. ISBN 978-977-416-793-5. OCLC 8993387156.
  • Riggs, Christina (2018). Photographing Tutankhamun: Archaeology, Ancient Egypt, and the Archive. Bloomsbury Publishing. ISBN 978-1-350-03853-0. OCLC 1114957945.
  • Roberts, Peter (2006). HSC Ancient History. Pascal Press. ISBN 978-1-74125-179-1. OCLC 225398561.
  • Robinson, Andrew (27 August 2009). Writing and Script: A Very Short Introduction. Oxford University Press. pp. 90–91. ISBN 978-0-19-956778-2. OCLC 654777745.
  • Tawfik, Tarek; Thomas, Susanna; Hegenbarth-Reichardt, Ina (2018). "New Evidence for Tutankhamun's Parents: Revelations from the Grand Egyptian Museum". Mitteilungen des Deutschen Archäologischen Instituts, Abteilung Kairo. 74: 179–195. Retrieved 20 March 2021.
  • Timmann, Christian; Meyer, Christian G. (2010). "Malaria, mummies, mutations: Tutankhamun's archaeological autopsy". Tropical Medicine & International Health. 15 (11): 1278–1280. doi:10.1111/j.1365-3156.2010.02614.x. ISSN 1365-3156. Retrieved 2 July 2021.
  • Tyldesley, Joyce (2012). Tutankhamen: The Search for an Egyptian King. Basic Books. ISBN 978-0-465-02020-1.
  • Walshe, J.M. (January 1973). "Tutankhamun: Klinefelter's Or Wilson's?". The Lancet. 301 (7794): 109–110. doi:10.1016/S0140-6736(73)90516-3. PMID 4118642.
  • Williamson, Jacquelyn (2015). Wendrich, Willeke (ed.). "Amarna Period". UCLA Encyclopedia of Egyptology. Department of Near Eastern Languages and Cultures, UC Los Angeles.
  • Zivie, A. (1998). "La nourrice royale Maïa et ses voisins: cinq tombeaux du Nouvel Empire récemment découverts à Saqqara". Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres (in French). 142 (1).