Unjoni Ewropea
L-Unjoni Ewropea (abbrevjata bħala UE) hija unjoni politika u ekonomika ta' 27 stat membru li jinsabu prinċipalment fl-Ewropa.[1] L-UE ġiet stabbilita taħt l-isem attwali permezz tat-Trattat ta' Maastricht tas-7 ta' Frar 1992 (li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 1993),[2] liema stati aderenti ġew miżjuda wara t-triq twila tal-Komunitajiet Ewropej li kienu jeżistu qabel.
L-organi prinċipali tal-UE jinvolvu lill-Kunsill (denominazzjoni li ħadet post dik tal-Kunsill tal-Ministri mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Maastricht), il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew. Il-membri tal-Parlament Ewropew huma eletti kull ħames snin miċ-ċittadini Ewropej. Il-belt kapitali de facto tal-UE hija Brussell.[3]
L-UE żviluppat suq komuni permezz ta' sistema standardizzata ta' liġijiet li japplikaw fl-istati membri kollha. Fi ħdan iż-Żona Schengen (li tinkludi 22 stat tal-UE u 4 stati non-UE) kontrolli fuq il-passaport ġew aboliti.[4] Il-politiki tal-UE jassiguraw il-moviment ħieles ta' nies, merkanzija, servizzi u kapital,[5][6] jiddekretaw leġiżlazzjoni fil-ġustizzja u l-affarijiet interni, u jżommu politiki komuni għall-kummerċ,[7] l-agrikoltura,[8] is-sajd u l-iżvilupp reġjonali.[9]
Status
immodifikaFil-preżent, l-Unjoni Ewropea hija l-aktar organizzazzjoni reġjonali potenti. F'ċerti postijiet fejn l-istati membri ttrasferew ammont ta' sovranità lill-Unjoni, l-UE tidher tixbah iktar lil xi federazzjoni jew kofederazzjoni. Iżda l-istati membri jibqgħu jikkontrollaw it-trattati, jiġifieri l-Unjoni m'għandhiex is-setgħa li tieħu l-poter minn fuq il-pajjiżi mingħajr il-kunsens tagħhom. Dan apparti l-fatt li l-pajjiżi membri jibqgħu jħaddnu l-politika tagħhom f'dawk l-oqsma ta' importanza nazzjonali, bħal relazzjonijiet barranin u d-difiża.
Din l-istruttura unika, probabbilment iġġiegħlek tħares lejn l-Unjoni Ewropea iktar bħala entità sui generis.
L-istat attwali u futur tal-UE huwa s-suġġett ta' ħafna battibekki politiċi fost il-pajjiżi membri.
Bażi ġuridika
immodifikaIl-bażi ġuridika tal-Unjoni Ewropea hija sekwenza ta' trattati bejn il-pajjiżi membri. Dawn ġew emendati ħafna drabi tul is-snin, b'kull trattat ġdid jemenda u jissupplimenta dak ta' qablu. L-ewwel trattat li seħħ kien it-Trattat ta' Pariġi tal-1951 li stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (European Coal and Steel Community; ECSC) bejn grupp oriġinali ta' sitt pajjiżi Ewropej li kienu jinkludu lil Franza, il-Belġju, il-Pajjiżi Baxxi, il-Lussemburgu, l-Italja, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Minn dak iż-żmien 'l hawn, dan it-trattat skada u l-funzjonijiet tiegħu ġew meħuda minn trattati oħra li ġew warajh. Minn naħa l-oħra, it-Trattat ta' Ruma tal-1957 għadu jgħodd sal-lum, avolja ġie emendat, partikolarment bit-Trattat ta' Maastricht tal-1992, li stabbilixxa l-Unjoni Ewropea taħt dan l-isem. It-Trattat ta' Ruma kien essenzjali biex tiġi stabbilità l-Komunità Ekonomika Ewropea (European Economic Community; EEC) kif ukoll l-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewropea (European Atomic Energy Community; EAEC jew Euratom). Il-ħolqien ta' suq komuni kellu jkun wieħed mill-għanijiet ewlenija tal-unifikazzjoni tal-Ewropa għal ħafna żmien. L-aħħar modifiki li saru fuq it-Trattat ta' Ruma ġew miftiehma bħala parti mit-Trattat tal-Adeżjoni ta' 10 Stati Membri ġodda, li ġie implimentat fl-1 ta' Mejju, 2004.
Reċentement, l-Istati Membri tal-UE qablu mal-kontenut ta' trattat kostituzzjonali li, jekk jiġi ratifikat mill-pajjiżi membri, għandu jkun l-ewwel kostituzzjoni uffiċjali tal-UE, li tirrimpjazza t-trattati kollha preċedenti b'dokument wieħed.
F'każ li t-trattat tal-kostituzzjoni ma jiġix ratifikat mill-membri kollha tal-UE, ikun hemm bżonn li jerġgħu jinfetħu n-negozjati fuqu. Ħafna politiċi u uffiċjali jaqblu li l-istrutturi prekostituzzjonali huma ineffiċjenti għal Unjoni ta' 27 Stat Membru li qiegħda dejjem tikber maż-żmien. Politiċi f'ċerti pajjiżi membri (partikolarment fi Franza), issuġġerew li jekk ikun hemm biss ftit pajjiżi li ma jirratifikawx it-trattat, il-bqija tal-Unjoni għandha tinjorahom u timxi mingħajrhom. Dan l-aġir pjuttost kontroversjali jista' possibbilment joħloq unjoni oħra iktar Avant Garde ta' pajjiżi li impenjaw ruħhom għal dan it-trattat, ġewwa l-unjoni preżenti.
Ara wkoll:
Istituzzjonijiet tal-UE
immodifikaL-UE m'għandha l-ebda kapitali uffiċjali u l-istituzzjonijiet tagħha huma mifruxa f'ħafna bliet:
- Brussell hija s-sede tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ministri, fejn isiru wkoll il-laqgħat tal-kumitat u xi sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew. Sa minn l-aħħar tkabbir tal-UE, fi Brussell qed jinżammu wkoll is-summits (il-qċaċet/il-laqgħat-quċċata) kollha tal-Kunsill Ewropew. Għal dawn ir-raġunijiet, Brussell tista' tiġi kkunsidrata de facto, il-kapitali tal-UE.
- Strasburgu hija s-sede tal-Parlament Ewropew kif ukoll il-post fejn isiru ħafna mis-sessjonijiet plenarji. Hija wkoll il-benniena tal-istituzzjonijiet storiċi ta' "Ewropa ikbar" (Kunsill tal-Ewropa, Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem), li jikkooperaw mal-UE.
- Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u s-segretarjat tal-Parlament Ewropew jinsabu l-Lussemburgu.
- Il-Bank Ċentrali Ewropew jinsab Frankfurt.
Aġenziji tal-UE
immodifikaL-UE għandha numru ta' agenziji speċializzati u deċentralizzati b'mandat sabiex ikunu ta' għajnuna għall-Istati Membri tal-UE:
Aġenziji tal-Politika Komuni tal-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà (CFSP):
- Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC)
- L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA)
- L-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji dwar is-Sigurtà (EUISS)
Aġenziji komunitarji
Aġenziji tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali
Aġenti Eżekuttivi
Aġenziji u entitajiet tal-EURATOM
Stati Membri u Tkabbir Suċċessiv
immodifika'Artikli prinċipali: Pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, Tkabbir tal-Unjoni Ewropea, Pajjiżi ġirien li jdawru l-Unjoni Ewropea, Il-kriterji tal-isħubija.
Sa mill-1 ta' Mejju, 2004, l-Unjoni Ewropea tikkonsisti f'25 pajjiż membru. L-erja totali ta' dawn il-25 pajjiż (2004) hija 3,892,685 km². Kieku kienet pajjiż, l-UE kienet tkun is-seba' l-akbar pajjiż fid-dinja mid-daqs. In-numru ta' ċittadini tal-UE (kull ċittadin ta' pajjiż membru tal-UE, skont it-termini stipulati fit-Trattat ta' Maastricht) fil-25 stat, jammonta, bejn wieħed u ieħor, 453 million (Marzu 2004). Din il-figura hija it-tielet l-akbar fid-dinja wara ċ-Ċina u l-Indja.
Fl-1952/1958 is-sitt pajjiżi fundaturi tal-UE kienu: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi. Minn dakinhar, 19-il pajjiż ieħor ingħaqdu mal-UE fi tkabbir sussegwenti:
Sena | Pajjiżi |
---|---|
1973 | Danimarka, Irlanda, u r-Renju Unit |
1981 | Greċja |
1986 | Portugall u Spanja |
1995 | Awstrija, Finlandja, u Svezja |
2004 | Ċipru, Ċekja, Estonja, Ungerija, Latvja, Litwanja, Malta, Polonja, Slovakkja u Slovenja |
2007 | Bulgarija u Rumanija |
2013 | Kroazja |
Noti:
- Il-Groenlandja, li ġiet mogħtija awtonomija mid-Danimarka fl-1979, telqet mill-Komunitajiet Ewropej fl-1985, wara referendum.
- fl-1990: it-territorju u l-popolazzjoni tal-Komunità Ewropea żdiedu meta l-Ġermanja ta' Lvant ingħaqdet mal-Ġermanja tal-Punent.
Membri futuri tal-UE
immodifikaBħalissa hemm tliet stati li jissejħu kandidati, dawn huma s-Serbja, it-Turkija (ma' dawn l-istati, in-negozjati għadhom għaddejjin) u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-pajjiżi li applikaw biex isiru membri tal-Unjoni huma l-Albanija, l-Islanda u l-Montenegro. Iktar informazzjoni fuq tkabbir futur jista' jinsab fl-artiklu Tkabbir tal-Unjoni Ewropea.
Xi pajjiżi bħan-Norveġja u l-Isvizzera li fil-preżent mhumiex membri tal-UE, xorta għandhom ftehim speċjali mal-unjoni. (Ara l-artiklu dwar relazzjonijiet ta' terzi pajjiżi ma l-UE). Ħafna mill-membri tal-EFTA (European Free Trade Association) huma sħab mat-Trattat tal-EEA (European Economic Area), li jfisser li dawn il-pajjiżi jistgħu jipparteċipaw ukoll fis-suq komuni.
Status ta' Territorji extra-Ewropej
immodifikaĊerti postijiet għandhom konnessjonijiet jew assoċjazzjonijiet mal-istati membri tal-UE minħabba l-passat kolonjali tagħhom, rabtiet kulturali jew ġeografiċi. Għar-relazzjoni tal-UE ma' Groenlandja, l-Isle of Man, l-Ażores u Madejra, fost oħrajn, ara l-artiklu dwar Territorji ta' stati membri speċjali u r-relazzjoni tagħhom mal-UE.
Struttura
immodifikaIl-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jinkludu numbru kbir ta' strutturi legali u istituzzjonali li huma sovvrapposti fuq xulxin. Dan huwa r-riżultat tal-ħafna trattati internazzjonali suċċessivi li seħħew maż-żmien. Fi żminijiet riċenti, saru ħafna sforzi konsiderevoli biex jiġu konsolidati u simplifikati dawn it-trattati, li fl-aħħar mill-aħħar wasslu għall-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni Ewropea. Jekk dan it-trattat propost jiġi adottat, dan jispiċċa biex jieħu post it-trattati l-oħra li attwalment jiffurmaw il-kostituzzjoni tal-UE.
Sħubija
immodifikaStorikament l-Unjoni Ewropea żviluppat l-attivitajiet ta’ politika reġjonali tagħha u ddistribwit il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni permezz ta’ proċess ta’ sħubija, li jinkludi kontribuzzjoni sinifikanti mill-Istati Membri.
Il-ħidma tas-sħubija tkopri l-proċess ta’ programmazzjoni sħiħ, mill-istadju preparatorju, matul l-implimentazzjoni sal-valutazzjoni tar-riżultati. Dan l-approċċ għandu jwassal għal riżultati aħjar tal-programm u jiżgura li l-flus mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) jintnefqu b'mod effiċjenti.
Fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-20, il-prinċipju ta’ sħubija ġie msaħħaħ aktar, u jinkludi mhux biss lill-Istati Membri, iżda anke lill-partijiet interessati bħat-trade unions, l-impjegaturi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), u korpi oħrajn li jippromwovu, pereżempju, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u n-nondiskriminazzjoni. Il-Kummissjoni fasslet Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija li l-Istati Membri jridu jikkonformaw miegħu fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, kull Stat Membru adotta Ftehim ta’ Sħubija mal-Kummissjoni Ewropea li jistabbilixxi kif l-awtoritajiet nazzjonali jippjanaw li jużaw u jiddistribwixxu l-finanzjament mill-FSIE fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-20.[10]
Baġit
immodifikaL-Istati Membri tal-UE jikkontribwixxu għal baġit tal-UE komuni sabiex jilħqu objettivi komuni. L-Istati Membri jikkontribwixxu direttament fuq il-bażi tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tagħhom. Id-dazji doganali u r-riċevuti tal-VAT jipprovdu dħul addizzjonali. Il-limitu massimu tal-baġit fil-preżent huwa stabbilit għal 1,23 % tal-UE DNG.
F’termini tal-proċedura tal-baġit, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi abbozz ta’ baġit li jirrifletti l-objettivi prinċipali tal-politika tal-UE bħat-tkabbir u l-impjiegi, ir-riċerka, it-tibdil fil-klima u l-enerġija. L-Istati Membri mbagħad jidħlu f’negozjati mal-Parlament Ewropew sabiex jemendaw l-abbozz u jadottaw il-baġit. Il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll biex tiżgura li l-baġit tal-UE jintnefaq skont ir-'Regolament Finanzjarju tal-UE.
Il-qafas tal-baġit attwali jkopri l-perjodu 2014-2020; il-pjanijiet tal-baġit annwali jagħtu dettalji speċifiċi dwar l-infiq. Matul dan il-perjodu, il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni sejrin jirċievu madwar 32,5 % tal-baġit globali, ekwivalenti għal madwar EUR 351,8 biljun (fil-prezzijiet tal-2014).[11]
Referenzi
immodifika- ^ "Tagħrif bażiku dwar l-Unjoni Ewropea". europa.eu. Miġbur 2012-10-04.
- ^ Craig, Paul; Craig, P. P.; De Burca, Grainne (2007). EU Law: Text, Cases and Materials (bl-Ingliż) (4 ed.). Oxford: Oxford University Press. p. 15. ISBN 978-0-19-927389-8.
- ^ "Brussels' EU capital role seen as irreversible" (bl-Ingliż). Euractiv.com. Miġbur 2012-10-28.
- ^ "Schengen area" (bl-Ingliż). europa.eu. Miġbur 2010-09-08.
- ^ "The EU Single Market: Fewer barriers, more opportunities" (bl-Ingliż). europa.eu. Miġbur 2007-09-27.
- ^ "Suq wieħed mingħajr fruntieri". europa.eu. Miġbur 2007-06-29.
- ^ "Common commercial policy" (bl-Ingliż). europa.eu. Miġbur 2008-09-06.
- ^ "Agrikoltura u Sajd". Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-11-03. Miġbur 2013-06-03.
- ^ "Politika Reġjonali Inforegio". europa.eu. Miġbur 2013-06-03.
- ^ Il-Kummissjoni Ewropea - Sħubija
- ^ Baġit - Kummissjoni Ewropea
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Unjoni Ewropea (European Union) |
- Uffiċjali
- EUROPA – web portal uffiċjali
- Istituzzjonijiet
- Kunsill Ewropew
- Kummissjoni Ewropea
- Kunsill
- Parlament Ewropew
- (EN) Bank Ċentrali Ewropew
- Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
- Qorti tal-Awdituri
- Aġenziji
- EUR-Lex – liġijiet tal-UE
- Data u statistika