Bidwi

persuna li taħdem fl-agrikoltura

Bidwi[1] huwa xi ħadd li jaħdem fl-agrikoltura u jkabbar l-organiżmi ħajjin għall-ikel jew għall-materja prima. It-terminu s-soltu japplika għall-persuni li jkabbru l-għelejjel fl-għelieqi, iħawwlu s-siġar tal-frott, jieħdu ħsieb l-għelieqi bid-dwieli, u jkabbru t-tjur jew annimali ħajjin oħra. Bidwi jista’ jkun is-sid tar-raba’ jew jaħdem bħala ħaddiem fl-art ta’ oħrajn, iżda fl-ekonomiji avvanzati, bidwi s-soltu jkun is-sid ta’ razzett jew azjenda agrikola, filwaqt li l-impjegati jkunu magħrufa bħala ħaddiema agrikola. Madankollu, fl-imgħoddi mhux daqstant imbiegħed, bidwi kien dak li jippromwovi jew itejjeb it-tkabbir ta’ pjanti, għelejjel, annimali, eċċ. permezz tax-xogħol u l-attenzjoni.

Bidwi f'Kigoma

Iżjed minn nofs biljun bidwi huma bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar, magħrufa wkoll bħala bdiewa żgħar, u l-biċċa l-kbira jinsabu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn jappoġġaw ekonomikament li kważi żewġ biljun ruħ.[2][3] Globalment, in-nisa jikkostitwixxu iktar minn 40 % tal-impjegati agrikoli.[4]

 
Bdiewa jaħartu l-għalqa bl-għajnuna tal-bhejjem

Il-biedja tmur lura saħansitra saż-Żmien Neolitiku, u kienet waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ dak iż-żmien. Sa Żmien il-Bronż, għall-ħabta tal-5000-4000 Q.K., is-Sumeri kellhom forza tax-xogħol speċjalizzata fl-agrikoltura, u kienu jiddependu ferm fuq l-irrigazzjoni għat-tkabbir tal-għelejjel. Kienu jiddependu fuq timijiet magħmula minn tliet persuni meta fir-rebbiegħa kien jasal il-ħsad.[5] Il-bdiewa tal-Eġittu tal-qedem kienu jaħdmu r-raba’ u kienu jiddependu fuq l-ilma tax-xmara Nil għall-irrigazzjoni.[6]

It-trobbija tal-annimali speċifikament għall-ikel jew għall-materja prima ilha teżisti għal eluf ta’ snin. Il-klieb ġew iddomestikati fil-Lvant tal-Asja madwar 15,000 sena ilu. Il-mogħoż u n-nagħaġ ġew iddomestikati għall-ħabta tat-8000 Q.K. fl-Asja. L-annimali suwini jew il-ħnieżer ġew iddomestikati għall-ħabta tas-7000 Q.K. fil-Lvant Nofsani u fiċ-Ċina. L-iktar evidenza bikrija ta’ żwiemel li kienu jiġu ddomestikati tmur lura għall-ħabta tal-4000 Q.K.[7]

 
Tratturi u inġenji agrikoli oħra li jużaw il-bdiewa moderni

Avvanzi fit-teknoloġija

immodifika

Fis-snin 30 tas-seklu 20 fl-Istati Uniti, bidwi seta’ jipproduċi biss biżżejjed ikel biex jitma’ lil tliet konsumaturi oħra. Bidwi modern jipproduċi biżżejjed ikel biex jitma’ ferm iktar minn mitt ruħ. Madankollu, xi awturi jqisu li din l-istima hija żbaljata, għax ma tikkunsidrax li l-biedja teħtieġ l-enerġija u ħafna sorsi oħra li jridu jiġu pprovduti minn ħaddiema addizzjonali, u b’hekk il-proporzjon huwa effettivament iżgħar minn bidwi wieħed li jitma’ 100 ruħ.[8]

 
Bidwi tat-trobbija tal-baqar tal-ħalib

Spiss jintużaw termini iktar distinti biex jiddeskrivu l-bdiewa li jrabbu annimali ddomestikati speċifiċi. Pereżempju, dawk li jrabbu l-bhejjem tar-ragħa, bħall-baqar, in-nagħaġ, il-mogħoż, u ż-żwiemel, huma magħrufa bħala ranchers fl-Istati Uniti u bħala graziers jew sempliċement stockmen fl-Awstralja u fir-Renju Unit. Il-bdiewa li jrabbu n-nagħaġ, il-mogħoż u l-baqar jiġu msejħa wkoll rgħajja. Dawk li jaħdmu l-iktar fil-produzzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, minn baqar, mogħoż, nagħaġ jew annimali oħra li jipproduċu l-ħalib, ġieli jissejħu bdiewa tat-trobbija tal-annimali tal-ħalib. Dawk li jieħdu ħsieb l-iktar it-trobbija tat-tjur bħat-tiġieġ, id-dundjani, il-papri jew il-wiżż, għal-laħam, għall-bajd jew għall-produzzjoni tar-rix, ġieli jissejħu bdiewa tat-tjur. Persuna li tkabbar varjetà ta’ ħxejjex għas-suq jew għall-pitkalija tista’ tissejjaħ tal-ħaxix jew tal-pitkalija.

Fil-pajjiżi żviluppati, bidwi (bħala professjoni) is-soltu jiġi definit bħala xi ħadd b’interess ta’ sjieda fl-għelejjel jew fil-bhejjem tat-trobbija, u li jipprovdi l-art jew l-immaniġġjar fil-produzzjoni tagħhom. Dawk li jipprovdu x-xogħol biss spiss jissejħu ħaddiema agrikoli. Fil-kuntest tal-agrikoltura kummerċjali, bidwi jiġi definit b’mod wiesa’, u b’hekk ħafna individwi li mhux neċessarjament jaħdmu full-time bħala bdiewa, xorta waħda jistgħu legalment jikkwalifikaw fil-qafas tal-politika agrikola għal diversi sussidji, inċentivi u tnaqqis tat-taxxi.

 
Taħriġ agrikolu dwar l-użu tas-serer offrut liż-żgħażagħ Afgani

Fil-kuntest tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew kulturi preindustrijali oħra, il-biċċa l-kbira tal-bdiewa jipprattikaw agrikoltura tas-sussistenza biss—jiġifieri sistema ta’ biedja organika bin-newba tal-għelejjel, bl-iffrankar taż-żrieragħ, bil-qtugħ u l-ħruq, jew tekniki oħra ta’ massimizzazzjoni tal-effiċjenza filwaqt li fl-istess ħin jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-unità domestika jew tal-komunità. Bidwi li jaqla’ l-għajxien tiegħu b’dan il-mod xi kultant jissejjaħ ukoll raħħal, kultant b’assoċjazzjoni dispreġjattiva ta’ “mentalità ta’ raħħal”.[9]

Madankollu, fil-pajjiżi żviluppati, persuna li tuża dawn it-tekniki fuq irqajja’ żgħar ta’ raba’ jista’ jissejjaħ ġardinar u jitqies bħala wieħed li qed iwettaq passatemp. Min-naħa l-oħra, persuna jaf tibda twettaq dawn il-prattiki minħabba l-faqar, jew ironikament—fl-isfond tal-agrikoltura kummerċjali fuq skala kbira—jaf issir bidwi organiku li jkabbar prodotti għal konsumaturi fis-suq li joqogħdu iktar attenti x’ikel jixtru u jieklu.

Organizzazzjonijiet tal-bdiewa

immodifika

Il-bdiewa spiss ikunu membri ta’ unjins jew organizzazzjonijiet tal-bdiewa jew tal-produtturi agrikoli lokali, reġjonali jew nazzjonali u jista’ jkollhom influwenza politika sinifikanti. Il-Moviment ta’ Grange fl-Istati Uniti kien effettiv biex javvanza l-aġendi tal-bdiewa, speċjalment kontra l-interessi tal-linji ferrovjarji u tal-agrikoltura kummerċjali fil-bidu tas-seklu 20. L-FNSEA hija attiva ħafna politikament fi Franza, speċjalment fir-rigward tal-ikel ġenetikament modifikat. Il-produtturi agrikoli, kemm żgħar kif ukoll kbar, jiġu rrappreżentati globalment mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Produtturi Agrikoli (IFAP), li tirrappreżenta iktar minn 600 miljun bidwi permezz ta’ 120 unjin nazzjonali tal-bdiewa f’79 pajjiż.[10]

Organizzazzjonijiet tal-bdiewa żgħażagħ

immodifika

Hemm ħafna organizzazzjonijiet li huma mmirati biex jgħallmu liż-żgħażagħ kif isiru bdiewa u biex ixerrdu l-għarfien dwar il-benefiċċji tal-agrikoltura sostenibbli.

  • 4-H twaqqaf fl-1902 u huwa network ibbażat fl-Istati Uniti li għandu madwar 6.5 miljun membru, ta’ bejn ħames snin u 21 sena, u huwa amministrat mill-Istitut Nazzjonali tal-Ikel u l-Agrikoltura tad-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti (USDA).
  • L-Organizzazzjoni Nazzjonali tal-FFA (magħrufa qabel bħala “Future Farmers of America” jiġifieri “l-Bdiewa Futuri tal-Amerka”) twaqqfet fl-1925 u tiffoka b’mod speċifiku fuq li tipprovdi l-edukazzjoni dwar l-agrikoltura għall-istudenti sekondarji u postsekondarji.
  • Rural Youth Europe (Ewropa Rurali taż-Żgħażagħ) hija organizzazzjoni mhux governattiva għaż-żgħażagħ Ewropej li tistinka biex trawwem kuxjenza dwar kwistjonijiet ambjentali u agrikoli rurali. Twaqqfet fl-1957 u l-kwartieri ġenerali tagħha huma f’Helsinki, il-Finlandja. L-organizzazzjoni hija attiva fi 17-il pajjiż b’iktar minn 500,000 parteċipant.

Introjtu

immodifika

Il-prodotti agrikoli jistgħu jinbiegħu lil suq jew lill-pitkalija, jew direttament mir-razzett jew mill-azjenda agrikola. F’ekonomija tas-sussistenza, il-prodotti agrikoli xi kultant jiġu kkonsmati mill-familja tal-bidwi jew jiġu kondiviżi mal-komunità.

Perikli okkupazzjonali

immodifika

Hemm bosta perikli okkupazzjonali għall-bdiewa li jaħdmu fl-agrikoltura; it-trobbija tal-annimali hija industrija partikolarment perikoluża.[11] Il-bdiewa jistgħu jiltaqgħu ma’ insetti jew artropodi perikolużi jew jingidmu minnhom, fosthom skorpjuni, brimb, naħal, żunżan, eċċ.[12] Il-bdiewa jaħdmu wkoll b’makkinarji u inġenji tqal li jistgħu jkorruhom jew joqtluhom. Il-bdiewa jistgħu wkoll jiżviluppaw uġigħ fil-muskoli u fil-ġogi minħabba x-xogħol ripetittiv.[13]

Etimoloġija

immodifika

Il-kelma “bidwi” oriġinarjament kienet tfisser persuna li jiġbor it-taxxi mill-gabillotti li kienu jaħdmu r-raba’ u l-għelieqi ta’ sid.[14][15] It-tifsira tal-kelma nbidlet u saret tirreferi għall-persuna li taħdem ir-raba’ jew l-għalqa.[16]

References

immodifika
  1. ^ Dyer, Christopher (2007). "A suffolk farmer in the fifteenth century". Agricultural History Review. 55 (1), p. 1.
  2. ^ "Food prices: smallholder farmers can be part of the solution". web.archive.org. 2013-05-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-05-28. Miġbur 2021-07-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ fao.org. ""Investing in smallholder agriculture"" (PDF).
  4. ^ "SOFA 2017 - The State of Food and Agriculture". www.fao.org. Miġbur 2021-07-14.
  5. ^ By the sweat of thy brow: Work in the Western world, Melvin Kranzberg, Joseph Gies, Putnam, 1975.
  6. ^ Nicholson (2000), p. 514.
  7. ^ "Breeds of Livestock - Oklahoma State University". web.archive.org. 2011-12-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-12-24. Miġbur 2021-07-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Kirschenmann, Frederick (2000). ""How many farmers will we need?"" (PDF). web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2012-05-02. Miġbur 2021-07-14.
  9. ^ Bailey, Garrick; Peoples, James. Essentials of Cultural Anthropology (3 ed.). Cengage Learning (2013). pp. 121-122. ISBN 9781133603566.
  10. ^ "About the International Federation of Agricultural Producers (IFAP)". web.archive.org. 2008-08-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-08-07. Miġbur 2021-07-14.
  11. ^ "NIOSH Topic: Agricultural Safety |CDC/NIOSH". web.archive.org. 2007-10-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-28. Miġbur 2021-07-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ "CDC - Insects and Scorpions - NIOSH Workplace Safety and Health Topic". web.archive.org. 2015-09-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-03. Miġbur 2021-07-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ Kumaraveloo, K Sakthiaseelan; Lunner Kolstrup, Christina (2018-07-03). "Agriculture and musculoskeletal disorders in low- and middle-income countries". Journal of Agromedicine. 23 (3): 227–248. ISSN 1059-924X.
  14. ^ "FARMER English Definition and Meaning | Lexico.com". Lexico Dictionaries | English (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-07-08. Miġbur 2021-07-14.
  15. ^ "The Lost Meanings of 'Farm' and 'Farmer'". www.merriam-webster.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-14.
  16. ^ "farmer | Origin and meaning of farmer by Online Etymology Dictionary". www.etymonline.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-14.