Edinburgu
Edinburgu (pronunzja bl-Ingliż: /ˈɛdɪnbərə/[1][2][3]; bl-Ingliż u bl-Iskoċċiż: Edinburgh; bil-Gaeliku Skoċċiż: Dùn Èideann [ˈt̪uːn ˈeːtʲən̪ˠ]) hija l-belt kapitali tal-Iskozja u waħda mit-32 żona tal-kunsilli tagħha. Storikament kienet parti mill-kontea ta' Midlothian (b'mod interkambjabblii Edinburghshire qabel l-1921)[4], u tinsab f'Lothian fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Firth of Forth. Edinburgu hija t-tieni l-iktar belt popolata fl-Iskozja u s-sbatax-il belt l-iktar popolata fir-Renju Unit.
Edinburgu | |||
---|---|---|---|
Renju Unit | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Renju Unit | ||
Nazzjon konstitwentiv tar-Renju Unit | Skozja | ||
Scottish council area | Belt ta' Edinburgu | ||
Kap tal-Gvern | Frank Ross (mul) | ||
Isem uffiċjali |
Edinburgh Dùn Èideann Edinburgh | ||
Ismijiet oriġinali | Edinburgh | ||
Kodiċi postali |
EH1-EH13 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 55°57′12″N 3°11′21″W / 55.9533°N 3.1892°WKoordinati: 55°57′12″N 3°11′21″W / 55.9533°N 3.1892°W | ||
, u | |||
Superfiċjenti | 259±1 kilometru kwadru | ||
Għoli | 47 m | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 488,050 abitanti (2016) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Fondazzjoni | 7 century | ||
Kodiċi tat-telefon |
0131 | ||
Żona tal-Ħin | UTC±0u UTC+1 | ||
bliet ġemellati | Munich, Firenze, Dunedin, Vancouver, San Diego, Kiev, Aalborg, Nizza, Xi'an, Kjoto, Krakovja, Vilnius, Segovia, San Pietruburgu, Prefettura ta' Kjoto, Aalborgu Shenzhen (en) | ||
edinburgh.gov.uk |
Rikonoxxuta bħala l-kapitali tal-Iskozja mill-inqas mis-seklu 15, Edinburgu hija s-sede tal-Gvern Skoċċiż, tal-Parlament Skoċċiż u tal-ogħla qrati fl-Iskozja. Il-Palazz ta' Holyroodhouse fil-belt huwa r-residenza uffiċjali tal-monarka tal-Iskozja. Il-belt ilha ċentru tal-edukazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-mediċina, il-liġi Skoċċiża, il-letteratura, il-filosofija, ix-xjenzi u l-inġinerija. Hija t-tieni l-ikbar ċentru finanzjarju fir-Renju Unit, u l-attrazzjonijiet storiċi u kulturali tal-belt wassluha biex tkun it-tieni l-iktar destinazzjoni fir-Renju Unit li jżuruha t-turisti. Fl-2018 attirat madwar 4.9 miljun turist, inkluż 2.4 miljun minn pajjiżi 'l barra mir-Renju Unit.[5][6]
Huwa stmat li l-popolazzjoni uffiċjali ta' Edinburgu hija ta' 488,050 ruħ (lejn nofs l-2016) għal-lokalità ta' Edinburgu[7], 518,500 ruħ (lejn nofs l-2019) għaż-żona tal-kunsill tal-Belt ta' Edinburgu[8], u 1,339,380 ruħ (fl-2014) għar-reġjun usa' tal-belt.[9] Edinburgu tinsab fil-qalba tar-reġjun tal-belt ta' Edinburgu u tax-Xlokk tal-Iskozja li jinkludi l-Lvant ta' Lothian, Edinburgu, Fife, Midlothian, il-Fruntieri Skoċċiżi u l-Punent ta' Lothian.[10]
Kull sena fil-belt issir l-Assemblea Ġenerali tal-Knisja tal-Iskozja. Tospita istituzzjonijiet kulturali nazzjonali bħall-Mużew Nazzjonali tal-Iskozja, il-Librerija Nazzjonali u l-Gallerija Nazzjonali Skoċċiża. L-Università ta' Edinburgu, li ġiet stabbilita fl-1582 u issa waħda minn tlieta fil-belt, hija kklassifikata fis-16-il post fil-Klassifiki Universitarji Dinjin tal-QS għall-2022.[11] Il-belt hija magħrufa wkoll għall-Festival Internazzjonali Annwali ta' Edinburgu, il-Military Tatoo Annwali tal-Forzi Armati u The Fringe. Dan tal-aħħar huwa l-ikbar festival internazzjonali annwali tal-arti fid-dinja. Fost is-siti storiċi f'Edinburgu hemm il-Kastell ta' Edinburgu, il-Palazz ta' Holyroodhouse, il-knejjes ta' St. Giles, Greyfriars u Canongate, u r-Raħal il-Ġdid Ġorġjan li nbena fis-sekli 18-19. Iċ-ċentru storiku u r-raħal il-ġdid ta' Edinburgu[12] flimkien huma mniżżla fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[13]
Etimoloġija
immodifika"Edin", l-għerq tal-isem tal-belt, joriġina minn Eidyn, l-isem tar-reġjun bil-Kumbrijan, il-lingwa Ċeltika Brittonika li kienet tiġi mitkellma hemmhekk. It-tifsira tal-isem mhijiex magħrufa. Id-distrett ta' Eidyn kien iċċentrat fuq il-fortizza ta' Din Eidyn, il-forti fl-għolja ta' Eidyn.[14] Din il-fortizza jingħad li kienet tinsab fuq il-Blata tal-Kastell, li issa hija s-sit tal-Kastell ta' Edinburgu. Eidyn ġiet maħkuma mill-Angoli ta' Bernicia fis-seklu 7 u iktar 'il quddiem ġiet okkupata mill-Iskoċċiżi fis-seklu 10.[15] Peress li l-lingwa nbidlet għall-Ingliż Antik ta' Northumbria, li evolva fl-Iskoċċiż, il-kelma Brittonika din f'Din Eidyn ġiet sostitwita b'burh, u ġiet prodotta l-kelma Edinburgu. B'mod simili, din saret dùn fil-Gaeliku Skoċċiż, u ġiet prodotta Dùn Èideann.[16]
Storja
immodifikaStorja bikrija
immodifikaL-iktar insedjament uman bikri magħruf fiż-żona ta' Edinburgu kien f'Cramond, fejn instabet evidenza ta' sit Mesolitiku datat għall-ħabta ta' 8500 Q.K.[17] Instabu wkoll traċċi ta' insedjamenti ta' Żmien il-Bronż u ta' Żmien il-Ħadid fejn il-Blata tal-Kastell (bl-Ingliż: Castle Rock), is-Siġġu ta' Arturu (bl-Ingliż: Arthur's Seat), l-Għolja ta' Craiglockhart u l-Għoljiet ta' Pentland.[18]
Meta r-Rumani waslu f'Lothian fl-aħħar tal-ewwel seklu W.K., sabu tribù Ċeltika Brittonika li rreġistraw fid-dokumenti antiki bħala l-Votadini.[19] Il-Votadini baqgħu fi tranżizzjoni fi ħdan ir-renju ta' Gododdin fil-Medju Evu Bikri, u Eidyn kienet isservi bħala wieħed mid-distretti tar-renju. Matul dan il-perjodu, is-sit tal-Blata tal-Kastell, li hu maħsub li kien il-fortizza ta' Din Eidyn, feġġ bħala ċ-ċentru maġġuri tar-renju.[20] Il-poeżija Medjevali Y Gododdin tiddeskrivi gwerra fejn inġemgħu bosta nies mid-dinja Brittonika f'Eidyn qabel assedju; dan jista' jkun li jiddeskrivi avveniment storiku li seħħ għall-ħabta tas-600 W.K.
Fis-638, il-fortizza ta' Gododdin ġiet assedjata minn forzi li kienu leali għar-Re Oswald ta' Northumbria, u lejn dak iż-żmien, il-kontroll ta' Lothian għadda f'idejn l-Angoli. L-influwenza tagħhom kompliet għat-tliet sekli ta' wara sa madwar id-950, meta, matul ir-renju ta' Indulf, iben Kostantinu II, il-"burh" (fortizza), li ssemmiet fil-Ġrajja tal-Pitti tas-seklu 10 bħala oppidum Eden, ġie abbandunat mill-Iskoċċiżi. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, baqa' taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.
Il-fortizza rjali ġiet stabbilita mir-Re David I fil-bidu tas-seklu 12 fuq art ta' sjieda tal-Kuruna, għalkemm id-data preċiża mhijiex magħrufa. L-ewwel evidenza dokumentarja tal-fortizza Medjevali hija dokument irjali tal-ħabta tal-1124-1127, fejn ir-Re David I jagħti biċċa art fil-burgo meo de Edenesburg lill-Pirjol ta' Dunfermline. F'nofs is-seklu 14, il-kronista Franċiż Jean Froissart iddeskriviha bħala l-kapitali tal-Iskozja (madwar l-1365), u Ġakbu III (1451-1488) irrefera għaliha fis-seklu 15 bħala "l-fortizza prinċipali tar-renju tagħna". Minkejja l-qerda kkawżata mill-assedju Ingliż fl-1544, ir-raħal bil-mod il-mod irkupra, u kien fil-qalba tal-avvenimenti storiċi fir-Riformazzjoni Skoċċiża tas-seklu 16 u l-Gwerer tal-Patt tas-seklu 17.
Seklu 17
immodifikaFl-1603, ir-Re Ġakbu VI tal-Iskozja kien is-suċċessur fuq it-tron Ingliż, u għaqqad il-kuruni tal-Iskozja u tal-Ingilterra f'unjoni personali magħrufa bħala l-Unjoni tal-Kuruni, għalkemm l-Iskozja baqgħet renju separat, fl-aspett l-oħra kollha. Fl-1638, ir-Re Karlu I pprova jdaħħal forom tal-Knisja Anglikana fl-Iskozja u ntlaqa' minn oppożizzjoni qalila mill-Presbiteri li laħqet il-qofol tagħha fil-kunflitti tal-Gwerer tat-Tliet Renji. L-appoġġ Skoċċiż sussegwenti biex Charles Stuart jerġa' jitqiegħed fuq it-tron tal-Ingilterra rriżultaw fl-okkupazzjoni ta' Edinburgu mill-forzi tal-Commonwealth tal-Ingilterra ta' Oliver Cromwell – l-Armata tal-Mudell il-Ġdid – fl-1650.
Fis-seklu 17, il-konfini ta' Edinburgu kienu għadhom definiti mis-swar difensivi tal-belt. B'riżultat ta' dan, il-popolazzjoni dejjem tikber tal-belt ġiet moqdija billi żdied l-għoli tal-binjiet residenzjali b'filati addizzjonali. Binjiet bi 11-il sular jew iktar kienu xi ħaġa komuni, u ġew deskritti bħala l-pijunieri tal-iskyscrapers moderni. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-istrutturi antiki ġew sostitwiti bil-binjiet prevalentement Vittorjani li għad hemm sa llum fiċ-ċentru storiku jew il-Belt l-Antika. Fl-1611, att tal-Parlament ħoloq il-Kuntistabbli Għoljin ta' Edinburgu biex iżommu l-ordni fil-belt. Huwa maħsub li dawn x'aktarx huma l-eqdem forza statutorja tal-pulizija fid-dinja.
Seklu 18
immodifikaWara t-Trattat tal-Unjoni fl-1706, the Parlamenti tal-Ingilterra u tal-Iskozja għaddew l-Atti tal-Unjoni fl-1706 u fl-1707 rispettivament, u għaqdu ż-żewġ renji fir-Renju tal-Gran Brittanja effettivament mill-1 ta' Mejju 1707. B'konsegwenza ta' dan, il-Parlament tal-Iskozja sar ħaġa waħda mal-Parlament tal-Ingilterra biex jissawwar il-Parlament tal-Gran Brittanja, li kien jiltaqa' f'Westminster f'Londra. L-Unjoni ġiet opposta minn ħafna Skoċċiżi, u dan irriżulta f'irvelli fil-belt.
Sal-ewwel nofs tas-seklu 18, Edinburgu ġiet deskritta bħala waħda mill-iktar bliet b'popolazzjoni densa, iffullati u mhux iġjeniċi fl-Ewropa. Il-viżitaturi kien jistagħġbu mill-fatt li d-diversi klassijiet soċjali kienu jikkondividu l-istess spazju urban, u saħansitra jgħixu fl-istess binjiet xi kultant; għalkemm xorta kien hemm xi forma ta' segregazzjoni soċjali, fejn tal-ħwienet u n-negozjanti kienu jgħixu l-iktar fil-kantini jew fil-kmamar tal-bejt b'kera rħisa, filwaqt li l-klassijiet professjonali iktar għonja kienu jgħixu fis-sulari tan-nofs li kienu jiswew l-iktar flus.
Matul ir-rewwixta Ġakobita tal-1745, Edinburgu għal żmien qasir kienet okkupata mill-"Armata tal-Highlands" Ġakobita qabel l-avvanzar tagħha fl-Ingilterra. Wara t-telfa eventwali li ġarrbet f'Culloden, kien hemm perjodu ta' alternanza bejn tpattijiet u ta' paċifikazzjoni, diretti l-iktar lejn il-klans ribellużi. F'Edinburgu, il-Kunsill tal-Belt, li kien ħerqan biex jemula lil Londra u jagħti bidu għat-titjib u għall-espansjoni tal-belt lejn it-Tramuntana tal-kastell, afferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu fl-Unjoni u l-lealtà lejn il-monarka ta' Hannover, Ġorġ III, permezz tal-għażla tal-ismijiet tat-toroq tar-Raħal il-Ġdid: pereżempju, Triq il-Ward (bl-Ingliż: Rose Street) u Triq ix-Xtieli Mxewkin (bl-Ingliż: Thistle Street); u għall-familja rjali, Triq Ġorġ (bl-Ingliż: George Street), Triq ir-Reġina (bl-Ingliż: Queen Street), Triq Hannover (bl-Ingliż: Hanover Street), Triq Federiku (bl-Ingliż: Frederick Street) u Triq il-Prinċpijiet (bl-Ingliż: Princes Street) bħala ġieħ għaż-żewġt itfal tar-Re Ġorġ.
Fit-tieni nofs tas-seklu, il-belt kienet fil-qalba tal-Illuminiżmu Skoċċiż, meta ħassieba bħal David Hume, Adam Smith, James Hutton u Joseph Black kienu persuni familjari fit-toroq tal-belt. Edinburgu saret ċentru intellettwali maġġuri, u b'hekk kienet magħrufa wkoll bil-laqam "Ateni tat-Tramuntana", minħabba l-bosta binjiet Neo-klassiċi tagħha u r-reputazzjoni li kellha għall-apprendiment u għat-tagħlim, li kienet tfakkar f'Ateni tal-qedem. Fir-rumanz tas-seklu 18 The Expedition of Humphry Clinker (bil-Malti: L-Ispedizzjoni ta' Humphry Clinker) ta' Tobias Smollett, karattru jiddeskrivi lil Edinburgu bħala "art għammiela ta' ġenji". Edinburgu kienet ukoll ċentru maġġuri għall-bejgħ tal-kotba Skoċċiżi. Il-bejjiegħ tal-kotba ta' suċċess f'Londra, Andrew Millar, għamel apprendistat lil James McEuen.
Mis-snin 70 tas-seklu 18 'il quddiem, il-klassijiet professjonali u tan-negozju ma baqgħux jgħixu fir-Raħal l-Antik u minflok marru jgħixu f'residenzi iktar eleganti għal "familja waħda" fir-Raħal il-Ġdid. Din kienet migrazzjoni li bidlet il-karattru soċjali tal-belt ta' taħt fuq. Skont l-ewwel storiku li kiteb dwar dan l-iżvilupp, "l-Unità tas-sentiment soċjali kienet wirt ta' valur kbir fir-Raħal l-Antik ta' Edinburgu, u l-fatt li għebet ġie mmaqdar sew".
Sekli 19 u 20
immodifikaMinkejja għajdut bla bażi li kien jgħid il-kontra ta' dan, Edinburgu saret ċentru industrijali bl-industriji tradizzjonali tagħha tal-istamperiji, tal-birreriji, u tad-distilleriji li baqgħu jikbru sas-seklu 19. Barra minn hekk, issieħbu industriji oħra bħall-produzzjoni tal-lastiku, l-inġinerija u oħrajn. Sal-1821, Edinburgu saret it-tieni l-iktar belt kbira fl-Iskozja wara Glasgow. Iċ-ċentru tal-belt bejn Triq il-Prinċpijiet u Triq Ġorġ saret distrett kummerċjali ewlieni u bil-ħwienet, żvilupp li ġie parzjalment xprunat mill-wasla tal-linji ferrovjarji fis-snin 40 tas-seklu 19. Ir-Raħal l-Antik kulma jmur ġie mitluq iktar, u xejn inqas minn "mandraġġ" iffullat b'rati għoljin ta' mortalità. It-titjib li twettaq taħt il-Lord Provost William Chambers fis-snin 60 tas-seklu 19 witta t-triq għat-trasformazzjoni taż-żona fir-Raħal l-Antik prevalentement Vittorjan kif inhu llum. Sar iktar titjib fil-bidu tas-seklu 20 bħala riżultat tax-xogħol ta' Patrick Geddes, iżda l-istaġnar ekonomiku relattiv matul iż-żewġ gwerer dinjin u wara wassal biex ir-Raħal l-Antik reġa' qabad it-triq tan-niżla, sakemm it-tneħħija tal-"mandraġġ" fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20 ma bdietx tagħmel tajjeb għal dan il-proċess. L-iżviluppi tal-binjiet universitarji li ttrasformaw iż-żoni tal-Pjazza ta' Ġorġ (bl-Ingliż: George Square) u ta' Potterrow kienu kontroversjali ferm.
Mis-snin 90 tas-seklu 20, "distrett finanzjarju" ġdid, inkluż iċ-Ċentru tal-Konferenzi Internazzjonali ta' Edinburgu, kiber l-iktar fuq proprjetà mġarrfa tal-linji ferrovjarji fil-Punent tal-kastell sa Fountainbridge, subborg industrijali mitluq tas-seklu 19 li għadda minn bidla radikali mis-snin 80 tas-seklu 20 bl-għeluq tal-istabbilimenti industrijali u tal-birreriji. Dan l-iżvilupp kontinwu ppermetta lil Edinburgu żżomm il-post tagħha bħala t-tieni l-ikbar ċentru finanzjarju u amministrattiv tar-Renju Unit wara Londra. Is-servizzi finanzjarji issa jirrappreżentaw terz tal-ispazju kummerċjali bl-uffiċini fil-belt. L-iżvilupp tal-Park ta' Edinburgu (bl-Ingliż: Edinburgh Park), park kummerċjali u teknoloġiku ġdid ta' 38 akru (15 ha), erba' mili (6 km) fil-Punent taċ-ċentru tal-belt, ikkontribwixxa wkoll għall-istrateġija tal-Kunsill Distrettwali biex ikun hemm riġenerazzjoni ekonomika maġġuri.
Fl-1998, l-Att dwar l-Iskozja, li daħal fis-seħħ is-sena ta' wara, stabbilixxa Parlament Skoċċiż devolut u Eżekuttiv Skoċċiż (li sar magħruf bħala l-Gvern Skoċċiż minn Settembru 2007). It-tnejn għandhom is-sede tagħhom f'Edinburgu, u huma responsabbli għall-iggvernar tal-Iskozja, filwaqt li materji riżervati bħad-difiża, l-affarijiet barranin u xi elementi tat-taxxa fuq l-introjtu huma responsabbiltà tal-Parlament tar-Renju Unit f'Londra.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIr-Raħal l-Antik u r-Raħal il-Ġdid ta' Edinburgu ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[13]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[13]
Ġeografija
immodifikaPajsaġġ urban
immodifikaKlima
immodifikaData klimatika għall-Edinburgu (RBGE), elevazzjoni: 23 m (75 ft), temp. normali 1981-2010, temp. estremi 1960-sal-preżent | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord °C (°F) | 15.0
(59.0) |
15.2
(59.4) |
20.0
(68.0) |
22.8
(73.0) |
29.0
(84.2) |
27.8
(82.0) |
31.6
(88.9) |
31.4
(88.5) |
26.7
(80.1) |
24.4
(75.9) |
20.6
(69.1) |
15.4
(59.7) |
31.6
(88.9) |
Temp. medja °C (°F) | 7.0
(44.6) |
7.5
(45.5) |
9.5
(49.1) |
11.8
(53.2) |
14.7
(58.5) |
17.2
(63.0) |
19.1
(66.4) |
18.9
(66.0) |
16.5
(61.7) |
13.1
(55.6) |
9.6
(49.3) |
7.0
(44.6) |
12.7
(54.9) |
Temp. medja ta' kuljum °C (°F) | 4.2
(39.6) |
4.5
(40.1) |
6.2
(43.2) |
8.1
(46.6) |
10.8
(51.4) |
13.5
(56.3) |
15.3
(59.5) |
15.2
(59.4) |
13.0
(55.4) |
9.8
(49.6) |
6.7
(44.1) |
4.2
(39.6) |
9.3
(48.7) |
Temp. baxxa medja °C (°F) | 1.4
(34.5) |
1.5
(34.7) |
2.8
(37.0) |
4.3
(39.7) |
6.8
(44.2) |
9.7
(49.5) |
11.5
(52.7) |
11.4
(52.5) |
9.4
(48.9) |
6.5
(43.7) |
3.7
(38.7) |
1.3
(34.3) |
5.9
(42.6) |
Temp. baxxa rekord °C (°F) | −15.5
(4.1) |
−11.7
(10.9) |
−11.1
(12.0) |
−6.1
(21.0) |
−2.4
(27.7) |
1.1
(34.0) |
4.4
(39.9) |
2.2
(36.0) |
−1.1
(30.0) |
−3.7
(25.3) |
−8.3
(17.1) |
−11.5
(11.3) |
−15.5
(4.1) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 67.5
(2.66) |
47.0
(1.85) |
51.7
(2.04) |
40.5
(1.59) |
48.9
(1.93) |
61.3
(2.41) |
65.0
(2.56) |
60.2
(2.37) |
63.7
(2.51) |
75.6
(2.98) |
62.1
(2.44) |
60.8
(2.39) |
704.3
(27.73) |
Medja ta' jiem ta' preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) | 12.5 | 9.4 | 9.9 | 8.8 | 9.6 | 9.6 | 9.5 | 9.7 | 10.2 | 12.4 | 11.2 | 11.4 | 124.2 |
Sigħat medji ta' xemx fix-xahar | 53.5 | 78.5 | 114.8 | 144.6 | 188.4 | 165.9 | 172.2 | 161.5 | 128.8 | 101.2 | 71.0 | 46.2 | 1,426.6 |
Indiċi ultravjola medju | 0 | 1 | 2 | 3 | 5 | 5 | 5 | 5 | 3 | 1 | 1 | 0 | 3 |
Sors: Met Office, KNMI u Weather Atlas |
Data klimatika għall-Edinburgu (Gogarbank), elevazzjoni: 57 m (187 ft), temp. normali 1981-2010 | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja °C (°F) | 6.6
(43.9) |
7.0
(44.6) |
9.0
(48.2) |
11.6
(52.9) |
14.6
(58.3) |
17.2
(63.0) |
19.2
(66.6) |
19.1
(66.4) |
16.6
(61.9) |
12.9
(55.2) |
9.2
(48.6) |
6.6
(43.9) |
12.5
(54.5) |
Temp. medja ta' kuljum °C (°F) | 3.9
(39.0) |
4.2
(39.6) |
5.8
(42.4) |
7.9
(46.2) |
10.6
(51.1) |
13.2
(55.8) |
15.1
(59.2) |
15.0
(59.0) |
12.9
(55.2) |
9.6
(49.3) |
6.4
(43.5) |
3.9
(39.0) |
9.0
(48.2) |
Temp. baxxa medja °C (°F) | 1.1
(34.0) |
1.3
(34.3) |
2.6
(36.7) |
4.1
(39.4) |
6.5
(43.7) |
9.1
(48.4) |
10.9
(51.6) |
10.8
(51.4) |
9.2
(48.6) |
6.2
(43.2) |
3.6
(38.5) |
1.1
(34.0) |
5.6
(42.1) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 76.3
(3.00) |
53.8
(2.12) |
55.9
(2.20) |
46.1
(1.81) |
49.0
(1.93) |
61.5
(2.42) |
64.1
(2.52) |
67.8
(2.67) |
58.0
(2.28) |
84.5
(3.33) |
73.7
(2.90) |
63.6
(2.50) |
754.2
(29.69) |
Medja ta' jiem ta' preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) | 13.6 | 9.8 | 11.8 | 9.8 | 11.4 | 10.4 | 10.2 | 11.2 | 10.4 | 12.8 | 13.0 | 12.9 | 137.2 |
Sigħat medji ta' xemx fix-xahar | 45.5 | 69.6 | 106.9 | 136.3 | 188.3 | 154.1 | 170.7 | 149.0 | 125.5 | 96.1 | 65.2 | 35.3 | 1,342.7 |
Sors: Met Office |
- ^ L-istazzjon tat-tbassir tat-temp jinsab 0.9 mili (1.4 km) miċ-ċentru tal-belt ta' Edinburgu.
- ^ L-istazzjoni tat-tbassir tat-temp jinsab 5.9 mili (9.5 km) miċ-ċentru tal-belt ta' Edinburgu.
Demografija
immodifikaGrupp etniku | 2001 | 2011 | ||
---|---|---|---|---|
Ammont | % | Ammont | % | |
Bojod: Skoċċiżi | 354,053 | 78.9% | 334,987 | 70.2% |
Bojod: Brittaniċi oħra | 51,407 | 11.4% | 56,132 | 11.7% |
Bojod: Irlandiżi | 6,470 | 1.4% | 8,603 | 1.8% |
Bojod: oħra | 18,439 | 4.1% | 37,445 | 7.9% |
Bojod: total | 430,369 | 95.9% | 437,167 | 91.7% |
Asjatiċi: | 11,600 | 2.5% | 26,264 | 5.5% |
Afrikani: | 1,285 | 0.2% | 4,474 | 0.9% |
Mill-Karibew/Karnaġġjon Sewda: | 292† | <0.1% | 1,031 | 0.2% |
Imħallta: | 2,776 | 0.6% | 4,087 | 0.8% |
Oħrajn mhux bojod: | 2,302 | 0.5% | 3,603 | 0.8% |
Mhux bojod: total | 18,255 | 4.0% | 39,459 | 8.2% |
Total | 448,624 | 100.00% | 476,626 | 100.00% |
† Mill-Karibew imqabbla ma' Suwed mill-Karibew |
Il-proporzjon ta' nies imwielda 'l barra mir-Renju Unit kien 15.9 % meta mqabbel ma' 8 % fl-2001.
Post tat-twelid | Stima tal-popolazzjoni residenti (2011) |
---|---|
Il-Polonja | 11,651 |
L-Indja | 4,888 |
L-Irlanda | 4,743 |
Iċ-Ċina Kontinentali | 4,188 |
L-Istati Uniti | 3,700 |
Il-Ġermanja | 3,500 |
Il-Pakistan | 2,472 |
L-Awstralja | 2,100 |
Franza | 2,000 |
Spanja | 2,000 |
L-Afrika t'Isfel | 1,800 |
Il-Kanada | 1,800 |
Hong Kong | 1,600 |
Popolazzjoni storika
immodifikaSena | Pop. | ± % |
---|---|---|
1801 | 82,560 | — |
1811 | 102,987 | +24.7% |
1821 | 138,235 | +34.2% |
1831 | 161,909 | +17.1% |
1841 | 166,450 | +2.8% |
1851 | 193,929 | +16.5% |
1901 | 303,638 | +56.6% |
1911 | 320,318 | +5.5% |
1921 | 420,264 | +31.2% |
1931 | 439,010 | +4.5% |
1951 | 466,761 | +6.3% |
Relazzjonijiet internazzjonali
immodifikaĠemellaġġi
immodifikaIl-Belt ta' Edinburgu daħlet f'16-il arranġament ta' ġemellaġġ jew sħubija ta' ħbiberija mill-1954 'l hawn.
Belt u pajjiż | Minn |
---|---|
Munich, il-Ġermanja | 1954 |
Nizza, Franza | 1958 |
Firenze, l-Italja | 1964 |
Dunedin, New Zealand | 1974 |
Vancouver, British Columbia, il-Kanada | 1977 |
San Diego, California, l-Istati Uniti | 1977 |
Xi'an, iċ-Ċina | 1985 |
Segovia, Spanja | 1985 |
Kjev, l-Ukrajna | 1989 |
Aalborg, id-Danimarka | 1991 |
Il-Prefettura ta' Kyoto, il-Ġappun | 1994 |
Kathmandu, in-Nepal | 1994 |
Krakovja, il-Polonja | 1995 |
San Pietruburgu, ir-Russja | 1995 |
Shenzhen, iċ-Ċina | 2019 |
Referenzi
immodifika- ^ "Edinburgh: definition of Edinburgh in Oxford dictionary (British & World English)". web.archive.org. 2014-01-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-01-13. Miġbur 2021-08-09.
- ^ "edinburgh - Definition, pictures, pronunciation and usage notes | Oxford Advanced Learner's Dictionary at OxfordLearnersDictionaries.com". web.archive.org. 2017-09-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-09-22. Miġbur 2021-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Edinburgh | Define Edinburgh at Dictionary.com". web.archive.org. 2017-10-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-10-05. Miġbur 2021-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "History of parishes - County and Parishes viewer - National Library of Scotland". web.archive.org. 2019-04-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-04-07. Miġbur 2021-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Edinburgh, Financial Services UK | Invest Edinburgh". web.archive.org. 2017-10-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-10-03. Miġbur 2021-08-09.
- ^ "Edinburgh by Numbers 2019". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-03-08. Miġbur 2021-08-09.
- ^ Team, National Records of Scotland Web (2013-05-31). "National Records of Scotland". National Records of Scotland . Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-02. Miġbur 2021-08-09.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
- ^ "Estimates of the population for the UK, England and Wales, Scotland and Northern Ireland - Office for National Statistics". www.ons.gov.uk. Miġbur 2021-08-09.
- ^ "About Us — Accelerating growth: The Edinburgh and South East Scotland City Region Deal". web.archive.org. 2015-11-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-25. Miġbur 2021-08-09.
- ^ "City Region Deal secured | The City of Edinburgh Council". web.archive.org. 2017-10-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-10-03. Miġbur 2021-08-09.
- ^ "QS World University Rankings 2022". Top Universities (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-09.
- ^ "Edinburgh World Heritage | Visit Scotland". web.archive.org. 2013-02-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-02-22. Miġbur 2021-08-09.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Old and New Towns of Edinburgh". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-09.
- ^ Gelling, Margaret; Nicolaisen, W. F. H.; Richards, Melville (1970). The Names of Towns and Cities in Britain. Batsford. pp. 88–89. ISBN 978-0-7134-5235-8.
- ^ Driscoll, Stephen; Yeoman, Peter A. (1997). Excavations within Edinburgh Castle in 1988–91. Society of Antiquaries of Scotland monograph series. 12. Society of Antiquaries of Scotland. p. 229. ISBN 978-0-903-903127.
- ^ Room, Adrian (2006). Placenames of the World. McFarland. pp. 118–119. ISBN 978-0-7864-2248-7.
- ^ "British Archaeology magazine, August 2001". web.archive.org. 2013-11-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-02. Miġbur 2021-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Coghill, Hamish (2008). Lost Edinburgh. Birlinn Ltd. pp. 1–2. ISBN 978-1-84158-747-9.
- ^ Ritchie, J. N. G. and A. (1972). Edinburgh and South-East Scotland. Heinemann. p. 51. ISBN 978-0-435-32971-6.
- ^ Driscoll, Stephen; Yeoman, Peter A. (1997). Excavations within Edinburgh Castle in 1988–91. Society of Antiquaries of Scotland monograph series. 12. Society of Antiquaries of Scotland. p. 227. ISBN 978-0-903-903127.