Estadio Centenario

Estadio Centenario huwa stadju f'Montevideo, l-Urugwaj, li jintuża prinċipalment għall-futbol. L-istadju ġie mibni bejn l-1929 u l-1930 sabiex jospita l-edizzjoni inawgurali tat-Tazza tad-Dinja u wkoll sabiex jikkommemora l-ewwel kostituzzjoni tal-Urugwaj. Fl-1983, il-FIFA iddikjaratu bħala l-ewwel Monument Storiku tal-Futbol Dinji, u sal-lum il-ġurnata huwa l-unika bini li qatt ingħata dan ir-rikonoxximent.[1]

Estadio Centenario fl-2021

Estadio Centenario huwa l-istadju nazzjonali tal-Urugwaj u fejn it-tim nazzjonali jilgħab il-logħbiet tiegħu.

Storja immodifika

 
L-Estadio Centenario kif kien għadu lest mill-bini waqt it-Tazza tad-Dinja tal-1930.

Il-bini tas-Centenario huwa fost wieħed mill-iktar fażijiet importanti fl-istorja tal-iżvilupp tal-futbol fl-Amerika t'Isfel u fid-dinja. Mibni fiż-żmien ta' disa' xhur minn ħaddiema immigranti għat-Tazza tad-Dinja tal-1930, l-isem tiegħu oriġina bħala ċelebrazzjoni mill-mitt sena tar-ratifika tal-ewwel kostituzzjoni tal-pajjiż.

Għall-bidu, il-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja kellhom jitlagħbu fis-Centenario. Madanakollu, xita qawwija f'Montevideo tawlet il-bini tal-istadju. Għalhekk numru ta' logħbiet intlagħbu fl-Estadio Pocitos ta' Peñarol u l-Estadio Gran Parque Central ta' Club Nacional. L-inawgurazzjoni tiegħu saret fit-18 ta' Lulju 1930 b'logħba bejn l-Urugwaj u l-Perù, li l-ospiti rebħu b'gowl ta' Héctor Castro. Il-finali tat-Tazza tad-Dinja bejn l-Urugwaj u l-Arġentina saret f'dan l-istadju, bl-Urugwajani joħorġu rebbieħa 4–2.

Minn dakinhar, is-Centenario intuża għal numru ta' edizzjonijiet tal-Copa América, il-Kampjonat Sud-Amerikan tal-Futbol ta' taħt l-20 sena, il-Kampjonat Sud-Amerikan tal-Futbol ta' taħt is-17-il sena u l-Mundialito tal-1980.

Struttura immodifika

 
It-Tribuna Olimpica

Il-Centenario għandu forma ellittika u huwa maqsum f'erba' sezzjonijiet, kull waħda minnhom iddedikata għal tragward partikulari tat-tim nazzjonali Urugwajan (minbarra t-Tazza tad-Dinja mirbuħa f'dik is-sena):

  • It-Tribuna Olimpica hija msemmija għall-fatt li fl-1930 l-Urugwaj kienu ċampjins Olimpiċi renjanti tal-futbol
  • It-Tribuna Colombes, fuq in-naħa leminija tal-Olimpica, hija msemmija wara l-komun ta' Colombes fi Franza, fejn fid-9 ta' Ġunju 1924 l-Urugwaj għelbu lill-Iżvizzera 3–0 biex rebħu l-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta' Pariġi
  • It-Tribuna Amsterdam, fuq in-naħa xellugija tal-Olimpica, hija msemmija għall-belt fejn fit-13 ta' Ġunju 1928 l-Urugwaj għelbu lill-Arġentina biex rebħu t-tieni midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta' Amsterdam
  • It-Tribuna América, faċċata tal-Olimpica, hija msemmija għall-fatt li fl-1930 l-Urugwaj kienet l-iskwadra l-iktar titolata fil-kontinent tal-Amerika t'Isfel

Logħbiet rilevanti immodifika

L-Estadio Centenario ospita fih għaxar logħbiet tat-Tazza tad-Dinja tal-1930, fosthom is-semifinali u l-finali.

Data Ħin Tim Nru. 1 Riżultat Tim Nru. 2 Fażi Attendenza
18 ta' Lulju 1930 14:30   Urugwaj 1–0   Perù Grupp 3 57,735
19 ta' Lulju 1930 12:50   Ċili 1–0   Franza Grupp 1 2,000
19 ta' Lulju 1930 15:00   Arġentina 6–3   Messiku Grupp 1 42,100
20 ta' Lulju 1930 13:00   Brażil 4–0   Bolivja Grupp 2 25,466
20 ta' Lulju 1930 15:00   Paragwaj 1–0   Belġju Grupp 4 12,000
21 ta' Lulju 1930 14:50   Urugwaj 4–0   Rumanija Grupp 3 70,022
22 ta' Lulju 1930 14:45   Arġentina 4–1   Ċili Grupp 1 41,459
26 ta' Lulju 1930 14:45   Arġentina 6–1   Stati Uniti Semifinali 72,886
27 ta' Lulju 1930 14:45   Urugwaj 6–1   Jugożlavja Semifinali 79,867
30 ta' Lulju 1930 14:15   Urugwaj 4–2   Arġentina Finali 68,346

Referenzi immodifika

  1. ^ "The mythical Centenario stadium, a "Historical Monument of Football", welcomes the finals of the U-20 Sudamericano Tournament" (bl-Ingliż). CONMEBOL. 2015-01-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-08-19.

Ħoloq esterni immodifika

Koordinati: 34°53′39.8″S 56°9′10.1″W / 34.894389°S 56.152806°W / -34.894389; -56.152806