Alto Douro

Sit ta' Wirt Dinji fil-Portugall

Alto Douro huwa reġjun Portugiż tal-inbid iċċentrat fuq ix-xmara Douro fil-provinċja magħrufa bħala Trás-os-Montes e Alto Douro. Ir-reġjun jinsab ftit 'il fuq mill-fluss tax-xmara minn Porto, u huwa mkenni mill-influwenza kostali permezz tal-ktajjen muntanjużi. Ir-reġjun għandu l-ogħla klassifikazzjoni tal-inbid fil-Portugall, Denominazzjoni ta' Oriġini KKontrollata (DOK; bil-Portugiż: Denominação de Origem Controlada), huwa rreġistrat bħala Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit, u għandu Indikazzjoni Ġeografika Tipika f'diversi pajjiżi oħra permezz ta' ftehimiet bilaterali.[1] Filwaqt li r-reġjun huwa assoċjat primarjament mal-produzzjoni tal-inbid aħmar magħruf bħala Port (għalkemm teżisti wkoll il-varjetà tal-Port abjad), ir-reġjun ta' Alto Douro jipproduċi l-istess ammont ta' nbid tal-mejda (inbejjed mhux fortifikati) u nbid fortifikat. L-inbejjed mhux fortifikati tipikament jissejħu "nbejjed ta' Douro".

Veduta panoramika ta' Alto Douro

Alto Douro kien wieħed mit-13-il reġjun tal-Portugall kontinentali li ġew identifikati mill-ġeografu Amorim Girão, fi studju ppubblikat bejn l-1927 u l-1930. Flimkien ma' Trás-os-Montes saret il-provinċja ta' Trás-os-Montes e Alto Douro. Fl-2001 ir-Reġjun tal-Inbid ta' Alto Douro sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

L-istil tal-inbejjed prodotti fir-reġjun ta' Alto Douro jvarja minn ħafif, stil bħal ta' Bordeaux, għal stil rikk ta' Bourgogne li jiġu mqaddmin fi btieti ġodda tal-ballut.[3]

 
Qawsalla fuq waħda mil-loġoġ tal-Port fir-reġjun tal-inbid ta' Alto Douro

L-evidenza arkeoloġika tal-produzzjoni tal-inbid fir-reġjun tmur lura sa tmiem l-Imperu Ruman tal-Punent, matul is-sekli 3 u 4 W.K., għalkemm instabu żrieragħ tal-għeneb f'siti arkeoloġiċi iktar antiki.[4] Fiż-żminijiet Medjevali minn nofs is-seklu 12, iċ-Ċisterċensi kellhom influwenza importanti fuq il-produzzjoni tal-inbid fir-reġjun, permezz tat-tliet monasteri tagħhom: Salzedas, São João de Tarouca u São Pedro das Águias.

Fis-seklu 17, id-dwieli tar-reġjun espandew, u l-iktar tismija bikrija magħrufa tal-inbid Port tmur lura għall-1675. It-Trattat ta' Methuen bejn il-Portugall u l-Ingilterra fl-1703, u l-istabbiliment sussegwenti ta' bosta loġoġ tal-Port Brittaniċi f'Porto, wasslu biex l-inbid Port sar il-prodott ewlieni tar-reġjun, u sar importanti ħafna ekonomikament għall-Portugall. Bħala parti mir-regolamentazzjoni tal-produzzjoni u tal-kummerċ ta' din il-komodità ta' valur, karta rjali Portugiża tal-10 ta' Settembru 1756 iddefiniet ir-reġjun tal-produzzjoni tal-inbid Port. B'hekk ir-reġjun sar l-ewwel reġjun tal-inbid fid-dinja li ngħata demarkazzjoni formali. Id-dwieli koperti b'din id-demarkazzjoni kienu jinsabu fil-parti tal-Punent tar-reġjun attwali. Iktar 'il quddiem, id-dwieli progressivament espandew lejn il-Lvant f'żoni iktar sħan u nexfin.

Ir-reġjun ta' Alto Douro ġie affettwat ukoll mill-mard tal-vinji tas-seklu 19. Fl-1852 faqqgħet il-marda tal-moffa żajbrija u fl-1863 faqqgħet il-marda tal-Phylloxera.

 
Il-btieti tal-inbid f'waħda mil-loġoġ ta' Alto Douro

Filwaqt li l-inbid tal-mejda dejjem ġie prodott fir-reġjun, għal żmien twil ma tantx kien jidher minnu 'l barra mir-reġjun stess. Il-loġoġ tal-Port kien iffukati fuq il-produzzjoni u l-esportazzjoni tal-inbid Port, li kien il-prodott uniku tagħhom fis-suq tal-esportazzjoni, u ma tantx kellhom interess fi stili oħra ta' nbejjed. B'hekk, għalkemm l-inbejjed jaf ikunu tajbin, għal żmien twil, ma kien hemm l-ebda tentattiv li l-għeneb ta' Alto Douro jintużaw għal inbid tal-mejda iktar ambizzjuż. Il-persuna kkreditata bil-ħolqien tal-ewwel inbid ambizzjuż ta' Alto Douro huwa Fernando Nicolau de Almeida, li ħadem bħala enologu mal-loġġa tal-Port ta' Ferreira. Huwa żar Bordeaux matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u din iż-żjara tatu l-ispirazzjoni biex joħloq inbid tal-mejda tal-ogħla kwalità. Ir-riżultat kien l-inbid Barca Velha, li ġie prodott għall-ewwel darba fl-1952 bl-għeneb minn Quinta do Vale de Meão fis-sottoreġjun tad-Douro Superior.[5] L-inbid Barca Velha inizjalment ma kisibx wisq suċċess, peress li għal żmien twil il-biċċa l-kbira tal-loġoġ tal-inbid Port baqgħu mhux interessati fl-inbejjed mhux fortifikati. Ftit inbejjed ta' Douro iktar ambizzjużi tfaċċaw fis-snin 70 tas-seklu 20, iżda l-iktar li tfaċċaw kienu fis-snin 90 tas-seklu 20. Fattur li kkontribwixxa għal dan kien id-dħul tal-Portugall fil-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1986, li kien ifisser li l-monopolju tal-loġoġ tal-Port ġie abolit[6], u b'hekk dan witta t-triq għal bosta produtturi fir-reġjun ta' Alto Douro biex jipproduċu u jibbottiljaw l-inbid tagħhom stess - Port jew inbejjed mhux fortifikati ta' Alto Douro. F'dan l-istadju, diversi loġoġ tal-Port bdew jintroduċu nbejjed mhux fortifikati ta' Alto Douro fil-firxa ta' prodotti tagħhom.

Ġeografija u klima

immodifika
 
Veduta tax-xmara ta' Douro

Ir-reġjun tal-inbid ta' Alto Douro jinsab madwar il-wied tax-xmara Douro u l-widien iktar fil-baxx tat-tributarji tax-xmara: Varosa, Corgo, Távora, Torto, u Pinhão. Ir-reġjun huwa mkenni mill-irjieħ Atlantiċi permezz tal-muntanji Marão u Montemuro u għandu klima kontinentali, bi sjuf sħan u nexfin u bi xtiewi kesħin.

Normalment jiġi maqsum fi tliet sottoreġjuni, mill-Punent għal-Lvant:[7]

  • Baixo Corgo huwa sottoreġjun bl-iktar klima miti u bl-akbar preċipitazzjoni. Għandu 14,000 ettaru ta' dwieli. Għalkemm huwa sottoreġjun li ġie mħawwel l-ewwel, inġenerali jitqies li jagħti nbejjed ta' kwalità inferjuri miż-żewġ sottoreġjuni l-oħra.
  • Cima Corgo huwa l-akbar sottoreġjun bi 19,000 ettaru ta' dwieli, iċċentrat madwar il-villaġġ ta' Pinhão, fejn jinsabu l-maġġoranza tal-Quintas (loġoġ).
  • Douro Superior huwa l-iktar sottoreġjun sħun u niexef, u jibqa' sejjer sal-fruntiera ma' Spanja. Għandu 8,700 ettaru ta' dwieli u huwa s-sors ta' bosta nbejjed ta' kwalità tajba. Peress li huwa l-inqas aċċessibbli mit-tliet sottoreġjuni, huwa l-iktar wieħed li ġie mħawwel reċentement, u għadu qed jespandi.

Id-dwieli mtarrġin huma komuni ħafna fir-reġjun tal-inbid ta' Alto Douro. Id-dwieli ddedikati għall-produzzjoni tal-Port is-soltu jiġu mħawla fuq l-iskist, filwaqt li l-ħamrija b'bażi granitika tintuża għall-produzzjoni tal-inbid tal-mejda.

 
Għanqud għeneb abjad ta' Alto Douro

Il-varjetajiet tal-għeneb prinċipali tar-reġjun tal-inbid ta' Alto Douro jinkludu l-għeneb aħmar Bastardo, Mourisco Tinto, Tinta Amarela, Tinta Barroca, Tinta Cão, Tinta Roriz (l-istess bħat-Tempranillo ta' Spanja), Touriga Francesa u Touriga Nacional, u l-għeneb abjad Donzelinho Branco, Gouveio, Malvasia Fina, Rabigato, u Viosinho.[3]

Għadd kbir ta' varjetajiet ta' għeneb jitkabbru fir-reġjun ta' Alto Douro, u l-biċċa l-kbira minnhom huma għeneb Portugiż lokali. Għal żmien twil, il-varjetajiet tal-għeneb imkabbra f'Alto Douro ma kinux studjati sew. Id-dwieli b'vinji mħallta kienu n-normalità, u l-biċċa l-kbira taż-żmien, is-sidien tad-dwieli lanqas kienu jafu liema varjetajiet ta' għeneb kienu qed ikabbru. Fis-snin 70 tas-seklu 20 sar sforz pijunier li identifika it-Touriga Nacional, it-Tinta Roriz, it-Touriga Franca, it-Tinta Cão u t-Tinta Barroca bħala l-varjetajiet tal-għeneb aħmar primarji. It-Tinta Amarela u t-Teinturier Sousão iktar 'il quddiem ġew inklużi fost il-varjetajiet li jattiraw l-ikbar interess. Dan ix-xogħol kien importanti biex tinħoloq firxa ġdida ta' nbejjed ta' kwalità għolja ta' Alto Douro u wasslet ukoll għal enfasi akbar fuq il-varjetajiet ta' għeneb li jintużaw fl-inbid Port. L-aqwa Quintas issa jħawwlu mill-ġdid fi dwieli b'varjetà waħda ta' għeneb u jiffukaw fuq għadd limitat ta' varjetajiet, għalkemm id-dwieli mħallta iktar antiki xorta waħda se jibqgħu jipproduċu nbejjed għal bosta deċennji.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Ir-Reġjun tal-Inbid ta' Alto Douro ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Douro study guide: Port winemaking and Douro viticulture. Fast Facts" (bl-Ingliż). 2018-03-01. Miġbur 2021-10-13.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Alto Douro Wine Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-13.
  3. ^ a b T. Stevenson, "The Sotheby's Wine Encyclopedia", p. 331, Dorling Kindersley, 2005, ISBN 0-7566-1324-8.
  4. ^ "UNESCO: Alto Douro (Portugal) No 1046" (PDF).
  5. ^ a b "The new table wines coming from Portugal's Douro Valley: part 1, overview". www.wineanorak.com. Miġbur 2021-10-13.
  6. ^ "Divine Douro | Wine Access". web.archive.org. 2009-09-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-09-11. Miġbur 2021-10-13.
  7. ^ "The new table wines coming from Portugal's Douro Valley: part 1, overview". www.wineanorak.com. Miġbur 2021-10-13.