Anton Diabelli
Anton (jew Antonio) Diabelli (twieled fil-5 ta' Settembru 1781 – miet fit-8 ta' April 1858) kien pubblikatur, editur u kompożitur mużikali Awstrijaku. Fi żmienu kien magħruf l-iktar bħala pubblikatur, filwaqt li attwalment huwa magħruf l-iktar bħala l-kompożitur tal-waltz li abbażi tiegħu Ludwig van Beethoven kiteb is-sett ta' tlieta u tletin Varjazzjoni ta' Diabelli.[1]
Anton Diabelli | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Mattsee, 6 Settembru 1781 |
Nazzjonalità | Imperu Awstrijak |
Mewt | Vjenna, 8 April 1858 |
Post tad-dfin | Ċimiterju ta' San Marx |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Wilhelmsgymnasium (en) |
Lingwi | Ġermaniż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
kompożitur pjanist pubblikatur mużikali kitarrist klassiku |
Moviment artistiku | opra |
Strument/i tal-mużika |
pjanu kitarra |
Ħajja bikrija
immodifikaDiabelli twieled f'Mattsee ħdejn Salzburg, li dak iż-żmien kienet tinsab fl-Arċiveskovat ta' Salzburg. Fi tfulitu kien iħobb il-mużika, u kien ikanta fil-kor tas-subien fil-Katidral ta' Salzburg fejn huwa maħsub li ngħata lezzjonijiet tal-mużika minn Michael Haydn. Meta għalaq 19-il sena, Diabelli kien diġà kkompona diversi kompożizzjonijiet importanti, inkluż sitt quddisiet.
Diabelli ġie mħarreġ biex jidħol għal qassis u fl-1800 ingħaqad mal-monasteru f'Raitenhaslach, il-Bavarja.[1] Huwa baqa' hemmhekk sal-1803, meta l-Bavarja għalqet il-monasteri kollha tagħha.
Karriera
immodifikaFl-1803 Diabelli ttrasferixxa ruħu lejn Vjenna u beda jgħallem il-pjanu u l-kitarra, u sab xogħol bħala qarrej tal-provi għal pubblikatur mużikali. Matul dan il-perjodu huwa tgħallem in-negozju tal-pubblikazzjoni mużikali filwaqt li baqa' jikkomponi. Fl-1809 huwa kkompona l-opra komika tiegħu, Adam in der Klemme. Fl-1817 huwa fetaħ negozju tal-pubblikazzjoni mużikali u fl-1818 ifforma sħubija ma' Pietro Cappi biex flimkien joħolqu l-azjenda tal-pubblikazzjoni mużikali msejħa Cappi & Diabelli.
Cappi & Diabelli saret magħrufa ferm permezz tal-arranġament ta' xogħlijiet popolari biex ikunu jistgħu jindaqqu mid-dilettanti d-dar. Diabelli kien jinqala' ħafna fil-promozzjoni, u għażel mużika aċċessibbli b'mod wiesa' bħall-arranġamenti tal-opri famużi, il-mużika taż-żfin u l-kanzunetti teatrali komiċi popolari ġodda.
L-azjenda f'qasir żmien stabbiliet reputazzjoni tajba f'ambiti mużikali iktar serji permezz tax-xogħlijiet ta' Franz Schubert. Diabelli rrikonoxxa l-potenzjali tal-kompożitur u kien l-ewwel wieħed li ppubblika x-xogħol ta' Schubert b'"Erlkönig" fl-1821. L-azjenda ta' Diabelli kompliet tippubblika x-xogħol ta' Schubert sal-1823 meta argument bejn Cappi u Schubert temm in-negozju tagħhom flimkien. Is-sena ta' wara Diabelli u Cappi ma baqgħux sħab, u Diabelli vara azjenda ġdida tal-pubblikazzjoni mużikali, Diabelli & Co., fl-1824. Wara l-mewta bikrija ta' Schubert fl-1828, Diabelli xtara parti kbira tal-wirt mużikali enormi tal-kompożitur mingħand ħuh Ferdinand. Peress li Schubert kellu mijiet ta' xogħlijiet mhux ippubblikati, l-azjenda ta' Diabelli setgħet tkompli tippubblika xogħlijiet "ġodda" ta' Schubert għal iktar minn 30 sena wara l-mewt tal-kompożitur.
L-azjenda ta' Diabelli kibret matul ħajtu, qabel ma rtira fl-1851, meta ħalliha taħt il-kontroll ta' Carl Anton Spina. Meta Diabelli miet fl-1858, Spina kompla jmexxi l-azjenda u ppubblika ħafna mużika ta' Johann Strauss II u Josef Strauss. Fl-1872, l-azjenda ttieħdet minn Friedrich Schreiber u fl-1876 għamlet fużjoni mal-azjenda ta' August Cranz li xtara l-azjenda fl-1879 u mexxiha hu stess u taha ismu.
Diabelli miet fi Vjenna meta kellu 76 sena.
Kompożizzjonijiet
immodifikaDiabelli kkompona għadd ta' xogħlijiet mużikali klassiċi magħrufa sew, inkluż operetta msejħa Adam in der Klemme, diversi quddisiet, kanzunetti u diversi xogħlijiet mużikali bil-pjanu u bil-kitarra klassika. Numerikament, ix-xogħlijiet tiegħu bil-kitarra jiffurmaw l-ikbar parti tax-xogħlijiet tiegħu. Ix-xogħlijiet mużikali tiegħu għall-pjanu b'erba' idejn huma popolari.
Il-kompożizzjoni ta' Diabelli Pjaċiri taż-Żgħożija: Sitt Sonatini hija kollezzjoni ta' sitt sonatini dwar taqbida bejn forzi opposti mhux magħrufa. Dan huwa ssuġġerit permezz tal-bidla f'daqqa u frekwenti fid-dinamika minn forte għal piano. Meta tiġi indikata d-dinamika forte, il-pjanist suppost jevoka sens ta' kattiverja, u b'hekk joħroġ fid-dieher l-antagonista. F'kuntrast ma' dan, il-markaturi tad-dinamika piano jirrappreżentaw il-protagonista.
Varjazzjonijiet ta' Diabelli
immodifikaAttwalment Diabelli huwa magħruf l-iktar għall-kompożizzjoni li effettivament inkitbet bħala parti minn ġrajja ta' avventura. Fl-1819, bħala idea ta' promozzjoni, huwa ddeċieda li jippubblika volum ta' varjazzjonijiet ta' waltz "patrijottiku" li kien kiteb apposta għal dan l-iskop, b'varjazzjoni waħda minn kull kompożitur Awstrijaku importanti li kienu għadu ħaj dak iż-żmien, kif ukoll minn diversi kompożituri sinifikanti mhux Awstrijaċi. Il-kontributi kkombinati ġew ippubblikati f'antoloġija msejħa Vaterländischer Künstlerverein. Wieħed u ħamsin kompożitur wieġbu bix-xogħlijiet tagħhom, inkluż Beethoven, Schubert, l-Arċiduka Rudolfu tal-Awstrija, Franz Xaver Wolfgang Mozart (iż-żgħir), Moritz, il-Prinċep ta' Dietrichstein, il-Baruni Heinrich Eduard Josef von Lannoy, il-Baruni Ignaz Franz von Mosel, Carl Czerny, Johann Nepomuk Hummel, Ignaz Moscheles, Simon Sechter, u Franz Liszt li kellu biss tmien snin (għalkemm milli jidher Liszt ma kienx ġie mistieden personalment, iżda l-għalliem tiegħu Czerny irranġalu biex ikun involut). Czerny ġie mqabbad ukoll jikteb coda. Madankollu, Beethoven, minflok ipprovda varjazzjoni waħda biss, ipprovda 33 waħda, u tiegħu ffurmaw il-Parti I ta' Vaterländischer Künstlerverein. Jikkostitwixxu wħud mill-iżjed xogħlijiet bil-pjanu apprezzati ġeneralment ta' Beethoven u l-ikbar sett ta' varjazzjonijiet ta' dak iż-żmien, u ġeneralment huma magħrufa sempliċement bħala l-Varzjazzjonijiet ta' Diabelli, Op. 120. Il-50 varjazzjoni l-oħra ġew ippubblikati bħala l-Parti II ta' Vaterländischer Künstlerverein.
Kultura
immodifikaSonatina ta' Diabelli, x'aktar is-Sonatina bl-F maġġuri, Op. 168, Nru. 1 (I: Moderato cantabile), tipprovdi t-titlu u motiv għar-rumanz Franċiż Moderato Cantabile ta' Marguerite Duras.
Mużika ppubblikata u iktar qari
immodifika- Xogħlijiet ta' Anton Diabelli bil-kitarra – katalogu tematiku b'introduzzjoni; Teżi tad-Dottorat ta' Jukka Savijoki (l-Akkademja Sibelius; 1996)
- Xogħlijiet ta' Anton Diabelli bil-Kitarra: Katalogu Tematiku ta' Jukka Savijoki (Editions Orphée)
- Kollezzjoni ta' mużika bil-kitarra ta' Rischel & Birket-Smith, Det Kongelige Bibliotek, id-Danimarka
- Kollezzjoni ta' Boije, Il-Librerija Mużikali tal-Iżvezja
- www.karadar.com/Dictionary/diabelli.html
- Xogħlijiet b'xejn ta' Anton Diabelli fl-International Music Score Library Project (IMSLP)
- Xogħlijiet b'xejn ta' Anton Diabelli fil-Choral Public Domain Library (ChoralWiki)
- Xogħlijiet b'xejn ta' Anton Diabelli fil-Mutopia Project
Referenzi
immodifika- ^ a b "Anton Diabelli Songs, Albums, Reviews, Bio & More". AllMusic (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-07.