Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Portugall

lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Portugall

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Portugall irratifika l-Konvenzjoni fit-30 ta' Settembru 1980, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

It-Torri ta' Belém.

Mill-2022, fil-Portugall hemm 17-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-ewwel erba' siti li tniżżlu fil-Portugall kienu l-Monasteru tal-Ġlormini u t-Torri ta' Belém f'Liżbona, il-Monasteru ta' Batalha, il-Kunvent ta' Kristu f'Tomar, u r-raħal ta' Angra do Heroísmo, fl-1983. L-iżjed siti reċenti li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kienu s-Santwarju ta' Bom Jesus do Monte fi Braga u l-Palazz ta' Mafra bil-park tal-kaċċa tiegħu fl-2019. Il-Foresti tas-Siġar tar-Rand ta' Madeira huma l-unika sit naturali tal-Portugall; is-siti l-oħra kollha huma siti kulturali. Żewġ siti jinsabu fl-arċipelagu tal-Azores. Is-Siti tal-Arti Preistorika Mnaqqxa fil-Blat fil-Wied ta' Côa u Siega Verde huma sit kondiviż ma' Spanja, u huma l-unika sit transnazzjonali tal-Portugall.

Siti ta' Wirt Dinji immodifika

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Stampa Post Sena tad-deżinjazzjoni Kriterji tal-Għażla Deskrizzjoni
Żona Ċentrali tar-Raħal ta' Angra do Heroismo fl-Azores   Gżira ta' Terceira 1983 iv, vi (kulturali) Ir-raħal ġie stabbilit fl-aħħar tas-seklu 15 matul l-Era tal-Iskoperti. Għal 400 sena, sal-wasla tal-bastimenti li jaħdmu bl-istim, intuża bħala port għall-bastimenti sejrin lejn l-Afrika ekwatorjali u l-Indji tal-Lvant u tal-Punent, u lura lejn l-Ewropa. Is-sistemi ta' difiża tar-raħal jinkludu l-fortijiet ta' São Sebastiã u ta' São João Baptista. Hemm diversi knejjes Barokki. Ir-raħal ġarrab ħsarat sinifikanti fit-terremot tal-1980 iżda minn dak iż-żmien ġie sostanzjalment irrestawrat.[5]
Monasteru tal-Ġlormini u t-Torri ta' Belém f'Liżbona   Liżbona 1983 iii, vi (kulturali) Kemm il-Monasteru kif ukoll it-Torri, li jinsabu fid-distrett ta' Belém f'Liżbona tul ix-xmara Tagus, huma marbutin simbolikament mal-Era tal-Iskoperti meta l-Portugall esplora d-dinja. Il-Monasteru ġie stabbilit għall-memorja tal-Prinċep Enriku n-Navigatur u għall-patrijiet biex ikunu jistgħu jitolbu għar-re u għall-baħħara. It-Torri (fl-istampa) inbena biex jitfakkar il-vjaġġ ta' Vasco da Gama u biex il-port jiġi protett. Iż-żewġ binjiet inbnew fil-bidu tas-seklu 16 bl-istil Manwelin. Modifika minuri taż-żona ta' lqugħ tas-sit saret fl-2008.[6]
Monasteru ta' Batalha   Batalha 1983 i, ii (kulturali) Il-Monasteru Dumnikan ta' Batalha nbena fil-bidu tas-seklu 15 biex titfakkar ir-rebħa Portugiża fuq il-Kastiljani fil-Battalja ta' Aljubarrota fl-1385. Il-monasteru huwa kapulavur tal-arkitettura Gotika, b'żidiet li saru wara bl-istil Manwelin. Għal iktar minn żewġ sekli, intuża bħala studjo tax-xogħol importanti għall-monarkija Portugiża, bħala sit fejn ġew stabbilit l-karatteristiċi tal-arti nazzjonali.[7]
Kunvent ta' Kristu f'Tomar   Tomar 1983 i, vi (kulturali) Il-kunvent ġie stabbilit fis-seklu 12 bħala fortizza tat-Templari. Meta l-ordni ġiet xolta fis-seklu 14, il-fergħa Portugiża nbidlet fil-Kavallieri tal-Ordni ta' Kristu li iktar 'il quddiem appoġġaw l-iskoperti marittimi tal-Portugall tas-seklu 15. Il-kunvent inbena tul diversi sekli u fih elementi tal-arkitettura Rumaneska, Gotika, Manwelina, Rinaxximentali, Barokka u Manjerista.[8]
Ċentru Storiku ta' Évora   Évora 1986 ii, iv (kulturali) Il-belt ta' Évora hija l-ifjen eżempju ta' belt tal-epoka tad-deheb tal-Portugall (peress li Liżbona nqerdet kważi għalkollox fit-terremot tal-1755). Il-belt fiha monumenti minn perjodi differenti, inkluż it-Tempju Ruman (fl-istampa), fortifikazzjonijiet tal-Għarab Iberiċi, u knejjes u palazzi li nbnew wara s-seklu 15 meta Évora saret ir-residenza tal-monarki Portugiżi. Karatteristika tipika tal-belt huma d-djar miżbugħin bl-abjad mis-seklu 16 sas-seklu 18. Huma mżejna b'madum impitter (azulejos) u b'gallariji bil-ħadid ferrobattut. Il-monumenti ta' Évora ispiraw l-arkitettura kolonjali Portugiża fil-Brażil.[9]
Monasteru ta' Alcobaça   Alcobaça 1989 i, iv (kulturali) Il-monasteru taċ-Ċisterċensi ġie stabbilit fis-seklu 12 u sar ċentru reġjonali kulturali, reliġjuż u politiku. Il-knisja u l-binjiet monastiċi nbnew fis-seklu 13 bi stil Gotiku, filwaqt li l-faċċata ġiet rinnovata fis-seklu 18 bi stil Barokk. Il-kċina wkoll tmur lura għas-seklu 18. Il-knisja fiha l-oqbra ħdejn xulxin tar-Re Pedro I u ta' Inês de Castro, mill-1360, li huma eżempji fini ta' skulturi funebri Gotiċi.[10]
Pajsaġġ Kulturali ta' Sintra   Sintra 1995 ii, iv, v (kulturali) Il-pajsaġġ kulturali jinsab fil-Muntanji ta' Sintra. Fis-seklu 19, l-inħawi saru ċentru tal-arkitettura Romantika. Fost l-attrazzjonijiet prominenti hemm il-Palazz ta' Pena, li huwa fdalijiet ta' monasteru li ġew ikkonvertiti f'kastell b'taħlita eklettika ta' stili, il-Palazz Nazzjonali ta' Sintra (fl-istampa), Quinta da Regaleira, il-Palazz ta' Monserrate, u l-Kastell tal-Għarab Iberiċi. Il-parks biswit il-palazzi jospitaw diversi speċijiet ta' pjanti eżotiċi.[11]
Ċentru Storiku ta' Oporto, il-Pont ta' Luiz I u l-Monasteru ta' Serra do Pilar   Porto 1996 iv (kulturali) Il-belt ta' Oporto jew Porto, tinsab fil-bokka tax-xmara Douro. Oriġinarjament kienet insedjament kummerċjali tal-Feniċi, u ilha abitata kontinwament minn żmien ir-Rumani. Il-monumenti fil-belt imorru lura għal perjodi differenti: il-Katidral inbena bir-Rumanesk, il-Knisja ta' Santa Klara bil-Manwelin, u l-Palazz tal-Borża bl-istil Neoklassiku.[12]
Siti tal-Arti Preistorika Mnaqqxa fil-Blat fil-Wied ta' Côa u Siega Verde*   Reġjun ta' Douro 1998 i, iii (kulturali) Dan is-sit transnazzjonali huwa magħmul minn żewġ siti b'tinqix fil-blat fil-beraħ. Is-sit Portugiż, elenkat fl-1998, jinsab fil-Wied ta' Côa. Siega Verde fi Spanja ġiet miżjuda bħala estensjoni fl-2010. It-tinqix, li jirrappreżenta speċjalment l-annimali (iżjed minn 5,000 figura), saru matul diversi millenji, mill-Paleolitiku Superjuri sal-Magdalenjan/Epipaleolitiku (22,000 sa 8,000 Q.K.).[13]
Foresti tas-Siġar tar-Rand ta' Madeira   Madeira 1999 ix, x (naturali) Il-foresti tas-siġar tar-rand ta' Madeira jirrappreżentaw fdalijiet ta' tip ta' foresta li kienet tkopri partijiet kbar min-Nofsinhar tal-Ewropa bejn 40 sa 15-il miljun sena ilu. Il-foresta tikkonsisti prinċipalment minn siġar li dejjem iħaddru u arbuxelli, b'weraq aħdar skur u ċatt. L-ekosistema, li prinċipalment hija foresta primarja, tospita bosta speċijiet ta' pjanti u ta' annimali, ħafna minnhom endemiċi.[14]
Ċentru Storiku ta' Guimarães   Guimarães 2001 ii, iii, iv (kulturali) Bħala r-residenza tad-duki li ddikjaraw l-indipendenza fis-seklu 12, Guimarães huwa raħal importanti fl-istorja tal-Portugall. Kien l-ewwel belt kapitali tal-pajjiż. L-iżvilupp tar-raħal Medjevali seħħ madwar il-kastell u l-kumpless monastiku. Bejn l-aħħar tas-seklu 15 u s-seklu 17, inbnew djar tan-nobbli u binjiet ċiviċi fiċ-ċentru storiku li ġie ppreservat sew. It-tekniki speċjalizzati tal-kostruzzjoni żviluppati f'Guimarães fil-Medju Evu ġew trażmessi lill-kolonji Portugiżi fl-Afrika u fl-Amerki.[15]
Reġjun tal-Inbid ta' Alto Douro   Provinċja ta' Trás-os-Montes u Alto Douro 2001 ii, iv, v (kulturali) Il-wied tax-xmara Douro u t-tributarji prinċipali tagħha huwa pajsaġġ kulturali fejn l-inbid ilu jiġi prodott għal madwar żewġ millenji. Il-pajsaġġ issawwar mill-attivitajiet tal-bniedem, b'vinji mtarrġin, quintas (azjendi li jipproduċu l-inbid), toroq, u kappelli. Minn nofs is-seklu 18, l-iżjed prodott magħruf tar-reġjun huwa l-inbid ta' Porto.[16]
Pajsaġġ tal-Kultura tal-Vinji tal-Gżira ta' Pico   Gżira ta' Pico 2004 iii, v (kulturali) Il-produzzjoni tal-inbid fil-Gżira ta' Pico bdiet fis-seklu 15. Sabiex jipproteġu l-irziezet u l-vinji mir-riħ u mill-ilma baħar, il-bdiewa bnew network ta' ħitan twal tal-ġebel tul il-gżira kollha. Il-binjiet marbuta mal-vitikoltura jinkludu d-djar fil-kampanja tal-bidu tas-seklu 19, il-kantini tal-inbid, il-portijiet, u l-knejjes. Il-produzzjoni tal-inbid fil-gżira laħqet il-qofol tagħha fis-seklu 19 u mbagħad majnat. Fis-seklu 21, għadha għaddejja fuq skala iżgħar.[17]
Raħal tal-Fruntiera tal-Gwarniġjon ta' Elvas u l-Fortifikazzjonijiet Tiegħu   Elvas 2012 iv (kulturali) Il-belt ta' Elvas tinsab qrib il-fruntiera ma' Spanja. Il-Portugall reġa' kiseb l-indipendenza minn Spanja fl-1640 u madwar il-belt inbniet sistema kumplessa ta' fortifikazzjonijiet bil-bastjuni u bil-ħniedaq mingħajr ilma (fortijiet b'għamla ta' stilla). Ġiet iddisinjata mill-patri Ġiżwita Olandiż Cosmander skont l-aħħar xejriet difensivi Olandiżi. Is-sit jinkludi wkoll il-Forti ta' Nossa Senhora da Graça tas-seklu 18 u l-Akkwedott ta' Amoreira tas-seklu 16. Fl-2013 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[18]
Università ta' Coimbra – Alta u Sofia   Coimbra 2013 1387bis; ii, iv, vi (kulturali) L-Università ta' Coimbra ġiet stabbilita lejn l-aħħar tas-seklu 13 fuq l-għolja faċċata tar-raħal (Alta). Fl-1537, ġiet ittrasferita lejn il-Palazz Irjali ta' Alcáçova u iktar 'il quddiem żviluppat sensiela ta' kulleġġi. Intużat bħala mudell għall-universitajiet fil-kolonji Portugiżi. L-istorja tal-belt ta' Coimbra hija minsuġa mill-qrib ma' dik tal-università. Uħud mill-binjiet ewlenin jinkludu l-Katidral l-Antik tas-seklu 12, il-Librerija Ġwannina Barokka, il-Kappella ta' San Mikiel, u l-kulleġġi tul Triq Sofia fil-belt. Fl-2019 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[19]
Binja Rjali ta' Mafra – Palazz, Bażilika, Kunvent, Ġnien ta' Cerco u l-Park tal-Kaċċa (Tapada)   Mafra 2019 iv (kulturali) Il-kumpless tal-palazz ta' Mafra ġie kkummissjonat fil-bidu tas-seklu 18 mir-Re João V. Il-kumpless jinkludi bażilika, il-palazzi tar-re u tar-reġina, monasteru, u librerija. Inbena bl-istil Barokk Taljan, ispirat b'mod partikolari mill-arkitettura ta' Ruma. Is-sit jinkludi wkoll il-Ġnien ta' Cerco, biswit il-palazz, u l-artijiet irjali tal-kaċċa.[20]
Santwarju ta' Bom Jesus do Monte fi Braga   Braga 2019 iv (kulturali) Is-santwarju jinsab fuq ix-xaqlibiet tal-Għolja ta' Espinho fuq Braga, u huwa eżempju ta' sit sagru tal-pellegrinaġġi fuq għolja. Il-binjiet prinċipali nbnew bl-istil Barokk, u l-iżjed kostruzzjoni emblematika hi t-Taraġ tal-Ħames Sensi (fl-istampa).[21]

Referenzi immodifika

  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Portugal - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2015-07-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-21. Miġbur 2023-08-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Central Zone of the Town of Angra do Heroismo in the Azores". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Monastery of the Hieronymites and Tower of Belém in Lisbon". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Monastery of Batalha". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Convent of Christ in Tomar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Évora". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Monastery of Alcobaça". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural Landscape of Sintra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  12. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Oporto, Luiz I Bridge and Monastery of Serra do Pilar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  13. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Prehistoric Rock Art Sites in the Côa Valley and Siega Verde". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  14. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Laurisilva of Madeira". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  15. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Guimarães". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  16. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Alto Douro Wine Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  17. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Landscape of the Pico Island Vineyard Culture". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  18. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Garrison Border Town of Elvas and its Fortifications". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  19. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "University of Coimbra – Alta and Sofia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  20. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Royal Building of Mafra – Palace, Basilica, Convent, Cerco Garden and Hunting Park (Tapada)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.
  21. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sanctuary of Bom Jesus do Monte in Braga". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-13.