Monasteru ta' Alcobaça
Il-Monasteru ta' Alcobaça (bil-Portugiż: Mosteiro de Alcobaça, Mosteiro de Santa Maria de Alcobaça; pronunzja: [alkuˈβasɐ]) huwa kumpless monastiku Kattoliku li jinsab fir-raħal ta' Alcobaça, fil-Portugall ċentrali, xi 120 kilometru fit-Tramuntana ta' Liżbona. Il-monasteru ġie stabbilit fl-1153 mill-ewwel re Portugiż, Afonso Henriques, u żviluppa rabta sfiqa mal-monarkija Portugiża matul l-istorja ta' seba' sekli tiegħu.
Il-knisja u l-monasteru kienu l-ewwel binjiet Gotiċi fil-Portugall, u flimkien mal-Monasteru Wistinjan kemxejn iktar antik ta' Santa Cruz f'Coimbra, il-monasteru kien wieħed mill-iżjed monasteri Medjevali importanti fil-Portugall. Bis-saħħa tar-rilevanza artistika, kulturali u storika tiegħu, tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1989.[1][2]
Storja
immodifikaIl-Monasteru ta' Alcobaça huwa wieħed mill-ewwel binjiet assoċjati mal-Ordni taċ-Ċisterċensi fil-Portugall. Ġie stabbilit fl-1153 bħala rigal mill-ewwel re Portugiż, Afonso I jew Afonso Henriques (1112–1185), lil Bernardu ta' Clairvaux,[3] wara li r-re kkonkwista l-belt ta' Santarém mill-Għarab Iberiċi f'Marzu 1147. L-istabbiliment tal-monasteru kien parti minn strateġija ikbar tar-Re Afonso I biex jasserixxi l-awtorità tiegħu u jippromwovi l-kolonizzazzjoni tal-artijiet li kienu ġew ikkonkwistati mill-Għarab Iberiċi matul ir-Reconquista.
Il-kostruzzjoni bdiet fl-1178, xi 25 sena wara li l-ewwel patrijiet Ċisterċensi insedjaw ir-reġjun ta' Alcobaça. Inizjalment , il-patrijiet kienu jgħixu fi djar tal-injam u mbagħad marru jgħixu fil-monasteru l-ġdid li nbena fl-1223. Il-knisja nnifisha ma tlestietx qabel l-1252.[4] Il-knisja u l-monasteru huma l-iżjed eżempji bikrin ta' arkitettura tassew Gotika fil-Portugall u l-knisja kienet l-ikbar fil-Portugall dak iż-żmien li tlestiet. L-aħħar irtokk lil dan il-kumpless Medjevali kbir ingħata fl-aħħar tas-seklu 13, meta r-Re Denis I (1261-1325) ordna l-kostruzzjoni tal-kjostru Gotiku, magħruf ukoll bħala l-"Kjostru tas-Silenzju".
Il-patrijiet iddedikaw ħajjithom għall-meditazzjoni reliġjuża, u ħolqu manuskritti illuminati fi scriptorium. Il-patrijiet tal-monastery ipproduċew storja awtorevoli bikrija tal-Portugall f'sensiela ta' kotba. Il-librerija ta' Alcobaça kienet waħda mill-ikbar libreriji Medjevali Portugiżi, iżda nsterqet mill-Franċiżi invażuri fl-1810, u nsterqu bosta oġġetti wkoll f'rewwixta kontra l-kleru fl-1834, meta l-ordnijiet reliġjużi fil-Portugall ġew xolti. Il-fdalijiet tal-librerija tal-monasteru, inkluż mijiet ta' manuskritti Medjevali, illum il-ġurnata jinżammu fil-Biblioteca Nacional de Portugal, il-librerija nazzjonali tal-Portugall f'Liżbona.
Matul il-Medju Evu, il-monasteru sar preżenza setgħana u influwenti fi ħdan ir-renju tal-Portugall. Il-monasteru kellu s-sjieda ta' żoni agrikoli estensivi u żviluppahom, filwaqt li l-patri superjuri kellu influwenza fuq żona kbira. Fl-1269 infetħet skola pubblika. L-importanza tal-monasteru tista' titkejjel mill-fatt li bosta monarki ndifnu fih fis-sekli 13 u 14. Ir-rejiet Afonso II u Afonso III u l-irġejjen tagħhom, Urraca ta' Kastilja u Beatriċe ta' Kastilja, rispettivament, indifnu hemmhekk, kif ukoll ir-Re Pedro I u l-maħbuba tiegħu, Inês de Castro, li nqatlet skont l-ordnijiet ta' missier Pedro, ir-Re Afonso IV. Wara li ġie inkurunat re, Pedro kkummissjona żewġ oqbra Gotiċi tal-għaġeb għalih u għall-maħbuba tiegħu, u t-tnejn li huma għadhom preżenti fil-knisja tal-monasteru.
Matul ir-renju ta' Manwel I, ġie miżjud it-tieni sular tal-kjostru u nbniet sagristija ġdida, bl-istil Gotiku Aħħari Portugiż karatteristiku magħruf bħala "Manwelin". Il-monasteru tkabbar iktar fis-seklu 18, biż-żieda ta' kjostru ġdid u torrijiet tal-knisja, għalkemm l-istruttura Medjevali fil-biċċa l-kbira tagħha ġiet ippreservata. Fil-perjodu Barokk, il-patrijiet kienu famużi għall-iskulturi tat-tafal tagħhom, u bosta minnhom għadhom jinsabu fil-monasteru. It-tiżjin tal-knisja ġie kkompletat b'madum u b'artali elaborati.
It-terremot il-kbir ta' Liżbona fl-1755 ma kkawża l-ebda ħsara sinifikanti lill-monasteru, għalkemm parti mis-sagristija u xi binjiet żgħar inqerdu. Ġew ikkawżati ħsarat ferm ikbar mit-truppi invażuri Franċiżi fl-ewwel snin tas-seklu 19 matul il-Gwerra Peniżolari, li kienet parti mill-Gwerer ta' Napuljun. Minbarra l-oġġetti li nsterqu mil-librerija, insterqu r-rikkezzi tal-oqbra. Barra minn hekk, insteraq parti mit-tiżjin fuq ġewwa tal-knisja u ngħata n-nar. Fl-1834, bix-xoljiment tal-monasteru fil-Portugall, l-aħħar patrijiet telqu mill-monasteru.
Il-Monasteru ta' Alcobaça ġie kklassifikat bħala Monument Nazzjonali Monastery was classified as a National Monument fl-1 ta' Jannar 1907 u ġie inkluż f'żona ta' protezzjoni speċjali fis-16 ta' Awwissu 1957.[5]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Monasteru ta' Alcobaça ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1989.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Arti u arkitettura
immodifikaIl-Monasteru ta' Alcobaça nbena bi stil Gotiku bikri u jirrappreżenta l-wasla ta' dan l-istil fil-Portugall. Il-knisja u binjiet prinċipali oħra nbnew mill-1178 sal-aħħar tas-seklu 13. Il-knisja ġiet ikkonsagrata fl-1252. Skont in-nozzjonijiet tal-Ordni taċ-Ċisterċensi, il-binjiet monastiċi oriġinali nbnew tul linji arkitettoniċi sfiqa, mingħajr l-ebda tiżjin għajr xi skulturi fil-kapitelli u statwa tal-Madonna.
Esterna
immodifikaIl-faċċata prinċipali tal-monasteru fiha żewġ sezzjonijiet bi stil sempliċi, bil-knisja fin-nofs. Il-faċċata tal-knisja hija taħlita ta' stili: il-portal u r-rużun ta' fuqu kienu parti mill-knisja oriġinali, filwaqt li l-istatwi u ż-żewġ torrijiet tal-ġnub ġew miżjuda fil-bidu tas-seklu 18. Il-ħitan laterali tal-knisja fihom amberżuni u l-apsida fiha tmien dniefel li jirfdu l-piż tal-volta tal-apsida, li hija karatteristika tipika tal-arkitettura Gotika.
Interna
immodifikaL-ewwel arkitett(i) tal-knisja, li x'aktarx oriġina(w) minn Franza, segwew id-disinn tal-Abbazija ta' Clairvaux (li issa fil-biċċa l-kbira ġġarrfet), li kienet ġiet stabbilita minn Bernardu ta' Clairvaux fl-1115. Il-knisja għandha għamla ta' salib Latin, bi ġnub bit-transett u tliet korsiji. Il-korsiji laterali tan-navata huma għoljin (20 metru) daqs dik ċentrali, li flimkien mal-wisa' relattivament dejqa tal-knisja (17-il metru) u t-tul kbir (106 metri) jagħtu impressjoni ta' monumentalità. Il-knisja tal-Monasteru ta' Alcobaça, wara 800 sena, għadha l-ikbar knisja Portugiża. L-enfasi vertikali osservata fil-binja hija karatteristika Gotika tipika.
Il-kolonni u l-ħitan ma għandhomx tiżjin, skont in-nozzjonijiet Ċisterċensi, u l-knisja minn ġewwa hija mdawla ferm minn ringieli ta' twieqi mal-ħitan u rużuni mal-faċċata prinċipali u t-transett. Il-kappella prinċipali, bħal dik ta' Clairvaux, hija mdawra b'gallerija (ambulatorju) u tinkludi sensiela ta' kappelli li jirradjaw minnha. Il-korsiji huma msaqqfa b'volti Gotiċi sempliċi.
Oqbra Rjali
immodifikaFit-transett tal-knisja hemm l-oqbra tar-Re Pedro I u tal-maħbuba tiegħu, Inês de Castro, li nqatlet fl-1355 skont l-ordni ta' missier Pedro, ir-Re Afonso IV. Wara li sar re, Pedro ordna li l-fdalijiet tal-maħbuba tiegħu jiġu ttrasferiti fil-qabar tagħha fil-knisja tal-Monasteru ta' Alcobaça, u skont leġġenda popolari, ordna li tiġi inkurunata bħala reġina tal-Portugall u ordna li l-membri tal-qorti tiegħu jagħtuha ġieħ billi jbusulha idha li kienet qed tiddekomponi.
Dawn iż-żewġ oqbra rjali fil-knisja tal-Monasteru ta' Alcobaça, li mhux magħruf min ħadimhom, huma fost l-aqwa xogħlijiet tal-iskultura Gotika fil-Portugall. L-oqbra huma mirfuda bl-iljuni, fil-każ tar-re, u bi ħlejqiet nofshom irġiel u nofshom annimali, fil-każ ta' Ines, u t-tnejn li huma fihom figuri mnaqqxa tad-deċeduti megħjuna minn grupp ta' anġli. Il-ġnub tal-qabar ta' Pedro huma mżejnin b'mod rikk b'riljievi li juru xeni mill-ħajja ta' San Bartilmew, kif ukoll xeni mill-ħajja ta' Pedro u ta' Ines. Il-qabar tagħha huwa mżejjen b'xeni mill-ħajja ta' Kristu, inkluż il-Kurċifissjoni u l-Aħħar Ġudizzju.
Kappella ta' San Bernardu
immodifikaDin il-kappella, li tinsab fin-naħa tan-Nofsinhar tat-transett, għandha grupp ta' skulturi li juru l-"Mewt ta' San Bernardu", uħud mill-aqwa xogħlijiet imwettqa mill-patrijiet tal-Monasteru ta' Alcobaça fis-seklu 17. Fuq iż-żewġ naħat tal-kappella hemm l-oqbra tar-rejiet Afonso II u Afonso III.
Panteon Irjali
immodifikaMin-naħa tal-lemin tat-transett, wieħed jasal fil-Panteon Irjali, sala li nbniet fl-aħħar tas-seklu 18 bi stil Neo-Gotiku, u dan jirrappreżenta l-iżjed arkitettura Neo-Gotika bikrija fil-Portugall.
Il-Panteon Irjali fih l-oqbra tas-seklu 13 ta' żewġ irġejjen tal-Portugall, Urraca ta' Kastilja u Beatriċe ta' Kastilja, miżżewġin rispettivament lir-rejiet Afonso II u Afonso III. Hemm oqbra iżgħar ta' prinċpijiet mhux identifikati. L-iżjed qabar notevoli huwa dak tar-Reġina Urraca (li mietet fl-1220), li ndifnet f'qabar Rumanesk Aħħari mżejjen b'mod rikk. Fuq il-qabar hemm riljiev tar-reġina, u l-ġnub huma mżejna bl-appostli taħt gallerija tonda bl-arkati. Riljievi oħra juru r-re, imdawwar b'uliedu, jibku lir-reġina, kif ukoll lil Kristu mdawwar b'mandorla u s-simboli tal-erba' Evanġelisti. Oqbra oħra huma mżejna b'mod rikk b'arabeski bi stil Mudéjar-Rumanesk, kif ukoll bl-appostli.
Sagristija
immodifikaMill-ambulatorju wieħed jista' jasal fis-sagristija tal-knisja. Is-sagristija kienet inbniet bi stil Manwelin fil-bidu tas-seklu 16, iżda kellha terġa' tinbena wara t-terremot tal-1755. Il-kuritur li jagħti għas-sagristija, imsaqqaf b'volti mrikkbin Manwelini mill-isbaħ, u l-portal li jagħti għas-sagristija ħelsuha ħafif mit-terremot. Il-gwarniċ tal-portal huwa mżejjen bi friegħi veġetali f'xulxin bl-istemma tal-Portugall.
Sala tar-Rejiet
immodifikaDin is-sala, li tinsab qrib id-daħla tal-knisja, fiha sensiela ta' statwi tas-sekli 17-18 li jirrappreżentaw lir-rejiet tal-Portugall. Il-ħitan huma mżejna b'madum abjad u blu tas-seklu 18 li jirrakkontaw l-istorja tal-Monasteru ta' Alcobaça, mill-istabbiliment tiegħu minn Afonso Henriques.
Dormitorju
immodifikaId-dormitorju huwa sala Gotika kbira fejn il-patrijiet kienu jorqdu taħt l-istess saqaf; il-patri superjuri biss seta' jkollu l-kamra privata tiegħu. Fis-seklu 16 l-ispazju kien maqsum f'ċelel individwali. Fis-snin 30 tas-seklu 20, il-ħitan taċ-ċelel twaqqgħu.
Refettorju
immodifikaIr-refettorju kien is-sala fejn il-patrijiet kienu jieklu kuljum. Waqt l-ikel, wieħed mill-patrijiet kien jaqra siltiet mill-Bibbja minn fuq pulptu, li f'Alcobaça huwa integrat f'wieħed mill-ħitan. L-aċċess għall-pulptu huwa permezz ta' gallerija bil-ħnejjiet u b'taraġ. Il-pulptu huwa waħda mill-iżjed strutturi arkitettoniċi armonjużi tal-monasteru. Bħad-dormitorju, ir-refettorju fih bosta pilastri li jisseparaw il-korsiji u huwa msaqqaf b'volti mrikkbin Gotiċi bikrin.
Kjostru tas-Silenzju
immodifikaIl-kjostru tal-monasteru nbena u ġie sponsorjat matul ir-renju tar-Re Denis I. Huwa wieħed mill-ikbar kjostri Medjevali taċ-Ċisterċensi fl-Ewropa. Il-kolonni tiegħu huma mżejna b'kapitelli b'motivi bl-annimali u veġetali. Il-bennej kien l-arkitett Portugiż Domingo Domingues. Is-Sala tal-Funtana Gotika għandha vaska tal-ilma Rinaxximentali bikrija tassew eleganti fuq ġewwa, li hija mżejna b'motivi Rinaxximentali inkluż l-istemma tal-monasteru. It-tieni sular tal-kjostru, bi stil Manwelin kif joħroġ fid-dieher mill-kolonni tipiċi mmaljati flimkien, inbena fil-bidu tas-seklu 16.
Sala Kapitolari
immodifikaDin is-sala, li fiha l-patrijiet kienu jinġabru biex jiddiskutu l-affarijiet ta' kuljum rigward il-monasteru, kienet l-iżjed sala importanti wara l-knisja. Il-patrijiet kienu jinġabru kuljum biex jisimgħu l-qari ta' kapitlu mir-Regoli ta' San Benedittu. Id-daħla għas-sala kapitolari hi permezz ta' portal bi stil Rumanesk b'żewġ twieqi simili fuq kull naħa. Is-sala issa hija mimlija statwi Barokki magħmula mill-patrijiet għall-kappella prinċipali tal-knisja.
Kċina
immodifikaIl-kċina tal-monasteru nbniet u ġiet miksija bil-madum f'nofs is-seklu 18. Iċ-ċumnija ċentrali hija enormi u hija mirfuda minn tmien kolonni tal-ħadid. L-ilma u l-ħut frisk kienu jiġu ddevjati mix-xmara Alcoa sal-mejjilla tal-kċina permezz ta' kanal li kien inbena apposta.
Ara wkoll
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Monastery of Alcobaça". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-21.
- ^ "World Heritage - Monastery of Alcobaça". www.mosteiroalcobaca.gov.pt. Miġbur 2023-06-21.
- ^ "Space and Time - Monastery of Alcobaça". www.mosteiroalcobaca.gov.pt. Miġbur 2023-06-21.
- ^ "Alcobaça Monastery". AFAR Media (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-21.
- ^ "National Monument - Monastery of Alcobaça". www.mosteiroalcobaca.gov.pt. Miġbur 2023-06-21.