Angra do Heroísmo

muniċipalità u belt fil-gżira ta' Terceira, l-Ażores, il-Portugall

Angra do Heroísmo (pronunzja bil-Portugiż: [ˈɐ̃ɡɾɐ du eɾuˈiʒmu]), magħrufa wkoll sempliċement bħala Angra[1][2], hija belt u muniċipalità fil-gżira ta' Terceira, il-Portugall, u waħda mit-tliet bliet kapitali tal-Ażores. Stabbilita fl-1478, Angra storikament kienet l-iżjed belt importanti fl-Ażores, bħala sede tal-Isqof tal-Ażores u ta' entitajiet tal-gvern, u peress li qabel kienet ukoll il-belt kapitali tal-Portugall matul il-Gwerer Liberali. Fl-2011 il-popolazzjoni kienet tammonta għal 35,402 ruħ[3], f'erja ta' 239 km².[4] Iż-żona ċentrali tal-belt tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[5]

Angra do Heroísmo
 Portugall
Amministrazzjoni
Stat sovranPortugall
Autonomous region of PortugalAżores
Isem uffiċjali Angra do Heroísmo
Ismijiet oriġinali Angra do Heroísmo
Kodiċi postali 9701
Ġeografija
Koordinati 38°39′21″N 27°12′55″W / 38.6558°N 27.2153°W / 38.6558; -27.2153Koordinati: 38°39′21″N 27°12′55″W / 38.6558°N 27.2153°W / 38.6558; -27.2153
Angra do Heroísmo is located in Portugal
Angra do Heroísmo
Angra do Heroísmo
Angra do Heroísmo (Portugal)
Superfiċjenti 237.52 kilometru kwadru, 239±0.00999999999999 kilometru kwadru
Għoli 26 m
Fruntieri ma' Praia da Vitória
Demografija
Popolazzjoni 35,402 abitanti (2011)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1478
Kodiċi tat-telefon 292
Żona tal-Ħin UTC−1
bliet ġemellati Salvador da Bahia, Gramado, Évora, Tulare, Gilroy, Tauntonu Rio de Janeiro
angradoheroismo.pt

"Angra" bil-Portugiż tfisser "qala" jew "bajja". L-epitet do Heroísmo ("tal-Eroiżmu", "l-Erojka") ingħata lill-belt minn Marija II sabiex jitfakkru ċ-ċittadini tagħha li kien irnexxielhom jiddefendu l-gżira kontra attakk Miguelista fl-1829.[2]

Uħud isostnu li Angra ġiet stabbilita minn Álvaro Martins, li baħħar flimkien ma' Didrik Pining fl-ispedizzjoni tiegħu lejn id-Dinja l-Ġdida, u flimkien ma' Bartolomeu Dias fil-vjaġġ tiegħu madwar il-Kap tat-Tama t-Tajba. Oħrajn isostnu li Angra ġiet stabbilita fl-1450 jew fl-1451 minn Jácome de Bruges, Fjamming li kien qed jaqdi lill-Prinċep Enriku n-Navigatur, li impjega bdiewa, sajjieda u merkanti fin-Netherlands biex jikkolonizza l-Ażores.

L-ewwel referenzi għall-insedjament tal-Ażores imur lura għal bejn l-1439 u l-1449, permezz tad-donazzjoni ta' Enriku n-Navigatur għall-kolonizzazzjoni ta' seba' gżejjer fil-gruppi ċentrali u tal-Lvant tal-arċipelagu. Terceira, inkluża f'dan il-grupp, ġiet amministrata minn Jácome de Bruges kif stipulat fil-proċess tan-nomina, datat f'Marzu 1450, li kien jinkludi mhux biss l-insedjament tal-artijiet, iżda anke l-monopolju tat-tħin, tal-fran, il-konċessjoni dwar il-melħ, id-drittijiet tal-art f'isem il-monarkija, it-taxxi, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u d-drittijiet tas-suċċessjoni, inkluż il-provvediment eċċezzjonali għas-suċċessjoni matrilineali. Madankollu, id-diffikultà kbira li jiġu attirati l-insedjaturi wasslet biex sat-22 ta' Awwissu 1460, il-gżira kienet għadha mhux popolata.

Is-sit li ntgħażel mill-ewwel insedjaturi kien linja ta' rdumijiet li kienu jiftħu, bħal anfiteatru, f'żewġ bajjiet żgħar, isseparati minn peniżola, li fit-tarf tagħha kien hemm il-vulkan estint ta' Monte Brasil. Waħda minn dawn iż-żewġ bajjiet kienet fonda biżżejjed (madwar 40 metru jew 130 pied) biex il-bastimenti l-kbar setgħu jankraw hemmhekk, u kellha wkoll il-vantaġġ li kienet imkennija mill-biċċa l-kbira tal-irjieħ l-iktar qawwijin, għajr dawk min-Nofsinhar u mix-Xlokk.

Fl-1474, Álvaro Martins Homem ordna li x-xmara li kienet tnixxi fil-bajja tiġi ddevjata lejn kanal bil-ġebel magħmul mill-bniedem, mibni għan-niżla, biex b'hekk l-ilma jgelgel seta' jiġi sfruttat biex tiddawwar ir-rota tal-ilma ta' mitħna. Dan witta t-triq għall-iżvilupp ekonomiku futur tal-villaġġ ta' Angra. Fl-istess waqt, bis-saħħa ta' dan iż-żona fuq iż-żewġ naħat tax-xmara setgħet tiġi rranġata mill-ġdid skont pjanta b'toroq dritti u organizzata f'kwartieri skont il-funzjoni (kummerċjali, residenzjali, eċċ.), sabiex jinqdew il-ħtiġijiet tal-port li kulma jmur beda jikber. L-ewwel djar ta' Angra nbnew fuq l-għolja 'l fuq mill-bajja, b'toroq weqfin li jagħtu għax-xatt. Fl-għoli wkoll, 'il bogħod mill-baħar, beda jinbena kastell/fortizza; li eventwalment sar magħruf bħala Castelo dos Moinhos (Kastell tal-Imtieħen). Sal-1534, Angra kienet l-ewwel belt fl-arċipelagu li ngħatat l-istatus ta' belt. Fl-istess sena, intgħażlet mill-Papa Pawlu III biex tkun is-sede tad-Djoċesi ta' Angra, b'awtorità ekkleżjastika fuq il-gżejjer kollha tal-Ażores.

Il-port kummerċjali bikri ta' Angra kellu rwol importanti fil-kummerċ tal-Indji tal-Lvant Portugiżi li beda fis-seklu 15. Il-bajja ta' Angra sikwit kienet mimlija karavelli u iġfna, xi ħaġa li kkontribwiet għall-progress tal-belt u tal-poplu tagħha. Il-kostruzzjoni ta' għadd ta' vilel, kunventi, knejjes u fortifikazzjonijiet militari f'Angra, li s-soltu kienu infrastrutturi mhux xierqa għal belt żgħira (jew għal gżira żgħira), tindika r-rwol importanti li Angra kellha fil-kummerċ trans-Atlantiku għall-Portugiżi. In-nobbli Portugiż Pero Anes do Canto (1480–1556), li twieled f'Guimarães, kien is-supretendent tal-fortifikazzjoniojiet f'Terceira. Għall-kompetenza tiegħu f'dak ir-rwol, u għal servizzi oħra għall-Kuruna Portugiża, huwa ngħata t-titlu ta' moço fidalgo (kavallier-ġentlom), u l-kariga għolja ta' "Fornitur tal-Armada tal-Gżejjer u tal-bastimenti merkantili tal-kummerċ tal-Indji tal-Lvant fil-gżejjer kollha tal-Ażores" (titlu ereditarju li għadda għand membri suċċessivi tal-familja Canto għal tliet mitt sena). L-importanza u s-setgħa tal-familja Canto kienet evidenti. Matul il-perjodu meta l-Portugall kien qed jagħmel kummerċ mal-kolonji Asjatiċi, Afrikani u tal-Amerka t'Isfel, huma kienu responsabbli għall-protezzjoni u għall-benesseri tal-flotta merkantili (u għall-ġid kbir li kienu qed iġorru l-bastimenti fl-istivi tagħhom) ladarba l-bastimenti qorbu lejn l-aħħar parti tal-vjaġġi tagħhom fit-Tramuntana tal-Atlantiku. Kienu responsabbli wkoll li jaġixxu bħala l-uffiċjal kap tad-dwana, il-maġistrat kap inkarigat għas-soluzzjoni tat-tilwim, u s-sorveljatur tad-difiża navali tal-Ażores.

Suċċessjoni Portugiża

immodifika
 
Inċiżjoni tal-1595 ta' Jan Huygen van Linschoten, li turi r-raba' maħdum estensiv tal-Pjanura ta' Achada u l-qalba tal-villaġġ ta' Angra.

Qabel ma Filippu II ta' Spanja kellu ċans jinforza l-jedd tiegħu għall-kuruna tal-Portugall, fl-1580, António, il-Pirjol ta' Crato, iben illeġittimu tal-linja Beja tal-familja rjali Portugiża ta' Braganza, ipproklama lilu nnifsu re fl-24 ta' Lulju 1580. Madankollu, ir-renju tiegħu fil-Portugall kontinentali dam għoxrin jum biss; fil-25 ta' Awwissu, ġarrab telfa fil-Battalja ta' Alcântara kontra l-armati Spanjoli tal-Asburgi mmexxija minn Fernando Álvarez de Toledo, id-Duke ta' Alba.

Wara l-Battalja ta' Alcântara, huwa pprova jirrenja fil-Portugall mill-Ażores, fejn stabbilixxa gvern ta' oppożizzjoni f'Angra do Heroísmo li dam sal-1583. Għalkem għal xi żmien huwa kien il-monarka (u zzekka l-muniti u kkonferixxa t-titli), il-gvern tiegħu f'Terceira ġie rrikonoxxut biss fl-Ażores, u minn dak il-post ta' rifuġju, António mexxa moviment ta' reżistenza popolari kontra r-rikonoxximent ta' re barrani. Huwa ġie appoġġat minn għadd ta' vjaġġaturi Franċiżi taħt Filippo di Piero Strozzi, eżiljat minn Firenze li kien qed jaqdi lil Franza, kif ukoll ta' patrijoti Portugiżi, li wħud minnhom marru fl-Ażores biex jgħinuh b'mod dirett.

 
Angra do Heroísmo fl-1671.

Battalja tal-Bajja ta' Salga

immodifika

L-ewwel azzjoni militari fl-Ażores seħħet madwar sena wara t-telfa li kien ġarrab António f'Alcântara. Flotta Spanjola ta' għaxar bastimenti tal-gwerra, taħt il-kmand ta' Pedro Valdez, ibbumbardjat lil Angra fil-5 ta' Lulju 1581, u mbagħad bdiet tistħarreġ il-kosta tal-gżira sabiex issib l-aqwa postijiet għall-iżbark. Fl-għabex tal-25 ta' Lulju, l-ewwel bastimenti mimlija truppi Spanjoli ankraw fil-Bajja ta' Salga, madwar tnax-il kilometru fil-Lvant tal-port ta' Angra fil-villaġġ ta' Vila de São Sebastião. Wieħed li kien għassa mal-kosta, stazzjonat fil-kap imsejjaħ Ponta do Coelho, ta l-allarm, iżda meta waslu l-ewwel forzi Portugiżi, madwar elf Kastiljan kienu diġà żbarkaw u kienu bdew jisirqu mill-villaġġi tal-madwar. F'din il-fażi tal-ġlied, skont ir-rakkonti lokali tal-azzjoni, kellha rwol ewlieni Brianda Pereira, li flimkien ma' nisa oħra, attakkat l-għadu b'għodod agrikoli meta rat li d-dar tagħha kienet inqerdet.

 
Inċiżjoni ta' Angra li turi l-Forti ta' São João Baptista.

Sa filgħodu, l-Ispanjoli kienu qed jirbħu l-kosta kollha bl-artillerija tagħhom, u l-ġlied kien aħrax. Għall-ħabta ta' nofsinhar, meta l-eżitu tal-battalja kien għadu mhux magħruf, patri Wistinjan imsejjaħ Dom Pedro, li kien qed jieħu sehem attiv fit-taqbida, ħareġ bi strataġemma li biha l-bhejjem jiġu sfrattati kontra l-Ispanjoli sabiex jinfirxu. Iktar minn elf bhima ġew miġbura malajr, u permezz tal-għajjat u tat-tiri tal-ixkubetti, ġew sfrattati fid-direzzjoni tal-pożizzjonijiet tal-għadu. L-Ispanjoli ġew sorpriżi u kellhom jirtiraw lura lejn il-kosta, fejn kważi kollha kemm huma tilfu ħajjithom fil-ġlied jew għerqu huma u jippruvaw jilħqu d-dgħajjes tagħhom. Din ir-rebħa mhux konvenzjonali tal-Battalja tal-Bajja ta' Salga, uriet li António seta' jserraħ sew fuq l-appoġġ lokali.

 
Ir-Re António, Pirjol ta' Crato, li rrenja fil-Portugall minn Angra matul il-kriżi tas-suċċessjoni tas-seklu 16.

Battalja ta' Ponta Delgada

immodifika

L-azzjoni militari maġġuri li jmiss seħħet fis-sajf tas-sena ta' wara. Álvaro de Bazán, l-ewwel Markiż ta' Santa Cruz, intbagħat fl-1582, bħala "Ammirall tal-Oċean", sabiex ikeċċi lil António u lil dawk li kienu qed jappoġġawh minn Angra u mill-Ażores. Huwa rebaħ il-Battalja ta' Ponta Delgada fis-26 ta' Lulju 1582, lil hinn mill-kosta tal-gżira ta' São Miguel, kontra konfederazzjoni dgħajfa ta' kursara Portugiżi, Franċiżi, Ingliżi u Olandiżi.

Battalja ta' Terceira

Għalkemm il-flotta ta' António kienet tilfet għalkollox fil-Battalja ta' Ponta Delgada, António rnexxielu jaħrab f'eżilju fi Franza wara l-battalja. Dawk li kienu jappoġġawh sussegwentement tilfu s-sena ta' wara fil-Battalja ta' Terceira, ħdejn Angra, fis-27 ta' Lulju 1583, u b'hekk il-forzi ta' Filippu finalment irnexxielhom jokkupaw lill-Ażores u kkompletaw l-unifikazzjoni tal-Kuruni ta' Spanja u tal-Portugall. Minkejja dan, Santa Cruz, l-Ammirall Spanjol, li ġie mfaħħar għar-rebħiet tiegħu kontra l-familja ta' Aviz u dawk li kienu jappoġġawha fl-Ażores, għaraf li l-Ingilterra kienet theddida serja għall-Imperu Spanjol, u kien favur gwerra kontra l-Ingliżi. F'ittra li kiteb lil Filippu II minn Angra do Heroísmo, fid-9 ta' Awwissu 1583, ġimagħtejn wara l-Battalja ta' Terceira, hemm l-ewwel suġġeriment definit tal-formazzjoni tal-Armada Spanjola.

Wara l-avvenimenti tal-Battalja ta' Terceira, il-fortifikazzjonijiet eżistenti fuq Monte Brasil ġew organizzati mill-ġdid. Matul il-Gwerra bejn l-Ingilterra u Spanja (1585-1604), il-fortifikazzjonijiet Portugiżi oriġinali ġew iddisinjati mill-ġdid mill-inġinier militari Taljan Giovanni Vicenzo Casale u mill-assistenti tiegħu, peress li kursara bħal Francis Drake u Walter Raleigh kienu attakkaw lill-bastimenti u l-ħażniet Spanjoli. L-ewwel ġebla tpoġġiet fl-1583, u l-fortifikazzjonijiet progressivament ġew elaborati biex jinkludu diversi bastjuni u postijiet għall-kanuni. Sar-Restawr, il-kmandant Spanjol Álvaro de Viveiros irreżista għal ħdax-il xahar (mis-27 ta' Marzu 1641 sal-4 ta' Marzu 1642) wara s-swar tal-fortizza impenetrabbli, u attakk koordinat kmandat minn Francisco Ornelas da Câmara u João de Bettencourt biss irnexxielu jegħleb lill-kmandant. Il-forti ttieħed f'isem il-Portugall: inbniet knisja fi ħdan il-fortizza f'ġieħ San Ġwann il-Battista (bil-Portugiż: São João Baptista) wara l-1642.

Seklu 17

immodifika
 
Almeida Garret, matul l-invażjonijiet ta' Napuljun, ħarab flimkien mal-familja tiegħu lejn Angra u baqgħu hemmhekk sa meta l-forzi Brittaniċi lliberaw il-peniżola Iberika.

Matul is-snin, Terceira (u b'mod partikolari Angra) kienet post popolari fejn il-monarki f'qagħda ħażina jfittxu l-kenn sakemm l-avvenimenti fl-art kontinentali Portugiża jew f'inħawi oħra kienu jseħħu mingħajrhom. Fl-1667, qrib it-tmiem tal-Gwerra tar-Restawr tal-Portugall, ir-Re Afonso VI, il-konsulent ewlieni tiegħu, Castelo Melhor, u l-partit Frankofilu ta' Castelo Melhor tilfu kontra ħu r-Re, Pedro, id-Duka ta' Beja (li iktar 'il quddiem irrenja bħala Pietru II tal-Portugall). Pedro għall-ewwel sar ir-reġġent ta' ħuh; imbagħad, irranġa l-eżilju ta' Afonso lejn il-gżira ta' Terceira fl-Ażores bil-pretest li ma kienx kapaċi jiggverna iktar. L-eżilju ta' Afonso dam seba' snin b'kollox.

João Baptista da Silva Leitão de Almeida Garrett, magħruf aħjar bħala l-awtur Almeida Garrett, twieled fl-1799 f'Porto, il-Portugall. Fl-1809, il-familja tiegħu ħarbet minħabba t-tieni invażjoni Franċiża mwettqa mit-truppi ta' Soult, u fittxew il-kenn f'Angra do Heroísmo. Matul iż-żmien li kien fl-Ażores, huwa ġie mgħallem miz-zijiet tiegħu, li kollha kemm huma kienu membri tal-kleru. Zijuh, Dom Frei Alexandre da Sagrada Família, kien il-ħamsa u għoxrin isqof ta' Angra. Fl-1818, Almeida Garrett telaq mill-gżira u mar lejn Coimbra biex jistudja fl-iskola tad-dritt tal-università.

Seklu 19

immodifika
 
Wara żmien f'Londra, l-eks Imperatur Pietru I tal-Brażil ingħaqad mal-forzi liberali f'Angra do Heroísmo, fejn stabbilixxa bażi għall-attakk eventwali tiegħu fuq il-kontinent matul il-Gwerer Liberali.

Meta r-Re João VI miet fl-1826, il-pajjiż daħal fi kriżi tas-suċċessjoni. Ir-re kellu eredi maskili għat-tron, l-Imperatur Pedro tal-Brażil, li kien irnexxielu jirribella kontra missieru fis-snin 20 tas-seklu 19. Madankollu, bosta Portugiżi prominenti ma xtaqux ir-riunifikazzjoni mal-eks kolonja tagħhom. L-iben iżgħar tar-re Miguel kien eżiljat fl-Awstrija, wara li mexxa għadd ta' rivoluzzjonijiet li ma rnexxewx kontra r-reġim liberali ta' missieru. Pedro abdika t-tron Portugiż favur bintu Maria da Glória li kellha seba' snin, u stipula li tiżżewweġ lil zijuha Miguel meta ssir xebba. Madankollu, sabiex jirrenja b'mod konġunt man-neputija tiegħu, Miguel ġie obbligat jieħu ġurament li jħares il-kostituzzjoni liberali eżistenti. Miguel inizjalment qabel iżda malajr reġa' bdielu. Huwa ddepona lin-neputija tiegħu mit-tron u beda jistabbilixxi monarkija assolutista.

Pedro u bintu mbagħad beda kunflitt magħruf b'diversi ismijiet, fosthom il-Gwerer Liberali, il-Gwerra Ċivili, il-Gwerra taż-Żewġ Aħwa u l-Gwerra ta' Miguel. Fit-22 ta' Ġunju 1828, il-liberali ddeponew lill-Kaptan-Ġeneral tal-Ażores Manuel Vieira de Albuquerque Touvar, u ddeportawh lejn l-art kontinentali u stabbilew kwartieri ġenerali fil-gżira ta' Terceira. Fil-Battalja ta' Praia da Vitória fil-11 ta' Awwissu 1829, iċ-ċittadini ta' Terceira rreżistew attakk immexxi minn Miguel. Dan wassal biex Angra tingħata t-titlu onorarju ta' do Heroísmo, "l-Erojka". Maria da Glória kienet tirresjedi fil-gżira mill-1830 sal-1833; il-forzi tagħha kienu rebbieħa s-sena ta' wara.

Fl-20 ta' Settembru 1836, Charles Darwin, in-naturalista Ingliż eminenti, hu u joqrob it-tmiem tal-vjaġġ tiegħu madwar id-dinja abbord il-bastiment tar-riċerka HMS Beagle, wasal fl-Ażores u ankra f'Angra. Il-jum ta' wara, Darwin kera żiemel u xi gwidi u rikeb saċ-ċentru tal-gżira fejn suppost kien jeżisti krater vulkaniku attiv. Huwa sab li ma kien hemm l-ebda "krater"; minflok, sab li kien hemm sensiela ta' fissuri fil-blat bl-istim ħiereġ minnhom. Għal naturalista, il-jum twil riekeb iż-żiemel ma tantx ta frott. Bijoloġikament, Darwin kiteb, li ma seta' "jsib xejn ta' interess". L-għada, Darwin ivvjaġġa tul il-kosta u żar ir-raħal ta' Praia da Vitória fil-Grigal tal-gżira. Huwa rritorna mix-xatt tat-Tramuntana, u qasam il-parti ċentrali tal-gżira fi triqtu lura lejn l-HMS Beagle. Huwa salpa fil-25 ta' Settembru lejn il-gżira ta' São Miguel, sabiex jiġbor xi ittri li setgħu ntbagħtulu hemmhekk.

 
Ngungunhane, l-Iljun ta' Gaża, inqabad mill-forzi Portugiżi wara r-ribelljoni tiegħu fil-Punent tal-Afrika Portugiża u ġie eżiljat lejn Angra do Heroísmo.

Angra u Praia da Vitória fil-qrib kienu s-siti fejn seħħ episodju interessanti tal-Gwerra Ċivili Amerikana. Peress li ma setgħux ikissru l-imblokk tal-bastimenti tal-Flotta Navali tal-Istati Uniti fil-portijiet (Konfederati) tan-Nofsinhar, u fit-tama li jaljenaw lil dawn il-bastimenti tal-imblokk sabiex jikkontrabattu theddid perċepit ieħor, l-Istati Konfederati tal-Amerka ordnaw li jinbnew bastimenti tal-gwerra fir-Renju Unit u fi Franza biex ikunu jistgħu jattakkaw il-bastimenti kummerċjali. Wieħed minn dawn il-bastimenti telaq minn Liverpool f'Lulju 1862 taparsi kien "bastiment merkantili" u ngħaqad ma' bastimenti oħra ta' appoġġ fil-port ta' Praia da Vitória. Dan il-post fejn iltaqgħu ntgħażel minħabba li l-Portugall kien pajjiż newtrali u l-Ażores kienu 'l bogħod mill-bastimenti tal-Flotta Navali tal-Istati Uniti. F'dak il-port, u iktar 'il quddiem f'Angra, kanuni u provvisti oħra tal-gwerra ġew ittrasferiti abbord il-bastiment il-ġdid. Is-CSS Alabama ġie kkummissjonat fl-24 ta' Awwissu 1862 ftit 'il barra mill-port ta' Angra, u telaq minn Terceira sabiex jibda l-karriera tiegħu bħala l-iżjed bastiment tal-gwerra effettiv kontra l-bastimenti merkantili fl-istorja navali.

Ngungunhane (magħruf ukoll bħala Mdungazwe Ngungunyane Nxumalo, N'gungunhana, jew Gungunhana Reinaldo Frederico Gungunhana) twieled f'Gaża fin-Nofsinhar tal-Afrika għall-ħabta tal-1850, u miet f'Angra do Heroísmo fit-23 ta' Diċembru 1906. Bħala vassall tar-re Portugiż, iktar 'il quddiem irribella, u ġarrab telfa u ntefa' l-ħabs mill-Armata Portugiża, immexxija minn Joaquim Mouzinho de Albuquerque. Huwa ġie eżiljat lejn Liżbona u mbagħad lejn il-gżira ta' Terceira, fejn ikkonverta għall-Kattoliċiżmu; huwa għex hemmhekk sa mewtu. Huwa kien l-aħħar imperatur tal-Imperu ta' Gaża, territorju li issa huwa parti mill-Mozambique, u kien l-aħħar monarka tad-dinastija tiegħu.

Imlaqqam l-"Iljun ta' Gaża", huwa rrenja mill-1884 sat-28 ta' Diċembru 1895, il-jum meta sar priġunier ta' Joaquim Mouzinho de Albuquerque fil-villaġġ iffortifikat ta' Chaimite. Minħabba li diġà kien magħruf mal-istampa Ewropea, l-amministrazzjoni kolonjali Portugiża ddeċidiet li tikkundannah għall-eżilju minflok tiġġustizzjah, bħalma kien jiġri s-soltu. Huwa ġie ttrasportat lejn Liżbona, akkumpanjat minn ibnu Godide u dinjatarji oħra. Wara soġġorn qasir, huwa ġie ttrasferit lejn Angra do Heroísmo, fejn miet ħdax-il sena wara.

Seklu 20

immodifika

Angra ġiet mheżża minn terremot kbir fl-1 ta' Jannar 1980 li kkawża ħsara konsiderevoli fiċ-ċentru storiku tal-belt u f'diversi postijiet oħra fil-gżira ta' Terceira. L-Ażores esperjenzaw bosta terremoti u żbroffi vulkaniċi minn żmien il-preistorja, iżda t-terremot tal-1980 x'aktarx li kien l-iżjed wieħed gravi mis-seklu 18. Il-ħsara fil-belt ġiet imsewwija u saret rikostruzzjoni fi żmien erba' snin.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Iċ-ċentru storiku ta' Angra do Heroísmo ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[5]

Ġeografija

immodifika
 
Angra do Heroísmo.
 
Il-belt ta' Angra, imdawra bil-pajsaġġi bil-ħdura ta' Monte Brasil u ta' Serra do Morião.
 
Il-vulkan enormi ta' Santa Bárbara, l-ogħla quċċata tal-gżira ta' Terceira.

Angra tokkupa l-kosta tan-Nofsinhar tal-gżira ta' Terceira. Hija l-kwartieri ġenerali ta' kmand militari u s-sede ta' veskovat Kattoliku Ruman. Il-binjiet prinċipali tagħha huma l-Katidral ta' Sé ta' Angra do Heroísmo, kulleġġ militari, arsenal u osservatorju. Il-port, li issa ma tantx għandu importanza kummerċjali jew strateġika (iżda qabel kien port kummerċjali u militari maġġuri), huwa mkenni fuq il-Punent u fuq il-Lbiċ mill-promontorju ta' Monte Brasil, iżda llum il-ġurnata huwa inqas importanti mill-portijiet ġirien ta' Ponta Delgada fil-gżira ta' São Miguel u ta' Horta fil-gżira ta' Faial.

  • Jardim Duque da Terceira
  • Miradouro da Amoreira
  • Miradouro do Pico das Cruzinhas
  • Miradouro da Ponta do Queimado
  • Miradouro do Pico Matias Simão
  • Miradouro da Serreta
  • Miradouro das Veredas
  • Mata da Serreta
  • Parque Municipal do Relvão
  • Parque Arqueológico Subaquático da Baía de Angra do Heroísmo
  • Parque de Campismo das Cinco Ribeiras

Ekoreġjuni/Żoni protetti

immodifika
  • Algar do Carvão
  • Baía de Angra do Heroísmo
  • Baía das Pontas
  • Baía da Salga
  • Baía do Refugo
  • Baía dos Salgueiros
  • Furna de Água
  • Galerias da Feteira
  • Gruta do Natal
  • Gruta Brisa Azul
  • Gruta das Mercês
  • Gruta do Zé Grande
  • Gruta das Cinco Ribeiras
  • Gruta das Agulhas
  • Gruta dos Ratões
  • Ilhéus das Cabras
  • Lagoa do Negro
  • Monte Brasil
  • Porto das Cinco Ribeiras
  • Ponta do Queimado
  • Prainha
  • Serra do Morião
  • Serra da Ribeirinha
  • Serra de Santa Bárbara
  • Zona Balnear do Negrito
  • Zona de Protecção Especial do Ilhéu das Cabras

Il-klima ta' Angra do Heroísmo hija eżatt bejn Mediterranja (Csa) u subtropikali-umduża (Cfa), b'temperatura medja ta' kuljum f'Awwissu li taqbeż eżatt l-iżoterm tat-22 °C (72 °F) u x-xita f'Lulju tlaħħaq ftit inqas mill-iżoterm ta' 30 mm għar-reġim tal-klima oċeanika (Cfb). Hija affettwata b'mod sinifikanti mill-Kurrent tal-Golf u mill-ilmijiet sħan tat-Tramuntana tal-Atlantiku madwar l-Ażores, b'temperaturi estremament miti fix-xitwa għal post daqstant 'il bogħod mill-ekwatur. Fil-fatt Angra hija wieħed mill-iżjed postijiet 'il bogħod mill-ekwatur li qatt ma rreġistrat ġlata fl-ajru. B'kuntrast, qatt ma ġew irreġistrati temperaturi 'l fuq minn 30 °C (86 °F), u l-jiem tas-sajf spiss ilaħħqu madwar 24 °C (75 °F) sa 25 °C (77 °F).

Data klimatika għall-Osservatorju ta' José Agostinho, Angra do Heroísmo (1981-2010), f'elevazzjoni ta' 74-90 m (243-295 pied)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 20.2

(68.4)

20.2

(68.4)

20.6

(69.1)

21.6

(70.9)

23.7

(74.7)

25.5

(77.9)

29.2

(84.6)

28.6

(83.5)

28.7

(83.7)

25.9

(78.6)

25.0

(77.0)

21.2

(70.2)

29.2

(84.6)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 16.2

(61.2)

16.1

(61.0)

16.5

(61.7)

17.3

(63.1)

18.8

(65.8)

21.1

(70.0)

23.9

(75.0)

25.1

(77.2)

24.0

(75.2)

21.3

(70.3)

18.7

(65.7)

17.0

(62.6)

19.7

(67.4)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) 14.1

(57.4)

13.8

(56.8)

14.2

(57.6)

14.9

(58.8)

16.3

(61.3)

18.5

(65.3)

21.0

(69.8)

22.2

(72.0)

21.3

(70.3)

18.9

(66.0)

16.5

(61.7)

14.9

(58.8)

17.2

(63.0)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 12.0

(53.6)

11.5

(52.7)

11.9

(53.4)

12.4

(54.3)

13.7

(56.7)

15.8

(60.4)

18.1

(64.6)

19.1

(66.4)

18.5

(65.3)

16.4

(61.5)

14.2

(57.6)

12.7

(54.9)

14.7

(58.4)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) 3.7

(38.7)

4.2

(39.6)

3.8

(38.8)

5.7

(42.3)

8.8

(47.8)

10.2

(50.4)

12.5

(54.5)

14.4

(57.9)

12.4

(54.3)

8.8

(47.8)

7.6

(45.7)

5.5

(41.9)

3.7

(38.7)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 107.6

(4.24)

110.1

(4.33)

107.8

(4.24)

85.7

(3.37)

72.3

(2.85)

55.2

(2.17)

29.1

(1.15)

48.3

(1.90)

89.7

(3.53)

115.6

(4.55)

122.8

(4.83)

155.1

(6.11)

1,099.3

(43.27)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni 19.1 17.6 17.4 15.5 13.9 11.3 10.6 11.8 14.0 18.2 18.7 19.9 188
Sors 1: Instituto de Meteorologia[6]
Sors 2: Weatherbase[7]

Ġeografija umana

immodifika

Amministrattivament, il-muniċipalità ta' Angra do Heroísmo hija magħmula minn diversi parroċċi ċiviċi, li storikament kienu entitajiet parrokkjali amministrati mill-Knisja Kattolika. Wara t-tkeċċija tal-ordnijiet reliġjużi mill-Portugall, l-amministrazzjoni Portugiża adattat dawn l-unitajiet territorjali f'istituzzjonijiet lajċi li sar il-pedament tal-gvern lokali. F'kuntest ċiviku, parroċċa (freguesia bil-Portugiż) hija sempliċement sottodiviżjoni ta' muniċipalità (concelho jew município). Id-dsatax-il parroċċa ċivika ta' Angra do Heroísmo huma:

  • Altares
  • Cinco Ribeiras
  • Doze Ribeiras
  • Feteira
  • Nossa Senhora da Conceição
  • Porto Judeu
  • Posto Santo
  • Raminho
  • Ribeirinha
  • Santa Bárbara
  • Santa Luzia
  • São Bartolomeu de Regatos
  • São Bento
  • São Mateus da Calheta
  • São Pedro
  • Serreta
  • Terra Chã
  • Vila de São Sebastião

Tlettax-il parroċċa għandhom popolazzjoni ta' elf ruħ jew iktar, u 88.71 % tal-popolazzjoni tgħix f'dawn il-parroċċi l-kbar. Madwar 11.3 % tal-popolazzjoni tgħix fis-sitt parroċċi l-oħra. L-iżjed parroċċa popolata hija dik ta' Nossa Senhora da Conceição (Il-Madonna tal-Kunċizzjoni), u l-inqas popolata hija dik ta' Serreta. L-ikbar parroċċa ġeografikament hija dik ta' Porto Judeu u l-iżgħar waħda hi dik ta' Santa Luzia.

Arkitettura

immodifika
 
Il-Kunvent ta' São Francisco ġie stabbilit fl-1470.
 
Iċ-ċentru storiku ta' Angra.

Iċ-ċentru storiku ta' Angra jinsab tul il-kosta tan-Nofsinhar u jinkludi l-belt Medjevali u ċ-ċittadella ffortifikata mal-kon vulkaniku ta' Monte Brasil. Angra hija denominata mill-Pjazza l-Antika (bil-Portugiż: Praça Velha), magħrufa wkoll bħala l-Pjazza tal-Qaddisin Cosmo u Damjan (bil-Portugiż: Praça de São Cosmo e Daimão) jew il-Pjazza tar-Restawraturi (bil-Portugiż: Praça dos Restoradores). Din hija waħda mill-ewwel pjazez Portugiżi ddisinjata speċifikament bħala spazju fil-beraħ, li jingħaqad ma' tnejn mill-arterji prinċipali taċ-ċentru storiku. Il-pjazza ta' Angra hija wiesgħa u ordnata, u hija pavimentata bil-ġebla tal-ġir bajda u bil-bażalt iswed. Matul l-istorja tagħha, din il-pjazza prinċipali kellha diversi funzjonijiet: kienet suq tat-tiġieġ u tal-bhejjem nhar ta' Ħadd; matul it-taqbid bejn il-Liberali u l-Assolutisti (matul il-Gwerer Liberali) kienet il-post fejn in-nies kienu jiġu mgħallqa fil-pubbliku; u kienet il-post fejn bdiet it-tradizzjoni li l-barrin jitħallew jiġru fit-toroq. Il-pjazza ppjanata sew u sabiħa f'Angra ġiet iddisinjata kif nafuha llum il-ġurnata bis-saħħa tal-influwenza tat-terremot ta' Liżbona tal-1755, li rriżulta f'programm ta' rikostruzzjoni li affettwa bosta rħula u bliet fil-Portugall. Il-pjazza l-antika (li tlestiet kif inhi llum il-ġurnata lejn l-aħħar tas-seklu 18) tirrefletti dan il-ħsieb u dan l-approċċ ġdid fir-rigward tal-urbaniżmu u t-trasport. Wara s-seklu 19 (speċifikament fl-1879), intużat bħala post fejn isiru l-kunċerti mill-banda militari tal-għaxar riġment, li kellhom il-barrakki tagħhom fil-Forti ta' São João Baptista.

  • Binja tat-Tfaddil ta' Angra do Heroísmo (bil-Portugiż: Caixa Económica de Angra do Heroísmo);
  • Ċimiterju tal-Ankri (bil-Portugiż: Cemitério das Âncoras);
  • Binja tad-Dwana ta' Angra do Heroísmo (bil-Portugiż: Alfândega de Angra do Heroísmo); inbniet biex tappoġġa l-influss ta' nies u ta' riżorsi kummerċjali fil-kolonji tas-seklu 15 tal-Ażores; l-istruttura ċivika qisha dar twila nbniet fis-seklu 16 tul il-Patio da Alfândega maġenb l-imħażen primittivi u l-Knisja tal-Ħniena;
  • Villa ta' D. Violante do Canto (bil-Portugiż: Casa de Dona Violante do Canto/Solar de Dona Violante do Canto);
  • Villa ta' Omm Alla (bil-Portugiż: Solar de Madre de Deus), mibnija minn João de Bettencourt de Vasconcelos li (flimkien ma' ħuh tar-rispett, il-Kaptan-Maġġur Francisco Ornelas da Câmara) uża din il-binja fl-1641 matul l-imblokk tal-Forti ta' São João Baptista, u ħaffer trunċieri madwar il-binja biex jiddefendi s-sit;
  • Villa tal-Madonna tal-Irmedji (bil-Portugiż: Solar e Capela de Nossa Senhora dos Remédios), eks residenza tal-familja Canto e Castro, din il-villa tas-seklu 16 inbniet bħala d-dar residenzjali ta' Pero Anes do Canto, li ġie nnominat bħala l-ewwel Fornitur tal-Armi (fl-1527). Responsabbli għall-appoġġ lill-karavelli u lill-bastimenti fi tranżitu mill-Atlantiku, is-sit Medjevali kien iċċentrat fil-qalba tal-villa u d-dixxendenti tiegħu kabbru l-grupp ta' binjiet, inkluż il-kappella l-kbira, attribwita lil proproneputi ta' Pero;
  • Villa tal-Konti ta' Vila Flor (bil-Portugiż: Casa do Conde de Vila Flor/Solar do Conde de Vila Flor);
  • Palazz tal-Familja Bettencourt (bil-Portugiż: Palácio Bettencourt/Biblioteca Pública e Arquivo Regional de Angra do Heroísmo), binja tas-seklu 17, oriġinarjament dar privata, tospita l-librerija pubblika u l-arkivji reġjonali, li jinkludu repożitorju ta' 400,000 ktieb u żewġ miljun dokument;
  • Palazz tal-Kaptana-Ġenerali (bil-Portugiż: Colégio de Santo Inácio/Colégio da Companhia de Jesus/Palácio dos Capitães Generais (SRAI)), li jinsab qrib il-Largo Prior do Crato huwa binja tas-seklu 16 b'rabta intrinsika mal-istorja ta' Angra; oriġinarjament kien il-Kulleġġ ta' San Injazju tal-Ġiżwiti u iktar 'il quddiem kien il-Kulleġġ tas-Soċjetà ta' Ġesù, qabel ma ġie abbandunat fl-1759. Meta nħolqot il-kariga ta' Kaptan-Ġeneral fl-1766, il-binja ġiet ikkonvertita fir-residenza uffiċjali tar-rappreżentanti tal-Kuruna fl-Ażores, b'kontroll fuq il-ħajja militari, politika u amministrattiva tal-arċipelagu;
  • Residenza ta' Quinta de Nossa Senhora da Oliveira (bil-Portugiż: Casa of Quinta de Nossa Senhora da Oliveira);
  • Cais da Alfândega;
  • Cais da Silveira;
  • Câmara Municipal de Angra do Heroísmo;
  • Porto das Cinco Ribeiras.

Militari

immodifika

Il-gżira ta' Terceira, sa mis-seklu 15 kienet dejjem suxxettibbli għall-attakki mill-pirati u mill-kursara, l-ewwel mill-pirati tal-kosta tal-Barberija, iżda mbagħad mis-setgħat Ewropej li ppruvaw jaħtfu l-bastimenti mimlija rikkezzi fil-vjaġġ tagħhom lura mil-Lvant Imbiegħed. Wara l-unjoni personali bejn Spanja u l-Portugall, wara l-Kriżi Dinastika, il-ħtieġa li jiġu protetti l-punti ta' tranżitu tal-Ażores wasslet għall-kostruzzjoni ta' diversi postijiet tal-għassa u fortifikazzjonijiet tul il-kosta tal-gżira. Fosthom l-iżjed importanti kienu:

  • il-Kastell ta' Moinhos' (bil-Portugiż: Castelo dos Moinhos), magħruf bħala l-Kastell ta São Cristóvão jew il-Kastell/Forti ta' São Luís, huwa l-fdalijiet ta' fortifikazzjoni tas-seklu 16 li tħares fuq il-belt ta' Angra, illum taħt l-Alto da Memória, obelisk tas-seklu 19 iddedikat lill-eks Re Pietru IV tal-Portugall, li permezz tal-forzi tiegħu rebaħ kontra l-monarkija assoluta ta' ħuh Miguel matul il-Gwerer Liberali;
  • il-Forti ta' Cinco Ribeiras;
  • il-Forti ta' Greta;
  • il-Forti ta' Má Ferramenta (bil-Portugiż: Forte de Má Ferramenta), li ntuża matul is-sekli 16 sa 20, u bħala pjattaforma għal xi żmien fit-Tieni Gwerra Dinjija qabel ma ġie abbandunat u mitluq;
  • il-Forti ta' Negrito (bil-Portugiż: Forte do Negrito), li jospita l-Mużew tal-Istorja Militari tal-Ażores, inbena fl-1581 (simultanjament mal-Forti ta' Salga) sabiex jipprovdi protezzjoni mill-attakki imminenti ta' dak iż-żmien mill-Ispanjoli kkawżati mill-Kriżi tas-Suċċessjoni tal-1580;
  • il-Forti ta' Salga;
  • il-Forti ta' Santa Catarina das Mós;
  • il-Forti ta' Santo António;
  • il-Forti ta' Santo António do Monte Brasil (bil-Portugiż: Forte de Santo António do Monte Brasil), huwa forti żgħir, li ngħata isem António tal-Portugall li estenda d-difiżi tal-Bajja ta' Angra flimkien mal-qawwa tal-Forti ta' São Sebastião;
  • il-Forti ta' São Benedito do Monte Brasil;
  • il-Forti ta' São Fernando;
  • il-Forti ta' São Francisco;
  • il-Forti ta' São João (bil-Portugiż: Forte de São João), magħruf ukoll bħala l-Forti ta' Biscoitinhos, ġie inkluż fil-pjanijiet ta' fortifikazzjoni ta' Tommaso Benedetto, iżda ma tantx sar wisq biex ir-ridott il-kbir jittejjeb, u diversi drabi ġie mfixkel mar-Ridott ta' Poço u/jew il-Forti ta' Açougue;
  • il-Forti ta' São João Baptista (bil-Portugiż: Igreja de São João Baptista do Castelo, Fortaleza e Muralhas); Angra do Heroísmo tinsab eżatt taħt il-kon tal-vulkan estint ta' Monte Brasil, fejn issa hemm il-Forti São João Baptista, li oriġinarjament tlesta bħala l-Forti ta' São Filipe, matul id-Dinastija ta' Filippu, taħt ir-renju ta' Filuppu II ta' Spanja. Il-forti, li jinkludi bastjun primarju mdawwar b'erba' kilometri ta' swar b'400 oġġett tal-artillerija, kien jintuża għall-protezzjoni tal-bastimenti li kienu jkunu ġejjin lura mil-Lvant Imbiegħed (mimlija deheb u fidda). Il-forti huwa ddominat mill-Knisja ta' São João Baptista (bil-Portugiż: Igreja de São Joao Baptista) u mill-artijiet fejn isiru l-parati, li tlestew fl-aħħar tal-Unjoni Iberika, wara r-restawr tas-sovranità Portugiża fl-1640. Dak iż-żmien, il-forti ngħata isem il-knisja.
  • il-Forti ta' São Sebastião (bil-Portugiż: Castelo de São Sebastião/Forte de São Sebastião/Pousada de Angra do Heroísmo) jinsab fit-tarf l-ieħor tal-Bajja ta' Angra, fin-naħa opposta tal-Porto de Pipas (Port tal-Btieti); inbena fis-seklu 16 skont l-ordni tar-Re Bastjan. Il-kanuni tiegħu kienu ppożizzjonati b'tali mod li jkopru fejn ma kinux jilħqu l-kanuni fuq Monte Brasil u tat-tliet fortijiet żgħar l-oħra tul il-kosta, biex b'hekk tinħoloq sistema difensiva effettiva għall-port, li kien spiss jiġi attakkat mill-pirati. Il-Castelo de São Sebastião ġie ttrasformat f'lukanda lussuża, waħda minn erbgħin pousada (bereġ f'binjiet storiċi) tal-Portugall; din it-trasformazzjoni tippreserva l-karattru storiku oriġinali tal-forti, iżda s-sistema tal-plumbing ġiet immodernizzata u xi elementi strutturali mhux viżibbli ġew imsaħħa;
  • il-Forti ta' Zimbreiro;
  • il-Fortizza ta' São Mateus da Calheta (bil-Portugiż: Forte Grande de São Mateus da Calheta), huwa parti minn kumpless ta' sitt fortijiet tul il-kosta tan-Nofsinhar; magħruf ukoll bħala l-Forti l-Kbir, inbena wara l-attakk tal-pirati Franċiżi taħt Pierre Bertrand de Montluc fl-1567;
  • il-Forti ta' Açougue;
  • il-Forti ta' Caninas;
  • il-Forti ta' Cavalas;
  • il-Forti tal-Knisja ta' São Mateus da Calheta;
  • il-Forti ta' Maré;
  • il-Forti ta' Terreiro;
  • ir-Ridott ta' Dois Paus;
  • ir-Ridott ta' Três Paus;
  • ir-Ridott ta' Salga.

Reliġjuża

immodifika

Kien hemm mument fl-istorja meta Angra kellha saħansitra disa' kunventi, kollha bil-kjostri u bil-knejjes tagħhom. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-knejjes huma tal-perjodi tal-Manjeriżmu u tal-Barokk, u huma tassew grandjuża meta wieħed iżomm f'moħħu l-kwalità ħażina tal-ġebla preżenti fuq il-gżira. It-tiżjin fuq ġewwa ta' dawn il-knejjes kien ibbażat fuq l-użu tax-xogħol tradizzjonali tal-injam indurat u mnaqqax, kif ukoll fuq ix-xogħol bl-injam rikk u eżotiku mill-Brażil.

Fil-Ladeira de São Francisco fiċ-ċentru ta' Angra hemm l-Igreja da Nossa Senhora da Guia (il-Knisja tal-Madonna ta' Guia), fejn ġie midfun il-baħħar Paulo da Gama. Huwa akkumpanja lil ħuh Vasco da Gama fl-ewwel vjaġġ tiegħu bil-baħar lejn l-Indja fl-1497.

  • Kappella/Sptar tal-Madonna ta' Boa Nova (bil-Portugiż: Capela e Hospital Militar de Nossa Senhora da Boa Nova);
  • Kappella tal-Ħniena ta' San Bastjan (bil-Portugiż: Capela da Misericórdia de São Sebastião e Casa de Francisco Ferreira Drumond);
  • Knisja tal-Kulleġġ tas-Soċjetà ta' Ġesù (bil-Portugiż: Colégio de Santo Inácio/Igreja do Colégio da Companhia de Jesus)
  • Kunvent tal-Kunċizzjonisti (bil-Portugiż: Convento das Concepcionistas);
  • Kunvent ta' São Gonçalo (bil-Portugiż: Convento de São Gonçalo), stabbilit fl-1542, permezz tal-inizjattiva tan-nobbli Brás Pires do Canto, biex jingħata kenn lis-sorijiet ta' Klarissa, baqa' jeżisti sal-1832 u kien l-aħħar kunvent eżistenti wara t-tkeċċija tal-ordnijiet reliġjużi. Jitqies bħala wieħed mill-aqwa istituzzjonijiet reliġjużi eżistenti tal-perjodu Barokk fl-Ażores;
  • Kunvent ta' Santo António dos Capuchos (bil-Portugiż: Convento de Santo António dos Capuchos);
  • Eremitaġġ ta' Santo Cristo do Cruzeiro (bil-Portugiż: Capela do Cruzeiro/Ermida de Santo Cristo do Cruzeiro);
  • Knisja l-Antika ta' São Mateus da Calheta (bil-Portugiż: Igreja Velha de São Mateus da Calheta).

Ġlied tal-barrin tal-Ażores

immodifika
 
Xena mit-touradas à corda tradizzjonali, fejn in-nies u l-barrin jilagħbuha tal-kelb u l-qattus fit-toroq tal-parroċċi tal-muniċipalità.

Il-verżjoni Portugiża tal-ġlied tal-barrin tvarja b'mod konsiderevoli minn dik Spanjola, u l-varjetà tal-Ażores, li bdiet fil-gżira ta' Terceira, tvarja mill-istil kontinentali f'diversi aspetti importanti wkoll. Il-ġlied tal-barrin tal-Ażores jinvolvi l-"parteċipazzjoni tal-pubbliku" b'mod li jfakkar fil-"ġiri tal-barrin" f'Pamplona (Spanja).

Fil-gżira ta' Terceira, erba' barrin tal-ġlied jiġu kkonfinati f'kompartimenti separati tal-injam għal diversi sigħat u jiġu ttrasportati lejn il-villaġġ fejn ikun se jseħħ il-ġlied tal-barrin, imbagħad jiġi ssikkat ħabel oħxon u twil ma' għonq kull barri. Jieħu l-ġigġifogu bħala sinjal liċ-ċittadini li l-barrin dalwaqt ikunu se jinħelsu fil-pjazza pubblika. Ladarba l-barrin jinħelsu, xi żgħażagħ jaħtfu l-ħabel ta' ma' għonq il-barrin biex jippruvaw jikkontrollawlu rasu, filwaqt li oħrajn jittantaw il-barrin b'kulma jkollhom, minn mantijiet b'kuluri jgħajtu sa umbrelel. Fit-tgeġwiġija l-barrin jaf ikaxkar xi rġiel bil-ħabel b'kollox u jipprovaw jikkastigahom billi jagħtuhom bir-ras sa ma jwaqqagħhom mal-art u jniffduhom bil-qrun jew jgħaddu minn fuqhom. Dan l-avveniment huwa divertiment popolari u pubbliku; huwa magħruf bħala t-tourada à corda.

Eventwalment, il-barrin jgħaddu mit-toroq tal-belt sal-arena tal-ġlied tal-barrin, il-Praça de Toiros da Ilha, fin-naħa tal-Lvant ta' Angra, fejn issir ġlieda tradizzjonali tal-barrin bi stil Portugiż. Mill-1 ta' Mejju sat-30 ta' Settembru, jiġu organizzati touradas kuljum; fil-fatt, xi kultant ikun hemm saħansitra tnejn jew tlieta f'jum.

Edukazzjoni

immodifika

L-Università tal-Ażores, li għandha l-kampus prinċipali tagħha fil-gżira ta' São Miguel, għandha kampus sussidjarju f'Angra do Heroísmo, fejn jinsab id-Dipartiment tax-Xjenzi Agrarji (Departamento de Ciências Agrárias). Din l-istituzzjoni hija ċentru għall-istudji xjentifiċi u agrikoli avvanzati, u tattira studenti mill-arċipelagu kollu, kif ukoll studenti barranin minn bosta pajjiżi.

L-Instituto Histórico da Ilha Terceira (IHIT - l-Istitut Storiku tal-Gżira ta' Terceira), huwa assoċjazzjoni kulturali privata ddedikata għall-investigazzjoni u għall-istudju tal-istorja tal-Ażores. Huwa organizzat bħala akkademja, u jisponsorizza klassijiet, lekċers u simpożji dwar suġġetti differenti. L-istitut ġie stabbilit fl-1942 mill-belt ta' Angra do Heroísmo.

Angra għandha tim tal-futbol jismu S.C. Angrense, li huwa parti mill-Associação de Futebol de Angra do Heroísmo. It-tim tal-futbol ta' Sport Clube Lusitânia huwa t-tim tal-futbol prinċipali fil-gżira ta' Terceira. L-assoċjazzjoni tal-futbol tar-reġjun tinsab f'Angra do Heroísmo.

Ġemellaġġ

immodifika

Angra do Heroísmo hija ġemellata ma':[8]

Nies notevoli

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ Baynes, T. S., ed. (1878), "Angra" , Encyclopædia Britannica, vol. 2 (9th ed.), New York: Charles Scribner's Sons, p. 46.
  2. ^ a b Chisholm, Hugh, ed. (1911), "Angra" , Encyclopædia Britannica, vol. 2 (11th ed.), Cambridge University Press, p. 42.
  3. ^ "Statistics Portugal - Web Portal". www.ine.pt. Miġbur 2023-01-09.
  4. ^ "Eurostat". web.archive.org. 2012-10-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-10-07. Miġbur 2023-01-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Central Zone of the Town of Angra do Heroismo in the Azores". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-09.
  6. ^ "IPMA - 026". www.ipma.pt. Miġbur 2023-01-09.
  7. ^ "Angra do Heroismo, Portugal Travel Weather Averages (Weatherbase)". Weatherbase. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-01-09. Miġbur 2023-01-09.
  8. ^ "Acordos de geminação da cidade de Angra do Heroísmo – Angra do Heroísmo | Câmara Municipal" (bil-Portugiż). Miġbur 2023-01-09.