Howard Carter
Howard Carter (twieled fid-9 ta' Mejju 1874 – miet fit-2 ta' Marzu 1939) kien arkeologu u Eġittologu Brittaniku. Huwa sar magħruf mad-dinja kollha wara li skopra l-qabar intatt tal-Faragħun tat-18-il dinastija, Tutankhamun f'November 1922, l-aqwa qabar tal-faragħuni ppreservat l-aħjar fil-Wied tar-Rejiet.
Howard Carter | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Brompton, 9 Mejju 1874, 1873 |
Nazzjonalità | Renju Unit |
Mewt | Londra, 2 Marzu 1939 |
Post tad-dfin | Ċimiterju ta' Putney Vale |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (linfoma) |
Familja | |
Konjuga/i | Not married |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Ingliż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
Eġittologu antropologu arkeologu studjuż tan-nekropoli |
Impjegaturi |
Egypt Exploration Society (1891 - 1899) Kunsill Suprem tal-Antikitajiet (1900 - 1905) |
Premjijiet |
Tfulija u l-bidu tal-karriera
immodifikaHoward Carter twieled f'Kensington fid-9 ta' Mejju 1874 u kien l-iżgħar wild (minn ħdax) tal-artist u l-illustratur Samuel John Carter u Martha Joyce (kunjomha xebba Sands). Missieru għenu jħarreġ u jiżviluppa t-talenti artistiċi tiegħu.[1]
Carter qatta' l-biċċa l-kbira ta' tfulitu ma' qrabat fir-raħal merkantili ta' Swaffham, Norfolk, li kien il-post fejn twieldu l-ġenituri tiegħu. Huwa ngħata edukazzjoni formali limitata biss fi Swaffham, u wera li kellu talent bħala artist. Il-villa fl-inħawi tal-familja Amherst, imsejħa Didlington Hall, kien fiha kollezzjoni mdaqqsa ta' antikitajiet Eġizzjani, li tassew qanqlet l-interess ta' Carter f'dak is-suġġett. Is-Sinjura Amherst kienet impressjonata bil-ħiliet artistiċi tiegħu, u fl-1891 stabbiliet il-Fond tal-Esplorazzjoni tal-Eġittu sabiex tibgħat lil Carter jassisti lil ħabib tal-familja Amherst, Percy Newberry, fl-iskavi u fir-reġistrazzjoni tal-oqbra tar-Renju Nofsani f'Beni Hasan.
Minkejja li kellu biss 17-il sena, Carter kien innovattiv u pprova jtejjeb il-metodu tal-ikkopjar tat-tiżjin tal-oqbra. Fl-1892, huwa ħadem taħt it-tutela ta' Flinders Petrie għal staġun wieħed f'Amarna, il-belt kapitali stabbilita mill-faragħun Akhenaten. Mill-1894 sal-1899, huwa ħadem flimkien ma' Édouard Naville f'Deir el-Bahari, fejn irreġistra r-riljievi ta' mal-ħitan fit-Tempju ta' Hatshepsut.
Fl-1899, Carter inħatar bħala Spettur tal-Monumenti tal-Eġittu ta' Fuq fis-Servizz tal-Antikitajiet Eġizzjani. Huwa kien ibbażat f'Luxor, fejn issorvelja għadd ta' skavi u xogħlijiet ta' restawr fl-inħawi ta' Tebe, filwaqt li fil-Wied tar-Rejiet issorvelja l-esplorazzjoni sistematika tal-wied tal-arkeologu Amerikan Theodore Davis. Fl-1904, wara diżgwid man-nies tal-post rigward serqiet mill-oqbra, huwa ġie ttrasferit fl-Ispettorat tal-Eġittu t'Isfel. Carter ġie mfaħħar għat-titjib li wassal fil-protezzjoni tas-siti tal-iskavi eżistenti u fl-aċċessibbiltà tagħhom, u għall-iżvilupp ta' sistema ta' blokok ta' grilja għat-tfittxija tal-oqbra. Is-Servizz tal-Antikitajiet ipprovda wkoll il-finanzjament biex Carter imexxi l-proġetti tal-iskavi tiegħu stess.
Carter irreżenja mis-Servizz tal-Antikitajiet fl-1905 wara inkjesta formali f'dik li saret magħrufa bħala l-Kwistjoni ta' Saqqara, konfront vjolenti bejn il-gwardjani Eġizzjani u grupp ta' turisti Franċiżi. Carter żamm mal-persunal Eġizzjan, u rrifjuta li jitlob skuża meta l-awtoritajiet Franċiżi għamlu lment uffiċjali. Meta reġa' lura Luxor, għal kważi tliet snin Carter ma kellux impjieg formali. Kien jaqla' l-għajxien tiegħu billi jpitter u jbigħ pitturi bl-akkwarelli lit-turisti, u fl-1906 ħadem bħala disinjatur għal rasu għal Theodore Davis.
Qabar ta' Tutankhamun
immodifikaFl-1907, Carter beda jaħdem għal Lord Carnarvon, li impjegah biex jissorvelja l-iskavi tal-oqbra tan-nies nobbli f'Deir el-Bahri, ħdejn Tebe. Gaston Maspero, il-kap tas-Servizz tal-Antikitajiet Eġizzjani, kien irrakkomanda lil Carter lil Lord Carnarvon peress li kien jaf li kien se japplika metodi arkeoloġiċi u sistemi ta' reġistrazzjoni moderni. Carter f'qasir żmien żviluppa relazzjoni tajba ta' ħidma mal-kap tiegħu, mas-Sinjura Burghclere, oħt Carnarvon, u osserva li "għas-sittax-il sena ta' wara ż-żewġ irġiel ħadmu flimkien b'xorti li mhux dejjem daħqitilhom iżda kienu dejjem magħqudin mhux biss mill-għan komuni tagħhom imma wkoll mir-rispett u mill-affezzjoni reċiproka tagħhom".
Fl-1914, Lord Carnarvon irċieva l-konċessjoni li jwettaq l-iskavi fil-Wied tar-Rejiet. Carter mexxa x-xogħol, u wettaq tfittxija sistematika għal kwalunkwe qabar li ma kienx ġie skopert fl-ispedizzjonijiet preċedenti, b'mod partikolari dak tal-Faragħun Tutankhamun. Madankollu, l-iskavi ma damux ma ġew interrotti ħesrem mill-Ewwel Gwerra Dinjija, u Carter qatta' s-snin tal-gwerra jaħdem għall-Gvern Brittaniku bħala kurrier u traduttur diplomatiku. Mimli entużjażmu huwa kompla x-xogħol tal-iskavi tiegħu lejn l-aħħar tal-1917.
Sal-1922, Lord Carnarvon beda jgerger minħabba n-nuqqas ta' riżultati wara diversi snin ta' ftit sejbiet. Wara li kkunsidra li jirtira l-finanzjament tiegħu, Carnarvon qabel, wara diskussjoni ma' Carter, li kien se jiffinanzja staġun wieħed ieħor ta' ħidma fil-Wied tar-Rejiet.
Carter irritorna fil-Wied tar-Rejiet u investiga linja ta' għorfiet li kien abbanduna ftit staġuni qabel. L-ekwipaġġ ikklirja l-għorfiet u r-radam tal-blat ta' taħthom. Fl-4 ta' Novembru 1922, bi żball tifel żgħir li kien iġibilhom l-ilma tgerbeb f'ġebla li inzertat kienet il-parti ta' fuq ta' taraġ imnaqqax fil-blat. Carter ordna li t-taraġ jiġi mikxuf billi jitneħħa r-radam tal-blat sa ma nstabet il-parti ta' fuq ta' daħla mkaħħla bit-tajn. Id-daħla kienet imnaqqxa b'siġilli ovali bil-ġeroglifiċi Eġizzjani (magħrufa bħala cartouche). Carter ordna li t-taraġ jerġa' jiġi jintradam, u bagħat telegramma lil Carnarvon, li wasal mill-Ingilterra ġimagħtejn u nofs wara fit-23 ta' Novembru, akkumpanjat mat-tifla tiegħu Evelyn Herbert.
Fl-24 ta' Novembru 1922, it-taraġ kollu ġie mnaddaf mir-radam u ġie żvelat siġill bil-cartouche ta' Tutankhamun man-naħa ta' barra tad-daħla. Din id-daħla tneħħiet u l-kuritur ta' warajha mimli radam ġie mnaddaf, sakemm ġiet żvelata d-daħla tal-qabar innifsu. Fis-26 ta' Novembru, Carter flimkien ma' Carnarvon, Evelyn u l-assistent Arthur Callender, għamel "toqba ċkejkna fir-rokna ta' fuq fin-naħa tax-xellug" fid-daħla, bi trapan li nanntu kienet tatu bħala rigal meta għalaq 17-il sena. Huwa seta' jnemmes x'kien hemm fuq in-naħa l-oħra tat-toqba permezz tad-dawl ta' xemgħa u ra li ħafna teżori tad-deheb u tal-ebanu kienu għadhom f'posthom. Huwa kien għadu ma jafx jekk kienx sab "qabar jew sempliċement maħżen antik", iżda kien lemaħ daħla ssiġillata promettenti bejn żewġ statwi għassiesa. Carnarvon staqsa, "Tista' tara xi ħaġa?". U Carter wieġeb: "Iva, affarijiet mill-isbaħ!". Carter fil-fatt, kien skopra l-qabar ta' Tutankhamun (li sussegwentement ġiet iddeżinjata l-kodiċi KV62). Imbagħad, l-aċċess sikur għall-qabar ġie żgurat, sabiex ikun jista' jidħol l-għada fil-preżenza ta' uffiċjal tad-Dipartiment Eġizzjan tal-Antikitajiet. Madankollu dik il-lejla, Carter, Carnarvon, Evelyn u Callender milli jidher għamlu żjara mhux awtorizzata, u saru l-ewwel nies fiż-żminijiet moderni li daħlu fil-qabar. Xi sorsi jissuġġerixxu li l-grupp kien daħal ukoll fil-kompartiment funebri ta' ġewwa nett. Skont dawn l-istess sorsi, kien hemm toqba żgħira fid-daħla ssiġillata tal-kompartiment u Carter, Carnarvon u Evelyn daħlu mbe minnha.
L-għada filgħodu fis-27 ta' Novembru, spezzjonaw il-qabar fil-preżenza ta' uffiċjal Eġizzjan. Callender rama t-tidwil bl-elettriku, u xeħet dawl fuq ammont kbir ta' oġġetti, fosthom kawċes indurati, sniedaq, troni, u niċeċ. Huma raw ukoll evidenza ta' żewġ kompartimenti oħra, inkluż id-daħla ssiġillata sal-kompartiment funebri ta' ġewwa nett, mgħassa minn żewġ statwi ta' Tutankhamun b'daqs ta' bniedem. Minkejja l-evidenza ta' żgassaturi fi żmien il-qedem, il-qabar kien prattikament intatt, u fl-aħħar mill-aħħar instab li kien fih iktar minn 5,000 oġġett.
Fid-29 ta' Novembru, il-qabar infetaħ uffiċjalment fil-preżenza ta' għadd ta' dinjitarji mistednin u uffiċjali Eġizzjani.
Malli nduna x'kien id-daqs u l-portata tal-kompitu li kellu quddiemu, Carter fittex l-għajnuna mingħand Albert Lythgoe tat-tim tal-iskavi tal-Mużew Metropolitan, li kien qed jaħdem fil-qrib, li aċċetta minnufih li jsellfu numru ta' membri tal-persunal tiegħu, fosthom Arthur Mace u l-fotografu arkeoloġiku Harry Burton, filwaqt li l-gvern Eġizzjan sellfu l-kimiku analitiku Alfred Lucas. Id-diversi xhur ta' wara qattgħuhom jikkatalogaw u jikkonservaw il-kontenut tal-antikamra taħt is-superviżjoni "spiss stressanti" ta' Pierre Lacau, id-direttur ġenerali tad-Dipartiment tal-Antikitajiet. Fis-16 ta' Frar 1923, Carter fetaħ id-daħla ssiġillata u kkonferma li kienet tagħti għal kompartiment funebri, li kien fih is-sarkofagu ta' Tutankhamun. Il-qabar kien ikkunsidrat l-iktar qabar ta' faragħun ippreservat tajjeb u l-iktar wieħed intatt li qatt instab fil-Wied tar-Rejiet, u l-iskoperta ġiet koperta b'ħerqa mill-istampa dinjija. Madakollu, a skapitu ta' gazzetti oħra, Lord Carnarvon biegħ id-drittijiet esklużivi tar-rapportar lil The Times. Arthur Merton biss ta' dik il-gazzetta tħalla joqgħod fil-post, u d-deskrizzjonijiet ċari tiegħu għenu biex Carter jistabbilixxi r-reputazzjoni tiegħu mal-pubbliku Brittaniku.
Lejn l-aħħar ta' Frar 1923, kien hemm bruda fir-relazzjoni bejn Lord Carnarvon u Carter, li x'aktarx ġiet ikkawżata minn diżgwid dwar il-ġestjoni tas-superviżjoni tal-awtoritajiet Eġizzjani, u din waqfet l-iskavi temporanjament. Ix-xogħol reġa' kompla fil-bidu ta' Marzu wara li Lord Carnarvon skuża ruħu ma' Carter. Iktar tard dak ix-xahar, Lord Carnarvon laqqat sepsi jew infezzjoni tad-demm fis-soġġorn tiegħu f'Luxor ħdejn is-sit tal-qabar. Huwa miet fil-Kajr fil-5 ta' April 1923. Is-Sinjura Carnarvon żammet il-konċessjoni tar-raġel tagħha fil-Wied tar-Rejiet, u b'hekk Carter seta' jkompli bix-xogħol tiegħu.
Il-valutazzjoni u l-ikkatalogar metikoluż ta' eluf ta' oġġetti fil-qabar min-naħa ta' Carter damu kważi għaxar snin, il-biċċa l-kbira tal-oġġetti ttieħdu fil-Mużew Eġizzjan fil-Kajr. Kien hemm diversi pawżi fix-xogħol, inkluż waħda li damet kważi sena fl-1924-1925, ikkawżata minn diżgwid dwar dak li Carter qies bħala kontroll eċċessiv tal-iskavi mis-Servizz tal-Antikitajiet Eġizzjani. L-awtoritajiet Eġizzjani eventwalment qablu li Carter għandu jlesti l-ikklirjar tal-qabar. Dan ix-xogħol baqa' għaddej sal-1929, u xi xogħol finali baqa' sejjer sa Frar 1932.
Minkejja l-importanza tas-sejba arkeoloġika tiegħu, Carter ma rċieva l-ebda unur mill-gvern Brittaniku. Madankollu, fl-1926, huwa ngħata l-Ordni tan-Nil, it-tielet klassi, mir-Re Fuad I tal-Eġittu. Huwa ngħata wkoll Dottorat Onorarju fix-Xjenza mill-Università ta' Yale u sħubija onorarja fir-Real Academia de la Historia of Madrid, Spanja.
Carter kiteb għadd ta' kotba dwar l-Eġittoloġija matul il-karriera tiegħu, inkluż il-Ħames Snin Esplorazzjoni f'Tebe (bl-Ingliż: Five Years' Exploration at Thebes) li kitbu flimkien ma' Lord Carnarvon fl-1912, fejn iddeskrivew l-iskavi bikrin tagħhom, u rendikont popolari fi tliet volumi tal-iskoperta u l-iskavi tal-qabar ta' Tutankhamun. Huwa ta wkoll sensiela ta' lekċers b'illustrazzjonijiet dwar l-iskavi, inkluż tour fl-1924 tar-Renju Unit, Franza, Spanja u l-Istati Uniti. Għal-lekċers fil-Belt ta' New York u fi bliet oħra tal-Istati Uniti attendew udjenzi kbar u entużjasti, u dawn qanqlu l-Eġittomanija Amerikana, tant li l-President Coolidge talab biex jattendi lekċer privata.
Ħajja personali
immodifikaCarter seta' jkun stramb fil-kumpanija tan-nies, b'mod partikolari ma' dawk ta' klassi soċjali ogħla. Spiss kien ikun ta' żaqqu fommu, u ammetta li kienet taqbiżlu malajr, li kienet karatteristika li spiss kienet twassal għal diżgwidi, inkluż il-Kwistjoni ta' Saqqara Affair tal-1905 u d-diżgwid tal-1924-1925 mal-awtoritajiet Eġizzjani.
L-għajdut li Carter kellu relazzjoni ma' Evelyn Herbert, bint il-ħames Konti ta' Carnarvon, iktar 'il quddiem ġiet miċħuda minn Evelyn stess, li qalet lil bintha Patricia li "għall-ewwel kien jimmeraviljani, u iktar 'il quddiem kont pjuttost nibża' minnu", u ma tantx kienet tieħu pjaċir bid-"determinazzjoni" ta' Carter li jidħol bejnha u bejn missierha. Iktar reċentement, it-tmien Konti ċaħad l-idea, u ddeskriva lil Carter bħala "wieħed li jħobb joqgħod waħdu". Harold Plenderleith, eks kollega ta' Carter fil-British Museum, ġie kkwotat li qal li hu kien jaf "xi ħaġa dwar Carter li ma setax jiżvela", u dan tqies bħala possibbiltà li Plenderleith kien jemmen li Carter kien omosesswali. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza li Carter kien iħobb ikollu xi relazzjonijiet mill-qrib matul ħajtu kollha, u qatt ma żżewweġ jew kellu t-tfal.
Lejn l-aħħar ta' ħajtu
immodifikaWara li tlesta l-ikklirjar tal-qabar fl-1932, Carter irtira mix-xogħol tal-iskavi. Hu baqa' jgħix fid-dar tiegħu ħdejn Luxor fix-xitwa u kellu appartament f'Londra, iżda kif l-interess f'Tutankhamun majna, huwa għex eżistenza pjuttost iżolata ma' ftit ħbieb tal-qalb tiegħu.
Huwa kien għamilha ta' negozjant part-time kemm għall-kollezzjonisti kif ukoll għall-mużewijiet għal numru ta' snin. Huwa kompla jkollu dan ir-rwol, u ħadem għall-Mużew tal-Arti ta' Cleveland u għall-Istitut tal-Arti ta' Detroit.
Mewt
immodifikaCarter miet bil-marda ta' Hodgkin fl-appartament li kellu Londra f'49, Albert Court, ħdejn ir-Royal Albert Hall, nhar it-2 ta' Marzu 1939, meta kellu 64 sena. Huwa ndifen fiċ-Ċimiterju ta' Putney Vale f'Londra fis-6 ta' Marzu, u disa' persuni attendew għall-funeral tiegħu.
L-epitaffju fuq il-lapida tal-qabar tiegħu jistqarr: "J'Alla l-ispirtu tiegħek jgħix, j'Alla tqatta' miljuni ta' snin, inti li tħobb lil Tebe, bilqiegħda b'wiċċek lejn ir-riħ tat-Tramuntana, u b'għajnejk mimlijin ferħ", kwotazzjoni meħuda mill-Kalċi tax-Xewqat ta' Tutankhamun, u "Ja lejl, ifrex il-ġwienaħ tiegħek fuqi bħall-kwiekeb li ma jispiċċaw qatt".
Fil-5 ta' Lulju 1939 ġie approvat proċess uffiċjali li jipprova li testment huwa awtentiku fil-konfront tal-Eġittologu Henry Burton u lill-pubblikatur Bruce Sterling Ingram. Carter jiġi deskritt bħala Howard Carter ta' Luxor, l-Eġittu ta' Fuq, l-Afrika, u ta' 49, Albert Court, Kensington Grove, Kensington, Londra. Il-patrimonju tiegħu ġie stmat li kien jammonta għal £2,002. It-tieni proċess uffiċjali tat-testment ġie approvat u nħareġ fil-Kajr fl-1 ta' Settembru 1939. Fir-rwol tiegħu bħala eżekutur testamentarju, Burton identifika mill-inqas 18-il oġġett fil-kollezzjoni tal-antikitajiet ta' Carter li kien ħa mill-qabar ta' Tutankhamun mingħajr awtorizzazzjoni. Peress li din kienet kwistjoni sensittiva li setgħet taffettwa r-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Eġittu, Burton talab parir espert, u finalment irrakkomanda li l-oġġetti jiġu ppreżentati jew jinbiegħu b'mod diskret lill-Mużew Metropolitan tal-Arti. Il-biċċa l-kbira tal-oġġetti marru f'dan il-mużew jew fil-Mużew Eġizzjan fil-Kajr. L-oġġetti tal-Mużew Metropolitan iktar 'il quddiem ġew irritornati lill-Eġittu.
Għażla ta' pubblikazzjonijiet
immodifika- The Discovery of the Tomb of Tutankhamen (1923) (miktub flimkien ma' A. C. Mace)
- The Tomb of Tutankhamun: Volume I — Search, Discovery and Clearance of the Antechamber (1923) (miktub flimkien ma' A. C. Mace)
- The Tomb of Tutankhamun: Volume II — Burial Chamber & Mummy (1927)
- The Tomb of Tutankhamun: Volume III — Treasury & Annex (1933)
Kultura popolari
immodifikaL-iskoperta tal-qabar ta' Tutankhamun min-naħa ta' Carter qanqlet l-interess popolari fl-Eġittu Antik, l-hekk imsejħa "Eġittomanija" – u ħolqot it-"Tutmanija", li influwenzat il-kant u l-moda popolari. Carter sfrutta dan l-interess miżjud biex jippromwovi l-kotba tiegħu dwar l-iskoperta u t-tour tal-lekċers tiegħu fir-Renju Unit, fl-Amerka u fl-Ewropa. L-interess beda jbatti f'nofs is-snin 30 tas-seklu 20, iżda mill-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20 it-tours tal-wirjiet tal-artefatti tal-qaber wasslu għal żieda kbira fil-popolarità. Dan ġie rifless fid-drammi televiżivi, fil-films u fil-kotba, fejn ix-xogħol ta' Carter u l-iskoperta tal-qabar ġew deskritti b'livelli varji ta' preċiżjoni.
Element komuni fir-rappreżentazzjonijiet popolari tal-iskavi kien l-idea ta' "seħta". Carter b'mod konsistenti ċaħad dan l-għajdut u kkummenta li "s-sentiment tal-Eġittologu ... mhuwiex wieħed ta' biża', iżda ta' rispett u ta' stagħġib ... eżattament il-kontra ta' superstizzjonijiet boloh".
Filmografija
immodifikaCarter ġie deskritt jew imsemmi f'bosta films u produzzjonijiet televiżivi jew radjofoniċi:
- Fid-dramm radjofoniku tal-BBC The Tomb of Tutankhamen, miktub minn Leonard Cottrell u li xxandar għall-ewwel darba fl-1949; il-vuċi tiegħu fid-dramm hija ta' Jack Hawkins.
- Fil-film tal-Columbia Pictures Television, The Curse of King Tut's Tomb (1980), fejn il-parti tiegħu jaħdimha Robin Ellis.
- Fil-film tal-1981 Sphinx, fejn il-parti tiegħu jaħdimha Mark Kingston.
- Fil-films ta' Lucasfilm TV Young Indiana Jones and the Curse of the Jackal (1992) u Young Indiana Jones and the Treasure of the Peacock's Eye (1995), fejn il-parti tiegħu jaħdimha Pip Torrens.
- Fid-dokumentarju tal-IMAX Mysteries of Egypt (1998), fejn il-parti tiegħu jaħdimha Timothy Davies.
- Fil-film tat-televiżjoni The Tutankhamun Conspiracy (2001), fejn il-parti tiegħu jaħdimha Giles Watling.
- F'episodju tad-dramm dokumentarju tal-2005 tal-BBC Egypt, fejn il-parti tiegħu jaħdimha Stuart Graham.
- Jissemma fl-2008 fil-Big Finish Radio Drama Forty-five, titlu fis-sensiela ta' Doctor Who, u l-vuċi tiegħu hija ta' Benedict Cumberbatch.
- Bħala l-karattru prinċipali fil-minisensiela tal-2016 tal-ITV Tutankhamun, fejn il-parti tiegħu jaħdimha Max Irons.
Letteratura
immodifika- Jissemma fil-volum 13 ta' Hergé ta' The Adventures of Tintin: The Seven Crystal Balls (1948).
- Issir parodija tiegħu fil-ktieb tal-1979 Motel of the Mysteries ta' David Macaulay, b'personaġġ fil-ktieb imsejjaħ Howard Carson.
- Huwa personaġġ prinċipali fil-ktieb tal-1992 ta' Christian Jacq The Tutankhamun Affair.
- Il-ktieb tal-2010 ta' James Patterson u ta' Martin Dugard The Murder of King Tut jiffoka fuq it-tfittxija ta' Carter għall-qabar ta' Tutankhamun.
- Huwa l-personaġġ prinċipali fir-rumanz ta' Muhammad Al-Mansi Qindeel A Cloudy Day on the West Side.
- Fir-rumanz storiku tal-2011 ta' Laura Lee Guhrke Wedding of the Season, it-telegramma ta' Carter lill-Eġittologu Brittaniku fittizju, id-Duka ta' Sunderland, tirrapporta l-iskoperta ta' "taraġ ta' qabar ġdid" u toħloq kunflitt fir-rumanz.
- Jissemma fir-rumanz tal-2014 ta' Sally Beauman The Visitors, ħolqien mill-ġdid tal-kaċċa għall-qabar ta' Tutankhamun fil-Wied tar-Rejiet tal-Eġittu.
- Huwa l-personaġġ prinċipali fil-ktieb tal-lingwa Ġermaniża tal-2001 ta' Philipp Vandenberg Der König von Luxor (Ir-Re ta' Luxor).
Oħrajn
immodifika- Estratt b'parafrażi mid-djarju ta' Carter tas-26 ta' Novembru 1922 jintuża bħala t-test sempliċi għall-Parti 3 tal-iskultura kriptata Kryptos fil-Kwartieri Ġenerali tas-CIA f'Langley, Virginia, l-Istati Uniti.
- Fid-9 ta' Mejju 2012, Google kkommemorat għeluq is-snin ta' Carter b'doodle.
Sorsi u iktar qari
immodifika- Carnarvon, Fiona (2007). Carnarvon & Carter – The story of the two Englishmen who discovered the tomb of Tutankhamun. Highclere Enterprises.
- Carter, Howard; Mace, Arthur (1923). The tomb of Tut Ankh Amen, volume 1. London. OCLC 471731240.
- Cross, William (2006). Carnarvon, Carter and Tutankhamun Revisited: The Hidden Truths and Doomed Relationships. The author. ISBN 1-905914-36-9.
- Ford, Barbara (1995). Howard Carter, Searching for King Tut. New York: Freeman & Company. ISBN 0-7167-6587-X.
- Hawass, Zahi (2018). Tutankhamun. Treasures of the Golden Pharaoh. Melcher Media, New York. ISBN 978-1-59591-1001.
- Hoving, Thomas (1978). Tutankhamun: The Untold Story. New York: Simon & Schuster. ISBN 9780671243050.
- James, T. G. H. (2012). Howard Carter: The Path to Tutankhamun. London: Tauris Parke Paperbacks. ISBN 978-1-86064-615-7.
- Lucas, Alfred (1942). "Notes on some of the objects from the tomb of Tutankhamun". Annales du Service des Antiquités de l'Égypte (41).
- Newberry, P.E (1939). Howard Carter, obituary. Journal of Egyptian Archaeology, vol 25, no 1. June 1939. Egypt Exploration Society, London.
- Paine, Michael. Cities of the Dead; fiction (Howard Carter as narrator); copyright by John Curlovich; Charter Books Publishing, 1988 (ISBN 1-55773-009-1)
- Peck, William H. The Discoverer of the Tomb of Tutankhamun and the Detroit Institute of Arts. Journal of the Society for the Study of Egyptian Antiquities. Vol. XI, No. 2, March 1981, pp. 65–67
- Price, Bill (2007). Tutankhamun, Egypt's Most Famous Pharaoh. Pocket Essentials, Hertfordshire. ISBN 978-1842432402.
- Reeves, Nicholas; Taylor, John H. (1992). Howard Carter before Tutankhamun. London: British Museum. ISBN 0810931869.
- Vandenberg, Philipp. Der vergessene Pharao: Unternehmen Tut-ench-Amun, grösste Abenteuer der Archäologie. Orbis, 1978 (ISBN 3570031195); translated as The Forgotten Pharaoh: The Discovery of Tutankhamun. London: Hodder and Stoughton, 1980 (ISBN 0340246642)
- Wilkinson, Toby (2020). A World Beneath the Sands: Adventurers and Archaeologists in the Golden Age of Egyptology (Hardbook). London: Picador. ISBN 978-1-5098-5870-5.
- Winstone, H.V.F. (2006). Howard Carter and the discovery of the tomb of Tutankhamun (Rev edn). Barzan, Manchester. ISBN 1-905521-04-9. OCLC 828501310.
Referenzi
immodifika- ^ Newberry, P.E (1939). Howard Carter, obituary. Journal of Egyptian Archaeology, vol 25, no 1. Ġunju 1939. Egypt Exploration Society, Londra. p. 67.