Salzburg

belt kapitali tal-istat federali ta' Salzburg fl-Awstrija

Salzburg (bil-Ġermaniż tal-Awstrija: [ˈsaltsbʊʁk], bil-Ġermaniż: [ˈzaltsbʊʁk]; litteralment tfisser "Kastell tal-Melħ"; bil-Bavarjan Awstrijaku: Soizbuag) hija r-raba' l-ikbar belt fl-Awstrija. Fl-2020 kellha popolazzjoni ta' 156,872 ruħ.[1][2]

Salzburg
 Awstrija
Amministrazzjoni
Stat sovranAwstrija
Federal state of AustriaSalzburg
Kap tal-Gvern Harald Preuner (en) Translate
Isem uffiċjali Salzburg
Ismijiet oriġinali Salzburg
Kodiċi postali 5020, 5023, 5026, 5061, 5071, 5081u 5082
Ġeografija
Koordinati 47°48′00″N 13°02′42″E / 47.8°N 13.045°E / 47.8; 13.045Koordinati: 47°48′00″N 13°02′42″E / 47.8°N 13.045°E / 47.8; 13.045
Salzburg is located in Austria
Salzburg
Salzburg
Salzburg (Austria)
Superfiċjenti 65.65 kilometru kwadru
Għoli 424 m
Fruntieri ma' Berchtesgadener Land (en) Translateu Salzburg-Umgebung District (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 155,021 abitanti (1 Jannar 2020)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0662
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Vilnius, Reims, Atlanta, Verona, León (en) Translate, Dresden, Kawasaki, Merano, Shanghai, São João da Madeira (en) Translate, Singida (en) Translate, Busseto (en) Translate, Bernu Lagos
stadt-salzburg.at

Il-belt tinsab fuq is-sit tal-insedjament Ruman ta' Iuvavum. Salzburg ġiet stabbilita bħala sede episkopali fis-696 u saret is-sede tal-arċisqof fis-798. Is-sorsi prinċipali ta' introjtu tagħha kienu l-estrazzjoni tal-melħ, il-kummerċ u l-estrazzjoni tad-deheb. Il-Fortizza ta' Hohensalzburg, waħda mill-ikbar fortizzi Medjevali fl-Ewropa, inbniet fis-seklu 11. Fis-seklu 17, Salzburg saret ċentru tal-Kontroriformazzjoni, u nbnew bosta monasteri u knejjes Barokki.

Iċ-ċentru storiku ta' Salzburg (bil-Ġermaniż: Altstadt) huwa rinomat għall-arkitettura Barokka tiegħu u huwa wieħed mill-iżjed ċentri ppreservati tajjeb fit-Tramuntana tal-Alpi. Iċ-ċentru storiku tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3] Il-belt fiha tliet universitajiet u popolazzjoni kbira ta' studenti. It-turisti jżuru lil Salzburg biex jitpaxxew biċ-ċentru storiku tal-belt u bil-pajsaġġ Alpin xeniku tal-madwar. F'Salzburg twieled il-kompożitur tas-seklu 18 Wolfgang Amadeus Mozart, li jitqies bħala wieħed mill-ikbar kompożituri tad-dinja.

Storja immodifika

Żmien il-Qedem sal-Medju Evu Aħħari immodifika

Fl-inħawi nstabu traċċi ta' insedjamenti umani li jmorru lura għan-Neolitiku. L-ewwel insedjamenti f'Salzburg li baqgħu jintużaw b'mod kontinwu sal-preżent milli jidher kienu bdew jintużaw miċ-Ċeltiċi għall-ħabta tas-seklu 5 Q.K.

Għall-ħabta tal-15 Q.K., l-Imperu Ruman wettaq fużjoni tal-insedjamenti kollha f'belt waħda. Dak iż-żmien, il-belt kien jisimha Iuvavum u ngħatat l-istatus ta' municipium Ruman fil-45 W.K. Iuvavum żviluppat f'belt importanti tal-provinċja Rumana ta' Noricum. Wara l-waqgħa tal-fruntiera ta' Noricum, Iuvavum malajr qabdet it-triq tan-niżla, tant li sal-aħħar tas-seklu 7 kważi saret għadd ta' fdalijiet biss.[4]

Skont Il-Ħajja ta' San Rupert il-belt reġgħet twieldet mill-ġdid bis-saħħa tal-qaddis tas-seklu 8. Meta Teodo tal-Bavarja staqsa lil Rupert isir isqof għall-ħabta tas-700, Rupert għażel l-inħawi tax-xmara bħala s-sit għall-bażilika tiegħu. Rupert għażel lil Iuvavum, ta s-saċerdozju lill-qassisin, u wettaq l-annessjoni tal-proprjetà ta' Piding. Rupert semma l-belt "Salzburg". Huwa vvjaġġa biex jevanġelizza fost il-pagani.

L-isem "Salzburg" ifisser litteralment "Kastell tal-Melħ" (bil-Latin: Salis Burgium). L-isem joriġina mill-barklori li kienu jġorru l-melħ fuq ix-xmara Salzach, u li kienu soġġetti għal noll fis-seklu 8 kif kien isir f'ħafna komunitajiet u bliet max-xmajjar Ewropej. Il-Fortizza ta' Hohensalzburg, il-fortizza tal-belt, inbniet fl-1077 mill-Arċisqof Gebhard, li għamilha r-residenza tiegħu. Ġiet imkabbra ferm matul is-sekli ta' wara.[5]

Indipendenza immodifika

L-indipendenza mill-Bavarja ġiet żgurata fl-aħħar tas-seklu 14. Salzburg kienet is-sede tal-Arċiveskovat ta' Salzburg, prinċipat-veskovat tal-Imperu Ruman Sagru. Malli l-moviment tar-Riformazzjoni qabad ġmielu, beda jkun hemm irvelli fost ir-raħħala fl-inħawi ta' Salzburg u fil-madwar. Il-belt ġiet okkupata matul il-Gwerra tar-Raħħala Ġermaniżi, u l-Arċisqof kellu jaħrab għall-kenn tal-fortizza li ġiet assedjata għal tliet xhur sħaħ fl-1525.[6]

Eventwalment, it-tensjonijiet ikkalmaw, u l-indipendenza tal-belt wasslet għal żieda fil-ġid u fil-prosperità tal-belt, li laħqu l-qofol tagħhom fl-aħħar tas-seklu 16 sas-seklu 18 taħt il-Prinċpijiet u l-Arċisqfijiet Wolf Dietrich von Raitenau, Markus Sittikus, u Paris Lodron. Fis-seklu 17 l-arkitetti Taljani (u l-Awstrijaki li kienu studjaw l-istil Barokk) wettqu r-rikostruzzjoni taċ-ċentru tal-belt kif inhi fil-preżent flimkien mal-kostruzzjoni ta' bosta palazzi.[6]

Żmien modern immodifika

Kunflitt reliġjuż immodifika

Fil-31 ta' Ottubru 1731, il-214-il anniversarju tal-95 Teżi, l-Arċisqof u l-Konti Leopold Anton von Firmian iffirma Editt ta' Espulsjoni, l-Emigrationspatent, biex iċ-ċittadini Protestanti kollha jiċħdu t-twemmin mhux Kattoliku tagħhom. 21,475 ċittadin irrifjutaw li jiċħdu t-twemmin tagħhom u tkeċċew minn Salzburg. Il-biċċa l-kbira minnhom aċċettaw offerta mir-Re Friedrich Wilhelm I tal-Prussja, u vvjaġġaw tul il-Ġermanja kollha biex imorru jgħixu fil-Lvant tal-Prussja. Il-bqija insedjaw stati Protestanti oħra fl-Ewropa u l-kolonji Brittaniċi fl-Amerka ta' Fuq.[7]

Illuminiżmu immodifika

Fl-1772-1803, taħt l-Arċisqof Hieronymus Graf von Colloredo, Salzburg kienet ċentru tal-Illuminiżmu aħħari. Colloredo huwa magħruf li kien wieħed mill-impjegaturi prinċipali ta' Mozart. Spiss kien jargumenta ma' Mozart u keċċih wara li qallu "Soll er doch gehen, ich brauche ihn nicht!" (Jitlaq; m'għandix bżonnu!). Mozart telaq minn Salzburg u mar lejn Vjenna fl-1781 flimkien mal-familja tiegħu, għalkemm missieru Leopold baqa' Salzburg għaliex kellu relazzjoni mill-qrib ma' Colloredo.

Elettorat ta' Salzburg immodifika

Fl-1803, l-arċiveskovat ġie sekolarizzat mill-Imperatur Napuljun li ttrasferixxa t-territorju lil Ferdinando III tat-Toskana, l-eks Gran Duka tat-Toskana, bħala l-Elettorat ta' Salzburg.

Annessjoni Awstrijaka ta' Salzburg immodifika

Fl-1805, Salzburg ġiet annessa mal-Imperu Awstrijaku, flimkien mal-Provosterija ta' Berchtesgaden.

Salzburg taħt it-tmexxija tal-Bavarja immodifika

Fl-1809, it-territorju ta' Salzburg ġie ttrasferit lir-Renju tal-Bavarja wara t-telfa li ġarrbet l-Awstrija f'Wagram.

Diviżjoni ta' Salzburg u l-annessjoni mill-Awstrija u mill-Bavarja immodifika

Wara l-Kungress ta' Vjenna bit-Trattat ta' Munich (1816), Salzburg ġiet irritornata b'mod definittiv lill-Awstrija, iżda mingħajr Rupertigau u Berchtesgaden, li baqgħu tal-Bavarja. Salzburg ġiet integrata fil-Provinċja ta' Salzach u s-Salzburgerland ġie mmexxi minn Linz.[8]

Fl-1850, l-istatus ta' Salzburg reġa' ngħata bħala l-belt kapitali tad-Dukat ta' Salzburg, proprjetà ewlenija tal-Imperu Awstrijaku. Il-belt saret parti mill-Awstro-Ungerija fl-1866 bħala l-kapitali ta' proprjetà ewlenija tal-Imperu Awstrijaku. In-nostalġija tal-Era Romantika wasslet għal żieda fit-turiżmu. Fl-1892, ġie installat funikular biex jiffaċilita l-aċċess tat-turisti lejn il-Fortizza ta' Hohensalzburg.[9]

Seklu 20 immodifika

 
Salzburg fl-1914; il-katidral fuq ix-xellug u l-Fortizza ta' Hohensalzburg fl-isfond

L-Ewwel Repubblika immodifika

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u x-xoljiment tal-Imperu Awstro-Ungariku, Salzburg, bħala l-kapitali ta' wieħed mit-territorji Awstro-Ungariċi, saret parti mill-Awstrija Ġermaniża l-ġdida. Fl-1918, kienet tirrappreżenta t-territorji residwi li kienu jitkellmu bil-Ġermaniż tal-qalba tal-Awstrija. Din ġiet sostitwita bl-Ewwel Repubblika Awstrijaka fl-1919, wara t-Trattat ta' Saint-Germain-en-Laye.

Annessjoni fit-Tielet Reich immodifika

L-Anschluss (l-okkupazzjoni u l-annessjoni tal-Awstrija, inkluż Salzburg, fit-Tielet Reich) seħħet fit-12 ta' Marzu 1938, jum qabel referendum skedat dwar l-indipendenza tal-Awstrija. It-truppi Ġermaniżi daħlu fil-belt. L-oppożituri politiċi, iċ-ċittadini Lhud u minoranzi oħra sussegwentement ġew arrestati u deportati lejn il-kampijiet ta' konċentrament. Is-sinagoga ġiet meqruda. Wara li l-Ġermanja invadiet l-Unjoni Sovjetika, diversi kampijiet tal-priġunieri tal-gwerra għall-priġunieri mill-Unjoni Sovjetika u nazzjonijiet oħra għedewwa ġew organizzati fil-belt.

 
Żgħażagħ Awstrijaċi fiċ-ċelebrazzjonijiet ftit wara l-Anschluss, Marzu 1938

Matul l-okkupazzjoni Nażista, inbena kamp tar-Rom f'Salzburg-Maxglan. Kien Arbeitserziehungslager (kamp tax-xogħol "edukattiv"), li kien jipprovdi forza tax-xogħol imjassra lill-industrija lokali. Kien jintuża wkoll bħala Zwischenlager (kamp ta' tranżitu), fejn il-popolazzjoni Rom kienet tinżamm qabel id-deportazzjoni lejn kampijiet Ġermaniżi jew getti fit-territorji okkupati mill-Ġermaniżi fil-Lvant tal-Ewropa.[10]

It-Tieni Gwerra Dinjija immodifika

Il-bombi tal-alleati qerdu 7,600 dar u qatlu lil 550 abitant. Ħmistax-il attakk mill-ajru qerdu 46 fil-mija tal-binjiet tal-belt, speċjalment dawk madwar l-istazzjon ferrovjarju ta' Salzburg. Għalkemm il-pontijiet tal-belt u l-koppla tal-katidral inqerdu, il-biċċa l-kbira tal-arkitettura Barokka baqgħet intatta. B'hekk, Salzburg hija waħda mill-ftit eżempji li għad fadal ta' belt ta' dak l-istil. It-truppi Amerikani daħlu fil-beltfil-5 ta' Mejju 1945 u saret iċ-ċentru taż-żona okkupata mill-Amerikani fl-Awstrija. Diversi kampijiet b'persuni spustjati ġew stabbiliti f'Salzburg — fosthom Riedenburg, il-Kamp Herzl (Franz-Josefs-Kaserne), il-Kamp Mülln, Bet Bialik, Bet Trumpeldor, u l-Palestina l-Ġdida.

Żmien kontemporanju immodifika

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Salzburg saret il-belt kapitali tal-Istat Federali ta' Salzburg (Land Salzburg) u l-Amerikani telqu miż-żona ladarba l-Awstrija ffirmat trattat tal-1955 li reġa' stabbilixxa l-pajjiż bħala nazzjon demokratiku u indipendenti u sussegwentement iddikjarat in-newtralità perpetwa tagħha. Fis-27 ta' Jannar 2006, il-250 anniversarju tat-twelid ta' Wolfgang Amadeus Mozart, il-35 knisja kollha ta' Salzburg daqqew il-moti bil-qniepen wara t-8:00 ta' filgħaxija (ħin lokali) biex jiċċelebraw l-okkażjoni. Ċelebrazzjonijiet kbar seħħew matul is-sena kollha.

Mill-2017 Salzburg kellha Prodott Domestiku Gross għal kull ras ta' €46,100, li kien ogħla mill-medja għall-Awstrija u għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej.[11]

Ġeografija immodifika

Salzburg tinsab max-xtut tax-xmara Salzach, fil-konfini tat-Tramuntana tal-Alpi. Il-muntanji lejn in-Nofsinhar ta' Salzburg joħolqu kuntrast mal-pjanura bl-għoljiet tat-Tramuntana. L-eqreb quċċata Alpina, il-muntanja Untersberg għolja 1,972 metru, tinsab inqas minn 16-il kilometru 'l bogħod miċ-ċentru tal-belt. L-Altstadt, jew iċ-"ċentru storiku", huwa dominat mit-torrijiet u l-knejjes Barokki, kif ukoll mill-Fortizza enormi ta' Hohensalzburg. Maġenb din iż-żona hemm żewġ għoljiet iżgħar, magħrufa bħala Mönchsberg u Kapuzinerberg, li joffru riliev aħdar fi ħdan il-belt. Salzburg tinsab bejn wieħed u ieħor 150 kilometru fil-Lvant ta' Munich, il-Ġermanja, 281 kilometru fil-Majjistral ta' Ljubljana, is-Slovenja, u 300 kilometru fil-Punent ta' Vjenna. Salzburg għandha kważi l-istess latitudni ta' Seattle, l-Istati Uniti.

Minħabba l-prossimità tagħha mal-fruntiera bejn l-Awstrija u l-Ġermanja, iż-żona urbana ikbar ta' Salzburg xi kultant tqieset, b'mod mhux uffiċjali, li tinkludi partijiet kontigwi tal-Ġermanja, inkluż Freilassing (li sal-1923 kienet magħrufa bħala Salzburghofen), Ainring u Piding.

Klima immodifika

Salzburg hija parti miż-żona bi klima miti. Il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen tispeċifika l-klima bħala klima kontinentali umduża (Dfb). Madankollu, bl-iżoterm ta' −3 °C (27 °F) fl-iksaħ xahar, Salzburg tista' tiġi kklassifikata bħala belt li għandha klima oċeanika b'erba' staġuni, b'differenzi sinifikanti fit-temperatura minn staġun għall-ieħor. Minħabba l-post fejn tinsab fit-tarf tat-Tramuntana tal-Alpi, l-ammont ta' preċipitazzjoni huwa pjuttost għoli, l-iktar fix-xhur tas-sajf. Meta speċifikament ix-xita tinżel irxix, bid-djalett lokali din tissejjaħ Schnürlregen. Fix-xitwa u fir-rebbiegħa, ikun hemm irjieħ qalila tat-tip foehn li jseħħu regolarment.

Data klimatika għal Salzburg-Flughafen fl-1981-2010, temperaturi estremi mill-1874 sal-preżent
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 20.8

(69.4)

21.7

(71.1)

24.9

(76.8)

30.3

(86.5)

34.1

(93.4)

35.7

(96.3)

37.7

(99.9)

36.6

(97.9)

33.3

(91.9)

28.2

(82.8)

24.1

(75.4)

19.1

(66.4)

37.7

(99.9)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 3.2

(37.8)

5.4

(41.7)

10.2

(50.4)

15.2

(59.4)

20.3

(68.5)

22.7

(72.9)

25.1

(77.2)

24.4

(75.9)

20.0

(68.0)

15.2

(59.4)

8.2

(46.8)

3.8

(38.8)

14.5

(58.1)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) −1.1

(30.0)

0.3

(32.5)

4.6

(40.3)

8.9

(48.0)

14.0

(57.2)

16.8

(62.2)

18.9

(66.0)

18.2

(64.8)

14.0

(57.2)

9.4

(48.9)

3.7

(38.7)

0.0

(32.0)

9.0

(48.2)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −4.0

(24.8)

−3.0

(26.6)

0.7

(33.3)

4.3

(39.7)

8.9

(48.0)

12.1

(53.8)

14.0

(57.2)

13.8

(56.8)

10.3

(50.5)

6.0

(42.8)

0.9

(33.6)

−2.5

(27.5)

5.1

(41.2)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −30.4

(−22.7)

−30.6

(−23.1)

−21.6

(−6.9)

−9.2

(15.4)

−3.4

(25.9)

−0.1

(31.8)

3.7

(38.7)

2.0

(35.6)

−3.0

(26.6)

−8.3

(17.1)

−18.0

(−0.4)

−27.7

(−17.9)

−30.6

(−23.1)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 59

(2.3)

53

(2.1)

87

(3.4)

78

(3.1)

115

(4.5)

151

(5.9)

158

(6.2)

164

(6.5)

112

(4.4)

73

(2.9)

72

(2.8)

72

(2.8)

1,195

(47.0)

Borra medja f'cm (pulzieri) 23

(9.1)

24

(9.4)

18

(7.1)

2

(0.8)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

10

(3.9)

24

(9.4)

101

(40)

Umdità relattiva medja (%) (fis-14:00) 71.4 63.5 56.9 51.3 51.2 54.3 52.6 55.2 58.4 61.9 70.0 74.9 60.1
Sors 1: L-Istitut Ċentrali għall-Meteoroloġija u l-Ġeodinamika[12][13][14][15]
Sors 2: Meteo Climat (temperaturi għoljin u baxxi rekord)[15]
Data klimatika għall-Ajruport ta' Salzburg (1971–2000)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 16.3

(61.3)

21.7

(71.1)

24.9

(76.8)

27.9

(82.2)

32.2

(90.0)

35.6

(96.1)

37.7

(99.9)

35.6

(96.1)

32.1

(89.8)

28.2

(82.8)

23.5

(74.3)

18.6

(65.5)

37.7

(99.9)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 3.2

(37.8)

5.6

(42.1)

10.4

(50.7)

14.3

(57.7)

19.9

(67.8)

22.2

(72.0)

24.4

(75.9)

24.2

(75.6)

20.1

(68.2)

14.8

(58.6)

7.8

(46.0)

4.0

(39.2)

14.2

(57.6)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) −0.8

(30.6)

0.7

(33.3)

4.8

(40.6)

8.5

(47.3)

13.8

(56.8)

16.5

(61.7)

18.6

(65.5)

18.3

(64.9)

14.3

(57.7)

9.3

(48.7)

3.6

(38.5)

0.4

(32.7)

9.0

(48.2)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −4

(25)

−2.9

(26.8)

0.7

(33.3)

3.8

(38.8)

8.4

(47.1)

11.5

(52.7)

13.5

(56.3)

13.5

(56.3)

10.1

(50.2)

5.5

(41.9)

0.6

(33.1)

−2.5

(27.5)

4.9

(40.8)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −25.4

(−13.7)

−21.8

(−7.2)

−21.6

(−6.9)

−3.9

(25.0)

−2.1

(28.2)

2.0

(35.6)

3.7

(38.7)

4.3

(39.7)

−1.6

(29.1)

−8

(18)

−17.8

(0.0)

−26.8

(−16.2)

−26.8

(−16.2)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 59.9

(2.36)

54.7

(2.15)

78.7

(3.10)

83.1

(3.27)

114.5

(4.51)

154.8

(6.09)

157.5

(6.20)

151.3

(5.96)

101.3

(3.99)

72.6

(2.86)

83.0

(3.27)

72.8

(2.87)

1,184.2

(46.62)

Borra medja f'cm (pulzieri) 24.0

(9.4)

23.9

(9.4)

21.7

(8.5)

2.9

(1.1)

0.1

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

12.1

(4.8)

27.8

(10.9)

112.5

(44.3)

Medja ta' jiem ta' preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) 10.1 9.5 11.9 11.8 12.1 15.0 14.4 13.2 10.8 9.3 10.8 11.8 140.7
Umdità relattiva medja (%) (fis-14:00) 73.6 65.6 58.1 54.9 52.5 55.6 54.5 55.6 58.8 62.8 70.6 75.4 61.5
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 67.0 91.9 130.0 152.6 196.4 193.9 221.1 202.8 167.7 129.7 81.2 62.8 1,697.1
Perċentwal possibbli ta' xemx 26.9 34.4 37.9 39.4 44.3 43.7 48.8 48.3 47.4 42.9 30.8 26.7 39.3
Sors: L-Istitut Ċentrali għall-Meteoroloġija u l-Ġeodinamika[16]

Popolazzjoni immodifika

Popolazzjoni storika
Sena Pop. ±%
1869 27,858 —    
1880 33,241 +19.3%
1890 38,081 +14.6%
1900 48,945 +28.5%
1910 56,423 +15.3%
1923 60,026 +6.4%
1934 69,447 +15.7%
1939 77,170 +11.1%
1951 102,927 +33.4%
1961 108,114 +5.0%
1971 129,919 +20.2%
1981 139,426 +7.3%
1991 143,978 +3.3%
2001 142,662 −0.9%
2011 145,367 +1.9%
2016 150,887 +3.8%
Sors: Statistik Austria[17]

Il-popolazzjoni uffiċjali ta' Salzburg żdiedet b'mod sinifikanti fl-1935 meta l-belt assorbiet il-muniċipalitajiet biswitha. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, bosta refuġjati bdew jgħixu fil-belt. Inbena spazju residenzjali ġdid għas-suldati Amerikani tal-okkupazzjoni wara l-gwerra, u dan imbagħad seta' jintuża għar-refuġjati meta l-Amerikani telqu. Għall-ħabta tal-1950, Salzburg qabżet il-100,000 ċittadin, u fl-2016, laħqet il-150,000 ċittadin.

Salzburg tospita komunitajiet kbar ta' Ġermaniżi, Bożnijaċi, Serbi u Rumeni.

L-ikbar gruppi ta' immigranti sal-1 ta' Jannar 2021:

Il-Ġermanja 7,816
Il-Bożnija-Ħerzegovina 5,189
Is-Serbja 4,805
Ir-Rumanija 2,914
Il-Kroazja 2,521
It-Turkija 2,457
Is-Sirja 1,947
L-Afganistan 1,686
L-Ungerija 1,595
L-Italja 1,197

Arkitettura immodifika

Rumanesk u Gotiku immodifika

 
Veduta panoramika ta' Salzburg wara nżul ix-xemx

Il-knejjes Rumaneski u Gotiċi, il-monasteri u l-oqfsa tad-djar bikrin iddominaw il-belt Medjevali għal żmien twil. Il-Katidral tal-Arċisqof Konrad ta' Wittelsbach kienet l-ikbar bażilika fit-Tramuntana tal-Alpi. Il-kostruzzjoni tal-kor tal-Knisja Franġiskana nbdiet minn Hans von Burghausen u tlestiet minn Stephan Krumenauer. Il-kor huwa waħda mill-iżjed binjiet reliġjużi Gotiċi prestiġjużi fir-reġjun. Fl-aħħar tal-era Gotika nbnew il-Knisja Kolleġjali ta' "Nonnberg", il-Kappella ta' Margarita fiċ-Ċimiterju ta' San Pietru, il-Kappella ta' San Ġorġ u s-swali lussużi tal-"Hoher Stock" fil-Fortizza ta' Hohensalzburg.

Rinaxximentali u Barokk immodifika

Ispirat minn Vincenzo Scamozzi, il-Prinċep u Arċisqof Wolf Dietrich von Raitenau beda jittrasforma l-belt Medjevali skont l-ideali arkitettoniċi tar-Rinaxximent aħħari. Il-pjanijiet għal katidral enormi li kellu Scamozzi qatt ma twettqu wara l-waqgħa tal-arċisqof. Minflok inbena katidral ieħor ippjanat minn Santino Solari bħala l-ewwel knisja Barokka bikrija f'Salzburg. Serviet bħala eżempju għal bosta knejjes oħra fin-Nofsinhar tal-Ġermanja u fl-Awstrija. Markus Sittikus u Paris von Lodron komplew ir-rikostruzzjoni tal-belt b'diversi proġetti kbar bħal dak tal-Palazz ta' Hellbrunn, ir-residenza tal-prinċep u l-arċisqof, il-binjiet tal-università, il-fortifikazzjonijiet, u bosta binjiet oħra. Giovanni Antonio Daria, fuq ordni tal-Prinċep u Arċisqof Guido von Thun, ħa ħsieb il-kostruzzjoni tal-bir residenzjali. Giovanni Gaspare Zuccalli, fuq ordni tal-istess arċisqof, ħoloq il-Knisja ta' Erhard u l-Knisja ta' Kajetan fin-Nofsinhar tal-belt. Id-disinn mill-ġdid tal-belt tlesta bil-binjiet iddisinjati minn Johann Bernhard Fischer von Erlach, li ngħataw b'donazzjoni mill-Prinċep u l-Arċisqof Johann Ernst von Thun.

Wara l-era ta' Ernst von Thun, it-tkabbir tal-belt waqaf ħesrem, u din hija r-raġuni għalfejn ma hemm l-ebda knisja mibnija bl-istil Rokokò. Sigismund von Schrattenbach kompla bil-kostruzzjoni tas-"Sigmundstor" u tal-istatwa ta' Santa Marija fil-pjazza tal-katidral. Bil-waqgħa u d-diviżjoni tal-eks "Fürsterzbistum Salzburg" (l-Arċiveskovat) li spiċċa f'idejn l-Awstrija ta' Fuq, il-Bavarja (Rupertigau) u t-Tirol (Zillertal Matrei), beda perjodu twil ta' staġnar urban. Din l-era ma spiċċatx qabel il-perjodu tal-promozzjoniżmu (Gründerzeit) ta spinta ġdida lill-iżvilupp urban. Id-dinastija tal-bennejja Jakob Ceconi u Carl Freiherr von Schwarz okkupat il-karigi ewlenin u sawret il-belt f'din l-era.[18]

Moderniżmu klassiku u moderniżmu wara l-gwerra immodifika

Il-binjiet tal-moderniżmu klassiku u b'mod partikolari tal-moderniżmu wara l-gwerra huma frekwenti f'Salzburg. Xi eżempji huma d-dar ta' Zahnwurzen (dar f'Linzergasse 22 eżatt f'nofs iċ-ċentru storiku), il-"Lepi" (banjijiet pubbliċi f'Leopoldskron li nbnew fl-1964) u ċ-ċentru tal-kungressi oriġinali li nbena fl-1957 f'Salzburg, li ġie sostitwit b'binja ġdida fl-2001. Eżempju importanti u famuż ta' arkitettura ta' din l-era hija l-ftuħ fl-1960 tal-Großes Festspielhaus magħmula minn Clemens Holzmeister.

Arkitettura kontemporanja immodifika

Iż-żieda ta' arkitettura kontemporanja fiċ-ċentru storiku ta' Salzburg mingħajr ma tissogra li titlef l-istatus tagħha ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO hija problematika. Minkejja dan, xi strutturi ġodda ġew miżjuda: il-Mozarteum fil-Ġnien Barokk ta' Mirabell (arkitettura ta' Robert Rechenauer)[19], il-Binja tal-Kungressi tal-2001, l-Unipark Nonntal tal-2011 (arkitettura ta' Storch Ehlers Partners), il-pont ta' "Makartsteg" tal-2001 (arkitettura ta' HALLE1), u d-"Dar Residenzjali u l-Istudjo" tal-arkitetti Christine u Horst Lechner f'nofs iċ-ċentru storiku ta' Salzburg (li rebħet il-premju tal-arkitettura ta' Salzburg fl-2010).[20][21] Xi eżempji oħra ta' arkitettura kontemporanja jinsabu barra ċ-ċentru storiku: il-binja tal-Fakultà tax-Xjenza tal-Università ta' Salzburg – arkitettura ta' Willhelm Holzbauer) li nbniet fit-tarf ta' spazju aħdar liberu, l-arkitettura stramba tar-Red Bull Hangar-7 (arkitettura ta' Volkmar Burgstaller)[22] fl-Ajruport ta' Salzburg, li jospita l-Barrin Itiru ta' Dietrich Mateschitz u l-Europark Shopping Centre (arkitettura ta' Massimiliano Fuksas).

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
Iċ-Ċentru Storiku ta' Salzburg billejl

Iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Salzburg ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3]

Il-valur universali straordinarju tal-belt ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterju tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]

Distretti immodifika

 
Mappa tad-distretti ta' Salzburg

Salzburg għandha erba' u għoxrin distrett u tliet popolazzjonijiet ekstraurbani. Id-distretti urbani (Stadtteile) huma:

  • Aigen
  • Altstadt
  • Elisabeth-Vorstadt
  • Gneis
  • Gneis-Süd
  • Gnigl
  • Itzling
  • Itzling-Nord
  • Kasern
  • Langwied
  • Lehen
  • Leopoldskron-Moos
  • Liefering
  • Maxglan
  • Maxglan-West
  • Morzg
  • Mülln
  • Neustadt
  • Nonntal
  • Parsch
  • Riedenburg
  • Salzburg-Süd
  • Taxham
  • Schallmoos

Il-popolazzjonijiet ekstraurbani (Landschaftsräume) huma:

  • Gaisberg
  • Hellbrunn
  • Heuberg

Attrazzjonijiet ewlenin immodifika

 
Il-faċċata tal-Katidral ta' Salzburg
 
Il-ġonna fil-Palazz ta' Mirabell bil-Fortizza ta' Hohensalzburg fl-isfond
 
Il-Getreidegasse, waħda mill-iżjed toroq antiki ta' Salzburg

Salzburg hija belt li tilqa' ħafna turisti, u l-għadd ta' viżitaturi jkun ikbar mill-għadd ta' ċittadini bil-kbir fl-eqqel tal-istaġuni tat-turisti. Minbarra d-dar fejn twieled Mozart li ssemmiet iktar 'il fuq, postijiet notevoli oħra jinkludu:

Iċ-Ċentru Storiku

  • Iċ-ċentru storiku tal-belt ta' Salzburg, Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO
  • L-arkitettura Barokka, inkluż bosta knejjes
  • Il-Felsenreitschule, teatru fil-beraħ li nbena fil-barriera li ntużat għall-kostruzzjoni tal-Katidral ta' Salzburg
  • Il-Franziskanerkirche, waħda mill-eqdem binjiet ta' Salzburg, li tmur lura għall-1208 u li ntużat mill-Franġiskani mill-1642
  • Il-Getreidegasse, triq dejqa bil-ħwienet karatterizzata minn bosta djar għoljin
  • Il-Großes Festspielhaus, teatru tal-opri u sala tal-kunċerti tal-1960 li tintuża għall-Festival annwali ta' Salzburg
  • Il-Haus für Mozart, li qabel kienet il-Kleines Festspielhaus, teatru tal-opri u sala tal-kunċerti tal-1925
  • Il-Fortizza ta' Hohensalzburg (Festung Hohensalzburg), li tħares fuq iċ-Ċentru Storiku, wieħed mill-ikbar kastelli fl-Ewropa
  • Il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa (Dreifaltigkeitskirche), li tmur lura għall-1694
  • Il-Lukanda Goldener Hirsch, lukanda ta' ħames stilel li tinsab fil-Getreidegasse u li tmur lura għal mill-inqas l-1407
  • Il-Kollegienkirche, knisja bi stil Barokk tal-Università ta' Salzburg
  • Il-Palazz ta' Mirabell (Schloss Mirabell), palazz tad-divertiment li nbena fl-1606 b'ġonna wesgħin u b'sala tal-irħam
  • Il-Museum der Moderne Salzburg, mużew tal-arti moderna fiċ-ċentru storiku u fil-Mönchsberg
  • Il-Mozartplatz, pjazza storika bil-monument ta' Wolfgang Amadeus Mozart
  • Il-post fejn twieled Mozart (Mozarts Geburtshaus), dar fil-Getreidegasse li issa saret mużew iddedikat lil Mozart
  • L-Abbazija ta' Nonnberg (Stift Nonnberg), monasteru Benedittin li ġie stabbilit għall-ħabta tas-712/715
  • Ir-Residenz, l-eks residenza tal-Prinċpijiet-Arċisqfijiet
  • Ir-Residenzgalerie, mużew tal-arti fir-Residenz
  • Ir-Residenzplatz, pjazza kbira quddiem ir-Residenz b'funtana kbira u mżejna
  • Il-Katidral ta' Salzburg (Salzburger Dom)
  • Is-Salzburger Landestheater, teatru u post għall-opri u ż-żfin, b'kumpaniji residenti ta' atturi, kantanti u żeffiena
  • Is-Salzburger Marionettentheater, teatru tal-pupazzi stabbilt fl-1912
  • Il-Mużew ta' Salzburg, mużew tal-istorja artistika u kulturali tal-belt u tar-reġjun ta' Salzburg
  • Is-Sigmundstor, mina tas-seklu 18 li tikkollega l-Altstadt mal-kwartier ta' Riedenburg minn ġol-Mönchsberg
  • Sphaera, skultura ta' raġel fuq sfera tad-deheb (Stephan Balkenhol, 2007)
  • L-Abbazija ta' San Pietru (Stift Sankt Peter), monasteru Benedittin li ġie stabbilit fis-696 b'ċimiterju magħruf ferm
  • Il-Knisja ta' San Bastjan (Sebastianskirche), knisja kkonsagrata fl-1511
 
Il-Ħangar 7 tar-Red Bull

Barra miċ-Ċentru Storiku

  • Il-Palazz ta' Leopoldskron, palazz bi stil Rokokò u monument storiku nazzjonali f'Leopoldskron-Moos, distrett fin-Nofsinhar ta' Salzburg
  • Il-Hellbrunn bil-parks u l-kastelli
  • Il-kumpaniji turistiċi ta' The Sound of Music li jorganizzaw żjarat turistiċi tal-postijiet famużi fejn inħadem il-film
  • Il-Ħangar 7, binja multifunzjonali ta' sjieda tar-Red Bull, b'kollezzjoni ta' ajruplani, ħelikopters u karozzi tat-tlielaq tal-Formula 1 storiċi

Iż-Żona Ikbar ta' Salzburg

  • Il-Kastell ta' Anif, li jinsab fin-Nofsinhar tal-belt ta' Anif
  • Is-Santwarju tal-Madonna tal-Pjanura, knisja Barokka aħħarija fit-tarf tat-Tramuntana ta' Salzburg
  • Is-Salzburger Freilichtmuseum Großgmain, mużew fil-beraħ li fih djar rurali antiki mill-istat kollu li ġew assemblati f'pajsaġġ storiku
  • Il-Palazz ta' Klessheim, palazz u każinò, li qabel kien jintuża minn Adolf Hitler
  • Il-Berghof, il-villeġġjatura fil-muntanji ta' Hitler ħdejn Berchtesgaden
  • Il-Kehlsteinhaus, l-unika fdal tal-Berghof ta' Hitler
  • Is-Salzkammergut, żona bil-lagi fil-Lvant tal-belt
  • Il-muntanja Untersberg, qrib il-belt fil-fruntiera bejn l-Awstrija u l-Ġermanja, b'veduti panormaiċi ta' Salzburg u l-Alpi tal-madwar
  • L-iskijjar huwa attrazzjoni matul ix-xitwa. Salzburg stess m'għandhiex faċilitajiet tal-iskijjar, iżda sservi ta' bażi għaż-żoni tal-iskijjar fin-Nofsinhar. Matul ix-xhur tax-xitwa, l-Ajruport ta' Salzburg jirċievi titjiriet mikrija mill-Ewropa kollha.
  • Iż-Żu ta' Salzburg, li jinsab fin-Nofsinhar tal-belt ta' Anif

Edukazzjoni immodifika

Salzburg hija ċentru tal-edukazzjoni u tospita tliet universitajiet, kif ukoll diversi kulleġġi professjonali u gymnasium (skejjel postsekondarji).

Universitajiet u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja immodifika

  • L-Università tax-Xjenzi Applikati ta' Salzburg[23]
  • L-Università ta' Salzburg, università pubblika federali
  • L-Università Medika ta' Paracelsus
  • Il-Mozarteum University Salzburg, università pubblika tal-mużika u tal-arti teatrali
  • L-Alma Mater Europaea, università privata
  • Is-SEAD – l-Akkademja Sperimentali taż-Żfin ta' Salzburg
 
Mozart twieled f'Salzburg

Ċittadini notevoli immodifika

  • San Liutberga (miet għall-ħabta tat-870).
  • Il-kompożitur Wolfgang Amadeus Mozart, li twieled u trabba f'Salzburg meta kienet parti mill-Prinċipat-Arċiveskovat ta' Salzburg fi ħdan l-Imperu Ruman Sagru, u li ġie impjegat bħala mużiċista fil-qorti tal-arċisqof mill-1773 sal-1781. Id-dar fejn twieled u r-residenza tiegħu huma attrazzjonijiet turistiċi. Il-familja tiegħu ndifnet f'ċimiterju ta' knisja żgħira fiċ-ċentru storiku, u hemm bosta monumenti ddedikati lil "Wolferl" fil-belt.
  • Il-kompożitur Johann Michael Haydn, ħu l-kompożitur Joseph Haydn. Ix-xogħlijiet tiegħu kienu ammirati minn Mozart u minn Schubert. Huwa kien ukoll l-għalliem ta' Carl Maria von Weber u ta' Anton Diabelli u huwa magħruf għall-mużika sagra tiegħu.
  • Christian Doppler, espert tat-teorija akustika, twieled f'Salzburg. Huwa magħruf l-iktar għall-iskoperta tiegħu tal-effett ta' Doppler.
  • Josef Mohr, twieled f'Salzburg. Flimkien ma' Franz Gruber, huwa kkompona u kiteb it-test ta' "O Lejl ta' Skiet". Bħala qassis fir-raħal ġar ta' Oberndorf huwa daqq il-kanzunetta għall-ewwel darba Lejliet il-Milied tal-1818.[24]
  • Ir-Re Otto tal-Greċja twieled bħala l-Prinċep Otto Friedrich Ludwig tal-Bavarja fil-Palazz ta' Mirabell, ftit jiem qabel il-belt għaddiet mit-tmexxija Bavarjana għal dik Awstrijaka.
  • Il-kittieb Stefan Zweig, għex f'Salzburg għal madwar 15-il sena, sal-1934.
  • Il-familja Trapp, inkluż Georg von Trapp, Maria von Trapp, u uliedhom għexu f'Salzburg sakemm kellhom jaħarbu lejn l-Istati Uniti wara l-ħakma Nażista.
  • Salzburg hija l-belt fejn twieled Hans Makart, pittur-dekoratur Awstrijaku tas-seklu 19 u ċelebrità nazzjonali. Makartplatz (il-Pjazza ta' Makart) issemmiet għalih.
  • Il-kittieb Thomas Bernhard, trabba f'Salzburg u qatta' parti minn ħajtu hemmhekk.
  • Herbert von Karajan, surmast tal-orkestra notevoli. Twieled f'Salzburg u miet fl-1989 fil-belt ta' Anif fil-qrib.
  • Roland Ratzenberger, sewwieq tal-Formula 1, twieled f'Salzburg. Huwa miet waqt il-prattika għall-Grand Prix ta' San Marino tal-1994.
  • Joseph Leutgeb, mużiċist tat-trumbetta Franċiża, kien parti mill-qorti tal-arċisqof.
  • Paracelsus, fiżiku, alkemist u astrologu Żvizzeru tar-Rinaxximent Ġermaniż, miet f'Salzburg.
  • Klaus Ager, kompożitur kontemporanju distint u professur fil-Mozarteum, twieled f'Salzburg fl-10 ta' Mejju 1946.
  • Alex Jesaulenko, eks plejer tal-futbol bir-regoli Awstraljani ta' Carlton u membru tal-Klassifika tal-Plejers Famużi tal-Futbol Awstraljan bi status ta' "Leġġenda" twieled f'Salzburg fit-2 ta' Awwissu 1945.
  • Georg Trakl, wieħed mill-iżjed vuċijiet importanti fil-letteratura Ġermaniża twieled f'Salzburg.
  • Irma von Troll-Borostyani, kittieba, ġurnalista u attivista għad-drittijiet tan-nisa Awstrijaka.
  • Theodor Herzl, ħadem fil-qrati ta' Salzburg sena wara li kiseb id-dottorat tiegħu fid-dritt fl-1884.[25]
  • L-iskydiver u l-BASE Jumper Felix Baumgartner, li kiseb tliet rekords tad-dinja matul il-proġett Stratos tar-Red Bull fl-14 ta' Ottubru 2012.
  • Hilda Crozzoli, l-ewwel arkitett u inġinier ċivili mara tal-Awstrija.

Avvenimenti immodifika

  • Il-Festival ta' Salzburg huwa festival mużikali u teatrali famuż li jattira l-viżitaturi matul ix-xhur ta' Lulju u Awwissu kull sena. Festival iżgħar tal-Għid ta' Salzburg isir kull sena għall-ħabta tal-Għid.
  • Il-premju multimidjali tal-Europrix isir f'Salzburg.
  • Il-Festival "Electric Love" isir f'Salzburg

Trasport immodifika

 
L-Ajruport ta' Salzburg mill-ajru

Is-Salzburg Hauptbahnhof huwa moqdi minn konnessjonijiet ferrovjarji komprensivi, f'ferroviji frekwenti mil-Lvant għall-Punent li jikkollegaw il-belt ma' Vjenna, Munich, Innsbruck, u Zürich, inkluż servizzi ICE ta' veloċità għolja kuljum. Il-konnessjonijiet ferrovjarji mit-Tramuntana għan-Nofsinhar jikkollegaw il-belt ukoll ma' destinazzjonijiet popolari bħal Venezja u Praga. Il-belt isservi bħala ċentru tat-trasport għall-ferroviji b'traġitt lejn in-Nofsinhar mill-Alpi.

 
Mappa tas-sistema tat-trolleybus ta' Salzburg

L-Ajruport ta' Salzburg għandu titjiriet skedati lejn bliet Ewropej bħal Frankfurt, Vjenna, Londra, Rotterdam, Amsterdam, Brussell, Düsseldorf, u Zürich, kif ukoll Hamburg, Edinburgu u Dublin. Minbarra t-titjiriet skedati lejn dawn il-bliet, hemm bosta titjiriet mikrija.

Fiċ-ċentru tal-belt, hemm is-sistema tat-trolleybus u tal-karozzi tal-linja ta' Salzburg b'total ta' iktar minn 20 linja, u servizz kull għaxar minuti. Salzburg għandha sistema ta' S-Bahn b'erba' Linji (S1, S2, S3, S11), u l-ferroviji jitilqu mill-istazzjon ċentrali kull 30 minuta, u jiffurmaw parti min-network ÖBB. Il-linja suburbana S1 twassal sal-Kappella famuża ta' O Lejl ta' Skiet f'Oberndorf f'madwar 25 minuta.

Kultura popolari immodifika

Fis-snin 60 tas-seklu 20, il-film The Sound of Music, ibbażat fuq storja vera ta' Maria von Trapp, li ħadmet ma' familja aristokratika u ħarbet l-Anschluss Ġermaniż, inħadem f'diversi postijiet f'Salzburg u fil-madwar tal-belt u tal-istat ta' Salzburg.

Il-belt tidher għal żmien qasir fuq il-mappa meta l-protagonist Indiana Jones jivvjaġġa tul il-belt fil-film Indiana Jones and the Last Crusade.

F'Salzburg ġiet ambjentata s-sensiela kriminali Awstrijaka Stockinger.

Fil-film tal-2010 Knight & Day, Salzburg tintuża bħala sfond għal parti kbira mill-film.

Lingwa immodifika

Il-Ġermaniż tal-Awstrija huwa mifrux ferm fil-kitba u jvarja mill-Ġermaniż standard fi ftit vokabularju u ftit kwistjonijiet grammatikali. Salzburg tagħmel parti mir-reġjun tad-djaletti Awstro-Bavarjani, b'mod partikolari l-Bavarjan Ċentrali.[26] Dan huwa mitkellem ferm miż-żgħażagħ u mill-anzjani għalkemm il-professuri tal-lingwistika mill-Università ta' Salzburg, Irmgard Kaiser u Hannes Scheutz, osservaw li f'dawn l-aħħar ftit snin kien hemm tnaqqis fl-għadd ta' kelliema tad-djalett fil-belt.[27][28] Għalkemm iktar u iktar tfal tal-iskola qed jitkellmu l-Ġermaniż standard, Scheutz tħoss li din hija kwistjoni iktar ta' konsum tal-midja milli ta' influwenza mill-ġenituri.[29]

Sport immodifika

Futbol immodifika

 
Stadion Wals-Siezenheim

L-eks tim tal-futbol SV Austria Salzburg wasal sal-finali tat-Tazza UEFA fl-1994. Fis-6 ta' April 2005, ir-Red Bull xtraw il-klabb u bidlulu ismu għal FC Red Bull Salzburg. Il-grawnd tagħhom huwa l-Wals Siezenheim Stadium f'subborg tal-agglomerazzjoni ta' Salzburg u kien wieħed mill-grawnds fejn sar il-Kampjonat Ewropew tal-Futbol tal-2008. It-tim tal-FC Red Bull Salzburg jilgħab fil-Bundesliga tal-Awstrija.

Wara li r-Red Bull xtraw l-SV Austria Salzburg u bidlulu ismu u l-kuluri tat-tim, xi partitarji tal-klabb preċedenti ddeċidew li jitilqu u jiffurmaw klabb ġdid bl-isem u l-kuluri l-antiki, għaliex riedu jippreservaw it-tradizzjonijiet tal-klabb tagħhom. L-SV Austria Salzburg irriformat ġie stabbilit fl-2005 u attwalment jilgħab fl-Erste Liga, diviżjoni waħda 'l isfel mill-Bundesliga.

Ice hockey immodifika

Ir-Red Bull jisponsorjaw ukoll it-tim tal-ice hockey lokali, l-EC Salzburg Red Bulls. It-tim jilgħab fl-Erste Bank Eishockey Liga, kampjonat tranfruntier b'kwartieri ġenerali fl-Awstrija li fih jilagħbu l-aqwa timijiet mill-Awstrija, mill-Ungerija, mis-Slovenja, mill-Kroazja u mill-Italja, kif ukoll tim wieħed miċ-Ċekja.

Sport ieħor immodifika

Salzburg kienet belt kandidata għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa fl-2010 u fl-2014, iżda tilfet il-kandidatura ma' Vancouver, il-Kanada u ma' Sochi, ir-Russja rispettivament.

Relazzjonijiet internazzjonali immodifika

Ġemellaġġi immodifika

 
Id-dar fejn twieled Mozart li issa saret mużew

Salzburg hija ġemellata ma':

Referenzi immodifika

  1. ^ "Österreich - Größte Städte 2022". Statista (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-21.
  2. ^ Ing, Stadt Salzburg-Huber Susanne. "Statistik". Stadt Salzburg (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-03-05. Miġbur 2022-04-21.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of the City of Salzburg". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-21.
  4. ^ de Fabianis, Valeria, ed. Castles of the World. Metro Books, 2013, p. 167. ISBN 978-1-4351-4845-1.
  5. ^ de Fabianis, p. 167.
  6. ^ a b "Visit Salzburg - History of Salzburg". www.visit-salzburg.net. Miġbur 2022-04-21.
  7. ^ "Historical Text Archive: Electronic History Resources, online since 1990". web.archive.org. 2016-03-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2022-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Times Atlas of European History, it-Tielet Ed., 2002.
  9. ^ de Fabianis, Valeria, ed. Castles of the World. Metro Books, 2013, p. 168. ISBN 978-1-4351-4845-1.
  10. ^ https://austria-forum.org, Austria-Forum |. "Konzentrationslager, KZ". Austria-Forum (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-21.
  11. ^ "The Salzburg Festival is a boon to the local economy". The Economist. 2017-09-26.
  12. ^ "Klima Nieder". web.archive.org. 2014-12-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-12-29. Miġbur 2022-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ "Klima Mittel". web.archive.org. 2014-12-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-12-29. Miġbur 2022-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "Klima Luft". web.archive.org. 2019-10-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-10-21. Miġbur 2022-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ a b "Klima Stahlung". web.archive.org. 2014-12-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-12-29. Miġbur 2022-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ ""Klimadaten von Österreich 1971–2000 – Salzburg-Salzburg–Flughafen". web.archive.org. 2019-10-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-10-12. Miġbur 2022-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. ^ "Bevölkerung zu Jahres-/Quartalsanfang". www.statistik.at. Miġbur 2022-04-21.
  18. ^ "Architecture : Salzburg Sights by Period". www.visit-salzburg.net. Miġbur 2022-04-21.
  19. ^ "Mozarteum". web.archive.org. 2012-05-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-05-06. Miġbur 2022-04-21.
  20. ^ "Architekturpreisträger". web.archive.org. 2013-06-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-06-30. Miġbur 2022-04-21.
  21. ^ "flow - der VERBUND Blog". archive.ph. 2013-02-09. Miġbur 2022-04-21.
  22. ^ "Visit Salzburg - Red Bull′s Hangar-7 at Salzburg Airport". www.visit-salzburg.net. Miġbur 2022-04-21.
  23. ^ "FH Salzburg". www.fh-salzburg.ac.at (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-21.
  24. ^ "Joseph Mohr (1792 – 1848)". SalzburgerLand.com (bl-Ingliż). 2021-09-30. Miġbur 2022-04-21.
  25. ^ "Theodor Herzl (1860-1904)". web.archive.org. 2009-01-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-01-07. Miġbur 2022-04-21.
  26. ^ Klaaß, Daniel (2009). Untersuchungen zu ausgewählten Aspekten des Konsonantismus bei österreichischen Nachrichtensprechern. Frankfurt am Main: Peter Lang. p. 38. ISBN 9783631585399.
  27. ^ "Salzburger Mundart: Stirbt der Dialekt in naher Zukunft aus? | weekend.at". www.weekend.at (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-21.
  28. ^ Salzburg24 (2020-06-18). ""Dialekte in ihrer heutigen Form sterben aus": Salzburger Hannes Scheutz im Interview". www.salzburg24.at (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-21.
  29. ^ "Germanist: "Kinder vor Dialekt bewahren zu wollen ist absurd"". DER STANDARD (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-21.
  30. ^ "City of Dresden - Twin cities". web.archive.org. 2008-10-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-10-16. Miġbur 2022-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)