Siega Verde
Siega Verde (pronunzja bl-Ispanjol: [ˈsjeɣa ˈβeɾðe]) huwa sit arkeoloġiku f'Serranillo, Villar de la Yegua, il-provinċja ta' Salamanca, f'Kastilja u León, Spanja, li flimkien mal-arti Paleolitika fil-Wied ta' Côa fil-Portugall huwa wieħed mis-siti prinċipali fl-Ewropa bħala konċentrazzjoni ta' inċiżjonijiet jew tinqixiet preistoriċi fuq il-blat. Jinkludi l-lokalitajiet ta' Villar de la Yegua, Villar de Argañán u Castillejo de Martín Viejo. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-arti Paleolitika tal-Wied ta' Côa fl-2010.[1]
Is-sit jikkonsisti minn sensiela ta' tinqix fuq il-blat li ġew skoperti fl-1988 mill-Professur Manuel Santoja Gómez matul kampanja ta' tfassil ta' inventarju tas-siti arkeoloġiċi fil-wied tax-xmara Águeda.[2] Fost is-suġġetti hemm ekwidi, annimali estinti, ċriev u mogħoż, li huma l-iktar komuni, kif ukoll biżonti, renni u r-rinoċeronti tas-suf, li dak iż-żmien kienu għadhom mhux estinti.
It-tinqix imur lura għall-kultura Gravettjana tal-Paleolitiku Superjuri (madwar 20,000 sena ilu). Hemm ukoll rappreżentazzjonijiet antropomorfiċi iktar reċenti, li jmorru lura għall-perjodu Magdalenjan (madwar 9,000 sena ilu). B'kollox hemm 91 panew bit-tinqix mifruxa fuq kilometru ta' blat.
Storja
immodifikaDan is-sit arkeoloġiku ġie skopert fis-17 ta' Ottubru 1988 mill-Professur Manuel Santoja Gómez, id-direttur tal-Mużew ta' Salamanca ta' dak iż-żmien, fl-inħawi tax-xmara Águeda, bis-saħħa ta' informazzjoni mogħtija minn ragħaj li kien qed jirgħa l-merħla tiegħu fil-qrib.
Il-panewijiet bit-tinqix ġew imdaħħla f'inventarju skont kif ġew inċiżi, jiġifieri bid-daqqiet, bħala inċiżjonijiet jew bħala girfiet.
Struttura
immodifikaMinn dak iż-żmien 'l hawn ġew katalogizzati iktar minn 500 immaġni żoomorfika u mhux figurattivi jew sinjali astratti tal-Paleolitiku Superjuri, kemm tal-kultura Gravettjana (madwar 20,000 sena ilu) kif ukoll tal-kultura Magdalenjana u Magdalenjana-Aziljana (madwar 17,000-9,000 sena ilu) f'96 panew bit-tinqix mifruxa fuq kilometru ta' blat.
Iż-żona arkeoloġika ġiet iddikjarata Sit ta' Interess Kulturali (bl-Ispanjol: Bien de Interés Cultural) mill-Kunsill ta' Kastilja u León fl-1998.
Pożizzjoni
immodifikaWieħed jista' jasal għas-sit arkeoloġiku tul ix-xmara Águeda billi jaqsam il-pont tal-Unjoni fuq ix-xmara Águeda, fit-triq bejn Castillejo de Martín Viejo, Villar de Argañán, Martillán u Villar de la Yegua. Fil-post hemm tabella ta' informazzjoni dwar il-ħajja tal-popolazzjonijiet preistoriċi li kienu kaċċaturi-ġemmiegħa u sajjieda lejn l-aħħar tal-perjodu Plejstoċen. L-inċiżjonijiet u t-tinqix huma protetti minn xatba u minn ilqugħ li jiggarantixxu l-konservazzjoni.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-sit arkeoloġiku ta' Siega Verde ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998. Il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, fi Brasilia, il-Brażil, kellu l-34 sessjoni tiegħu u matulha approva l-estensjoni tas-sit biex tiġi inkluża l-arti Paleolitika tal-Wied ta' Côa fil-Portugall.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Skont l-UNESCO, dan is-sit jirrappreżenta l-iżjed ġabra eċċezzjonali fil-beraħ ta' arti Paleolitika fil-Peniżola Iberika, li flimkien mal-arti Paleolitika tal-Wied ta' Côa fil-Portugall, jinkludi ġabra straordinarja ta' suġġetti ikonografiċi organizzati tal-Paleolitiku Superjuri, li juru r-relazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u spiritwali ta' missirijietna. F'Mejju 2018 is-sit ġie rrikonoxxut bħala Wirt Rupestri Ewropew mill-Kunsill tal-Ewropa, l-ewwel sit ta' dan it-tip fi Spanja.
Biblijografija
immodifika- Alcolea, J. J. e Balbìn, R. (2006) Arte Paleolítico al aire libre. El yacimiento rupestre de Siega Verde, Salamanca. Arqueología en Castilla y León. Memorias 16. Junta de Castilla y León.
- Vazquez Marchi, C. e Angulo Costa, J. (2019) Conoce Siega Verde. Arte Paleolítico al aire libre. Centro de Estudios Mirobrigense y Ayuntamiento de Ciudad Rodrigo. Trabajos de investigación 12.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Prehistoric Rock Art Sites in the Côa Valley and Siega Verde". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-17.
- ^ de Balbín Behrmann, Rodrigo (2014), Smith, Claire (ed.), "Siega Verde Rock Art Sites", Encyclopedia of Global Archaeology, New York, NY: Springer, pp. 6651–6652, doi:10.1007/978-1-4419-0465-2_577, ISBN 978-1-4419-0465-2.