Héctor Castro
Héctor Castro (twieled fid-29 ta' Novembru 1904 – miet fil-15 ta' Settembru 1960) kien plejer u kowċ tal-futbol Urugwajan.
Informazzjoni personali | |||
---|---|---|---|
Twelid | 29 ta' Novembru 1904 Montevideo, Urugwaj | ||
Mewt | 15 ta' Settembru 1960 (55 sena) Montevideo | ||
Rwol | Attakkant | ||
Karriera professjonali | |||
Snin | Klabb | ||
1921–1924 | Athletic Club Lito | ||
1923–1932 | Nacional | ||
1932–1933 | Estudiantes | ||
1933–1936 | Nacional | ||
Tim nazzjonali | |||
1923–1935 | Urugwaj | ||
Timijiet ikkowċjati | |||
1939–1943 | Nacional | ||
1952 | Nacional | ||
1959 | Urugwaj |
Karriera
immodifikaCastro twieled fil-kapitali Montevideo. Ta' 13-il sena, tilef idu l-leminja f'inċident fuq il-post tax-xogħol meta kien qiegħed juża serrieq elettriku. Għal din ir-raġuni, il-partitarji tawh il-laqam el Manco (l-immankat),[1] li aktar tard inbidel għal el divino Manco għal-logħob sabiħ u l-gowls li skorja.
Minkejja dan id-difett fiżiku, Castro ddebutta ta' 17-il sena fil-kampjonat Urugwajan bil-flokk ta' Lito ta' Montevideo. Castro mill-ewwel beda jimpressjona, u f'temp ta' tliet snin spiċċa jinxtara mill-wieħed mill-aktar klabbs prestiġjużi tal-kapitali, Nacional. Mat-Tricolores mal-ewwel rebaħ it-titlu nazzjonali.
Il-forma fil-kampjonat lokali wassluh għal sejħa mat-tim nazzjonali u magħhom kiseb l-ewwel unur internazzjonali fl-1926. L-Urugwaj ħadet sehem fil-Kampjonat Sud-Amerikan tal-1926 (dik li hi llum il-Copa América) fiċ-Ċili. Castro skorja fid-debutt kontra ċ-Ċileni (partita mirbuħa mill-Urugwaj 3–1), imbagħad skorja gowl ieħor kontra l-Arġentina f'rebħa ta' 2–0. Wara l-logħba kontra l-Bolivja (mirbuħa 6–0) li fiha ma skorjax, Castro sab ix-xibka erba' darbiet fl-aħħar logħba kontra l-Paragwaj (mirbuħa 6–1). Fi tmiem il-kompetizzjoni spiċċa bħala t-tieni l-aqwa skorer b'sitt gowls, wara ċ-Ċilen Arellano b'sebgħa.
Sentejn wara rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi tal-1928, fejn l-Urugwaj poġġiet ruħha bħala l-aqwa fid-dinja u Castro kkonferma lilu nnifsu bħala wieħed mill-protagonisti tas-Celeste. Il-qofol ta' dan kollu kien fit-Tazza tad-Dinja 1930. L-Urugwaj iddebuttaw kontra il-Perù u Castro skorja l-gowl li bih l-Urugwajani rebħu l-logħba. Huma baqgħu sejrin sal-finali, u fil-finali kontra l-Arġentina, Castro skorja r-raba' u l-aħħar gowl li temm kull tama għall-avversarji li jittentaw rimonta.
Fl-1932, ingħaqad mal-Arġentini tal-Estudiantes, imma sena biss wara reġa' mar ma' Nacional. Magħhom reġa' rebaħ żewġ titli nazzjonali fl-1933 u l-1934.
Minkejja li kellu aktar minn 30 sena, hu ħa sehem għall-aħħar darba mat-tim nazzjonali f'kompetizzjoni internazzjonali fil-Kampjonat Sud-Amerikan tal-1935. Fit-turnew li ntlagħab fil-Perù, el Manco skorja l-gowl tar-rebħa fl-ewwel konfront, kontra l-pajjiż ospitanti. Bir-rebħa ta' 2–1 kontra ċ-Ċili, kemm l-Arġentina u l-Urugwaj spiċċaw bl-istess punti. Il-logħba deċiżiva ntlagħbet fit-28 ta' Jannar f'Lima u hawnhekk Castro fetaħ l-iskor fit-18-il minuta. L-Urugwaj rebħu 3–0 u Castro żied dan it-trofew mal-unuri personali tiegħu.
Fl-1936, wara 231 logħba uffiċjali u 145 gowl ma' Nacional, irtira mil-logħba tal-futbol. Fl-1939, mal-istess klabb laħaq assistent tal-kowċ Skoċċiż William Reaside. Wara r-rebħ tat-titlu, Castro ħa f'idejh ir-riedni tat-tim u taħtu t-tim irnexxielu jirbaħ erba' titli konsekuttivi. L-aħħar titlu magħhom kien fl-1952.
Fl-1959, ġie fdat bit-tmun tat-tim nazzjonali, però l-kundizzjonijiet tas-saħħa tiegħu sfurzawh jerħi postu wara ftit xhur. Is-sena ta' wara, nhar il-15 ta' Settembru 1960, Castro miet b'attakk tal-qalb f'Montevideo fl-età ta' 55 sena.
Unuri
immodifikaKlabb
immodifika- Nacional
- Primera División: 1924, 1933, 1934
Tim nazzjonali
immodifika- Tazza tad-Dinja: 1930
- Midalja tad-deheb Olimpika: 1928
- Copa América: 1926, 1935
- Copa Lipton: 1924, 1927, 1929
- Copa Newton: 1929, 1930
Kowċ
immodifika- Nacional
- Primera División: 1940, 1941, 1942, 1943, 1952
- Copa Aldao: 1940, 1942
Referenzi
immodifika- ^ Peck, Sunil (2006-06-07). "Ouch Q&A: Héctor Castro 1930s disabled football star" (bl-Ingliż). BBC.
Ħoloq esterni
immodifika- Héctor Castro – rekord kompetittiv tal-FIFA (arkivjat)