Sajjied

persuna li taqbad il-ħut, il-qxur, il-frott tal-baħar u annimali oħra tal-ilma

Sajjied huwa xi ħadd li jistad u jaqbad il-ħut, il-frott tal-baħar u annimali oħra minn korp tal-ilma.

Sajjied bil-qabda ħut tiegħu

Madwar id-dinja, hemm madwar 39 miljun sajjied[1], li jinkludu s-sajjieda kummerċjali, is-sajjieda li jistadu għall-għajxien tagħhom u l-ħaddiema li jaħdmu fit-trobbija tal-ħut jew il-pixxikultura. Is-sajjieda jistgħu jkunu professjonali jew rikreattivi. Is-sajd ilu jeżisti bħala mezz li bih wieħed jikseb l-ikel mill-perjodu Mesolitiku.[2]

 
L-Eġizzjani kienu jaqbdu l-ħut u wara jippreservawh bil-melħ

Is-sajd ilu jeżisti bħala mezz li bih wieħed jikseb l-ikel mill-perjodu Mesolitiku. Is-sajd kien mezz ewlieni ta’ sopravivenza kif ukoll attività kummerċjali.[3]

 
Mużajk dwar is-sajd f’Sousse, it-Tuneżija

Is-sajd u s-sajjieda influwenzaw ukoll ir-reliġjon tal-Eġittu Antik; kienu jqimu l-muletti bħala sinjal tal-wasla tal-istaġun tal-għargħar. Bastet spiss kienu jiġi manifestat fl-għamla ta’ pixxiqattus. Fil-letteratura Eġizzjana Antika, il-proċess li kien juża Amun biex joħloq id-dinja huwa assoċjat mal-metodu ta’ inkubazzjoni fil-ħalq tat-tilapji.

Is-sajd kien importanti wkoll fi żmien l-Imperu Ruman u kien jintuża spiss bħala suġġett fil-mużajk, bħal pereżempju l-mużajk dwar is-sajd f’Sousse, it-Tuneżija[4], jew l-ikbar mużajk fid-dinja dwar is-sajd fil-Bażilika Patriarkali ta’ Aquileia, l-Italja.[5]

Kummerċ

immodifika

Skont il-FAO, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, kien hemm madwar 39 miljun sajjied fil-pajjiżi li jipproduċu iktar minn 200,000 tunnellata ħut, li huwa kważi 140 % in-numru ta’ sajjieda li kien hemm fl-1995. Il-produzzjoni totali tas-sajd ta’ 66 miljun tunnellata tista’ tiġi kkonvertita f’produttività medja ta’ 3.5 tunnellati kull sajjied.[1]

Il-biċċa l-kbira ta’ dan it-tkabbir seħħ fil-pajjiżi Asjatiċi, fejn jgħixu 80 % tas-sajjieda u tal-ħaddiema tal-pixxikultura fid-dinja.[1]

Il-biċċa l-kbira tas-sajjieda jaħdmu fis-sajd lil hinn mill-kosta u fis-sajd tal-baħar fond. F’xi reġjuni s-sajjieda jistadu f’korpi tal-ilma interni jew qrib il-kosta minn fuq dgħajjes żgħar jew inkella jiġbru l-qxur tal-baħar u l-alka. F’ħafna komunitajiet tas-sajd artiġjanli, is-sajjieda huma responsabbli għall-produzzjoni u għat-tiswija tax-xbieki, għall-ipproċessar wara s-sajd u għall-kummerċjalizzazzjoni.[1]

Rikreazzjoni

immodifika

Is-sajd rikreattiv huwa sajd għall-gost jew għall-kompetizzjoni. L-oppost tiegħu huwa s-sajd kummerċjali, jiġifieri s-sajd għal profitt ekonomiku, jew is-sajd għall-għajxien u għas-sopravivenza.

L-iktar forma komuni ta’ sajd rikreattiv issir bil-qasba, xlief jew lenza, rukkell, snanar u xi lixka. Spiss minflok lixka tintuża r-rixa għas-sajd bir-rixa. Xi sajjieda jużaw rixa magħmula bl-idejn jew inkella rixa artifiċjali magħmula mill-plastik.

L-iktar forma komuni ta’ sajd rikreattiv issir bil-qasba u xi kultant huwa mistenni li l-ħut li jinqabad, jinħeles minnufih. Is-sajd tal-ħut kbir isir f’nofs ta’ baħar għal speċijiet ta’ ħut kbar bħat-tonn, il-klieb il-baħar u l-marlin. Attivitajiet oħra tas-sajd rikreattiv huma s-sajd tal-pixxiqattus bl-idejn, l-iktar fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti, u t-tgħarrix tat-troti, l-iktar fir-Renju Unit.

Komunitajiet

immodifika

Għal xi komunitajiet, is-sajd mhux biss jipprovdi sors ta’ ikel u xogħol, iżda anke identità komunitarja u kulturali.[6]

Sikurezza

immodifika

L-industrija tas-sajd fiha bosta perikli għas-sajjieda. Bejn l-1992 u l-1999, il-bastimenti tas-sajd kummerċjali fl-Istati Uniti kellhom medja ta’ 78 mewta fis-sena. Il-kontributuri prinċipali huma:[7]

  • tħejjija mhux adegwata għall-emerġenzi;
  • manutenzjoni mhux tajba tal-bastimenti;
  • tagħmir tas-sikurezza mhux adegwat; u
  • nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ stabbiltà jew l-injorar tagħhom.
 
Is-sajjied ta’ Charles Napier Hemy, l-1888

Ħafna sajjieda, filwaqt li jaċċettaw li s-sajd fih il-perikli tiegħu, jiddefendu bis-saħħa l-indipendenza tagħhom. Bosta liġijiet u regolamentazzjoni addizzjonali proposti biex tiżdied is-sikurezza qatt ma twettqu minħabba oppożizzjoni min-naħa tas-sajjieda.[7]

Is-sajjieda kummerċjali tal-Alaska jaħdmu f’wieħed mill-iktar ambjenti ħorox tad-dinja. Ħafna mid-diffikultajiet li jiffaċċjaw jinkludu postijiet iżolati fejn isir is-sajd, irjieħ kbar, dlam staġonali, ilma kiesaħ ħafna, silġ u staġuni qosra tas-sajd, fejn jiem twal tax-xogħol huma n-norma. Is-sajjieda tal-Alaska jiffaċċjaw l-għeja, stress fiżiku u pressjonijiet finanzjarji matul il-karrieri tagħhom. Minn 948 mewta relatata max-xogħol li seħħew fl-Alaska bejn l-1990 u l-2006, terz (311-il mewta) kienu sajjieda. Huwa stmat li dan huwa ekwivalenti għal rata ta’ fatalità annwali ta’ 128/100,000 ħaddiem fis-sena. Din ir-rata ta’ fatalità hija 26 darba dik tar-rata ta’ fatalità relatata max-xogħol fil-kumplament tal-Istati Uniti ta’ 5/100,000 ħaddiem fis-sena fl-istess perjodu.[8]

Għalkemm ir-rata ta’ fatalità relatata max-xogħol għas-sajjieda kummerċjali fl-Alaska għadha għolja ħafna, jidher li qed tibda tonqos: mill-1990, kien hemm tnaqqis ta’ 51 fil-mija fir-rata ta’ fatalità annwali. Is-suċċessi fis-sajd kummerċjali huma dovuti parzjalment għall-implimentazzjoni mill-Gwardja Kostali tal-Istati Uniti ta’ rekwiżiti ġodda dwar is-sikurezza fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20. Dawn ir-rekwiżiti dwar is-sikurezza kkontribwew għas-sopravivenza ta’ 96 % tas-sajjieda kummerċjali f’każijiet fejn il-bastimenti tas-sajd inqalbu jew għerqu fl-2004, filwaqt li fl-1991, 73 % biss baqgħu ħajjin. Għalkemm in-numru ta’ mwiet okkupazzjonali ta’ sajjieda kummerċjali fl-Alaska tnaqqas, hemm xejra kontinwa ta’ 20 sa 40 bastiment fis-sena li jintilfu. Għad hemm madwar 100 sajjied kull sena li jkunu jeħtieġu xi intervent tas-salvataġġ fl-Alaska. Is-suċċess fis-salvataġġ għadu jiddependi fuq it-taħriġ tal-persunal espert għall-operazzjonijiet tat-tfittxija u s-salvataġġ tal-Gwardja Kostali tal-Istati Uniti, u xi sforzi jaf ikunu mxekkla mill-kundizzjonijiet ħorox tal-baħar u tat-temp. Barra minn hekk, in-nies li jkunu involuti fl-operazzjonijiet tat-tfittxija u s-salvataġġ jissograw li jkorru jew li jitilfu ħajjithom stess f’dawn it-tentattivi ta’ salvataġġ.[8]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d "FAO Fisheries & Aquaculture - Fisheries and aquaculture governance". www.fao.org. Miġbur 2021-05-10.
  2. ^ "Early humans followed the coast" (bl-Ingliż). 2006-10-05. Miġbur 2021-05-10.
  3. ^ "Fisheries history" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-02-28. Miġbur 2021-05-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "Ancient Roman mosaics at the Museum of Sousse in Tunisia". www.romeartlover.it. Miġbur 2021-05-10.
  5. ^ "Aquileia". The Byzantine Legacy (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-10.
  6. ^ "ICSF - International Collective in Support of Fishworkers | ICSF". www.icsf.net. Miġbur 2021-05-10.
  7. ^ a b "FAO Profile for the USA" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-11-13. Miġbur 2021-05-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ a b "CDC - Commercial Fishing Safety - NIOSH Workplace Safety and Health Topic". www.cdc.gov (bl-Ingliż). 2020-04-23. Miġbur 2021-05-10.