Taj Mahal

mawżolew tal-irħam f’Agra, l-Indja

It-Taj Mahal ([taːdʒ ˈmɛːɦ(ə)l])[1]; litteralment “Kuruna tal-Palazz”[2]) huwa mawżolew tal-irħam abjad lewn l-avorju fix-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Yamuna fil-belt ta’ Agra, fir-reġjun ta’ Uttar Pradesh, l-Indja. Il-mawżolew ġie kkummissjonat fl-1632 mill-imperatur Mogul Shah Jahan (li rrenja mill-1628 sal-1658) biex iħaddan fih il-qabar tal-mara favurita tiegħu, Mumtaz Mahal; għalkemm il-mawżolew iħaddan fih ukoll il-qabar ta’ Shah Jahan innifsu. Il-qabar Iżlamiku huwa l-qalba tal-kumpless tat-Taj Mahal, li huwa mifrux fuq 17-il ettaru u li jinkludi moskea u binja għall-mistednin. It-Taj Mahal huwa mdawwar b’ġonna formali u huwa kkonfinat minn tliet naħat b’ħitan bl-amberżuni.

It-Taj Mahal

Il-kostruzzjoni tal-mawżolew tlestiet essenzjalment fl-1643, iżda x-xogħol baqa’ għaddej fuq fażijiet oħra tal-proġett għal għaxar snin oħra. Għaldaqstant, il-kumpless tat-Taj Mahal jingħad li tlesta għalkollox fl-1653 u huwa stmat li dak iż-żmien sewa madwar 32 miljun rupì, li fl-2020 x’aktarx li kien jiswa madwar 70 biljun rupì (jiġifieri madwar €800 miljun). Il-proġett ta’ kostruzzjoni impjega xi 20,000 artiġjan taħt it-tmexxija ta’ bord ta’ arkitetti mmexxi minn Ustad Ahmad Lahauri, l-arkitett tal-imperatur Shah Jahan.

It-Taj Mahal ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983[3] talli huwa “ġojjell tal-arti Musulmana fl-Indja u wieħed mill-iktar kapulavuri ammirati universalment tal-wirt dinji”. Ħafna jqisuh bħala l-aqwa eżempju ta’ arkitettura tal-Imperu Mogul u simbolu tal-istorja rikka tal-Indja. It-Taj Mahal jattira bejn seba’ u tmien miljun viżitatur fis-sena u fl-2007 ġie ddikjarat bħala wieħed mis-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja.[4][5]

Etimoloġija immodifika

 
Mumtaz Mahal
 
L-imperatur Mogul Shah Jahan

Abdul Hamid Lahauri, fil-ktieb tiegħu Padshahnama tal-1636, jirreferi għat-Taj Mahal bħala rauza-i munawwara (bl-Għarbi-Persjan: روضه منواره rawdah-i munawwarah), jiġifieri l-qabar illuminat jew illustri.[6]

L-isem li jintuża attwalment, Taj Mahal, ġej mill-Persjan تاج محل tāj maħall u litteralment ifisser “kuruna” (tāj) tal-“palazz” (maħall).[7][8] Maħall huwa wkoll il-kunjom ta’ Mumtaz Mahal, il-mara tal-imperatur Shah Jahan.

Ispirazzjoni immodifika

It-Taj Mahal ġie kkummissjonat mill-imperatur Shah Jahan fl-1631 biex jinbena bħala mafkar tal-mara tiegħu Mumtaz Mahal, li mietet fis-17 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena hi u twelled l-14-il wild tagħha, Gauhara Begum.[9][10] Il-kostruzzjoni bdiet fl-1632[11] u l-mawżolew tlesta fl-1648, filwaqt li l-binjiet u l-ġonna tal-madwar tlestew ħames snin wara.[12] Id-dokumentazzjoni imperjali ta’ dak iż-żmien tiddokumenta n-niket tal-imperatur Shah Jahan wara mewt martu Mumtaz Mahal u turi kif l-imħabba tal-imperatur għal martu kienet l-ispirazzjoni għat-Taj Mahal.[13]

Arkitettura u disinn immodifika

Filmat dwar it-Taj Mahal

It-Taj Mahal jinkorpora u jespandi t-tradizzjonijiet tad-disinn Indo-Iżlamiku u tal-arkitettura Mogul iktar bikrija. Ispirazzjoni speċifika ġiet minn binjiet ta’ suċċess tal-arkitettura tal-Imperi ta’ Timur u Mogul, fosthom il-Gur-e Amir (il-qabar ta’ Timur, proġenitur tad-dinastija tal-Mogul, f’Samarkanda, l-Użbekistan)[14], il-Qabar ta’ Humayun li kien ta’ ispirazzjoni għad-disinn tal-ġonna kwadrilaterali u għall-arkitettura tat-Taj Mahal, il-qabar ta’ Itmad-Ud-Daulah (li xi kultant jissejjaħ it-Taj iż-Żgħir), u l-moskea Jama Masjid ta’ Shah Jahan innifsu f’Delhi, l-Indja. Filwaqt li l-binjiet bikrin tal-Imperu Mogul kien jinbnew mill-blat ramli ħamrani, Shah Jahan ippromwova l-użu tal-irħam abjad intarsjat b’ħaġar semiprezzjuż. Il-binjiet taħt il-patroċinju tiegħu laħqu livelli ġodda ta’ rfinar.[15]

Qabar immodifika

 
Iż-żewġ sarkofagi foloz ta’ Shah Jahan u Mumtaz Mahal

Il-qabar huwa l-qofol tal-kumpless kollu tat-Taj Mahal. Huwa struttura kbira tal-irħam abjad fuq bażi kwadra li tikkonsisti minn binja simetrika b’iwan (daħla bi ħnejja), koppla kbira u pinnaklu tal-bronż. Bħall-biċċa l-kbira tal-oqbra Mogul, l-elementi bażiċi għandhom oriġini Indo-Iżlamika.[16]

L-istruttura tal-bażi hija kubu kbir b’diversi kompartimenti, bl-irkejjen iċċanfrinati, li jifforma struttura bi tmien naħat mhux indaqs li hija 55 metru fuq kull waħda mill-erba’ naħat it-twal. Kull naħa tal-iwan għandha qisu gwarniċ enormi bi ħnejja mirfuda jew pishtaq b’żewġ gallariji b’għamla simili fuq kull naħa. Dan il-motiv ta’ pishtaqs ħdejn xulxin huwa rreplikat fiż-żoni qrib l-irkejjen iċċanfrinati, u b’hekk id-disinn tal-istruttura huwa simetriku għalkollox fin-naħat kollha tal-binja. Fl-erba’ ġnub tal-bażi tal-qabar hemm erba’ minareti faċċata tal-irkejjen iċċanfrinati. Il-kompartiment ewlieni fih iż-żewġ sarkofagi foloz ta’ Mumtaz Mahal u Shah Jahan; it-twiebet reali jinsabu f’livell iktar ’l isfel.[17]

 
L-intarsjar tal-paraventu tal-irħam

L-iktar karatteristika spettakolari hija l-koppla tal-irħam fuq il-qabar. Il-koppla hija għolja kważi 35 metru, jiġifieri bħala kejl hija qrib it-tul tal-bażi, u hija aċċentwata minn qisha pjattaforma ċilindrika ta’ taħtha, li hija għolja seba’ metri. Minħabba l-għamla tagħha, il-koppla spiss tissejjaħ koppla b’għamla ta’ basla jew gwava (amrud).[18] Il-parti ta’ fuq hija ddekorata b’disinn tal-pjanta tal-lotus li jservi wkoll biex jaċċentwa l-għoli tagħha. L-għamla tal-koppla jingħata iktar enfasi permezz ta’ erba’ koppli iżgħar magħrufa bħala chattris fl-irkejjen tagħha, li jirreplikaw l-għamla ta’ basla tal-koppla ewlenija. Il-koppla hija kemxejn asimetrika.[19] Il-bażi ta’ kull waħda mill-koppli ż-żgħar fiha fetħa li tagħti għas-saqaf tal-qabar u li ddawwal ftit il-qabar minn ġewwa. Hemm diversi spieri dekorattivi twal (guldastas) li huma estiżi mit-truf tal-ħitan tal-bażi, u dawn jagħtu enfasi viżiva lill-għoli tal-koppla. Il-motiv tal-pjanta tal-lotus jiġi mtenni kemm fuq iċ-chattris kif ukoll fuq il-guldastas. Fil-qċaċet tal-koppla u taċ-chattris hemm pinnakli tal-bronż li jħalltu l-elementi dekorattivi tradizzjonali tal-Persja ma’ dawk tal-Ħindustan.[20]

 
Il-pinnaklu tal-koppla ewlenija tat-Taj Mahal

Il-pinnaklu ewlieni oriġinarjament kien tad-deheb iżda fil-bidu tas-seklu 19 ġie sostitwit minn kopja tal-bronż. Din il-karatteristika hija eżempju ċar tal-integrazzjoni tal-element dekorattivi tradizzjonali Persjani ma’ dawk Ħindu.[21] Mal-ponta tal-pinnaklu ewlieni hemm il-qamar felli jħares lejn is-smewwiet, li huwa motiv Iżlamiku tipiku.[22]

Il-minareti, li huma għoljin iktar minn 40 metru, joħorġu fid-dieher kemm id-disinjatur tat-Taj Mahal kellu f’moħħu s-simetrija. Kienu ddisinjati bħala minareti li setgħu jintużaw skont it-tradizzjoni biex minn fuqhom il-muezzin iselli biex isejjaħ lil dawk ta’ fidi Iżlamika għat-talb. Kull minaret huwa effettivament maqsum fi tliet partijiet indaqs bi tliet gallariji mad-dawra tiegħu stess. Fuq is-saqaf tal-gallarija ta’ fuq nett ta’ kull minaret hemm chattri li tirrifletti d-disinn taċ-chattris ta’ fuq il-qabar. Dawn iċ-chattris kollha għandhom l-istess elementi dekorattivi bid-disinn tal-pjanta tal-lotus u pinnakli tal-bronż fil-qċaċet tagħhom. Il-minareti nbnew ħarira ’l barra mill-bażi biex f’każ li xi wieħed iċedi, xi ħaġa li spiss kienet tiġri dak iż-żmien bil-binjiet għoljin, il-materjal mill-minareti ma jagħmilx ħsara lill-qabar.[23]

Dekorazzjonijiet esterni immodifika

 
Il-kalligrafija Għarbija ma’ faċċata tat-Taj Mahal

Id-dekorazzjonijiet esterni tat-Taj Mahal huma fost l-ifjen tal-arkitettura tal-Imperu Mogul. Id-dekorazzjonijiet huma mirquma proporzjonalment skont il-bidliet fis-superfiċe tal-mawżolew. Dawn inħolqu permezz taż-żebgħa, l-istukko, l-intarsjar tal-ħaġar prezzjuż jew tinqix. F’konformità mal-projbizzjoni Iżlamika kontra l-użu ta’ forom antropomorfiċi, l-elementi dekorattivi jistgħu jiġu raggruppati f’kalligrafija, forom astratti jew motivi veġetattivi. Fil-kumpless kollu hemm siltiet mil-Koran miktuba bil-kalligrafija Għarbija bħala dekorazzjoni. Dan l-aħħar l-istudjużi saru jsostnu li l-għażla tas-siltiet saret minn Amanat Khan.[24][25]

Il-kalligrafija tal-faċċata ewlenija tgħid “Ja ruħ li qed tistrieħ, erġa’ twaħħad fil-paċi ta’ Alla”.[26] Il-kalligrafija nħolqot fl-1609 minn Abdul Haq. L-imperatur Shah Jahan tah it-titlu ta’ Amanat Khan bħala premju għall-“virtwożità li ssaħħrek”. Ħdejn is-siltiet mill-Koran fil-bażi tal-koppla, fuq ġewwa, hemm l-iskrizzjoni, “Miktuba mill-essri insinifikanti, Amanat Khan Shirazi”. Il-biċċa l-kbira tal-kalligrafija Għarbija tikkonsisti minn kitba tulut elaborata magħmula minn djaspru jew irħam iswed intarsjat b’panewijiet tal-irħam abjad. Il-panewijiet iktar fil-għoli għandhom kitba ftit ikbar biex jitnaqqas l-effett ta’ distorsjoni meta wieħed jaqra l-kitba mill-art. Il-kalligrafija fuq l-irħam taż-żewġ sarkofagi foloz fiha ħafna dettall fin.[27]

 
Il-minareti tat-Taj Mahal

Il-forom astratti jintużaw kullimkien, speċjalment fil-bażi kwadra tal-qabar, fil-minareti, fil-bieb tad-daħla, fil-moskea, il-jawab (moskea falza għas-simetrija fl-arkitettura Iżlamika), u inqas fuq is-superfiċi tal-qabar. Il-koppli u r-riffieda tal-binjiet tal-blat ramli ħamrani huma maħduma bi traċċi ta’ żebgħa inċiża biex jinħolqu forom ġeometriċi elaborati. L-intarsjar b’arranġament żigżag ta’ tipi differenti ta’ materjali tal-ġebel jiddefinixxi l-ispazju bejn ħafna mill-elementi li jinsabu qrib xulxin. L-intarsjar abjad jintuża fuq il-binjiet tal-blat ramli ħamrani, u l-intarsjar skur jew iswed fuq il-binjiet tal-irħam abjad. Il-partijiet imkaħħla tal-binjiet tal-irħam ġew miżbugħa b’kulur ieħor għall-kuntrast biex jinħolqu sensiela kumplessa ta’ mudelli ġeometriċi. Mal-art u fil-mogħdijiet intużaw madumiet jew blokok f’kuntrast ma’ xulxin qishom mużajk.[24]

Fuq in-naħa t’isfel tal-ħitan tal-qabar hemm zokklaturi tal-irħam abjad skolpiti b’riljiev realistiku ta’ fjuri u vinji. L-irħam ġie llostrat biex jenfasizza d-dettall mill-isbaħ tat-tinqix. Il-gwarniċi taz-zokklaturi u ż-żewġ spazji triangolari bejn il-ħnejjiet u l-gwarniċi ġew iddekorati bl-intarsjar tal-pietra dura f’għamliet stilizzati ħafna, kważi ġeometriċi, ta’ vinji, fjuri u frott. Il-ħaġar tal-intarsjar huwa irħam isfar, djaspru u ġada, illostrati u llivellati fis-superfiċe tal-ħitan.[24]

 

Dekorazzjoni interna immodifika

 
Id-dawl tax-xemx dieħel fuq it-tinqix u l-intarsjar intern

Il-kompartiment intern tat-Taj Mahal imur ferm lil hinn mill-elementi dekorattivi tradizzjonali. Ix-xogħol tal-intarsjar mhuwiex fuq pietra dura, iżda lapidarju ta’ ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż.[28] Il-kompartiment intern huwa ottagonu b’disinn li jippermetti d-dħul minn kull faċċata, għalkemm id-daħla tan-Nofsinhar biss li tiġi faċċata tal-ġonna tintuża. Il-ħitan ta’ ġewwa huma għoljin 25 metru u fuqhom hemm koppla interna falza ddekorata b’motiv ta’ xemx. Tmien arkati pishtaq jiddefinixxu l-ispazju fil-livell tal-art, u l-istess bħall-parti esterna, kull pishtaq fil-baxx hija ddekorata bit-tieni pishtaq sa qisu nofs il-ħajt.[29] L-erba’ arkati ċentrali ta’ fuq jiffurmaw gallariji jew żoni fejn wieħed joqgħod jitpaxxa bil-veduta, u kull tieqa esterna tal-gallarija għandha jali (paraventu ornamentali) mirqum u maqtugħ mill-irħam. Apparti d-dawl li jidħol mill-paraventi tal-gallariji, id-dawl jidħol ukoll mill-fetħiet fis-saqaf mgħottija miċ-chattris fl-irkejjen. Il-paraventu ottagonali tal-irħam fil-burdura tas-sarkofagi foloz huwa magħmul minn tmien panewijiet tal-irħam permezz ta’ xogħol mirqum ħafna tat-tniffid. Is-superfiċi li jifdal huma intarsjati b’dettall fin magħmul bil-ħaġar semiprezzjuż li jifforma vinji mibruma ma’ xulxin, frott u fjuri. Kull ħajt tal-kompartiment ewlieni fih ħafna dekorazzjonijiet b’zokklaturi bir-riljiev, intarsjar elaborat fil-lapidarji u panewijiet raffinati bil-kalligrafija li jirriflettu, b’dettall żgħor, l-elementi tad-disinn preżenti fil-parti esterna tal-kumpless.[30]

 
Iż-żebgħa inċiża b’mudelli ġeometriċi

It-tradizzjoni Musulmana tipprojbixxi d-dekorazzjoni elaborata tat-twiebet. Għalhekk, il-katavri ta’ Mumtaz Mahal u ta’ Shah Jahan tpoġġew fi kripta relattivament sempliċi taħt il-kompartiment intern ewlieni b’wiċċhom iħares fuq il-lemin, lejn il-Mekka. Is-sarkofagu falz ta’ Mumtaz Mahal jinsab eżatt fiċ-ċentru tal-kompartiment intern ewlieni buq bażi rettangolari tal-irħam ta’ 1.5 metru b’2.5 metri. Kemm il-bażi kif ukoll is-sarkofagu falz huma intarsjati b’mod elaborat b’ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż. L-iskrizzjonijiet kalligrafiċi fuq is-sarkofagu falz jidentifikaw u jfaħħru lil Mumtaz Mahal. Fuq l-għatu tas-sarkofagu falz hemm biċċa rettangolari olzata li suppost tirrappreżenta tavla tal-kitba. Is-sarkofagu ta’ Shah Jahan qiegħed maġenb dak ta’ Mumtaz Mahal lejn in-naħa tal-Punent u huwa l-uniku element asimetriku viżibbli fil-kumpless kollu. Is-sarkofagu tiegħu huwa ikbar minn ta’ martu, iżda jirrifletti l-istess elementi: sarkofagu falz ikbar fuq bażi ħarira iktar olzata, li hija ddekorata ferm bil-lapidarju u bil-kalligrafija li tidentifikah. Fuq l-għatu tas-sarkofagu falz hemm skultura tradizzjonali ta’ kontenitur ta’ pinna żgħira.[29]

Il-kontenitur ta’ pinna u t-tavla tal-kitba huma ikoni funebri Mogul li jintużaw biex jiddekoraw is-sarkofagi foloz tal-irġiel u tan-nisa rispettivament. Id-Disa’ u Disgħin Isem ta’ Alla huma iskrizzjonijiet kalligrafiċi fuq in-naħat tat-tebut reali ta’ Mumtaz Mahal. Iskrizzjonijiet oħra fil-kripta jinkludu, “Ja nobbli, ja manjifika, ja unika, ja eterna, ja glorjuża.... It-tebut ta’ Shah Jahan għandu l-iskrizzjoni kalligrafika li tgħid “Hu vvjaġġa minn din id-dinja għall-bankett tal-Eternità fil-lejla tas-sitta u għoxrin tax-xahar ta’ Rajab, fis-sena 1076 Hijri”.[27]

Ġonna immodifika

 
It-tank tal-ilma bir-rifless tat-Taj Mahal

Il-kumpless huwa mdawwar bi ġnien kwadrilaterali kbir ta’ 300 metru magħruf bħala charbagh. Il-ġnien juża mogħdijiet olzati li jaqsmu l-ġnien f’erba’ ġonna b’16-il roqgħa għall-fjuri, ħaxix u siġriet żgħar. Nofs triq bejn il-qabar u d-daħla, fiċ-ċentru tal-ġnien hemm tank tal-ilma olzat, ippożizzjonat fuq assi tat-Tramuntana u n-Nofsinhar, fejn il-mawżolew jirrifletti fuq l-ilma. Dan it-tank tal-ilma olzat jissejjaħ al Hawd al-Kawthar b’referenza għat-“Tank tal-Abbundanza” mwiegħed lil Muħammed.[31]

Il-ġonna fihom mogħdijiet imsaġġrin, ittikkettati skont l-ismijiet komuni u xjentifiċi tas-siġar[32], u bil-funtani. Id-disinn tal-ġonna charbagh, ispirat mill-ġonna tal-Persja, iddaħħal l-Indja minn Babur, l-ewwel imperatur Mogul. Jissimboleġġa l-fluss tal-erba’ xmajjar tal-ġenna (Jannah) u jirrifletti l-ġnien tal-ġenna mill-paridaeza tal-Persja, jiġifieri “ġnien magħluq bil-ħitan”. Fit-testi Iżlamiċi mistiċi tal-perjodu tal-Mogul, il-ġenna tiġi deskritta bħala ġnien ideali ta’ abbundanza bil-fluss ta’ erba’ xmajjar ġej minn nixxiegħa ċentrali jew muntanja, li jisseparaw il-ġnien fit-Tramuntana, il-Punent, in-Nofsinhar u l-Lvant.[26]

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-ġonna tal-Mogul huma rettangolari b’qabar jew padiljun fiċ-ċentru. Il-ġnien kwadrilaterali tat-Taj Mahal huwa partikolari għaliex l-element ewlieni, jiġifieri l-qabar, jinsab fit-tarf tal-ġnien mhux fin-nofs. Bl-iskoperta tal-Mahtab Bagh jew il-“Ġnien tad-Dawl tal-Qamar” fuq ix-xatt l-ieħor tax-xmara Yamuna, l-interpretazzjoni tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja hu li x-xmara Yamuna stess kienet inkorporata fid-disinn tal-ġnien u l-ħsieb kien li tirrappreżenta waħda mix-xmajjar tal-ġenna. Ix-xebħ fid-disinn u fil-karatteristiċi arkitettoniċi mal-Ġonna Shalimar jissuġġerixxi li ż-żewġ ġonna setgħu ġew iddisinjati mill-istess arkitett, Ali Mardan.[33] Ġrajjiet bikrin tal-ġnien jiddeskrivu l-abbundanza tal-veġetazzjoni, pereżempju ward, ranġis u siġar tal-frott bħar-rummien.[34] Meta l-qawwa tal-Imperu Mogul bdiet tbatti, it-Taj Mahal u l-ġonna tiegħu batew ukoll u bdew jiġu ttraskurati. Sal-aħħar tas-seklu 19, l-Imperu Brittaniku kien jikkontrolla iktar minn 60 % tal-Indja[35], u ħa f’idejh il-ġestjoni tat-Taj Mahal. Il-Brittaniċi biddlu l-pajsaġġ tal-ġonna għall-gosti tagħhom li kienu jixbħu iktar l-irqajja’ formali bil-ħaxix f’Londra.[36]

 
Il-veduta tat-Taj Mahal mix-xatt oppost tax-xmara Yamuna

Binjiet periferiċi immodifika

 
Il-moskea tat-Taj Mahal

Il-kumpless tat-Taj Mahal huwa kkonfinat minn tliet naħat b’ħitan tal-blat ramli ħamrani bl-amberżuni; in-naħa ta’ faċċata tax-xmara Yamuna hija miftuħa. ’Il barra mill-ħitan hemm diversi mawżolej addizzjonali, fosthom dawk tan-nisa l-oħra ta’ Shah Jahan, u qabar ikbar għall-qaddej ippreferit ta’ Mumtaz Mahal. Dawn l-istrutturi, magħmula l-iktar mill-blat ramli ħamrani, huma tipiċi tal-oqbra Mogul żgħar ta’ dak iż-żmien. In-naħat tal-ħitan li jħarsu fuq ġewwa lejn il-ġnien għandhom quddiemhom arkati bil-kolonni, karatteristika tipika tat-tempji tal-Ħinduiżmu li iktar ’il quddiem ġiet inkorporata fil-moskej tal-Imperu Mogul. Il-ħitan huma ddekorati biċ-chattris, u ħdejhom hemm ukoll binjiet żgħar, bħall-Binja tal-Mużika (li issa tintuża bħala mużew), li jaf kienu jintużaw bħala postijiet fejn wieħed seta’ jgawdi l-veduta jew inkella bħala postijiet għall-għassa.[24]

Id-daħla (darwaza) prinċipali hija struttura monumentali primarjament tal-irħam, u tipika ħafna tal-arkitettura Mogul tal-ewwel imperaturi. L-arkati tagħha jirriflettu l-għamla tal-arkati tal-qabar tat-Taj Mahal, u l-arkati pishtaq tagħha jinkorporaw il-kalligrafija li tiddekora l-qabar. Fiha dekorazzjonijiet bir-riljiev u intarsjar tal-fjuri bil-pietra dura. Is-soqfa mirfuda u l-ħitan tad-daħla għandhom disinni ġeometriċi elaborati bħal dawk ta’ binjiet oħra tal-blat ramli ħamrani fil-kumpless.[20]

 
Id-daħla tal-kumpless tat-Taj Mahal

Fit-tarf tal-kumpless hemm żewġ binjiet grandjużi tal-blat ramli ħamrani li huma rifless ta’ xulxin maġenb il-qabar. Il-parti ta’ wara tal-binjiet hija parallela mal-ħitan tal-Punent u tal-Lvant tal-kumpless. Il-binja tal-Punent hija moskea u l-oħra tal-Lvant hija l-jawab jew moskea falza li x’aktarx inbniet għall-bilanċ arkitettoniku, allavolja mbagħad jaf intużat ukoll bħala binja għall-mistednin. Fost id-distinzjonijiet bejn iż-żewġ binjiet hemm in-nuqqas ta’ miħrab (niċċa fil-ħajt tal-moskea li tħares lejn il-Mekka) fil-jawab, l-art tal-jawab fiha disinni ġeometriċi mentri dik tal-moskea hija ddekorata bid-disinni ta’ 569 tapit tat-talb bl-irħam iswed. Id-disinn bażiku tal-moskea b’sala twila bi tliet koppli hija simili għal oħrajn mibnija minn Shah Jahan, partikolarment il-Masjid-i Jahān-Numā, jew il-moskea ta’ Jama Masjid, f’Delhi. Il-moskej tal-Imperu Mogul kienu jiddividu s-sala tas-santwarju fi tliet żoni: is-santwarju prinċipali u żewġ santwarji ftit iżgħar fuq kull naħa. Fit-Taj Mahal, kull santwarju jagħti għal koppla mirfuda. Il-binjiet periferiċi tlestew fl-1643.[12]

Sit ta’ Wirt Dinji immodifika

It-Taj Mahal ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983 abbażi tal-ewwel kriterju tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, ladarba t-Taj Mahal jirrappreżenta kisba arkitettonika u artistika mill-aqwa permezz ta’ armonija perfett u sengħa eċċellenti f’firxa sħiħa ta’ arkitettura funebri Indo-Iżlamika. Huwa kapulavur tal-arkitettura bi kwalitajiet estetiċi uniċi ta’ bilanċ, simetrija u fużjoni armonjuża ta’ elementi differenti.[3]

Referenzi immodifika

  1. ^ Wells, John C. (1990). Longman pronunciation dictionary. Harlow, England: Longman. p. 704. ISBN 0-582-05383-8.
  2. ^ Ahmed, Akbar S. (1998). Islam Today: A Short Introduction to the Muslim World. I.B. Tauris. p. 94. ISBN 978-0-85771-380-3.
  3. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Taj Mahal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-11.
  4. ^ "It's official: these are the seven wonders of the modern world". the Guardian (bl-Ingliż). 2007-07-08. Miġbur 2021-03-11.
  5. ^ "Wonders". New7Wonders of the World (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-11.
  6. ^ Tillotson, G. H. R (2008). Taj Mahal. Harvard University Press. p. 14. ISBN 978-0-674-03186-9.
  7. ^ "Taj Mahal definition and meaning | Collins English Dictionary". www.collinsdictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-11.
  8. ^ "Definition of Taj Mahal | Dictionary.com". www.dictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-11.
  9. ^ Asher, Catherine B. (1992). Architecture of Mughal India. Cambridge University Press. p. 210. ISBN 978-0-521-26728-1.
  10. ^ "Treasures of the World | Taj Mahal". www.pbs.org. Miġbur 2021-03-11.
  11. ^ Sarkar, Jadunath (1919). Calcutta M.C. Sarkar (ed.). Studies in Mughal India. pp. 30–31.
  12. ^ a b ""Creation History of Taj Mahal". Arkivjat 06-06-2017". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-06-06. Miġbur 2021-03-11.
  13. ^ Chaghtai, Muhammad Abdulla (1938). Le Tadj Mahal d'Agra (Inde), histoire et description comprenant en appendice le texte d'un ms. persan sur le Tadj provenant de la Bibliothèque nationale à Paris: thèse pour le doctorat d'Université présentée à la Faculté des lettres de l'Université de Paris, par Muhammad Abdulla Chaghtai (Thesis). Éditions de la Connaissance. p. 46.
  14. ^ Chaghtai, Muhammad Abdulla (1938). Le Tadj Mahal d'Agra (Inde), histoire et description comprenant en appendice le texte d'un ms. persan sur le Tadj provenant de la Bibliothèque nationale à Paris: thèse pour le doctorat d'Université présentée à la Faculté des lettres de l'Université de Paris, par Muhammad Abdulla Chaghtai (Thesis). Éditions de la Connaissance. p. 146.
  15. ^ Copplestone, Trewin (1963). World architecture: an illustrated history from earliest times. Crescent Books. p. 166. ISBN 978-0-517-35148-2.
  16. ^ "Taj Mahal | Definition, Story, Site, History, & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-11.
  17. ^ "Archaeological Survey of India". asi.nic.in. Miġbur 2021-03-11.
  18. ^ "Onion (bulbous) Domes by Stromberg Architectural Products". www.strombergarchitectural.com. Miġbur 2021-03-11.
  19. ^ "Ahuja, Dilip R.; Rajani, M.B. (2016). "On the symmetry of the central dome of the Taj Mahal" (PDF). Current Science. pp. 996–997" (PDF).
  20. ^ a b Bloom, Jonathan M.; Blair, Sheila S. (1 January 2009). The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture. p. 32. ISBN 9780195309911.
  21. ^ ""The Taj!' Exteriors". Official WebSite of Taj Mahal. U.P. Tourism. Arkivjat 31-05-2016". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-05-31. Miġbur 2021-03-11.
  22. ^ Tillotson, Giles Henry Rupert (1990). Mughal India. Chronicle Books. ISBN 978-0-87701-686-1.
  23. ^ Bertel, Kristian. ""Taj Mahal – A Monument of Love in India" - Kristian Bertel | Photography". www.kristianbertel.dk . Miġbur 2021-03-11.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  24. ^ a b ċ d Koch, Ebba (2006). The Complete Taj Mahal: And the Riverfront Gardens of Agra (First ed.). Thames & Hudson. p. 110. ISBN 978-0-500-34209-1.
  25. ^ "Taj Mahal Calligraphy - Calligraphy of Taj Mahal Agra - Taj Mahal Inscriptions and Calligraphy". www.tajmahal.org.uk. Miġbur 2021-03-11.
  26. ^ a b Koch, Ebba (2006). The Complete Taj Mahal: And the Riverfront Gardens of Agra (First ed.). Thames & Hudson. p. 100. ISBN 978-0-500-34209-1.
  27. ^ a b "visiting the Taj - calligraphy". www.pbs.org. Miġbur 2021-03-11.
  28. ^ "Tables with inlay work enhance appeal of your interiors - timesofindia-economictimes". web.archive.org. 2016-05-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-05-29. Miġbur 2021-03-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  29. ^ a b Khatri, Vikas (2012). Greatest Wonders of the World. V&S Publishers. p. 128. ISBN 978-93-81588-30-7.
  30. ^ Alī Jāvīd, Tabassum Javeed (2008). World Heritage Monuments and Related Edifices in India, Volume 1. Algora Publishing. p. 309. ISBN 978-0-87586-483-9.
  31. ^ Begley, Wayne E. (March 1979). "The Myth of the Taj Mahal and a New Theory of Its Symbolic Meaning". The Art Bulletin. p. 14. ISBN 978-0440917182.
  32. ^ "Taj Mahal in Agra - Uttar Pradesh state in India". indiatourism.ws. Miġbur 2021-03-11.
  33. ^ Allan, John (1958). The Cambridge Shorter History of India (First ed.). Cambridge: S. Chand, p. 318.
  34. ^ "The Taj Mahal". HowStuffWorks (bl-Ingliż). 2007-05-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-13. Miġbur 2021-03-11.
  35. ^ Royals, Sue (1996). Our Global Village – India. India: Lorenz Educational Press. p. 7. ISBN 978-1-4291-1107-2.
  36. ^ Koch, Ebba (2006). The Complete Taj Mahal: And the Riverfront Gardens of Agra (First ed.). Thames & Hudson. p. 139. ISBN 978-0-500-34209-1.