San Pietruburgu
San Pietruburgu (bir-Russu: Санкт-Петербург; trażlitterat: Sankt-Peterburg, IPA: [ˈSankt pʲɪtʲɪrˈburk]; bl-Ingliż: Saint Petersburg), li qabel kienet magħrufa bħala Petrograd (1914-1924) u wara Leningrad (1924-1991), hija t-tieni l-ikbar belt fir-Russja. Il-belt tinsab fuq ix-xmara Neva, fil-kap tal-Golf tal-Finlandja fil-Baħar Baltiku, b'popolazzjoni ta' madwar 5.4 miljun resident.[1] Hija r-raba l-iktar belt popolata fl-Ewropa, l-iktar belt popolata fil-Baħar Baltiku, kif ukoll l-iktar belt fit-Tramuntana tad-dinja b'iktar minn miljun resident. Bħala port Russu importanti fil-Baħar Baltiku, il-belt hija amministrata bħala belt federali.
Il-belt ġiet stabbilita mill-Kżar Pietru l-Kbir fis-27 ta' Mejju 1703 fuq is-sit ta' fortizza Żvediża maħkuma, u ġiet imsemmija wara l-appostlu San Pietru. San Pietruburgu hija storikament u kulturalment assoċjata mat-twelid tal-Imperu Russu u mad-dħul tar-Russja fl-istorja moderna bħala potenza kbira Ewropea.[2] Kienet il-kapitali tal-Imperu Russu mmexxi mill-Kżar u tal-Imperu Russu sussegwenti mill-1713 sal-1918 (ġiet sostitwita b'Moska għal perjodu qasir bejn l-1728 u l-1730).[3] Wara r-Rivoluzzjoni ta' Ottubru fl-1917, il-Bolxeviki stabbilew il-gvern tagħhom f'Moska.[4]
San Pietruburgu hija magħrufa bħala l-“Kapitali Kulturali tar-Russja”[5], u laqgħet 'il fuq minn 15-il miljun turist fl-2018.[6][7] Hija meqjusa bħala ċentru ekonomiku, xjentifiku, kulturali u turistiku importanti tar-Russja u tal-Ewropa. Fiż-żminijiet moderni, il-belt ingħatat il-laqam tal-“Kapitali tat-Tramuntana” u hija s-sede ta' għadd ta' korpi tal-gvern federali bħall-Qorti Kostituzzjonali tar-Russja u l-Kunsill Araldiku tal-President tal-Federazzjoni Russa. Hija wkoll sede tal-Librerija Nazzjonali tar-Russja u post ippjanat għall-Qorti Suprema tar-Russja. Barra minn hekk, fiha hemm ukoll il-kwartieri ġenerali kif ukoll id-dar għall-kwartieri ġenerali tal-Flotta Navali Russa, u d-Distrett Militari tal-Punent tal-Forzi Armati Russi.
Iċ-Ċentru Storiku ta' San Pietruburgu u l-Gruppi Relatati ta' Monumenti jikkostitwixxu Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. F'San Pietruburgu hemm ukoll il-Hermitage, wieħed mill-ikbar mużewijiet tal-arti fid-dinja, kif ukoll iċ-Ċentru Lakhta, l-ogħla binja fl-Ewropa. Barra minn hekk, San Pietruburgu kienet waħda mill-bliet ospitanti tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-2018.
Il-belt b'aktar minn miljun abitant l-eqreb lejn il-Pol tat-Tramuntana hija San Pietruburgu b'5,200,000 abitant u tinsab fid-59 parallel tramuntana..
Etimoloġija
immodifikaBħala wieħed li kien favur it-tqarrib tar-Russja lejn il-Punent, Pietru l-Kbir, li kien il-Kżar li stabbilixxa l-belt, oriġinarjament ta l-isem ta' Sankt-Pieter-Burch (Сан(к)т-Питер-Бурхъ) abbażi tal-istil Olandiż u iktar 'il quddiem l-ortografija tagħha ġiet standardizzata bħala Sankt-Peterburg (Санкт-Петербургъ) taħt l-influwenza Ġermaniża.[8] Fl-1 ta' Settembru 1914, wara li faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-gvern Imperjali biddel isem il-belt għal Petrograd (bir-Russu: Петроград, IPA: [pʲɪtrɐˈgrat]), li tfisser “il-belt ta' Pietru”, sabiex jeħles mill-kliem Ġermaniż Sankt u Burg.[9] Fis-26 ta' Jannar 1924, ftit wara l-mewt ta' Vladimir Lenin, il-belt ingħatat isem ġdid, Leningrad (bir-Russu: Ленинград, IPA: [lʲɪnʲɪnˈgrat]), li tfisser “il-Belt ta' Lenin”. Fis-6 ta' Settembru 1991, l-isem oriġinali, Sankt-Peterburg, reġa' sar isem il-belt b'referendum mal-belt kollha u llum il-belt hija magħrufa bħala San Pietruburgu. Ir-residenti lokali spiss jirreferu għall-belt bil-laqam imqassar tagħha, Piter (bir-Russu: Питер, IPA: [ˈpʲitʲɪr]).
San Pietruburgu kienet tradizzjonalment imsejħa t-“Tieqa lejn il-Punent” mir-Russi. L-iktar metropoli fit-Tramuntana fid-dinja, San Pietruburgu spiss tissejjaħ il-“Venezja tat-Tramuntana” jew il-“Venezja Russa” minħabba l-ħafna kanali tagħha, peress li l-belt inbniet fuq baqqiegħa u l-ilma. Barra minn hekk, għandha arkitettura u kultura ispirati ferm mill-Punent tal-Ewropa, li huma kkombinati mal-wirt Russu tal-belt.[10][11] Laqam ieħor ta' San Pietruburgu huwa “l-Belt tal-Iljieli l-Bojod” minħabba fenomenu naturali li jseħħ minħabba l-qrubija mar-reġjun polari u li jiżgura li għal xahar sħiħ fis-sajf l-iljieli tal-belt qatt ma jkunu mudlama għalkollox.[12][13]
Storja
immodifikaEra Imperjali (1703-1917)
immodifikaIl-kolonjalisti Żvediżi bnew Nyenskans, fortizza fejn tibda x-xmara Neva fl-1611, li iktar tard bdiet tissejjaħ Ingermanland, li kienet abitata mit- tribù Finnika tal-Ingrijani. Ir-raħal żgħir ta' Nyen kiber madwarha.
Fl-aħħar tas-seklu 17, Pietru l-Kbir, li kien interessat fit-tbaħħir u fl-affarijiet marittimi, ried li r-Russja tikseb port marittimu biex tkun tista' tagħmel kummerċ mal-bqija tal-Ewropa. Huwa kellu bżonn port marittimu aħjar minn dak ewlieni ta' Arkhangelsk dak iż-żmien, li kien fil-Baħar l-Abjad fit-Tramuntana mbiegħda u li kien ikun magħluq għat-trasport marittimu matul ix-xitwa.[14]
Fit-12 ta' Mejju 1703, matul il-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, Pietru l-Kbir ħakem il-fortizza ta' Nyenskans u f'qasir żmien issostitwixxa l-fortizza.[15] Fis-27 ta' Mejju 1703[16], eqreb lejn l-estwarju (ħames kilometri 'l ġewwa mill-golf), fuq il-Gżira ta' Zayachy (il-Gżira tal-Liebru), huwa qiegħed l-ewwel ġebla tal-Fortizza ta' San Pietru u San Pawl, li saret l-ewwel binja tal-brikks u tal-ġebel tal-belt il-ġdida.[17]
Il-belt inbniet minn raħħala koskritti mir-Russja kollha; għadd ta' priġunieri tal-gwerra Żvediżi kienu involuti wkoll f'xi snin taħt is-superviżjoni ta' Alexander Menshikov.[18] Għexieren ta' eluf ta' ħaddiema mietu huma u jibnu l-belt.[19] Iktar 'il quddiem, il-belt saret iċ-ċentru tal-Governorat ta' San Pietruburgu. Pietru ċaqlaq il-kapitali minn Moska għal San Pietruburgu fl-1712, disa' snin qabel it-Trattat ta' Nystad tal-1721 temm il-gwerra; huwa rrefera għal San Pietruburgu bħala l-kapitali (jew is-sede tal-gvern) mill-1704.[14]
Matul l-ewwel ftit snin tagħha, il-belt żviluppat madwar il-Pjazza tat-Trinità fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmara Neva, ħdejn il-Fortizza ta' San Pietru u San Pawl. Madankollu, San Pietruburgu ftit wara bdiet tinbena skont pjanta preċiża. Fl-1716, l-Iżvizzeru Taljan Domenico Trezzini kien fassal proġett li bih iċ-ċentru tal-belt kien se jkun jinsab fuq il-Gżira ta' Vasilyevsky u msawwar minn network rettangolari ta' kanali. Il-proġett ma tlestiex iżda huwa evidenti fit-tqassim tat-toroq. Fl-1716, Pietru l-Kbir ħatar lill-Franċiż Jean-Baptiste Alexandre Le Blond bħala l-arkitett ewlieni ta' San Pietruburgu.[20]
L-istil tal-Barokk ta' Pietru l-Kbir, żviluppat minn Trezzini u minn arkitetti oħra, f'binjiet bħall-Palazz ta' Menshikov, il-Kunstkamera, il-Katidral ta' San Pietru u San Pawl, it-Tnax-il Kulleġġ, sar prominenti fl-arkitettura tal-belt tal-bidu tas-seklu 18. Fl-1724, l-Akkademja tax-Xjenzi, l-Università u l-Liċeo Akkademiku ġew stabbiliti f'San Pietruburgu minn Pietru l-Kbir.
Fl-1725, Pietru miet meta kellu tnejn u ħamsin sena. L-isforzi tiegħu biex jimmodernizza lir-Russja kienu ltaqgħu ma' oppożizzjoni min-nobbiltà Russa — li rriżultat f'diversi attentati kontrih u każ ta' tradiment fejn kien involut saħansitra ibnu.[21] Fl-1728, Pietru II tar-Russja ċaqlaq is-sede tiegħu lura lejn Moska. Iżda erba' snin wara, fl-1732, taħt l-Imperatriċi Anna tar-Russja, San Pietruburgu reġgħet ġiet iddeżinjata bħala l-kapitali tal-Imperu Russu. Baqgħet is-sede tad-dinastija Romanov u l-Qorti Imperjali tal-Kżar tar-Russja, kif ukoll is-sede tal-gvern Russu, għal 186 sena oħra sar-Rivoluzzjoni Russa Komunista tal-1917.
Bejn l-1736 u l-1737, il-belt ġarrbet għadd ta' nirien katastrofiċi. Sabiex jerġgħu jinbnew il-kwartieri li ġarrbu l-ħsarat, kumitat immexxi minn Burkhard Christoph von Münnich ikkummissjona pjanta ġdida fl-1737. Il-belt ġiet maqsuma f'ħames kwartieri, u ċ-ċentru tal-belt tmexxa lejn il-kwartier tal-Ammiraljat, fuq ix-xatt tal-Lvant bejn ix-xmara Neva u x-xmara Fontanka.
Il-belt żviluppat tul tliet toroq ewlenin, li jiltaqgħu fil-binja tal-Ammiraljat u issa huma triq waħda magħrufa bħala Nevsky Prospekt (li hija kkunsidrata bħala t-triq ewlenija tal-belt), it-Triq Gorokhovaya u t-Triq Voznesensky. L-arkitettura Barokka saret dominanti fil-belt matul l-ewwel sittin sena, u laħqet il-quċċata tagħha fil-Barokk ta' Żmien ir-Reġina Eliżabetta I, irrappreżentat l-iktar mit-Taljan Bartolomeo Rastrelli b'binjiet bħall-Palazz tax-Xitwa. Fis-snin 60 tas-seklu 18, l-arkitettura Barokka ġiet segwita mill-arkitettura Neoklassika.
Imwaqqaf fl-1762, il-Kummissjoni tal-Binjiet tal-Ġebel ta' Moska u ta' San Pietruburgu ddeċidiet li l-ebda struttura fil-belt ta' San Pietruburgu ma setgħet tkun ogħla mill-Palazz tax-Xitwa u pprojbixxa l-ispazjar bejn il-binjiet. Matul ir-renju ta' Katerina II tar-Russja fis-snin 60 sa 80 tas-seklu 18, tul ix-xtut tax-xmara Neva nbnew imbankmenti tal-granit.
Madankollu, il-Pont tat-Tħabbira, l-ewwel pont permanenti fuq ix-xmara Neva tħalla jinbena u jinfetaħ fl-1850. Qabel dan, kienu permessi biss pontuni. Il-Kanal ta' Obvodny (li ġie mħaffer bejn l-1769 u l-1833) sar il-limitu tan-Nofsinhar tal-belt.
L-iktar arkitetti Neoklassiċi u tal-istil Imperjali prominenti f'San Pietruburgu kienu jinkludu:
- Jean-Baptiste Vallin de la Mothe (Akkademja Imperjali tal-Arti, il-Hermitage ż-Żgħir, Gostiny Dvor, l-Arkata tal-Olanda l-Ġdida, il-Knisja Kattolika ta' Santa Katerina)
- Antonio Rinaldi (il-Palazz tal-Irħam)
- Yury Felten (il-Hermitage l-Antik, il-Knisja ta' Chesme)
- Giacomo Quarenghi (l-Akkademja tax-Xjenzi, it-Teatru tal-Hermitage, il-Palazz ta' Yusupov)
- Andrey Voronikhin (l-Istitut tax-Xogħol fil-Minjieri, il-Katidral ta' Kazan)
- Andreyan Zakharov (il-binja tal-Ammiraljat)
- Jean-François Thomas de Thomon (l-Istmu tal-Gżira ta' Vasilievsky)
- Carlo Rossi (il-Palazz ta' Yelagin, il-Palazz ta' Mikhailovsky, it-Teatru ta' Alessandru, il-Binjiet tas-Senat u tas-Sinodu, il-Binja tal-Persunal Ġenerali, id-disinn ta' ħafna toroq u pjazez)
- Vasily Stasov (il-Bieb Trijonfali ta' Moska, il-Katidral tat-Trinità)
- Auguste de Montferrand (il-Katidral ta' San Iżakk, il-Kolonna ta' Alessandru)
Fl-1810, Alessandru I stabbilixxa l-ewwel skola tal-edukazzjoni għolja tal-inġinerija fil-belt, l-Iskola Ewlenija tal-inġinerija militari ta' San Pietruburgu. Bosta monumenti jfakkru r-rebħa Russa kontra Franza fi żmien Napuljun fil-Gwerra Patrijottika tal-1812, fosthom il-Kolonna ta' Alessandru magħmula minn Montferrand, li saret fl-1834, u l-Arkata Trijonfali ta' Narva.
Fl-1825, ir-rewwixta mrażżna ta' Diċembru kontra Nikola I seħħet fil-Pjazza tas-Senat fil-belt, jum wara li Nikola tela' fuq it-tron.
Sas-snin 40 tas-seklu 19, l-arkitettura Neoklassika kienet ċediet postha lil diversi stili Romantiċi li ddominaw sas-snin 90 tas-seklu 19, li kienu rrappreżentati minn arkitetti bħal Andrei Stackenschneider (il-Palazz ta' Mariinsky, il-Palazz ta' Beloselsky-Belozersky, il-Palazz ta' Nikola, il-Palazz il-Ġdid ta' Mikiel) u Konstantin Thon (l-istazzjon ferrovjarju ta' Moskovsky).
Bir-riforma tal-emanċipazzjoni tal-1861 imwettqa minn Alessandru II fl-1861 u bir-Rivoluzzjoni Industrijali, l-influss ta' dawk li qabel kienu raħħala fil-belt kapitali żdied ħafna. Kwartieri foqra bdew ifeġġu spontanjament fil-periferija tal-belt. San Pietruburgu qabżet lil Moska bħala popolazzjoni u fit-tkabbir industrijali; żviluppat bħala waħda mill-ikbar bliet industrijali fl-Ewropa, b'bażi navali maġġuri (f'Kronstadt), b'port tax-xmara u b'port marittimu.
L-ismijiet ta' San Pietru u ta' San Pawl, mogħtija liċ-ċittadella oriġinali tal-belt u lill-katidral tagħha (mill-1725 — il-post fejn kienu jindifnu l-imperaturi Russi) inzertaw kienu wkoll l-ismijiet tal-ewwel żewġ Imperaturi Russi maqtula, Pietru III (fl-1762, allegatament maqtul wara konfoffa mmexxija minn martu, Katerina II tar-Russja) u Pawlu I (fl-1801, Nikolay Alexandrovich Zubov u kospiraturi oħra li wasslu lil Alessandru I fis-siġġu tal-poter, iben il-vittma tagħhom). It-tielet qtil ta' imperatur seħħ f'San Pietruburgu fl-1881 meta Alessandru II safa vittma tat-terroristi.
Ir-Rivoluzzjoni tal-1905 bdiet f'San Pietruburgu u nfirxet malajr fil-provinċji.
Fl-1 ta' Settembru 1914, wara li faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-gvern Imperjali biddel isem il-belt għal Petrograd, li tfisser “il-Belt ta' Pietru”, biex ineħħi l-kliem Ġermaniżi Sankt u Burg.[9]
Rivoluzzjoni u l-era Sovjetika (1917-1941)
immodifikaF'Marzu 1917, matul ir-Rivoluzzjoni ta' Frar, Nikola II abdika għalih innifsu u f'isem ibnu, u temm il-monarkija Russa u iktar minn tliet mitt sena ta' tmexxija tad-dinastija Romanov.
Fis-7 ta' Novembru 1917, il-Bolxeviki, immexxija minn Vladimir Lenin, daħlu fil-Palazz tax-Xitwa f'avveniment li baqa' magħruf bħala r-Rivoluzzjoni ta' Ottubru (minħabba l-istil antik tad-dati fejn is-7 ta' Novembru kien immarkat bħala l-25 ta' Ottubru), li wasslet għat-tmiem tal-gvern proviżorju wara t-tmexxija tal-Kżar, għat-trasferiment tal-poter politiku kollu lis-Sovjetiċi, u għall-istabbiliment tal-Partit Komunista.[22] Wara dan, il-belt ingħatat isem deskrittiv ġdid, “il-belt tat-tliet rivoluzzjonijiet”, b'referenza għat-tliet żviluppi maġġuri fl-istorja politika tar-Russja tal-bidu tas-seklu 20.
F'Settembru u f'Ottubru 1917, it-truppi Ġermaniżi invadew l-arċipelagu tal-Punent tal-Estonja u heddew lil Petrograd b'bumbardament u b'invażjoni. Fit-12 ta' Marzu 1918, is-Sovjetiċi ttrasferew il-gvern lejn Moska, biex iżommuh 'il bogħod mill-fruntiera tal-istat. Matul il-Gwerra Ċivili ta' wara, fl-1919 il-Ġeneral Yudenich li avvanza mill-Estonja rrepeta it-tentattiv ta' ħakma tal-belt, iżda Leon Trotsky immobilizza l-armata u ġiegħlu jirtira.
Fis-26 ta' Jannar 1924, ħamest ijiem wara l-mewt ta' Lenin, Petrograd ingħatat l-isem ġdid ta' Leningrad. Iktar 'il quddiem, xi toroq u toponimi oħra ngħataw isem ġdid. Il-belt għandha 'l fuq minn 230 post assoċjat mal-ħajja u mal-attivitajiet ta' Lenin. Uħud minnhom inbidlu f'mużewijiet, inkluż il-cruiser Aurora — simbolu tar-Rivoluzzjoni ta' Ottubru u l-eqdem vapur fil-Flotta Navali Russa.[23]
Fis-snin 20 u 30 tas-seklu 20, il-periferiji foqra ġew rikostruwiti fi kwartieri bi pjanta regolari. L-arkitettura kostruzzjonista tkattret għall-ħabta ta' dak iż-żmien. L-abitazzjonijiet bdew jiġu pprovduti mill-gvern; ħafna appartamenti tal-“borgeżija” tant kienu kbar li bosta familji ġew assenjati l-hekk imsejħa appartamenti “komunali” (kommunalkas). Sas-snin 30 tas-seklu 20, 68 % tal-popolazzjoni kienet tgħix f'din ix-xorta ta' abitazzjoni. Fl-1935, ġiet imfassla pjanta ġenerali ġdida, li permezz tagħha l-belt kellha tespandi lejn in-Nofsinhar. Il-kostruzzjoniżmu ġie rrifjutat favur arkitettura Stalinista iktar pompuża. Stalin ċaqlaq iċ-ċentru tal-belt iktar 'il bogħod mill-fruntiera mal-Finlandja, u adotta pjan biex tinbena binja muniċipali ġdida bi pjazza enormi biswitha fin-Nofsinhar tal-Moskovsky Prospekt, li ġiet iddeżinjata bħala t-triq ewlenija l-ġdida ta' Leningrad. Wara l-gwerra tax-xitwa (Sovjetika-Finlandiża) fl-1939-1940, il-fruntiera Sovjetika-Finlandiża tmexxiet lejn it-Tramuntana. In-Nevsky Prospekt flimkien mal-Pjazza tal-Palazz żammew il-funzjonijiet u r-rwol tagħhom bħala ċ-ċentru tal-belt.
F'Diċembru 1931, Leningrad ġiet isseparata amministrattivament mill-Oblast ta' Leningrad. Dak iż-żmien kienet tinkludi d-Distrett Suburban ta' Leningrad, u xi partijiet minnu ġew ittrasferiti lura lill-Oblast ta' Leningrad fl-1936 u nbidlu fid-Distrett ta' Vsevolozhsky, fid-Distrett ta' Krasnoselsky, fid-Distrett ta' Pargolovsky u fid-Distrett ta' Slutsky (li sar jissejjaħ Distrett ta' Pavlovsky fl-1944).[24]
Fl-1 ta' Diċembru 1934, Sergey Kirov, il-mexxej Lomunista popolari ta' Leningrad, ġie maqtul, u dan witta t-triq għat-Tisfija l-Kbira.[25] F'Leningrad, madwar 40,000 ruħ ġew iġġustizzjati waqt it-“tisfijiet” ta' Stalin.[26]
It-Tieni Gwerra Dinjija (1941-1945)
immodifikaMatul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-forzi Ġermaniżi assedjaw lill-belt ta' Leningrad wara l-invażjoni tal-Assi fl-Unjoni Sovjetika f'Ġunju 1941. L-assedju dam 872 jum, jew kważi sentejn u nofs, mit-8 ta' Settembru 1941 sas-27 ta' Jannar 1944.[27]
L-Assedju ta' Leningrad kien wieħed mill-itwal assedji ta' belt maġġuri fl-istorja moderna, u wieħed mill-iktar distruttivi u letali. L-assedju wassal biex il-belt tiġi iżolata mill-provvisti tal-ikel għajr dawk ipprovduti permezz tat-Triq tal-Ħajja tul il-Lag ta' Ladoga, li ma setgħux jitwasslu qabel ma l-lag kien litteralment jiffriża. Iktar minn miljun persuna nqatlu, l-iktar minħabba l-ġuħ. Ħafna oħrajn ħarbu jew ġew evakwati, u għalhekk il-belt tilfet l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tagħha.
Fl-1 ta' Mejju 1945, Joseph Stalin, fl-Ordni Nru 20 tiegħu bħala Kmandant Suprem, ta ġieħ lil Leningrad, flimkien ma' Stalingrad, Sevastopol, u Odessa, bħala bliet eroj tal-gwerra. Liġi li tirrikonoxxi t-titlu onorarju ta' “Belt Eroina” għaddiet fit-8 ta' Mejju 1965 (l-20 anniversarju tar-rebħa fil-Gwerra Patrijottika l-Kbira), matul l-era ta' Brezhnev. Il-Presidju tas-Sovjet Suprem tal-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (USSR) ta lil Leningrad bħala Belt Eroina t-titlu tal- Ordni ta' Lenin u l-medalja tal-Istilla tad-Deheb “għar-reżistenza erojka tal-belt u għat-tenaċità tas-superstiti tal-assedju”. L-Obelisk tal-Belt Eroina bis-sinjal tal-Istilla tad-Deheb ġie installat f'April 1985.
Era Sovjetika ta' wara l-gwerra (1945-1991)
immodifikaF'Ottubru 1946, xi territorji tul il-kosta tat-Tramuntana tal-Golf tal-Finlandja, li kienu għaddew f'idejn il-USSR mill-Finlandja fl-1940 fil-qafas tat-trattat ta' paċi wara l-Gwerra tax-Xitwa, ġew ittrasferiti mill-Oblast ta' Leningrad għal Leningrad u ġew maqsuma fid-Distrett ta' Sestroretsky u fid-Distrett ta' Kurortny. Dawn kienu jinkludu r-raħal ta' Terijoki (li ngħata l-isem ta' Zelenogorsk fl-1948). Leningrad u ħafna mis-subborgi tagħha nbnew mill-ġdid matul id-deċennji ta' wara l-gwerra, parzjalment skont il-pjanta ta' qabel il-gwerra. Il-pjan ġenerali tal-1948 għal Leningrad kien jinkludi żvilupp urban radjali fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar. Fl-1953, id-Distrett ta' Pavlovsky fl-Oblast ta' Leningrad ġie abolit, u partijiet mit-territorju tiegħu, inkluż Pavlovsk, ingħaqdu ma' Leningrad. Fl-1954, l-insedjamenti ta'Levashovo, ta' Pargolovo u ta' Pesochny ingħaqdu ma' Leningrad.[24]
Isem Leningrad ingħata lill-Affari ta' Leningrad (1949-1952), avveniment notevoli fit-taqbida politika ta' wara l-gwerra fil-USSR. Dan kien ir-riżultat tar-rivalità bejn is-suċċessuri potenzjali ta' Stalin, fejn naħa waħda kienet irrappreżentata mill-mexxejja tal- organizzazzjoni tal-Partit Komunista tal-belt — it-tieni l-iktar organizzazzjoni importanti fil-pajjiż wara dik ta' Moska. L-elit kollu tat-tmexxija ta' Leningrad inqered, inkluż l-eks sindku Kuznetsov, l-aġent sindku Pyotr Sergeevich Popkov, u d-deputati kollha tagħhom; b'kollox 23 mexxej ġew iġġustizzjati bil-piena tal-mewt, 181 ruħ intefgħu l-ħabs jew ġew eżiljati (eżonerati fl-1954). Madwar 2,000 uffiċjal għoli fil-USSR tkeċċew mill-partit u mill-Komsomol u tneħħew mill-karigi ta' tmexxija. Dawn ġew akkużati għal nazzjonaliżmu Russu.
it-tieni l-iktar waħda sinifikanti fil-pajjiż wara Moska. It-tmexxija elite kollha ta 'Leningrad ġiet meqruda, inkluż l-eks sindku Kuznetsov, l-aġent sindku Pyotr Sergeevich Popkov, u d-deputati kollha tagħhom; b'mod ġenerali 23 mexxej ġew ikkundannati għall-piena tal-mewt, 181 għal ħabs jew eżiljat (eżonerat fl-1954). Madwar 2,000 uffiċjal fil-grad madwar l-USSR tkeċċew mill-partit u mill-Komsomol u tneħħew mill-pożizzjonijiet ta 'tmexxija. Huma ġew akkużati b'nazzjonaliżmu Russu.[28]
Is-sistema ta' tranżitu rapidu taħt l-art ta' Leningrad, iddisinjata qabel il-gwerra, infetħet fl-1955 bl-ewwel tmien stazzjonijiet tagħha mżejna bl-irħam u bil-bronż. Madankollu, wara l-mewt ta' Stalin fl-1953, l-eċċessi ornamentali perċepiti tal-arkitettura Stalinista ġew abbandunati. Mis-snin 60 u 80 tas-seklu 20, inbnew ħafna kwartieri residenzjali ġodda fil-periferija; filwaqt li l-blokok kollha tal-appartamenti funzjonalisti kienu kważi identiċi, ħafna familji marru jgħixu hemm mill-kommunalkas fiċ-ċentru tal-belt biex jgħixu f'appartamenti separati.
Era kontemporanja (mill-1991 sal-preżent)
immodifikaFit-12 ta' Ġunju 1991, fl-istess ħin mal-ewwel elezzjonijiet presidenzjali Russi, l-awtoritajiet tal-belt organizzaw l-elezzjonijiet tas-sindku u referendum dwar l-isem tal-belt, meta l-isem reġa' lura għal San Pietruburgu. 65 % tal-elettorat ħareġ jivvota; 66.13 % tal-għadd totali tal-voti ngħataw lil Anatoly Sobchak, li sar l-ewwel sindku tal-belt elett direttament.
Sadanittant, il-kundizzjonijiet ekonomiċi bdew jiddeterjoraw, filwaqt li l-pajjiż ipprova jadatta għal bidliet kbar. Għall-ewwel darba mis-snin 40 tas-seklu 20, ġie introdott ir-razzjonar tal-ikel, u l-belt irċeviet għajnuna umanitarja tal-ikel minn barra l-pajjiż.[29] Dan iż-żmien drammatiku ntwera f'sensiela fotografika tal-fotografu Russu Alexey Titarenko.[30][31] Il-kundizzjonijiet ekonomiċi bdew jitjiebu biss fil-bidu tas-seklu 21. Fl-1995, sezzjoni tat-Tramuntana tal-Linja Kirovsko-Vyborgskaya tat-tramm ta' taħt l-art ta' San Pietruburgu ġiet iżolata minħabba għargħar taħt l-art, u ħoloq ostaklu ewlieni għall-iżvilupp tal-belt għal kważi għaxar snin. Fit-13 ta' Ġunju 1996, San Pietruburgu, flimkien mal-Oblast ta' Leningrad u mal-Oblast ta' Tver, iffirmaw ftehim dwar il-qsim tal-poter mal-gvern federali, u b'hekk kisbet awtonomija.[32] Dan il-ftehim ġie abolit fl-4 ta' April 2002.[33]
Fl-1996, Vladimir Yakovlev ġab iktar voti minn Anatoly Sobchak fl-elezzjonijiet għall-kap tal-amministrazzjoni tal-belt. It-titlu tal-kap tal-belt inbidel minn “sindku” għal “gvernatur”. Fis-sena 2000, Yakovlev reġa' rebaħ l-elezzjonijiet. It-tieni mandat tiegħu skada fl-2004; ix-xogħlijiet għall-użu mill-ġdid tant mistenni tal-linja tat-tramm ta' taħt l-art suppost kellhom jintemmu sa dak iż-żmien. Iżda fl-2003, Yakovlev irriżenja ħesrem, u l-uffiċċju tal-gvernatur għadda għand Valentina Matviyenko.
Il-liġi dwar l-elezzjoni tal-Gvernatur tal-Belt inbidlet, u kisret it-tradizzjoni ta' elezzjoni demokratika b'suffraġju universali. Fl-2006, il-leġiżlatura tal-belt approvat mill-ġdid lil Matviyenko bħala gvernatur. Il-bini residenzjali reġa' intensifika; il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli għolew ħafna, tant li kkawżaw bosta problemi ġodda għall-preservazzjoni tal-parti storika tal-belt.
Għalkemm il-parti ċentrali tal-belt ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO (hemm madwar 8,000 monument arkitettoniku f'San Pietruburgu), il-preservazzjoni tal-ambjent storiku u arkitettoniku tagħha saret kontroversjali.[34] Wara l-2005, it-twaqqigħ tal-binjiet antiki fiċ-ċentru storiku kien permess.[35] Fl-2006, Gazprom ħabbret proġett ambizzjuż biex tinbena binja (skyscraper) għolja 403 metri (il-Binja ta' Okhta) faċċata ta' Smolny, li seta' jirriżulta fit-telf tal-linja unika tal-pajsaġġ ta' San Pietruburgu. Il-protesti urġenti miċ-ċittadini u mill-persuni pubbliċi prominenti tar-Russja kontra dan il-proġett ma ġewx ikkunsidrati mill-Gvernatur Valentina Matviyenko u mill-awtoritajiet tal-belt sa Diċembru 2010, meta wara d-dikjarazzjoni tal-President Dmitry Medvedev, il-belt iddeċidiet li ssib post iktar xieraq għal dan il-proġett. Fl-istess sena, il-post il-ġdid għall-proġett ġie rilokat f'Lakhta, żona storika fil-Majjistral taċ-ċentru tal-belt, u l-proġett il-ġdid issejjaħ il-Binja ta' Lakhta. Il-kostruzzjoni ġiet approvata minn Gazprom u mill-amministrazzjoni tal-belt u bdiet fl-2012. Il-Binja ta' Lakhta, għolja 462 metru, saret l-ewwel u l-itwal skyscraper fir-Russja u fl-Ewropa, 'il barra minn Moska.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIċ-Ċentru Storiku ta' San Pietruburgu u l-Gruppi Relatati ta' Monumenti ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990 b'restrizzjoni ċkejkna fil-konfini tas-sit li saret fl-2013.[36]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju”.[36]
Ġeografija
immodifikaIż-żona tal-belt ta' San Pietruburgu proprja hija 605.8 kilometru kwadru. Iż-żona tal-entità federali hija 1,439 kilometru kwadru, li jinkludu l-belt ta' San Pietruburgu (li tikkonsisti minn wieħed u tmenin okrug muniċipali), disa' rħula muniċipali – (Kolpino, Krasnoye Selo, Kronstadt, Lomonosov, Pavlovsk, Petergof, Pushkin, Sestroretsk, Zelenogorsk) – u wieħed u għoxrin insedjament muniċipali.
San Pietruburgu tinsab fin-nofs tal-artijiet baxxi tat-taiga tul ix-xtut tal-Bajja ta' Neva tal-Golf tal-Finlandja, u l-gżejjer tad-delta tax-xmara. L-ikbar huma l-Gżira ta' Vasilyevsky (minbarra l-gżira artifiċjali bejn il-kanal ta' Obvodny u Fontanka, u Kotlin fil-Bajja ta' Neva), Petrogradsky, Dekabristov u Krestovsky. Dawn tal-aħħar flimkien ma' Yelagin u l-Gżira ta' Kamenny huma miksija l-iktar b'parks. L-Istmu Kareljan, fit-Tramuntana tal-belt, huwa żona popolari għal-lukandi lussużi. Fin-Nofsinhar, San Pietruburgu taqsam il-Klint Baltiku-Ladoga u jiltaqa' mal-Pjanura ta' Izhora.
L-elevazzjoni ta' San Pietruburgu tvarja mil-livell tal-baħar sal-ogħla punt tagħha ta' 175.9 metru fl-Għolja ta' Orekhovaya fl-Artijiet Għoljin ta' Duderhof fin-Nofsinhar. Parti mit-territorju tal-belt fil-Punent ta' Liteyny Prospekt mhix ogħla minn erba' metri 'l fuq mil-livell tal-baħar, u kemm-il darba esperjenzat għadd ta' għargħar. L-għargħar f'San Pietruburgu jiġu kkawżati minn mewġa twila fil-Baħar Baltiku, ikkawżata minn kundizzjonijiet meteoroloġiċi, irjieħ u l-livell baxx tal-Bajja ta' Neva. L-iktar ħames għargħar diżastrużi seħħew fl-1824 (4.21 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar, meta nqerdu iktar minn 300 binja), fl-1924 ( 3.8 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar), fl-1777 (3.21 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar), fl-1955 (2.93 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar), u fl-1975 (2.81 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar). Sabiex jiġu evitati l-għargħar, inbniet id-Diga ta' San Pietruburgu.[37]
Mis-seklu 18 il-livell tat-terren tal-belt ġie olzat artifiċjalment, f'xi postijiet b'iktar minn erba' metri, billi ġew magħqudin diversi gżejjer flimkien, u billi tbiddlet l-idroloġija tal-belt. Minbarra n-Neva u t-tributarji tagħha, xmajjar oħra importanti tal-entità federali ta' San Pietruburgu huma x-xmajjar Sestra, Okhta u Izhora. L-ikbar lag huwa dak ta' Sestroretsky Razliv fit-Tramuntana, segwit minn dak ta' Lakhtinsky Razliv, il-Lagi ta' Suzdal u lagi oħra iżgħar.
Minħabba l-pożizzjoni tagħha fit-Tramuntana f'latitudni ta' madwar 60 °, it-tul tad-dawl binhar f'San Pietruburgu jvarja bejn l-istaġuni, minn ħames sigħat u 53 minuta sa 18-il siegħa u 50 minuta. Perjodu minn nofs Mejju sa nofs Lulju meta l-għabex jista' jdum il-lejl kollu. Dan il-fenomenu jissejjaħ l-iljieli bojod.
San Pietruburgu tinsab madwar 165 kilometru mill-fruntiera mal-Finlandja, u hija konnessa magħha permezz tal-awtostrada M10.
Klima
immodifikaSkont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen, San Pietruburgu hija kklassifikata bħala Dfb, klima kontinentali umda. L-influwenza moderata distinta taċ-ċikluni tal-Baħar Baltiku tirriżulta fi sjuf sħan, umdi u qosra u fi xtiewi bix-xita, twal u moderatament kesħin. Il-klima ta' San Pietruburgu tixbaħ lil dik ta' Helsinki, għalkemm iktar kiesħa fix-xitwa u iktar sħuna fis-sajf minħabba li tinsab iktar fil-Lvant.
It-temperatura massima medja f'Lulju tkun 23 °C (73 °F), u t-temperatura minima medja fi Frar tkun −8.5 °C (16.7 °F); temperatura għolja estrema ta' 37.1 °C (98.8 °F) seħħet matul il-mewġa tas-sħana tas-sajf tal-Emisferu tat-Tramuntana tal-2010. Temperatura baxxa estrema fix-xitwa ta' −35.9 °C (−32.6 °F) ġiet irreġistrat fl-1883. It-temperatura medja annwali tkun 5.8 °C (42.4 °F) . Ix-xmara Neva fil-limiti tal-belt ġeneralment tiffriża f'Novembru-Diċembru u s-silġ jibda jdub f'April. Minn Diċembru sa Marzu jkun hemm 118-il ġurnata medja bil-borra, bi preċipitazzjoni medja ta' borra ta' 19-il cm sa Frar.[38] Il-perjodu mingħajr ġlata fil-belt idum bħala medja għal madwar 135 jum. Minkejja l-pożizzjoni fit-Tramuntana ta' San Pietruburgu, ix-xtiewi tagħha jkunu iktar sħan minn ta' Moska minħabba l-Golf tal-Finlandja u xi influwenza mill-Kurrent tal-Golf minn irjieħ Skandinavi li jistgħu jġibu temperatura kemxejn ogħla mill-iffriżar. Il-belt għandha wkoll klima kemxejn iktar sħuna mis-subborgi tagħha. Il-kundizzjonijiet tat-temp ikunu pjuttost varjabbli s-sena kollha.[39][40]
Il-preċipitazzjoni medja annwali tvarja madwar il-belt, b'medja ta' 660 mm kull sena u jilħaq il-massimu fl-aħħar tas-sajf. L-umdità tal-ħamrija hija kważi dejjem għolja minħabba evapotraspirazzjoni iktar baxxa minħabba l-klima friska. L-umdità tal-arja tkun 78 % bħala medja, u bħala medja jkun hemm 165 jum imsaħħab fis-sena.
Data klimatika għal San Pietruburgu mill-1881 sal-preżent; estremi mill-1743 | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Frar | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. Għolja Rekord °C (°F) | 8.7
(47.7) |
10.2
(50.4) |
14.9
(58.8) |
25.3
(77.5) |
32.0
(89.6) |
34.6
(94.3) |
35.3
(95.5) |
37.1
(98.8) |
30.4
(86.7) |
21.0
(69.8) |
12.3
(54.1) |
10.9
(51.6) |
37.1
(98.8) |
Temp. Għolja Medja °C (°F) | −3.0
(26.6) |
−3.0
(26.6) |
2.0
(35.6) |
9.3
(48.7) |
16.0
(60.8) |
20.0
(68.0) |
23.0
(73.4) |
20.8
(69.4) |
15.0
(59.0) |
8.6
(47.5) |
2.0
(35.6) |
−1.5
(29.3) |
9.1
(48.4) |
Temp. Medja Kuljum °C (°F) | −5.5
(22.1) |
−5.8
(21.6) |
−1.3
(29.7) |
5.1
(41.2) |
11.3
(52.3) |
15.7
(60.3) |
18.8
(65.8) |
16.9
(62.4) |
11.6
(52.9) |
6.2
(43.2) |
0.1
(32.2) |
−3.7
(25.3) |
5.8
(42.4) |
Temp. Baxxa Medja °C (°F) | −8.0
(17.6) |
−8.5
(16.7) |
−4.2
(24.4) |
1.5
(34.7) |
7.0
(44.6) |
11.7
(53.1) |
15.0
(59.0) |
13.4
(56.1) |
8.8
(47.8) |
4.0
(39.2) |
−1.8
(28.8) |
−6.1
(21.0) |
2.7
(36.9) |
Temp. Baxxa Rekord °C (°F) | −35.9
(−32.6) |
−35.2
(−31.4) |
−29.9
(−21.8) |
−21.8
(−7.2) |
−6.6
(20.1) |
0.1
(32.2) |
4.9
(40.8) |
1.3
(34.3) |
−3.1
(26.4) |
−12.9
(8.8) |
−22.2
(−8.0) |
−34.4
(−29.9) |
−35.9
(−32.6) |
Preċipitazzjoni Medja f'mm (pulzieri) | 44
(1.7) |
33
(1.3) |
37
(1.5) |
31
(1.2) |
46
(1.8) |
71
(2.8) |
79
(3.1) |
83
(3.3) |
64
(2.5) |
68
(2.7) |
55
(2.2) |
51
(2.0) |
661
(26.0) |
Medja ta' Jiem bix-xita | 9 | 7 | 10 | 13 | 16 | 18 | 17 | 17 | 20 | 20 | 16 | 10 | 173 |
Medja ta' Jiem bil-borra | 17 | 17 | 10 | 3 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 2 | 9 | 17 | 75 |
Umdità relattiva medja (%) | 86 | 84 | 79 | 69 | 65 | 69 | 71 | 76 | 80 | 83 | 86 | 87 | 78 |
Medja tas-Sigħat ta' xemx fix-xahar | 22 | 54 | 125 | 180 | 260 | 276 | 267 | 213 | 129 | 70 | 27 | 13 | 1,636 |
Sors 1: Pogoda.ru.net[38] | |||||||||||||
Sors 2: NOAA (1961-1990)[41] |
Demografija
immodifikaSan Pietruburgu hija t-tieni l-ikbar belt fir-Russja. Skont ir-Rosstat tal-2017, il-popolazzjoni tal-belt federali hija ta' 5,281,579 ruħ jew 3.6 % tal-popolazzjoni totali tar-Russja; b'żieda minn 4,879,566 ruħ (3.4 %) irreġistrata fiċ-ċensiment tal-2010[42], u minn 5,023,506 ruħ irreġistrata fiċ-ċensiment tal-1989.[43]
Statistika vitali għall-2016
immodifika- Twelid: 72,879 (13.9 kull 1,000)
- Imwiet: 61,459 (11.7 kull 1,000)[44]
- Rata ta' fertilità totali:
sena | rata ta' fertilità |
---|---|
2009 | 1.34 |
2010 | 1.38 |
2011 | 1.38 |
2012 | 1.48 |
2013 | 1.48 |
2014 | 1.52 |
2015 | 1.59 |
2016 | 1.65(e) |
Diviżjonijiet amministrattivi
immodifikaSan Pietruburgu hija maqsuma fi 18-il distrett amministrattiv: | |
Fi ħdan il-konfini tad-distretti hemm 111- il muniċipalità intra-bliet, 81 distrett muniċipali, u disa' bliet: (Zelenogorsk, Kolpino, Krasnoe Selo, Kronstadt, Lomonosov, Pavlovsk, Petergof, Pushkin, u Sestroretsk ), kif ukoll 21 villaġġ.[45]
Mezzi tax-xandir u komunikazzjoni
immodifikaIl-gazzetti ewlenin kollha tar-Russja huma attivi f'San Pietruburgu. Il-belt għandha sistema ta' telekomunikazzjoni żviluppata. Fl-2014 Rostelecom, l-operatur nazzjonali, ħabbar li beda modernizzazzjoni kbira tan-network tal-linja fissa fil-belt.[46]
Networks tat-televiżjoni li wieħed jista' jaqbad fil-belt
immodifika- Stazzjon Statali tat-Televiżjoni ta' San Pietruburgu
- Channel One
- Russia-1
- Russia-2
- NTV
- TV Tsentr
- Channel 5
- Russia-K
- Russia-24
- Televiżjoni Pubblika tar-Russja
- REN TV
- STS
- TNT
- TV-3
- Zvezda
- Domashny
- Carousel
- Peretz
- Euronews
- 2x2
- Pyatnica!
- Disney Channel
- RBC
- Dozhd
- Stazzjonijiet tar-radju
- "Russian (Russkoye) Radio"
- "Europa Plus"
- "DFM"
- "NRJ (Russia)"
- "Radio Maximum"
- "Voice of Russia (bl-Ingliż)"
- "Radio Freedom (Svoboda)"
- "Megapolis FM"
- "Radio Kultura"
- "Pioneer FM"
- "Zvezda"
- "Komsomolskaya Pravda"
- "Orpheus"
- "Monte Carlo"
- "Love Radio"
- "Govorit Moskva"
- "Radio Dacha"
- "Nashe Radio"
- "Radio 7"
- "Humor FM"
- "Retro FM"
- "Ultra"
- "Keks FM"
- "Carnival"
- "Dobrye Pesni (Kanzunetti Tajbin)"
- "Voyage FM"
- "Kino FM"
- "Finam FM"
- "First Popular"
- "Politseiskaya Volna (Pulizija)"
- "Radio Sport"
- "Radio Rossii"
- "Radio Podmoskovye"
- "Radiocompany Moscow"
- "UFM"
- "Mayak"
- "Business FM"
- "Autoradio"
- "Moya Semia (Il-Familja Tiegħi)"
- "XFM"
- "Fresh Radio"
- "Silver Rain"
- "Chanson"
- "M-Radio"
- "Orphey"
- "Echo of Moscow"
- "Radio Jazz"
- "Classic Radio"
- "Vesti FM"
- "City FM"
- "Relax FM"
- "Kommersant FM"
- "Rock FM"
- "Children's Radio"
- "Radio Alla"
- "Best FM"
- "Next FM"
- "Hit FM"
- "Hermitage"
- "Radio Record"
Relazzjonijiet Internazzjonali
immodifikaDin li ġejja hija lista tal-bliet li huma ġemellati ma' San Pietruburgu skont il-lista uffiċjali tal-gvern tal-belt, maqsumin f'rabtiet ta' ġemellaġġ u f'rabtiet ta' sħubija/partenarjat:[47]
Ġemellaġġ ma' bliet li mhumiex tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u tal-Istati Baltiċi
- Aarhus, id-Danimarka (mill-1989)
- Adana, it-Turkija (mill-1997)
- Alexandroupoli, il-Greċja (mill-2015)
- Antwerp, il-Belġju (mill-1958)
- Bangkok, it-Tajlandja (mill-1997)
- Barcelona, Spanja (mill-1984)
- Bethlehem, il-Palestina (mill-2003)
- Bordeaux, Franza (mill-1991)
- Cape Town, l-Afrika t'Isfel (mill-2001)
- Cebu, il-Filippini (mill-2010)
- Colombo, Sri Lanka (mill-1997)
- Chengdu, iċ-Ċina (mill-1998)
- Daegu, il-Korea t'Isfel (mill-1997)
- Dresden, il-Ġermanja (mill-1961)
- Edinburgu, ir-Renju Unit (mill-1995)
- Faisalabad, il-Pakistan
- Gdańsk, il-Polonja (mill-1961)
- Graz, l-Awstrija (mill-2001)
- Gothenburg, l-Iżvezja (mill-1962)
- Hamburg, il-Ġermanja (mill-1957)
- Havana, Kuba (mis-sena 2000)
- Helsinki, il-Finlandja (mill-1993)
- Ho Chi Minh, il-Vjetnam (mill-1977)
- Isfahan, l-Iran (mill-1999)
- Istanbul, it-Turkija (mill-1990)
- Kota Kinabalu, il-Malasja (mill-2017)
- Kotka, il-Finlandja (mill-1997)
- Le Havre, Franza (mill-1965)
- Los Angeles, l-Istati Uniti (mill-1990)
- Lyon, Franza (mill-1993)
- Manchester, ir-Renju Unit (mill-1956)
- Melbourne, l-Awstralja (mill-1989)
- Mikkeli, il-Finlandja (mill-1996)
- Montevideo, l-Urugwaj (mill-1998)
- Mumbai, l-Indja (mill-1963)
- Nizza, Franza (mill-1997)
- Osaka, il-Ġappun (mill-1961)
- Piraeus, il-Greċja (mill-1965)
- Plovdiv, il-Bulgarija (mill-2001)
- Praga, ir-Repubblika Ċeka (mill-1992)
- Québec, il-Kanada (mill-2002)
- Rio de Janeiro, il-Brażil (mill-1986)
- Rotterdam, in-Netherlands (mill-1966)
- Santa Cruz de Tenerife, Spanja
- Santiago, Kuba
- Shanghai, iċ-Ċina (mill-1959)
- Sofija, il-Bulgarija
- St. Petersburg, Florida, l-Istati Uniti
- Stokkolma, l-Iżvezja (mill-1992)
- Tampere, il-Finlandja (mill-1993)
- Thessaloniki, il-Greċja (mill-2002)
- Turku, il-Finlandja (mill-1953)
- Varsavja, il-Polonja (mill-1997)
- Zagreb, il-Kroazja (mill-1968)
Ġemellaġġ ma' bliet tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u tal-Istati Baltiċi
- Almaty, il-Każakistan (mill-1996)
- Baku, l-Ażerbajġan (mill-1998)
- Daugavpils, il-Latvja (mill-2002)
- Dushanbe, it-Taġikistan (mill-1999)
- Riga, il-Latvja (mill-1997)
- Sevastopol, ir-Russja (mis-sena 2000)
- Tallinn, l-Estonja (mill-2002)
- Vilnius, il-Litwanja (mill-2002)
- Yerevan, l-Armenja (mill-1997)
Ġemellaġġi mal-belt mhux inklużi fil-lista uffiċjali tal-gvern tal-belt
- Aqaba, il-Ġordan (mill-2003)
- Astana/Nursultan, il-Każakistan (mill-2008)
- Busan, il-Korea t'Isfel (mill-2008)
- Chungcheongbuk-do, il-Korea t'Isfel (mill-2008)
- Debrecen, l-Ungerija (mill-2002)
- Firenze, l-Italja (mill-2001)
- Galveston, Texas, l-Istati Uniti
- Guadalajara, il-Messiku (mill-2008)
- Haifa, Iżrael (mill-2008)
- Hai Phong, il-Vjetnam (mill-2008)
- Khartoum, is-Sudan (mill-2002)
- Košice, is-Slovakkja (mill-1995)
- Lansing, Michigan, l-Istati Uniti (mill-1992)
- Lviv, l-Ukrajna (mill-2006)
- Mar del Plata, l-Arġentina (mill-2008)
- Maribor, is-Slovenja (mill-2001)
- L-Istat ta' Maryland, l-Istati Uniti
- Nampho, il-Korea ta' Fuq (mill-2002)
- Osh, il-Kirgiżistan (mill-2004)
- Oslo, in-Norveġja (mill-2002)
- Port Vila, Vanuatu
- Porto Alegre, il-Brażil (mill-2002)
- Rishon LeZion, Iżrael (mill-1966)
- Sousse, it-Tuneżija (mill-2008)
- Torino, l-Italja (mill-2012)
- Ulan Bator, il-Mongolja (mill-2008)
- Westport, Connecticut, l-Istati Uniti
Milan u Venezja kienu ġemellati ma' San Pietruburgu, iżda ssospendew dan il-ġemellaġġ minħabba l-projbizzjoni tal-belt fir-rigward “il-propaganda omosesswali”.[48] Milan issospendiet ir-relazzjoni ma' San Pietruburgu fit-23 ta' Novembru 2012 u Venezja għamlet l-istess ħaġa fit-28 ta' Jannar 2013.
Referenzi
immodifika- ^ "Severo-Zapadnyj Federal'nyj Okrug / Northwestern Russia (Russia): Regions, Republics, Major Cities & Urban Settlements - Population Statistics, Maps, Charts, Weather and Web Information". www.citypopulation.de. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Глава 2 - Город четырех революций". sobchak.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-02-08. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "18th Century in the Russian history | Rusmania". rusmania.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-03-19. Miġbur 2021-05-05.
- ^ McColl, R.W., ed. (2005). Encyclopedia of world geography. 1. New York: Infobase Publishing. pp. 633–634. ISBN 978-0-8160-5786-3.
- ^ V. Morozov. The Discourses of Saint Petersburg and the Shaping of a Wider Europe, Copenhagen Peace Research Institute, 2002. ISSN 1397-0895
- ^ "St Petersburg Tourism Russia | A Growing Trend to Study". st-petersburg-essentialguide.com. Miġbur 2021-05-05.
- ^ Nik.Fes@tourism-review.com, Nik Fes. "Saint Petersburg Reported Increased Number of Tourists | .TR". www.tourism-review.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-05.
- ^ Schmemann, Serge (1991-06-13). "Leningrad, Petersburg and the Great Name Debate" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-05.
- ^ a b "Петроград — Энциклопедия «Вокруг света»". www.vokrugsveta.ru. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Reise nach St. Petersburg - 6 Tage | Gruppen- und maßgeschneiderte Touren | Pauschalreisen nach Russland". www.russlanderleben.de. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Winter in St. Petersburg". www.autentic-distribution.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-05. Miġbur 2021-05-05.
- ^ Doka, Konstantin Afanasʹevich (1997). Saint Petersburg : the city of the white nights. Doka, Natalʹi︠a︡ Aleksandrovna., Vesnin, Sergeĭ., Williams, Paul. St. Petersburg: P-2 Art Publishers. ISBN 5890910310.
- ^ "The City of White Nights - Saint Petersburg". Designcollector (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-05.
- ^ a b Wilson, Derek (2010). Peter the Great. Macmillan. p. 82. ISBN 978-1429964678.
- ^ Williams, Harold (1914). Russia of the Russians. Pitman & Sons. p. 33.
- ^ Hughes, Lindsey (2004). Peter the Great: a Biography. Yale University Press. p. 66. ISBN 978-0-300-10300-7.
- ^ "The Peter and Paul Fortress in St. Petersburg, Russia". web.archive.org. 2008-07-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-07-20. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Consulate General of Sweden - Sweden and Saint Petersburg". web.archive.org. 2009-01-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-01-08. Miġbur 2021-05-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "St Petersburg: Paris of the North or City of Bones? - Europe - World - The Independent". web.archive.org. 2012-01-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-20. Miġbur 2021-05-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Jean-Baptiste Le Blond, architect in St. Petersburg, Russia". no-break space character f'
|titlu=
f'pożizzjoni 41 (għajnuna) - ^ Matthew S. Anderson, Peter the Great (London: Thames and Hudson, 1978).
- ^ Rex A. Wade The Russian Revolution, 1917 2005 Cambridge University Press ISBN 0-521-84155-0.
- ^ Kann, Pavel Yakovlevich (1963). Leningrad: A Short Guide. Moscow: Foreign Languages Publishing House. pp. 132–133.
- ^ a b "Административно-территориальное деление Ленинградской области". web.archive.org. 2009-06-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-06-08. Miġbur 2021-05-05.
- ^ Stalin's Terror: High Politics and Mass Repression in the Soviet Union, Barry McLoughlin and Kevin McDermott (eds). Palgrave Macmillan, 2002, p. 6.
- ^ "The Russian historian giving Stalin's victims back their identity". France 24 (bl-Ingliż). 2018-01-29. Miġbur 2021-05-05.
- ^ Baldack, Richard H. "Leningrad, Siege of", World Book Encyclopedia, Chicago, 2002, vol. 12, p. 195.
- ^ Zubkova, Elena Yurievna (1998). "Chronology of Major Events". In Ragsdale, Hugh (ed.). Russia after the war: hopes, illusions, and disappointments, 1945–1957. New York: M.E. Sharpe, Inc. pp. 132–133. ISBN 978-0-7656-0227-5.
- ^ Orttung, Robert W. (1995). "Chronology of Major Events". From Leningrad to Saint Petersburg. London and New York: Palgrave Macmillan. pp. 273–277. ISBN 978-0-312-12080-1.
- ^ Facebook; Twitter; options, Show more sharing; Facebook; Twitter; LinkedIn (2001-08-03). "Russian Photos Trace Images of Mortality and Memory". Los Angeles Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Camera in a city of shadows". The Irish Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Newsline - June 14, 1996". RadioFreeEurope/RadioLiberty (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Chuman, Mizuki. "The Rise and Fall of Power-Sharing Treaties Between Center and Regions in Post-Soviet Russia" (PDF). Demokratizatsiya: 146" (PDF).
- ^ "Prof. Dr. Sergey Zagraevsky. Will Saint Petersburg share the same fate as Moscow?". zagraevsky.com. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "РусАрх - Фотографии, свидетельствующие об уничтожении памятников архитектуры, исторической застройки и нарушениях новым строительством панорам центра Санкт-Петербурга". web.archive.org. 2011-08-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-08-26. Miġbur 2021-05-05.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Saint Petersburg and Related Groups of Monuments". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-05.
- ^ Nezhikhovsky, R.A. Река Нева и Невская губа [The Neva River and Neva Bay], Leningrad: Gidrometeoizdat, 1981.
- ^ a b "Климат Санкт-Петербурга - Погода и климат". www.pogodaiklimat.ru. Miġbur 2021-05-05.
- ^ S.L, Tutiempo Network. "Climate St. Peterburg - Climate data (260630)". www.tutiempo.net (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-05.
- ^ rp5.ru https://rp5.ru/%C3%90%C2%90%C3%91%C2%80%C3%91%C2%85%C3%90%C2%B8%C3%90%C2%B2_%C3%90%C2%BF%C3%90%C2%BE%C3%90%C2%B3%C3%90%C2%BE%C3%90%C2%B4%C3%91%C2%8B_%C3%90%C2%B2_%C3%90%C2%A1%C3%90%C2%B0%C3%90%C2%BD%C3%90%C2%BA%C3%91%C2%82-%C3%90%C2%9F%C3%90%C2%B5%C3%91%C2%82%C3%90%C2%B5%C3%91%C2%80%C3%90%C2%B1%C3%91%C2%83%C3%91%C2%80%C3%90%C2%B3%C3%90%C2%B5. Miġbur 2021-05-05.
|title=
nieqes jew vojt (għajnuna) - ^ ""Leningrad/Pulkovo Climate Normals 1961–1990". National Oceanic and Atmospheric Administration".
- ^ "ВПН-2010". www.gks.ru. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Демоскоп Weekly - Приложение. Справочник статистических показателей". www.demoscope.ru. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Естественное движение населения в разрезе субъектов Российской Федерации". www.gks.ru. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "ИС «Кодекс: 6 поколение» Интранет". www.gov.spb.ru. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Rostelecom to invest RUB 15 bln in St Petersburg". www.telecompaper.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Official Portal of the City Governement: International and Interregio…". archive.ph. 2009-02-24. Miġbur 2021-05-05.
- ^ "Milan severs twin city ties with St Petersburg over 'homosexual propaganda' ban". www.telegraph.co.uk. Miġbur 2021-05-05.