Guimarães

belt u muniċipalità tal-Portugall

Guimarães (pronunzja bil-Portugiż: [ɡimɐˈɾɐ̃jʃ]) hija belt u muniċipalità li tinsab fit-Tramuntana tal-Portugall, fid-distrett ta' Braga. Iċ-ċentru storiku tagħha ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001, minħabba li huwa "eżempju awtentiku u ppreservat ferm tal-evoluzzjoni ta' insedjament Medjevali f'raħal modern" fl-Ewropa.[1]

Guimarães
 Portugall
Amministrazzjoni
Stat sovranPortugall
District of PortugalBraga
Isem uffiċjali Guimarães
Ismijiet oriġinali Guimarães
Kodiċi postali 4800 Guimarães
Ġeografija
Koordinati 41°26′42″N 8°17′27″W / 41.445°N 8.2908°W / 41.445; -8.2908Koordinati: 41°26′42″N 8°17′27″W / 41.445°N 8.2908°W / 41.445; -8.2908
Guimarães is located in Portugal
Guimarães
Guimarães
Guimarães (Portugal)
Superfiċjenti 242.85 kilometru kwadru, 240.95±0.01000000000001 kilometru kwadru
Fruntieri ma' Fafe (en) Translate, Póvoa de Lanhoso (en) Translate, Braga (en) Translate, Vila Nova de Famalicão (en) Translate, Santo Tirso (en) Translate, Vizela (en) Translateu Felgueiras
Demografija
Popolazzjoni 158,124 abitanti (2011)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 253
Żona tal-Ħin UTC±0u UTC+1
bliet ġemellati Compiègne, Londrina, Brive-la-Gaillarde, Igualada, Tacoronte, Santa Cruz de Tenerife, Rio de Janeiro, Kaiserslautern, Colonia del Sacramento, Tourcoing, Ribeira Grande de Santiago, Mé-Zóchi, Kavadarciu Dijon
cm-guimaraes.pt

Guimarães hija parti wkoll mis-sottoreġjun ta' Ave (wieħed mill-iżjed sottoreġjuni industrijalizzati fil-pajjiż), kif ukoll mill-provinċja storika ta' Minho. Il-belt għandha popolazzjoni ta' 152,309 abitant skont l-iżjed data reċenti tal-2019 f'erja ta' 240.95 kilometru kwadru (93.03 mil kwadru).[2] Is-sindku attwali huwa Domingos Bragança tal-Partit Soċjalista. Guimarães, flimkien ma' Maribor, is-Slovenja, kienet Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2012.

Il-belt ġiet insedjata fis-seklu 9, u dak iż-żmien kienet tissejjaħ Vimaranes. Din id-denominazzjoni jaf oriġinat mill-ġellied Vímara Peres, li għażel din iż-żona bħala s-sede prinċipali tal-gvern għall-Kontea tal-Portugall li ħakem għar-Renju ta' Galizja. Guimarães għandha importanza storika sinifikanti minħabba r-rwol li kellha fl-istabbiliment tal-Portugall. Il-belt spiss titqies bħala "raħal twelid il-Portugall" jew il-"belt tan-nieqa" (Cidade Berço bil-Portugiż) peress li kien maħsub li l-ewwel re tal-Portugall, Afonso Henriques, twieled hemmhekk, u anke minħabba l-fatt li l-Battalja ta' São Mamede – li titqies bħala l-avvenimenti kruċjali għall-istabbiliment tar-Renju tal-Portugall – ġiet miġġielda qrib il-belt.[3]

L-istorja ta' Guimarães hija assoċjata mal-istabbiliment u mal-identità tan-nazzjonalità Portugiża. Guimarães, kif ukoll insedjamenti oħra, jippreċedu l-istabbiliment tal-Portugall. Minħabba r-rwol tal-belt fl-istabbiliment tal-pajjiż hija magħrufa bħala n-"nieqa tan-nazzjonalità Portugiża". Fl-1128, f'Guimarães seħħew avvenimenti politiċi u militari sinifikanti li wasslu għall-indipendenza u għat-twelid ta' nazzjon ġdid. Għal din ir-raġuni, f'wieħed mit-torrijiet tas-swar antiki tal-belt hemm il-kitba "Aqui nasceu Portugal" (Il-Portugall twieled hawnhekk).

Storja tal-qedem

immodifika

Skont is-sejbiet arkeoloġiċi f'Citânia (Castro), fis-sit arkeoloġiku ta' Briteiros, Sabroso u Penha, iż-żona li fiha tinsab Guimarães kellha insedjamenti permanenti minn żmien il-Kalkolitiku aħħari.

Hemm evidenza wkoll ta' okkupazzjoni Rumana, u ġebla ddedikata lill-imperatur Ruman Trajanu li nstabet f'Caldas das Taipas tissuġġerixxi li fi żmien ir-Rumani Guimarães kienet diġà raħal bl-ispa.[3]

Stabbiliment

immodifika

Wara l-politika tar-Reconquista promossa mir-Renju ta' Galizja fis-seklu 9, il-pedamenti Medjevali tal-belt proprja nibtu fis-seklu 10. F'dak il-punt, il-Kontessa Mumadona Dias, ordnat li jinbena monasteru fil-proprjetà tagħha ta' Vimaranes, li wassal biex in-nies jibdew jinsedjaw ruħhom fl-inħawi magħrufa bħala "vila baixa" (litteralment ir-"raħal t'isfel"). Fl-istess żmien, hija ordnat il-kostruzzjoni ta' kastell fuq żona bl-għoljiet, li saret magħrufa bħala "vila alta" (ir-"raħal ta' fuq"), biex l-insedjament jiġi mħares. Sabiex dawn iż-żewġ irħula jiġu kkollegati nbniet ir-Rua de Santa Maria.

Il-monasteru sar ir-"Real Colegiada" (il-Knisja Kulleġġjali Rjali) u maż-żmien din kisbet importanza minħabba l-privileġġi u d-donazzjonijiet li sarulha min-nobbli u mir-rejiet, u saret sit famuż għall-pellegrinaġġi.

Enriku, il-Konti tal-Portugall approva l-ewwel foral nazzjonali x'aktarx fl-1096 (iżda dan mhux ikkonfermat). Il-foral (dokument ta' stabbiliment ta' raħal jew belt) kien evidenza tal-importanza dejjem tikber tar-raħal ta' Guimarães f'dak iż-żmien, li mbagħad intgħażel bħala l-belt kapitali tal-Kontea tal-Portugall.

Fl-24 ta' Ġunju 1128 seħħet il-"Batalha de São Mamede" (Battalja ta' São Mamede) f'Guimarães.

Medju Evu

immodifika

Matul ir-renju tar-re Denis, meta r-raħal kien qed jikber, kien parzjalment imdawwar b'ħajt difensiv. Sadanittant, l-ordnijiet tal-mendikanti nsedjaw ruħhom f'Guimarães u għenu fit-tiswir tal-belt emerġenti. Iktar 'il quddiem, matul ir-renju ta' Ġwanni I, il-ħajt twaqqa' u ż-żewġ partijiet tal-belt finalment twaħħdu u l-belt bdiet tikber 'il barra mill-ħitan antiki tagħha.

Il-kostruzzjoni tal-Bażilika ta' San Pietru bdiet fl-1737 u saret bażilika minuri fl-1751. It-tlestija formali tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni saret bejn l-1883 u l-1884.

Storja moderna

immodifika

Sas-seklu 19, l-istruttura tal-belt ma ġarrbitx bosta trasformazzjonijiet, apparti l-kostruzzjoni ta' xi knejjes, kunventi u palazzi oħra. Kien lejn l-aħħar tas-seklu 19 li l-ideat urbanistiċi ġodda tal-iġjene u tas-simetrija, u l-promozzjoni tar-raħal f'belt mir-Reġina Marija II fit-23 ta' Ġunju 1853, wasslu għall-ikbar bidliet.

It-twaqqigħ sħiħ tas-swar tal-belt ġie awtorizzat u beda l-ħolqien ta' bosta toroq żgħar u kbar. Il-proċess ikkontrollat ta' urbanizzazzjoni wassal biex iċ-ċentru storiku tal-belt jiġi kkonservat.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Il-Palazz tad-Duki ta' Bragança.

Iċ-Ċentru Storiku ta' Guimarães ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Ġeografija

immodifika
 
Pjazza Toural fl-1864.
 
Pjazza Toural fl-2009.
 
Pjazza Oliveira, fiċ-ċentru storiku ta' Guimarães, bil-Padrão do Salado fuq ix-xellug.
 
Largo do Toural, Guimarães.
 
Statwa ta' Mumadona Dias, quddiem il-qorti tal-belt.
 
Ix-xmara Couros, qrib il-Hostel taż-Żgħażagħ ta' Guimarães.

Il-biċċa l-kbira tal-muniċipalità hija magħmula minn formazzjonijiet tal-granit iżda f'ċerti żoni fil-Majjistral tal-muniċipalità jinstab ukoll blat xist. Fix-Xlokk tal-muniċipalità jinstab ukoll it-tafal fil-qiegħ tal-baċir tax-xmajjar Ave, Vizela u Selho.

Orografija u idrografija

immodifika

Il-muniċipalità hija delimitata fit-Tramuntana bl-għolja ta' "Senhora do Monte", u fil-Majjistral mill-għoljiet ta' Falperra, Sameiro, Outeiro u Penedice. Lejn in-Nofsinhar hija delimitata bl-għolja ta' Penha li b'għoli ta' 613-il metru hija l-ogħla punt fil-muniċipalità.

Guimarães hija parti mill-baċir tad-dranaġġ tax-xmara Ave li taqsam il-muniċipalità fi tnejn. Ix-xmara Ave għandha bħala tributarji x-xmajjar Vizela, Torto u Febras, u fuq ġewwa tal-belt, ix-xmajjar Selho u Couros, u n-nixxiegħa ta' Santa Lúzia.

Guimarães tinsab f'wied u hija mdawra bl-għoljiet. Minħabba li tinsab 'il bogħod mhux ħażin mill-baħar, ix-xtiewi normalment ikun kesħin u bix-xita u s-sjuf ikunu sħan u kemxejn umdużi. It-temperatura annwali medja hija 14 °C.

Ma tantx hemm wisq diversità, speċjalment fiż-żoni urbani, iżda l-muniċipalità għandha xi speċijiet ta' interess ċineġetiku, pereżempju l-volpi aħmar, il-ħanżir selvaġġ, il-gamiem, il-merill, il-ħamiem u l-ħaġla ta' saqajha ħomor. Fiż-żoni ħodor tal-belt, l-iżjed speċijiet komuni huma l-annimali gerriema jew ir-rodituri, speċjalment l-iskojattli.

Paroċċi

immodifika

Amministrattivament, il-muniċipalità hija maqsuma fi 48 parroċċa ċivili (freguesias):[4]

  • Abação e Gémeos
  • Airão Santa Maria, Airão São João u Vermil
  • Aldão
  • Arosa u Castelões
  • Atães e Rendufe
  • Azurém
  • Barco
  • Briteiros Salvador u Briteiros Santa Leocádia
  • Briteiros Santo Estêvão u Donim
  • Brito
  • Caldas das Taipas (Caldelas)
  • Candoso (São Martinho)
  • Candoso São Tiago u Mascotelos
  • Conde u Gandarela
  • Costa
  • Creixomil
  • Fermentões
  • Gonça
  • Gondar
  • Guardizela
  • Infantas
  • Leitões, Oleiros u Figueiredo
  • Longos
  • Lordelo
  • Mesão Frio
  • Moreira de Cónegos
  • Nespereira
  • Oliveira, São Paio u São Sebastião
  • Pencelo
  • Pinheiro
  • Polvoreira
  • Ponte
  • Prazins (Santa Eufémia)
  • Prazins Santo Tirso u Corvite
  • Ronfe
  • Sande São Lourenço u Balazar
  • Sande (São Martinho)
  • Sande Vila Nova u Sande São Clemente
  • São Torcato
  • Selho (São Cristóvão)
  • Selho (São Jorge)
  • Selho São Lourenço u Gominhães
  • Serzedelo
  • Serzedo u Calvos
  • Silvares
  • Souto Santa Maria, Souto São Salvador u Gondomar
  • Tabuadelo u São Faustino
  • Urgezes.

Demografija

immodifika

Fl-2001, il-popolazzjoni tal-muniċipalità kienet 159,576 abitant. Fl-2011, kien hemm 158,124 resident. Il-popolazzjoni kienet tinkludi 81,357 mara u 76,767 raġel. Guimarães hija t-13-il ikbar belt fil-pajjiż f'termini ta' popolazzjoni.

Evoluzzjoni tal-popolazzjoni tal-muniċipalità ta' Guimarães (1801-2011)
Evoluzzjoni tal-popolazzjoni fiċ-ċentru storiku (1864-2011)
 
Il-Knisja ta' Nossa Senhora da Consolação e dos Santos Passos, Guimarães.

Guimarães hija belt ta' daqs medju b'ħajja kulturali dejjem għaddejja. Apparti l-mużewijiet, il-monumenti, l-assoċjazzjonijiet kulturali, il-galleriji tal-arti u l-festi popolari tagħha, minn Settembru 2005 għandha wkoll spazju kulturali importanti msejjaħ iċ-Ċentru Kulturali ta' Vila Flor. Dan iċ-ċentru kulturali għandu żewġ awditorji, ċentru tal-wirjiet u kafetterija fejn isiru l-kunċerti. Guimarães kienet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2012, flimkien ma' Maribor, is-Slovenja.

Guimarães tospita wkoll il-klabb tal-futbol ta' Vitória S.C. li jikkompeti fil-Primeira Liga, l-ogħla diviżjoni tal-futbol fil-Portugall.

Guimarães ġiet eletta min-New York Times bħala wieħed minn 41 post li wieħed għandu jżur fl-2011 u ġiet imsejħa wieħed mill-punti kulturali emerġenti fil-Peniżola Iberika.[5]

Gastronomija

immodifika

Il-fatt li Guimarães ġiet stabbilita fuq l-artijiet ta' kunvent tas-sorijiet kellu influwenza kbira fuq il-gastronomija tar-reġjun, speċjalment fil-ħelu, bħat-"Tortas de Guimarães"[6] (pasti ta' Guimarães, bl-għaġina sfiljurata b'għamla ta' nofs qamar) u, l-iktar, it-"Toucinho do céu" (kejk-pudina safra). Minbarra dak li huwa normali f'Minho, bħall-"vinho verde", il-"Papas de sarrabulho" (tagħsida tal-laħam u d-demm tal-majjal), ir-"Rojões" (stuffat tal-laħam tal-majjal bil-patata u z-zalzett), eċċ., fil-belt isiru wkoll l-hemm imsejħa "Bôla de carne" (pulpetti tal-laħam), magħmula b'tip ta' ħobż (b'għamla ta' pizza), toucinho (bacon), sardini jew ingredjenti oħra.[7]

 
Il-fiera ta' Joanina f'Guimarães, fejn jerggħu jsiru attivitajiet tal-qedem bħall-produzzjoni tat-"torta" tal-laħam.

Tradizzjonijiet u festi

immodifika
  • "Festas Gualterianas" (festa Gualteriana), f'ġieħ São Gualter (San Walter, patri Franġiskan minuri), li ilha ssir mill-1906 fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta' Awwissu. Il-"Cortejo do Linho" (Parata tal-Għażel) u l-"Batalha das Flores" (Battalja tal-Fjuri) huma parti mill-festi li jintemmu bil-"Marcha Gualteriana" (marċ Gualteriana).
  • "Nicolinas" huma l-festi tal-istudenti ta' Guimarães, iċċelebrati f'ġieħ San Nikola. Il-festi jibdew fid-29 ta' Novembru u jispiċċaw fis-7 ta' Diċembru. Fihom isiru diversi ċelebrazzjonijiet; iċ-ċelebrazzjoni tal-"Pinheiro" li jkollha l-ikbar attendenza: wara ċ-"Ceia Nicolina" (ċena Nicolina), il-parteċipanti jagħmlu parata fit-toroq ta' Guimarães u jdoqqu t-"Toques Nicolinos" bit-tnabar, filwaqt li tradizzjonalment tinġarr Pinheiro (siġra taż-żnuber/tal-Milied) bil-karrijiet u l-barrin. Dan l-aħħar, ġie ssuġġerit li n-"Nicolinas" jistħoqqilhom jitqiesu bħala wirt kulturali intanġibbli mill-UNESCO.[8]
  • Il-festa ta' "Santa Luzia" f'ġieħ Santa Luċija ssir kull sena fit-13 ta' Diċembru, qrib il-kappella ta' Santa Luzia. Waħda mit-tradizzjonijiet ta' din il-festa hija l-bejgħ ta' kejkijiet tradizzjonali magħmula mid-dqiq tas-segala u z-zokkor, imsejħa "Sardão" u "Passarinha" (dawn l-ismijiet għandhom konnotazzjonijiet sesswali bil-Portugiż, assoċjati mal-ġenitali maskili u femminili rispettivament). Skont it-tradizzjoni, tifel għandu joffri "Sardão", b'għamla fallika, lil tifla, u jekk it-tifla tkun interessata li toħroġ mat-tifel, twieġeb billi tagħtih "Passarinha".
  • Ir-"Romaria Grande de São Torcato" (pellegrinaġġ kbir ta' São Torcato) huwa wieħed mill-ikbar romarias (pellegrinaġġi) f'Minho, u jsir kull sena f'Lulju fil-villaġġ ta' São Torcato.

Mużewijiet, spazji kulturali u galleriji tal-art

immodifika
 
Iċ-Ċentru Kulturali ta' Vila Flor.

Il-belt ta' Guimarães għandha diversi spazji kulturali ta' referenza fil-livell reġjonali u nazzjonali. Fost id-diversi mużewijiet tal-belt, il-mużew ta' Alberto Sampaio huwa l-iktar li jispikka. Stabbilit fl-1928, infetaħ għall-pubbliku fl-1931; jinsab fis-sit antik tal-Knisja Kulleġġjali tal-Madonna ta' Oliveira (Cabido da Colegiada de Nossa Senhora da Oliveira). Fih kollezzjoni rikka ta' oġġetti mis-sekli 14, 15 u 16, inkluż libsa rari li ntużat mir-Re Ġwanni I.

 
Is-Sede tas-Soċjetà ta' Martins Sarmento.

Is-Soċjetà ta' Martins Sarmento (Sociedade Martins Sarmento) hija waħda mill-eqdem istituzzjonijiet tal-pajjiż iddedikati għall-istudju u għall-preservazzjoni tal-artefatti arkeoloġiċi. Is-soċjetà hija s-sid ta' żewġ mużewijiet: il-Mużew Arkeoloġiku tas-Soċjetà ta' Martins Sarmento, li huwa magħruf għall-kollezzjonijiet tal-preistorja u tal-protostorja kif ukoll għall-kollezzjonijiet tan-numismatika u tal-epigrafija; u l-Mużew Kulturali ta' Castro ddedikat lill-kultura ta' Castro.

Hemm ukoll: il-Mużew tal-Arti Moderna Primittiva, li jinsab fid-Domus Municipalis (il-muniċipju l-antik), li fih kollezzjoni tal-arti inġenwa; il-Mużew tal-Villaġġ ta' São Torcato, iddedikat lir-reġjun u r-relazzjoni tiegħu mal-monasteru u ma' San Torcato (São Torcato); il-Mużew tal-Agrikoltura ta' Fermentões, b'kollezzjonijiet tal-prattiki agrikoli tradizzjonali tar-reġjun; u l-Mużew ta' São Sebastião, inawgurat fl-24 ta' Marzu 1984, li fih l-iktar art sagra.

Stabbilimenti kulturali oħra jinkludu:

  • Iċ-Ċentru Kulturali ta' Vila Flor (Centro Cultural Vila Flor) huwa ċ-ċentru kulturali prinċipali f'Guimarães. Inbena fl-2005, f'irkupru tal-Palazz l-antik ta' Vila Flor u ż-żona tal-madwar tiegħu. Għandu żewġ awditorji, kafetterija tal-kunċerti u gallerija tal-wirjiet. Il-ġonna tal-madwar tal-palazz l-antik ġew rinnovati wkoll u fl-2006 issemmew fil-kategorija tal-Ispazji Esterni Pubbliċi fil-Premju Nazzjonali tal-Pajsaġġ Arkitettoniku.
  • Iċ-Ċentru tal-Arti u tal-Ispettakli ta' São Mamede – Guimarães.
  • Il-Librerija Muniċipali ta' Raul Brandão għandha s-sede tagħha fil-belt u għandha fergħat ukoll f'Pevidém, f'Caldas das Taipas u f'Ronfe. Toffri s-servizzi tal-libreriji mobbli tagħha lil 42 parroċċa u servizzi lill-iskejjel u lill-ħabs tal-belt.
  • Il-Laboratorju tal-Arti (Laboratorio das Artes) ġie stabbilit fl-2004 mill-istudenti tal-ESAP. Huwa spazju kulturali għall-wirjiet, għall-ispettakli, għall-mużika u għall-istudjos tal-arti.
  • L-Arkivju Nazzjonali ta' Alfredo Pimenta, stabbilit fl-1931, fih l-arkivji għall-muniċipalità ta' Guimarães u għad-distrett ta' Braga.
 
Estádio D. Afonso Henriques.

Guimarães għandha żewġ klabbs sportivi ewlenin, Vitória Sport Clube, b'tim tal-futbol preżenti fil-Primeira Liga kull sena, li rebaħ it-Tazza Portugiża fl-2012/13 u s-Supercup Portugiża fl-1988, u Moreirense Futebol Clube, b'tim tal-futbol preżenti wkoll fil-Primeira Liga għal xi snin u li rebaħ it-Tieni Diviżjoni Portugiża fl-2013/14 u t-Tazza tal-Ewwel Diviżjoni Portugiża fl-2016/17. Matul l-istaġuni meta l-Vitória SC lagħbu fl-Ewropa, it-tim Portugiż lagħab kontra timijiet bħal Arsenal FC, Atletico Madrid, Real Sociedad, Eintracht Frankfurt, Parma FC u Borussia Monchengladbach.

Il-Vitória SC għandu wkoll timijiet tal-basketball, tal-volleyball u tal-water polo li jikkompetu fl-ogħla diviżjonijiet tal-isport rispettiv tagħhom.

Soċjetà

immodifika
 
Il-knisja fi Pjazza Toural, imdawla bħala ċelebrazzjoni li l-belt ġiet rikonoxxuta bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Fl-2008, il-belt ikklassifikat fit-tieni post fl-indiċi bħala l-iżjed belt li wieħed jgħix tajjeb fiha fil-Portugall. Hija wkoll l-għaxar l-inqas belt imniġġsa fil-pajjiż skont IQAir.

Fl-2004, 89 % tal-popolazzjoni kellha ilma tax-xorb; ġie previst li l-perċentwal kien se jiżdied għal 95 % sal-2006. Fl-2001, 63.5 % tal-popolazzjoni kellha drenaġġ bażiku; ġie previst li l-perċentwal kien se jiżdied għal 80 % sal-2008. Fl-2001, 100 % tal-popolazzjoni kellha aċċess għas-servizzi tal-ġestjoni tal-ilma.

Madankollu, diversi nies jilmentaw li l-belt, flimkien ma' bliet oħra tad-distrett ta' Braga, kellha tkabbir diżorganizzat u mingħajr attenzjoni għall-estetika.

Gazzetti

immodifika

Guimarães tikklassifika fir-raba' post fil-pajjiż għall-għadd ta' gazzetti li toffri. L-eqdem waħda hija l-"Azemel Vimaranense", stabbilita fl-1822; li x'aktarx ma ġietx ippubblikata għal xi żmien minħabba l-inċidenti ta' Vilafrancada. Mill-1856, bdew jitfaċċaw gazzetti oħra, fosthom "A Tesoura de Guimarães". Attwalment il-gazzetti tal-belt huma:

  • O Comércio de Guimarães
  • O Cónego
  • O Conquistador
  • Desportivo de Guimarães
  • Entrevillas
  • O Expresso do Ave
  • Jornal do Adepto
  • Lordelo Jornal
  • Notícias de Guimarães
  • O Pilar
  • O Povo de Guimarães
  • Reflexo – O Espelho das Taipas
  • Sport Jornal dos Desportos

Żewġ stazzjonijiet tar-radju għandhom is-sede tagħhom fil-belt: Radio Fundação (95.8 FM) u Radio Santiago (98.0 FM).

Televiżjoni

immodifika

It-trażmissjoni ta' Guimarães TV ilha tixxandar online mill-24 ta' Lulju 2007; hija r-riżultat ta' kollaborazzjoni bejn l-assemblea tal-belt u ċ-ċentru ċibernetiku ta' Guimarães. Il-kontenuti tagħha jixxandru fl-istazzjon ta' Região Norte TV li huwa disponibbli bil-kejbil.

Il-"canalguimarães" huwa stazzjon online ieħor li beda jopera f'Marzu 2010. Huwa frott l-isforzi ta' assoċjazzjoni tal-arti, l-"Associação de Socorros Mútuos Artística Vimaranense", waħda mill-eqdem assoċjazzjonijiet tal-belt.

Ekonomija

immodifika

Guimarães hija waħda mill-iżjed muniċipalitajiet industrijali fil-Portugall. L-industriji primarji tagħha huma t-tessuti, iż-żraben u l-metalmekkanika.

Trasport

immodifika

Guimarães hija kkollegata ma' Porto bil-linja ferrovjarja ta' Guimarães. Din il-linja ferrovjarja oriġinarjament inbniet b'binarju b'gejġ dejjaq, imbagħad ġiet immodernizzata u nbniet mill-ġdid b'gejġ Iberiku wiesa' fl-ewwel deċennju tas-seklu 21. Is-servizz ferrovjarju huwa operat minn Comboios de Portugal (CP). Lokolament, Guimarães hija moqdija minn TUG (Transportes Urbanos de Guimarães) li topera 21 rotta tal-karozzi tal-linja fil-belt.

Ġemellaġġi

immodifika

Guimarães hija ġemellata ma':[9]

Nies notevoli

immodifika
 
Ir-Re Afonso I tal-Portugall.

Żmien Medjevali u Modern Bikri

immodifika
 
Elisabete Matos, 2021.

Żmien Modern Aħħari

immodifika
 
Fernando Meira, 2009.
 
Pedro Mendes, 2018.
  • Francisco "Xico" Ferreira (1919–1986), plejer tal-futbol li lagħab 178 logħba mal-klabbs u 25 logħba mat-tim nazzjonali tal-futbol tal-Portugall;
  • Aurora Cunha (twieled fl-1959), eks atleta;
  • Horácio Gonçalves (twieled fl-1962), plejer tal-futbol irtirat li lagħab 284 logħba mal-klabbs u attwalment huwa kowċ;
  • Domingos Castro (twieled fl-1963), eks atleta tal-ġiri fuq distanza twila, li kkompeta fil-Logħob Olimpiku tas-sajf fl-1988, fl-1992, fl-1996 u fis-sena 2000;
  • Dionísio Castro (twieled fl-1963), eks atleta tal-ġiri fuq distanza twila li kkompeta fil-Logħob Olimpiku tas-sajf fl-1988 u fl-1992;
  • Miguel Marques (twieled fl-1963), plejer tal-futbol irtirat li lagħab 545 logħba mal-klabbs;
  • Quim Berto (twieled fl-1971), eks plejer tal-futbol professjonali li lagħab 451 logħba mal-klabbs;
  • Fernando Meira (twieled fl-1978), plejer tal-futbol li lagħab 534 logħba mal-klabbs u 54 logħba mat-tim nazzjonali tal-Portugall;
  • Pedro Mendes (twieled fl-1979), plejer tal-futbol li lagħab 298 logħba mal-klabbs u 11-il logħba mat-tim nazzjonali tal-Portugall;
  • Domingos Alexandre Martins Costa (twieled fl-1979), magħruf bħala Alex, huwa eks plejer tal-futbol li lagħab 295 logħba mal-klabbs;
  • Rui Faria (twieled fl-1980), magħruf bħala Faria, huwa goalkeeper tal-futbol li lagħab 270 logħba mal-klabbs;
  • Ricardo (twieled fl-1980), plejer tal-futbol ta' Cabo Verde li lagħab 469 logħba mal-klabbs u 16-il logħba mat-tim nazzjonali ta' Cabo Verde;
  • Vítor Lima (twieled fl-1981), plejer tal-futbol irtirat li lagħab 479 logħba mal-klabbs;
  • Carlos Carneiro (twieled fl-1982), eks plejer tal-handball Portugiż;
  • Ana Dulce Félix (twieled fl-1982), atleta fuq distanza twila, li kkompetiet fil-Logħob Olimpiku tas-sajf fl-2012 u fl-2016;
  • Custódio Castro (twieled fl-1983), magħruf bħala Custódio, plejer tal-futbol irtirat li lagħab 342 logħba mal-klabbs u 10 logħbiet mat-tim nazzjonali tal-Portugall;
  • Vieirinha (twieled fl-1986), plejer tal-futbol li lagħab iktar minn 400 logħba mal-klabbs u 25 logħba mat-tim nazzjonali tal-Portugall;
  • Márcio Sousa (twieled fl-1986), plejer tal-futbol professjonali li lagħab iktar minn 350 logħba mal-klabbs;
  • João Sousa (twieled fl-1989), l-ikbar plejer tat-tennis tal-Portugall, ikklassifikat fis-36 post mill-ATP;
  • Rui Bragança (twieled fl-1991), prattikant tat-taekwondo Portugiż.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Guimarães". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-21.
  2. ^ "DGTerritório - Carta Administrativa Oficial de Portugal - Versão 2017 (em vigor)". web.archive.org. 2018-11-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-11-05. Miġbur 2023-05-21.
  3. ^ a b "HISTORIA DE PORTUGAL". web.archive.org. 2016-03-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-09. Miġbur 2023-05-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "Law nr. 11-A/2013, pp. 552 56–58" (PDF).
  5. ^ Times, The New York. "The 41 Places to Go in 2011". www.nytimes.com. Miġbur 2023-05-22.
  6. ^ User, Super. "Produtos Tradicionais Portugueses". Produtos Tradicionais Portugueses (bil-Portugiż). Miġbur 2023-05-22.
  7. ^ FPGuimarães (2021-10-18). "Onde apanhar os famosos bolos de carne ou sardinha em Guimarães" (bil-Portugiż). Miġbur 2023-05-22.
  8. ^ "PINHEIRO". www.cm-guimaraes.pt (bil-Portugiż). Miġbur 2023-05-22.
  9. ^ "Cidades". www.cm-guimaraes.pt (bil-Portugiż). Miġbur 2023-05-22.
  10. ^ "Geminação com Dijon formalizada em Guimarães este sábado, 24 de junho". www.cm-guimaraes.pt (bil-Portugiż). Miġbur 2023-05-22.