Università ta' Coimbra

università pubblika f'Coimbra, il-Portugall

L-Università ta' Coimbra (bil-Portugiż: Universidade de Coimbra, pronunzja: [univɨɾsiˈðad(ɨ) dɨ kuˈĩbɾɐ]) hija università pubblika tar-riċerka f'Coimbra, il-Portugall. L-università l-ewwel ġiet stabbilita f'Liżbona fl-1290, twettqu għadd ta' rilokazzjonijiet, u mbagħad ġiet ittrasferita b'mod permanenti f'Coimbra fl-1537. L-università hija fost l-eqdem universitajiet li baqgħu joperaw b'mod kontinwu fid-dinja, hija l-eqdem fil-Portugall, u kellha rwol influwenti fl-iżvilupp tal-edukazzjoni għolja fil-postijiet fid-dinja fejn jiġi mitkellem il-Portugiż. Fl-2013, l-UNESCO niżżlet l-università bħala Sit ta' Wirt Dinji, bis-saħħa tal-arkitettura, il-kultura unika, it-tradizzjonijiet u r-rwol storiku tagħha.[1]

L-Università ta' Coimbra.

L-università kontemporanja hija organizzata fi tmien fakultajiet li jwasslu għall-għoti ta' lawrji ta' baċellerati (licenciado), masters (mestre) u dottorati (doutor) kważi fl-oqsma ewlenin kollha. Issellef isimha wkoll lill-Grupp ta' Coimbra tal-universitajiet tar-riċerka Ewropej stabbilit fl-1985, u hija membru fundatur tiegħu. Tilqa' iktar minn 20,000 student, li iktar minn 15 % minnhom huma studenti internazzjonali, u b'hekk hija waħda mill-iktar universitajiet kożmopolitani tal-Portugall.[2][3]

Fost l-istudjużi tal-Università ta' Coimbra matul is-sekli nsibu l-poeta nazzjonali tal-Portugall Luís de Camões, il-matematiku Pedro Nunes, bosta statisti, Prim Ministri u Presidenti tal-Portugall, u r-rebbieħ tal-Premju Nobel António Egaz Moniz.

 
Ir-Re Denis I tal-Portugall irratifika l-iStudium Generale fil-Portugall fl-1290.

L-università ġiet stabbilita jew irratifikata fl-1290 mir-Re Denis, wara li kienet bdiet l-eżistenza tagħha f'Liżbona bl-isem ta' Studium Generale (Estudo Geral).[4] Scientiae thesaurus mirabilis, il-karta rjali li ħabbret l-istabbiliment tal-università ġiet datata fl-1 ta' Marzu ta' dik is-sena, għalkemm kien saru sforzi mill-inqas mill-1288 biex tinħoloq l-ewwel università fil-Portugall; għaldaqstant l-Università ta' Coimbra hija t-tieni l-eqdem università fil-Peniżola Iberika. Il-konferma Papali ngħatat ukoll fl-1290 (fid-9 ta' Awwissu ta' dik is-sena), matul il-Papat ta' Nikola IV. F'konformità mad-dispożizzjonijiet Papali, setgħu jiġu stabbiliti l-fakultajiet "leċiti" kollha, għajr dik tat-teoloġija. B'hekk, il-Fakultajiet tal-Arti, tad-Dritt, tad-Dritt Kanonku u tal-Mediċina kienu l-ewwel li nħolqu. Madankollu, l-università ma damitx wisq f'Liżbona. Fl-1308, x'aktarx minħabba problemi ta' emanċipazzjoni mill-Knisja (ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u l-poter politiku ma kinux ward u żahar dak iż-żmien) u kunflitti bejn l-abitanti tal-belt u l-istudenti, l-università ġiet ittrasferita f'Coimbra. Din il-belt diġà kellha tradizzjonijiet antiki fl-edukazzjoni, peress li kienet tospita l-iskola ta' suċċess kbir tal-Monasteru ta' Santa Cruz. L-università mbagħad ġiet stabbilita fis-sit magħruf bħala "Estudos Velhos", li bejn wieħed u ieħor jikkorrispondi għaż-żona fejn issa tinsab il-Librerija Prinċipali.

Fl-1338, matul ir-renju ta' Afonso IV, l-università reġgħet ġiet ittrasferita f'Liżbona, u reġgħet ġiet ittrasferita mill-ġdid f'Coimbra fl-1354, din id-darba fiċ-ċentru tal-belt li dak iż-żmien kienet qed tiżviluppa sew. Fl-1377, matul ir-renju tar-Re Fernando, l-università reġgħet ġiet ittrasferita f'Liżbona, u baqgħet hemm għal iktar minn seklu u nofs. L-awtorizzazzjoni għal Fakultà tat-Teoloġija x'aktarx li tmur lura għal dan il-perjodu – għall-ħabta tal-1380. Fl-1537, matul ir-renju ta' Ġwanni III, l-università ġiet ittrasferita definittivament f'Coimbra, fejn ġiet stabbilita fil-Palazz ta' Alcaçova li sussegwentement inxtara mill-familja rjali fl-1597.[5]

 
Statwa tar-Re Denis f'Coimbra.

L-istituzzjoni tal-università, inkluż il-kotba kollha mil-librerija tagħha, ġew ittrasferiti minn Liżbona għal Coimbra. L-għalliema ma ġewx iggarantiti kariga fis-sede l-ġdida u bosta ma marrux joqogħdu hemmhekk; fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-fakultà l-ġdida qabel kienu mal-Università ta' Salamanca. Inġenerali, il-kurrikulu baqa' l-istess.[6]

Fl-istess żmien inħolqu l-kulleġġi universitarji (li ġew aboliti fis-seklu 19), sar ristrutturar tal-kurrikuli u ddaħħlu għalliema ġodda, kemm Portugiżi kif ukoll barranin.[7]

Fis-seklu 18, il-Markiż ta' Pombal, il-Ministru tar-renju, wettaq riformi radikali fl-università, speċjalment rigward it-tagħlim tax-xjenzi, f'konformità mal-kredu tal-Illuminazzjoni u kontra l-kleru. Matul bosta deċennji, l-Università ta' Coimbra kienet l-unika università fil-Portugall, mill-istabbiliment tagħha fl-1290 sal-1559 (kien hemm università f'Évora bejn l-1559 u l-1759), u mill-ġdid bejn l-1759 u l-1911 (l-Università ta' Liżbona u l-Università ta' Porto nħolqu fl-1911). L-istorja twila u d-dominju fl-imgħoddi tal-Università ta' Coimbra għamluha ċentru importanti ta' influwenza fil-Portugall, mhux biss fil-livell edukattiv, iżda anke fil-livell politiku u dak soċjali.

 
Ir-Re Ġwanni III tal-Portugall stabbilixxa lil Coimbra bħala s-sede definittiva tal-università.

Ittieħdu l-passi inizjali lejn xi tip ta' konverġenza tas-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni għolja permezz tal-iffirmar tad-dikjarazzjoni ta' Sorbonne mill-ministri responsabbli għall-edukazzjoni għolja fi Franza, fl-Italja, fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, fl-1998, u iktar 'il quddiem, fl-1999, bl-iffirmar tad-dikjarazzjoni ta' Bologna. Il-proċess ta' Bologna, immirat lejn il-ħolqien ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja permezz tal-implimentazzjoni ta' struttura komparabbli tal-lawrji, standards komuni tal-assigurazzjoni tal-kwalità u l-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u tal-membri tal-fakultajiet, kien rivoluzzjoni ewlenija fl-edukazzjoni għolja tal-Ewropa. Il-globalizzazzjoni, it-tibdil teknoloġiku u ż-żieda ta' kompetizzjoni internazzjonali għal għalliema bi kwalifiki għoljin, riżorsa pjuttost skarsa, enfasizzaw l-importanza li l-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja jkunu attraenti u kompetittivi fuq livell dinji. Suq Ewropew tal-Edukazzjoni Għolja iktar integrat tejjeb il-kompetizzjoni bejn l-universitajiet Ewropej — kundizzjoni meħtieġa għall-produzzjoni ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ekonomija tal-Istati Uniti. Fil-Portugall, l-Università ta' Coimbra ddeċidiet li tiddifferixxi l-adozzjoni tal-mudell il-ġdid tal-Proċess ta' Bologna mill-2006 għall-2007/2008 (għajr għal xi ftit programmi awtorizzati fejn kien intlaħaq konsensus nazzjonali fost l-istituzzjonijiet għall-bidla) sabiex it-tranżizzjoni ssir filwaqt li jinżammu l-ogħla standards ta' kwalità u ta' integrità akkademika. Fis-sena skolastika 2008/2009 l-università adottat għalkollox il-programmi l-ġodda fi ħdan it-tmien fakultajiet tagħha.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

L-Università ta' Coimbra ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2013.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Organizzazzjoni

immodifika

Il-governanza tal-università hija responsabbiltà tar-Rettur, tas-Senat u tal-Assemblea Universitarja. Din tal-aħħar hija responsabbli għall-elezzjoni tar-Rettur u tas-Senat. Ir-Rettur huwa responsabbli primarjament għat-tmexxija strateġika u għall-amministrazzjoni kumplessiva tal-università, flimkien mas-Senat u megħjun mill-Kunsill Amministrattiv.

L-università hija maqsuma fi tmien fakultajiet differenti (Lingwi u Letteratura, Dritt, Mediċina, Xjenzi u Teknoloġija, Kimika, Xjenza Ekonomika, Psikoloġija u Xjenzi tal-Edukazzjoni, u Xjenzi Sportivi u Edukazzjoni Fiżika), u b'kollox dawn jilqgħu madwar 25,000 student. Il-Fakultà tax-Xjenzi u t-Teknoloġija (FCTUC) hija l-ikbar fakultà bħala għadd ta' professuri u ta' studenti, tagħti l-ogħla għadd ta' lawrji akkademiċi, u tiġġestixxi iktar klassijiet u unitajiet tar-riċerka minn kwalunkwe fakultà oħra fl-Università ta' Coimbra. Kemm l-Istitut Legali Nazzjonali tal-Mediċina, organizzazzjoni taħt is-superviżjoni diretta tal-Ministeru Portugiż tal-Ġustizzja, li jipprovdi servizzi tax-xjenza forensika lill-forzi tal-pulizija u lill-aġenziji tal-gvern tal-Portugall, kif ukoll l-isptar edukattiv tal-Università ta' Coimbra, (HUC - Hospitais da Universidade de Coimbra), sptar universitarju magħruf bħala ċentru tar-riċerka b'firxa wiesa' ta' servizzi kliniċi u speċjalizzazzjonijiet mediċi, huma ġestiti mill-Fakultà tal-Mediċina (FMUC).[8]

 
Il-Librerija Joanina.

L-università għandha librerija ċentrali enormi (il-Librerija Ġenerali tal-Università ta' Coimbra), ġonna botaniċi (il-Ġnien Botaniku tal-Università ta' Coimbra), stadiums u faċilitajiet sportivi oħra (il-kumpless sportiv tal-Estádio Universitário de Coimbra u l-istadium ta' Campo de Santa Cruz), osservatorju astronomiku, stamperija, kappella privata (il-Kappella ta' San Mikiel), teatru (it-Teatro Académico de Gil Vicente), u bosta faċilitajiet ta' appoġġ bħal swali tal-ikel u kmamar għall-istudju. Barra minn hekk, l-università tiġġestixxi diversi mużewijiet u organizzazzjonijiet kulturali oħra, inkluż mużew tax-xjenza (il-Mużew tax-Xjenza tal-Università ta' Coimbra), mużew tal-arti sagra (il-Mużew tal-Arti Sagra tal-Università ta' Coimbra), u mużew akkademiku (il-Mużew Akkademiku tal-Università ta' Coimbra).

 
Mużajk tal-istemma tal-università quddiem id-daħla prinċipali.

L-università għandha ħames kampusijiet prinċipali jew siti oħra:

  • Pólo I (iċ-ċentru monumentali antik ewlieni tal-università, bil-librerija prinċipali u s-servizzi tal-amministrazzjoni, kif ukoll il-fakultajiet tad-dritt, tal-mediċina, tal-lingwi u tal-letteratura, tal-psikoloġija u tax-xjenzi naturali – attivi miż-żminijiet bikrin tal-università qabel is-seklu 16, bi tkabbir ewlieni fis-seklu 18 u mis-snin 40 sa 60 tas-seklu 20, matul il-perjodu tal-Estado Novo);
  • Pólo II (il-fakultajiet tal-inġinerija, tax-xjenzi u tat-teknoloġija – mibni matul is-snin 90 tas-seklu 20 u l-ewwel deċennju tas-seklu 21);
  • Pólo III (il-fakultajiet tal-mediċina u tal-kimika, u l-isptar universitarju – mibni fis-snin 80 tas-seklu 20 bi tkabbir ewlieni fl-ewwel deċennju tas-seklu 21);
  • Faculdade de Economia (il-fakultà tax-xjenza ekonomika u tax-xjenzi soċjali – stabbilita fis-snin 70 tas-seklu 20);
  • Faculdade de Ciências do Desporto e Educação Física (il-fakultà tax-xjenzi sportivi – stabbilita fl-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20 fil-kumpless sportiv tal-università).

Studenti

immodifika
 
L-istemma tal-Università ta' Coimbra.

L-istudenti huma rrappreżentati mill-unjin tal-istudenti msejħa Associação Académica de Coimbra (AAC). Stabbilita fit-3 ta' Novembru 1887, din hija l-eqdem unjin tal-istudenti universitarji fil-Portugall, bi storja twila ta' taqbid kontra l-politiki statali mhux popolari, u minnha ħarġu diversi politiċi u intellettwali notevoli matul is-snin. Il-unjin tħaddan ħajja assoċjattiva dinamika ħafna, b'bosta sezzjonijiet sportivi u kulturali, kif ukoll għadd ta' organizzazzjonijiet awtonomi oħra. Hija struttura importanti għall-formazzjoni ekstrakurrikulari tal-istudenti tal-Università ta' Coimbra u hija istituzzjoni ewlenija tal-belt stess. L-AAC tiżviluppa attivitajiet bħat-teatru, iċ-ċinema, ix-xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni, il-mużika, il-kant f'kor, il-ġurnaliżmu jew il-filatelija, kif ukoll il-qdif, l-atletika u bosta sports oħra. Kull student, u qajla anke persuni li ma jkunux studenti, huma intitolati li jiffurmaw parti minn dawn is-sezzjonijiet.

Kultura, sport u tradizzjonijiet

immodifika

It-tradizzjonijiet u l-istituzzjonijiet akkademiċi tal-università jagħtu l-ħajja lill-belt. Ir-"Repubbliki" antiki (ir-residenzi awtonomi tal-istudenti) għadhom jeżistu, flimkien ma' xi festi tradizzjonali, u fosthom l-iktar notevoli hija l-Queima das Fitas (ċelebrazzjoni tat-tmiem il-gradwazzjoni, simbolizzata permezz tal-ħruq tal-faxex bil-kuluri ta' kull waħda mit-tmien fakultajiet), il-Festa das Latas (ir-ritorn lejn id-dar), l-użu frekwenti tal-ilbies tradizzjonali, il-Fado de Coimbra (il-fado ta' Coimbra, li issa tiġi kantata fi spettakli organizzati iktar milli bħala serenati tradizzjonali fit-toroq), u ċ-ċerimonji akkademiċi (fosthom l-għoti tad-dottorati).

 
Il-parata universitarja tal-Queima das Fitas.

Il-kuluri uffiċjali tal-Fakultajiet tal-Università ta' Coimbra huma dawn li ġejjin:

  • Il-Fakultà tad-Dritt: Aħmar;
  • Il-Fakultà tal-Mediċina: Isfar;
  • Il-Fakultà tal-Umanitajiet: Blu Skur;
  • Il-Fakultà tax-Xjenzi u t-Teknoloġija: Blu Ċar;
  • Il-Fakultà tal-Kimika: Vjola;
  • Il-Fakultà tax-Xjenzi Ekonomiċi: Aħmar u Abjad;
  • Il-Fakultà tal-Psikoloġija u x-Xjenzi Edukattivi: Oranġjo;
  • Il-Fakultà tax-Xjenzi Sportivi u l-Edukazzjoni Fiżika: Kannella.

Dawn il-kuluri jintużaw fl-istemma istituzzjonali u f'simboli oħra ta' kull fakultà, fiċ-ċerimonji universitarji tal-għoti tad-dottorati, kif ukoll mill-istudenti fil-faxex tagħhom b'rabta mat-tradizzjonijiet akkademiċi (ara t-taqsima Queima das Fitas (Il-Ħruq tal-Faxex)). Il-kulur tal-istemma universitarja u tal-uffiċċju tar-Rettur, li jirrappreżenta l-istituzzjoni kollha kemm hi, huwa aħdar skur. Il-bandiera tal-Università ta' Coimbra (bandiera bajda bi stemma ħadra skura fin-nofs) dejjem tittajjar fil-quċċata tat-torri antik tal-università, nhar l-1 ta' Marzu, li huwa jum l-università, li tkun okkażjoni għal ġimgħa ta' dibattiti, konferenzi, sessjonijiet ta' ħidma u avvenimenti speċjali marbuta ma' diversi aspetti tal-istituzzjoni.

 
Il-Kappella ta' San Mikiel fl-università.

Il-Praxe huwa korp ta' riti u ta' drawwiet stabbilit abbażi ta' tradizzjonijiet antiki u huwa parti kontroversjali tal-ħajja akkademika ta' Coimbra għal qalb l-istudenti universitarji kollha. Parti mill-attraenza tal-ħajja akkademika ta' Coimbra, minbarra l-eċċellezza rikonoxxuta tiegħu, il-korp għandu riti uniċi li jispikkaw meta mqabbel ma' istituzzjonijiet oħra u b'hekk l-istudenti tal-Università ta' Coimbra jkollhom sens ta' parteċipazzjoni speċjali fir-riti akkademiċi li żviluppaw mijiet ta' snin ilu. Għalkemm dawn ir-riti jitqiesu bħala krudi u vjolenti minn uħud, għal oħrajn dawn għadhom referenza importanti fl-esperjenza akkademika tal-istudenti. Ir-regoli tal-Praxe ġew stabbiliti fi ktieb (il-Kodiċi tal-Praxe Akkademiku, minn kumitat ta' studenti bl-ikbar età tal-AAC – l-Associação Académica de Coimbra), li jippreskrivi l-imġiba xierqa tal-istudenti għal attivitajiet bħat-tfassil, l-evalwazzjoni, il-gruppi jew il-baned u r-riti tal-Ħruq tal-Faxex. Anke fi ħdan l-AAC, l-organizzazzjoni tal-istudenti ta' Coimbra, hemm gruppi li huma kontra l-Praxe u nies li huma favur iktar riformi b'saħħithom fir-riti tradizzjonali. Il-perjodu tal-ewwel sena universitarja (l-iktar kategorija baxxa fil-ġerarkija tal-Praxe) għal bosta studenti huwa żmien ta' memorji sbieħ u dejjiema ta' avvenimenti li qatt ma jerġgħu jirrepetu ruħhom. Waħda mill-iżjed tradizzjonijiet viżibbli u distintiva hija l-użu tal-ilbies akkademiku tal-Università ta' Coimbra, ilbies u mant suwed li jintlibsu mill-istudenti f'okkażjonijiet speċjali. Din it-tradizzjoni ġiet adottata minn universitajiet Portugiżi oħra u effettivament hija tradizzjoni ħajja fost l-istudenti tal-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni għolja fil-belt u fil-pajjiż kollu.

Il-Praxe kważi għeb għalkollox fis-snin ta' wara r-rivoluzzjoni tal-25 ta' April 1974. Bil-mod il-mod reġa' tqanqal fis-snin 80 tas-seklu 20. Madankollu, l-importanza tal-ilbies akkademiku tradizzjonali nbidlet b'mod sostanzjali. Fis-sekli ta' qabel kienet drawwa komuni li l-istudenti jilbsu dan l-ilbies akkademiku tradizzjonali matul l-istudji kollha tagħhom. L-istudenti saħansitra ġieli kienu jorqdu b'dan l-ilbies meta tant kienu jkunu xorbu nbid li bil-kemm kien jifilħu jaslu lura d-dar. L-ilbies akkademiku setgħu jitqatta' kompletament fi tmiem l-istudji[9], bl-eċċezzjoni tal-mant li ma kienx jitqatta' f'dak ir-rit (iżda seta' jitqatta' qabel b'simboliżmu differenti), u kien jintuża mill-eks studenti meta kienu jattendu l-Queima das Fitas.[10] Illum il-ġurnata l-ilbies akkademiku tradizzjonali jintuża inqas frekwentement, iżda għadu jintuża iktar sikwit mill-istudenti fl-Università ta' Coimbra, milli minn dawk f'universitajiet oħra.

 
L-istudenti tal-Università ta' Coimbra lebsin il-mant għall-ewwel ġimgħa ta' klassijiet.

Student li kien jinkiteb għal iktar snin mit-tul tal-kors universitarju tiegħu kien jitqies bħala "veteran". Fl-imgħoddi, meta d-dħul fl-Università kien kwistjoni ta' klassi soċjali, xi studenti kienu jakkumulaw l-għadd ta' applikazzjonijiet tagħhom għal diversi fakultajiet. L-individwu li kien ikollu l-iżjed għadd ta' applikazzjonijiet kien jitqies bħala d-Dux Veteranorum, figura notevoli fost l-istudenti universitarji. Pereżempju f'nofs is-snin 80 tas-seklu 20, id-Dux Veteranorum kellu iktar minn 20 applikazzjoni fil-Fakultà tad-Dritt iżda ggradwa f'żewġ korsijiet jew tlieta biss. Din it-tradizzjoni qed tisparixxi peress li l-università qed tillimita l-għadd ta' snin li matulhom student jista' jinkiteb. Il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż tal-istudenti jiġu appoġġati bi flejjes pubbliċi u ma għadhiex titqies bħala xi ħaġa aċċettabbli li xi individwi jerfgħu l-piż finanzjarju biex jestendu s-soġġorn tagħhom mingħajr ma jiggradwaw. Madankollu, biż-żieda fit-tariffi universitarji li jkollhom iħallsu l-istudenti biex jattendu l-università u l-attraenza ta' tipi ġodda ta' studenti maturi (fil-biċċa l-kbira bħala studenti part-time jew li jattendu filgħaxija biss), fosthom impjegati, negozjanti, ġenituri u pensjonanti, bosta dipartimenti qed jagħmlu profitt sostanzjali permezz ta' kull student addizzjonali li jinkiteb għall-korsijiet, b'benefiċċji għad-dħul finanzjarju gross tal-università u mingħajr telf ta' kwalità edukattiva (għalliem għal kull student, kompjuter għal kull student, daqs tal-klassi għal kull student, eċċ.).

Is-sezzjonijiet sportivi tal-AAC jaqdu rwol sinifikanti fil-ħajja sportiva f'Coimbra, u spiss tkun ir-rappreżentant prinċipali tal-belt f'dak il-qasam. Fost l-isports hemm ir-rugby, il-handball, il-basketball, il-baseball, l-arti marzjali, l-atletika, il-ġinnastika jew l-għawm, eċċ. L-istess bħalma jiġri fis-sezzjonijiet kulturali, kull student, inkluż l-atleti professjonisti jew semiprofessjonisti, jista' jieħu sehem fihom.

Il-klabb tal-futbol prinċipali tal-belt, li normalment huwa magħruf bħala "Académica" jew "Briosa", huwa f'termini formali organiżmu awtonomu tal-AAC u jissejjaħ AAC-OAF, iżda f'termini prattiċi huwa klabb indipendenti, b'rabta mhux sfiqa mal-AAC. It-tim tal-futbol huwa relattivament importanti, speċjalment fir-rigward tan-numru enormi ta' partitarji tiegħu fil-pajjiż, u jilgħab fil-kampjonati Portugiżi ewlenin tal-futbol. It-tim kien ukoll l-ewwel rebbieħ fl-istorja tat-Tazza Portugiża tal-Futbol fl-1939.

Recepção ao Caloiro

immodifika
 
Id-Daħla tal-Palazz tal-università.

Fil-Portugall, ir-ritorn lejn id-dar huwa magħruf bħala r-Recepção ao Caloiro. Dan jinkludi bosta avvenimenti u tradizzjonalijiet li twieldu fis-seklu 19 fl-Università ta' Coimbra. Jiġi definit bħala l-għoti ta' merħba lill-istudenti l-ġodda, magħrufa bħala caloiros, u jseħħ fil-bidu tas-sena akkademika fil-bliet universitarji Portugiżi. F'kull università pubblika klassika tal-Portugall, dan l-avveniment jiġi ċċelebrat kull sena. L-avvenimenti jiġu segwiti minn istituzzjonijiet inqas tradizzjonali jew iżgħar. Parata tal-istudenti fit-toroq, kunċerti u avvenimenti sportivi dejjem jiġu organizzati għal din l-okkażjoni. Il-parata fit-toroq organizzata f'diversi universitajiet Portugiżi ewlenin hija magħrufa bħala l-Latada, u isimha ġej mit-tradizzjoni tal-irbit ta' bottijiet tal-landa ma' riġlejn l-istudenti tal-ewwel sena (il-kelma lata tfisser bott tal-landa bil-Portugiż).[11]

Ir-Recepção ao Caloiro tmur lura għas-seklu 19 meta l-istudenti tal-liġi tal-Università ta' Coimbra ħassew il-ħtieġa li jesprimu l-ferħ tagħhom li spiċċaw is-sena skolastika bl-iżjed mod storbjuż possibbli, u kienu jużaw kulma jiġi għal idejhom biex jagħmlu storbju, l-iktar bottijiet tal-landa, li huwa l-għerq oriġinali etimoloġiku tal-avveniment.

 
Is-Sala Grandjuża tal-Eżamijiet Universitarji.

F'Coimbra, fejn hemm l-eqdem università Portugiża stabbilita fil-Medju Evu, il-ġimgħa tar-Recepção ao Caloiro tinkludi l-Festa das Latas. Isem din il-festa oriġina mit-tradizzjoni tal-irbit tal-bottijiet tal-landa ma' riġlejn l-istudenti tal-ewwel sena għall-parata tal-Latada. L-avvenimenti jiġu organizzati mill-unjin tal-istudenti tal-Università ta' Coimbra, l-Associação Académica de Coimbra, u ssir matul il-ħarifa. Hija parti importanti tal-praxe académica (prassi tal-istudenti) f'Coimbra, segwita mill-popolazzjoni tal-belt bħala manifestazzjoni kulturali u tradizzjoni lokali antika, u saret attrazzjoni turistika għal għadd ta' viżitaturi kull sena.[11]

Queima das Fitas

immodifika

Il-Queima das Fitas ta' Coimbra, l-eqdem avveniment u l-iktar wieħed famuż fil-pajjiż, tiġi organizzata minn kummissjoni tal-istudenti ffurmata minn membri tal-unjin tal-istudenti tal-Università ta' Coimbra, l-Associação Académica de Coimbra. Bħala ċelebrazzjoni ta' tmiem il-korsijiet tal-gradwazzjoni, dan l-avveniment jissimbolizza l-ħruq tal-faxex ikkuluriti tal-fakultajiet differenti. Issir fit-tieni semestru (fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta' Mejju), u hija waħda mill-ikbar festi tal-istudenti fl-Ewropa. Iddum tmint ijiem b'kollox, jum għal kull fakultà: il-Lingwi u l-Letteratura, id-Dritt, il-Mediċina, ix-Xjenzi u t-Teknoloġija, il-Kimika, ix-Xjenza Ekonomika, il-Psikoloġija u x-Xjenzi Edukattivi, u x-Xjenzi Sportivi u l-Edukazzjoni Fiżika. Matul dan il-perjodu jiġu organizzati sensiela ta' kunċerti u ta' spettakli li jagħtu l-ħajja lil Coimbra.

Folklor tal-istudenti

immodifika
 
Il-Librerija Joanina tal-università, stabbilita fl-1717.

Il-ġrajjiet ta' ġenerazzjonijiet sħaħ ta' studenti kienu jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra u b'hekk il-folkor tal-istudenti universitarji huwa rikk sew. Normalment student kien jitlob il-flus lil missieru billi jiddikjara "Kera 20, Ikel 30". Darba fost l-oħrajn minflok iddikjara "Kera 20, Ikel 30, Tismir 20, Tiswija tal-Martell u Mediċini 40". Student ieħor kellu eżamijiet bil-fomm fl-Iskola tad-Dritt. Meta dan baqa' sieket anke għall-iktar sempliċi mid-domandi, il-professur, li diġà kien beda jitlef is-sabar, dar lejn l-uffiċjal ġuridiku u staqsa "Ġib munzell ħuxlief", u l-istudent minnufih wieġeb malajr "U lili ġibli tazza ilma jekk jogħġbok".

Is-snin tad-dittatura kienu ibsin. Apparti l-istudenti li weħlu seba' snin il-ħabs talli ċċelebraw il-ħelsien li wassal direttament għall-istabbiliment tal-Amnesty International fl-1961, fl-1968 l-istudenti qattgħu l-lejl kollu jidilku t-toroq bix-xaħam u l-bankini bis-sapun biex b'hekk il-pulizija fuq iż-żwiemel kienu jsibuha diffiċli meta kienu jiġru warajhom biex iwaqqfu xi dimostrazzjoni. Jingħad li student sfida pulizija biex ixarrab saqajh u jħammeġ iż-żarbun tiegħu biex jiġri warajh minħabba lighter tas-sigaretti mitfugħa f'għadira bil-papri, u li kellu liċenzja għaliha f'butu. Dak iż-żmien wieħed kellu bżonn permess biex ikollu lighter tas-sigaretti, kif impost minn Salazar biex tiġi protetta l-industrija tas-sulfarini.

Ġrajjiet oħra huma magħrufa fost in-nies lokali:

  • "Jekk tkun sewda, għamlitha t-tiġieġa" (ħaġa muħġaġa fi ġrajja tat-tfal), "Jekk tkun bajda, faqqsitha t-tiġieġa", u t-tweġiba kienet "il-bajda") — kumbinazzjoni x-xatba tal-Ġnien Botaniku huwa iswed, u kienet saret minn persuna kunjomha Galinha ("Tiġieġa" bil-Portugiż).
  • Nagħmillek imħatra li ma jirnexxilekx titla' t-Taraġ Monumentali, tnejn tnejn, għaliex hemm 125 tarġa f'ħames gruppi ta' 25 tarġa l-wieħed.

L-istudenti tal-ewwel sena, fl-ewwel jum ta' klassijiet tagħhom jaf ikollhom biċċa għadma iebsa x'jiffaċċjaw. Fit-taraġ tad-Dipartiment tal-Matematika spiss wieħed jarahom jixtru l-biljetti staġonali tat-trasport għas-sena kollha, u mill-inqas darba, skont leġġenda urbana, wieħed mill-istudenti tal-ewwel sena kien staqsa dwar poster li kien qed iħabbar "Assigurazzjoni tat-Taraġ għall-Bejgħ fis-Sala ta' Lqugħ".

Inkubatur tan-negozju u park tax-xjenza

immodifika

L-Instituto Pedro Nunes (IPN), stabbilit mill-Università ta' Coimbra, huwa inkubatur tan-negozju u ċentru tal-innovazzjoni u tat-trasferiment tat-teknoloġija tal-università, li jaħdem għall-komunitajiet tan-negozju u tar-riċerka applikata. L-iParque ta' Coimbra huwa park tax-xjenza li fost id-diversi fundaturi u membri assoċjati tiegħu għandu l-Università ta' Coimbra. Kumpaniji ġodda notevoli li twieldu mill-Università ta' Coimbra jinkludu ISA, Critical Software, Crioestaminal, Ciberbit u Feedzai.

Dinja akkademika

immodifika
 
Statwa tar-Re Ġwanni III li bbaża l-università f'Coimbra b'mod permanenti.

Reputazzjoni

immodifika
Klassifiki universitarji
Globali – Kumplessivi
ARWU World 501–600 (2019)
CWUR World 413 (2022)
CWTS World 386 (2019)
QS World 406 (2020)
THE World 601–800 (2020)
USNWR Global 399 (2022)

Ir-reputazzjoni tal-Università ta' Coimbra fit-tagħlim u fir-riċerka toħroġ fid-dieher mill-klassifiki u mir-rapporti esterni indipendenti. Skont is-Suppliment tal-Edukazzjoni Għolja ta' The Times (2007 QS World University Rankings, ta' QS – Quacquarelli Symonds), l-Università ta' Coimbra ġiet ikklassifikata fit-tielet post fost l-universitajiet fil-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Portugiż (wara l-Università ta' São Paulo u l-Università ta' Campinas), u ġiet ikklassifikat fit-318-il post fil-klassifika dinjija kumplessiva. Ġiet ikklassifikata l-ewwel fost l-universitajiet tal-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Portugiż fl-2006.[12][13] Issa ġiet ikklassifikata fl-ewwel post fil-Portugall, fit-tielet post fost l-universitajiet fil-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Portugiż, u fit-394 post fid-dinja (fil-234 post għax-Xjenzi Naturali, fil-260 post għall-Inġinerija u t-Teknoloġija Informatika, fil-282 post għax-Xjenzi Soċjali, fil-290 post fl-Arti, fil-Lingwi u fil-Letteratura, u fit-325 post għax-Xjenzi tal-Ħajja). Barra minn hekk, għandha studenti minn 70 nazzjon differenti; kważi 20 % tal-istudenti tagħha huma barranin, u b'hekk hija fost l-iktar universitajiet internazzjonali tal-Portugall.

L-Università ta' Coimbra hija fost l-ikbar ċentri tax-xjenza u t-teknoloġija għar-riċerka applikata u fundamentali fil-Portugall. Wieħed mill-iżjed superkompjuters b'saħħithom fil-Portugall huwa proprjetà tal-Università ta' Coimbra u jiġi ġestit mil-Laboratorju tal-Kompjuters Avvanzati tad-Dipartiment tal-Fiżika fl-Università ta' Coimbra. Mibni f'nofs l-ewwel deċennju tas-seklu 21, is-superkompjuter ġie msejjaħ Milipeia, u kien juża 528 proċessur u kellu memorja ta' 1,000 GB. Il-kapaċità tiegħu tkabbret minn dak iż-żmien 'l hawn. Il-kompiti prinċipali tas-superkompjuter tal-università jinkludu l-immudellar u l-kalkoli fil-bijoloġija molekolari, fil-ġenetika, fil-fiżika tal-partikoli, fl-astrofiżika, fil-matematika, fl-inġinerija, fil-ġeofiżika, fil-fiżika tal-materja kondensata, eċċ. Minbarra r-riċerkaturi tal-Università ta' Coimbra, membri Portugiżi oħra tal-komunità xjentifika jitħallew jaħdmu bil-Milipeia.[14]

L-università hija famuża wkoll fil-Portugall għaliex hija l-università nazzjonali bl-ogħla rata ta' "tnissil" ta' akkademiċi minn ġo ħdanha stess, fejn 80 % tal-għalliema tal-fakultajiet kisbu d-dottorati tagħhom fl-Università ta' Coimbra.[15][16] Dan il-fenomenu jispikka l-iktar fil-Fakultà tad-Dritt (100 % tal-għalliema) u fil-Fakultà tal-Mediċina (97 %).[17]

Organizzazzjoni u tul tal-korsijiet

immodifika
 
Bitħa interna tal-Fakultà l-antika tal-Kimika.

Il-kalendarju tas-sena skolastika jibda f'Ottubru u jispiċċa f'Lulju. Fl-2004, l-Università ta' Coimbra kienet fost l-ewwel universitajiet fil-Portugall li limitat iż-żmien għat-tlestija tal-lawrji. Il-programmi tal-lawrji jkollhom żmien minimu u massimu għat-tlestija li jiġi speċifikat. Il-limitu taż-żmien huwa sitt snin mid-data tad-dħul għal-lawrji ta' erba' snin, u tmien snin mid-data tad-dħul għal-lawrji ta' sitt snin (jiġifieri l-Mediċina). Imbagħad, l-istudenti jkollhom iħallsu l-ispejjeż kollha tal-korsijiet tagħhom. It-tariffa għall-ewwel lawrji kienet €356 fis-sena fl-2002/2003. Din żdiedet għal €880 fis-sena fl-2004/2005 u għal €901,23 fis-sena fl-2005/2006, li hija t-tariffa massima permessa għall-universitajiet statali skont il-liġi. Minkejja l-limitu taż-żmien u ż-żieda fit-tariffi universitarji, l-università xorta waħda kellha għadd kbir ta' applikanti kull sena. Bħall-universitajiet l-oħra fil-Portugall, u għad-differenza tal-istituti politekniċi u bosta universitajiet privati, l-università ma għandhiex klassijiet speċjali għall-ħaddiema jew klassijiet ta' billejl. Il-klassijiet iffullati kienu frekwenti f'xi dixxiplini fil-Fakultajiet tax-Xjenza u t-Teknoloġija, id-Dritt u x-Xjenza Ekonomika. F'dawk il-każijiet, l-istudenti kellhom joqogħdu bilwieqfa fil-klassi jew saħansitra barra l-klassi. Dawn il-fakultajiet għandhom l-ogħla rata ta' rtirar mill-korsijiet u l-ogħla żmien medju għat-tlestija tal-lawrji. Permezz tal-binjiet ġodda, it-tkabbir tal-kampus u l-immodernizzar tal-infrastrutturi mill-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20 u l-ewwel deċennju tas-seklu 21, dawn il-problemi kważi ssolvew għalkollox.

 
Il-ġnien botaniku tal-università.

Id-dħul fl-università huwa bbażat strettament fuq il-merti, u l-università għandha diversi dipartimenti li huma magħrufa għas-selettività tagħhom li tkun ogħla mill-medja. Jiġi applikat numerus clausus fis-selezzjoni ta' applikanti f'kompetizzjoni bejniethom. Għall-programmi bħall-mediċina, il-kimika, l-inġinerija bijomedika u l-arkitettura, id-dħul huwa proċess tassew diffiċli, u tintalab medja minima ta' punti fl-edukazzjoni għolja u jsiru wkoll eżamijiet tad-dħul. Il-medja normalment tvarja bejn 170 u 200 punt (minn massimu ta' 200 punt). Ir-rati ta' aċċettazzjoni jaf ivarjaw b'mod sinifikanti minn fakultà għall-oħra jew minn dipartiment għall-ieħor. L-applikanti barranin normalment jirrappreżentaw 10 % tal-applikanti inġenerali, u jitqiesu individwalment skont il-merti li kisbu fl-istat ta' oriġini rispettiv tagħhom jew permezz ta' protokolli bilaterali bejn il-gvernijiet tal-Portugall u l-gvernijiet barranin. Hemm ukoll għadd ta' proċessi straordinarji oħra tad-dħul għall-persuni mdaħħlin iktar fiż-żmien (id-dħul għall-kandidati li jkollhom iktar minn 23 sena), għall-isportivi, għal dawk li jkollhom lawrja minn istituzzjonijiet oħra, għall-istudenti minn istituzzjonijiet oħra (permezz ta' trasferiment akkademiku), għall-eks studenti (permezz ta' dħul mill-ġdid), eċċ., u dawn ikunu soġġetti għal standards u għal regolamenti speċifiċi li jiġu stabbiliti minn kull dipartiment jew fakultà.

Studjużi u studenti notevoli

immodifika

Bosta figuri storiċi Portugiżi u personalitajiet rinomati magħrufa għall-attività tagħhom f'oqsma li jvarjaw mill-politika għall-kultura u għax-xjenzi, attendew l-Università ta' Coimbra bħala studenti jew lekċerers. Il-lista twila ta' personalitajiet tinkludi lil Luís Vaz de Camões, meqjus bħala l-ikbar poeta tal-Portugall, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Mediċina Egas Moniz, id-dittatur Portugiż António de Oliveira Salazar li kien il-fundatur u l-mexxej tar-reġim li ppresjeda fl-aħħar perjodu tal-Imperu Portugiż mill-1933 sal-1974, Aristides de Sousa Mendes, il-konslu-ġenerali f'Bordeaux, li f'Ġunju 1940 mar kontra r-reġim ta' Salazar u ħareġ għexieren ta' eluf ta' viżi għal-Lhud u għal refuġjati oħra, u li sussegwentement tneħħa mill-kariga tiegħu u 12-il sena wara mewtu ġie rikonoxxut f'Iżrael bħala wieħed mill-Ġusti Fost in-Nazzjonijiet, l-ewwel diplomatiku li ngħata dan l-unur, jew matematiċi famużi tas-seklu 16 bħal Pedro Nunes, li jitqies bħala wieħed mill-ikbar matematiċi li qatt kellu l-Portugall, u l-Ġermaniż Christopher Clavius, li kien l-arkitett prinċipali tal-kalendarju Gregorjan modern.

Lista tal-fakultajiet

immodifika

L-università hija organizzata fi tmien fakultajiet u kull fakultà hija maqsuma f'dipartimenti:

  • Il-Fakultà tad-Dritt (Faculdade de Direito da Universidade de Coimbra) toffri l-livelli kollha tal-lawrji akkademiċi fil-Liġi u l-Amministrazzjoni Pubblika.
  • Il-Fakultà tal-Mediċina (Faculdade de Medicina da Universidade de Coimbra) toffri l-livelli kollha tal-lawrji akkademiċi fil-Mediċina u l-Mediċina Dentali.
  • Il-Fakultà tal-Lingwi u l-Letteratura (Faculdade de Letras da Universidade de Coimbra) toffri l-livelli kollha tal-lawrji akkademiċi fiċ-Cinema, fil-Mużika, fit-Teatru, fil-Lingwi Klassiċi, fil-Letteratura u fil-Portugiż, fil-Lingwi u l-Letteratura Moderni, fl-Istorja, fl-Istorja tal-Arti, fl-Arkeoloġija, fil-Ġeografija, fil-Filosofija, fil-Ġurnaliżmu u fit-Turiżmu, fid-Divertiment u fil-Wirt.
  • Il-Fakultà tax-Xjenzi u t-Teknoloġija (Faculdade de Ciências e Tecnologia da Universidade de Coimbra) toffri l-livelli kollha tal-lawrji akkademiċi fl-Antropoloġija, fl-Arkitettura, fil-Bijoloġija, fil-Bijokimika, fid-Disinn u fil-Multimedia, fil-Konservazzjoni u r-Restawr, fl-Inġinerija Ambjentali, fl-Inġinerija Bijomedika, fl-Inġinerija Ċivili, fl-Inġinerija Elettroteknika u tal-Kompjuters, fl-Inġinerija Fiżika, fl-Inġinerija Industrijali u fil-Ġestjoni, fl-Inġinerija Informatika, fl-Inġinerija tal-Materjali, fl-Inġinerija Mekkanika, fl-Inġinerija Kimika, il-Fiżika, il-Ġeoloġija, il-Matematika, il-Kimika u l-Kimika Medika.
  • Il-Fakultà tal-Kimika (Faculdade de Farmácia da Universidade de Coimbra) toffri l-livelli kollha tal-lawrji akkademiċi fix-Xjenzi Farmaċewtiċi.
  • Il-Fakultà tax-Xjenza Ekonomika (Faculdade de Economia da Universidade de Coimbra) toffri l-livelli kollha tal-lawrji akkademiċi fix-Xjenza Ekonomika, fl-Organizzazzjoni u fil-Ġestjoni tan-Negozju, fir-Relazzjonijiet Internazzjonali u fis-Soċjoloġija.
  • Il-Fakultà tal-Psikoloġija u x-Xjenzi Edukattivi (Faculdade de Psicologia e Ciências da Educação da Universidade de Coimbra) toffri l-livelli kollha tal-lawrji akkademiċi fil-Psikoloġija, is-Servizzi Soċjali u x-Xjenzi Edukattivi.
  • Il-Fakultà tax-Xjenzi Sportivi u l-Edukazzjoni Fiżika (Faculdade de Ciências do Desporto e Educação Física da Universidade de Coimbra) toffri l-livelli kollha tal-lawrji akkademiċi fix-Xjenzi Sportivi u l-Edukazzjoni Fiżika.
 
Bitħa esterna tal-Palazz Irjali l-antik li ġie kkonvertit fl-università.
 
Bitħa esterna tal-Palazz Irjali l-antik li ġie kkonvertit fl-università.
 
Veduta mit-torri tal-kampnar tal-Palazz Irjali l-antik.

Lista ta' unitajiet tar-riċerka

immodifika

Fost iċ-ċentri tar-riċerka u tal-istudji tal-Università ta' Coimbra hemm:

  • l-Assoċjazzjoni għall-Iżvilupp tal-Ajrudinamika Industrijali;
  • l-AIBILI (l-Assoċjazzjoni għall-Innovazzjoni u r-Riċerka Bijomedika dwar id-Dawl u l-Immaġnijiet);
  • l-Istitut tar-Riċerka Bijomedika dwar id-Dawl u l-Immaġnijiet;
  • iċ-Centro de Histofisiologia, Patologia Experimental e Biologia do Desenvolvimento;
  • iċ-Ċentru tal-Kirurġija Kadrjotoraċika;
  • iċ-Ċentru tal-Istudji Farmaċewtiċi;
  • iċ-Ċentru tal-Inġinerija Mekkanika;
  • iċ-Ċentru tal-Ekoloġija Funzjonali;
  • iċ-Ċentru tal-Informatika u s-Sistemi;
  • l-Istitut tax-Xjenza u l-Inġinerija tal-Materjali u tas-Superfiċi;
  • l-Istitut tas-Sostenibbiltà u l-Innovazzjoni fl-Inġinerija Strutturali;
  • l-Istitut tas-Sistemi u tal-Inġinerija tal-Kompjuters f'Coimbra;
  • l-Istitut tas-Sistemi u tar-Robotika;
  • iċ-Ċentru tad-Diffrazzjoni bir-Raġġi-X għar-Riċerka tal-Materjali (CEMDRX);
  • iċ-Ċentru tal-Fiżika Komputazzjonali;
  • iċ-Ċentru tal-Fiżika Teorika;
  • iċ-Ċentru tal-Elettronika u tal-Istrumentazzjoni;
  • iċ-Ċentru tal-Istrumentazzjoni;
  • il-Laboratorju tal-Istrumentazzjoni u l-Fiżika tal-Partikoli – Coimbra;
  • iċ-Ċentru tal-Matematika;
  • iċ-Ċentru tal-Kimika-Fiżika Molekolari;
  • l-Istitut tar-Riċerka tal-Baħar – iċ-Ċentru Interdixxiplinari ta' Coimbra;
  • l-Istitut tal-Ambjent u l-Ħajja;
  • iċ-Ċentru tal-Ġeoxjenzi;
  • iċ-Ċentru tal-Istudji Soċjali;
  • iċ-Ċentru tar-Riċerka dwar l-Antropoloġija u s-Saħħa;
  • iċ-Ċentru tan-Newroxjenza u l-Bijoloġija Ċellulari;
  • l-Istitut tal-Istudji Urbani u Reġjonali;
  • il-Linguagem, Interpretação e Filosofia;
  • iċ-Ċentru tal-Istorja tas-Soċjetà u l-Kultura;
  • l-Estudos Clássicos e Humanísticos;
  • l-Instituto de Estudos Jornalísticos.

Fil-kultura popolari

immodifika

Fil-kapitlu 6 tal-opra ta' Voltaire Candide, li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1759, in-narratur jirrimarka li l-Università ta' Coimbra kienet iddeċidiet li "l-ħruq ta' ftit nies ħajjin fuq nar bati, u b'ċerimonja kbira, huwa sigriet infallibbli biex jiġu evitati t-terremoti".

Fis-sensiela tal-comics ta' Tintin, Senhor Pedro João Dos Santos huwa fiżiku Portugiż tal-Università ta' Coimbra. Huwa kien membru tat-tim tal-ispedizzjoni ta' Decimus Phostle li kellu jirkupra kampjuni minn meteorit li waqa' fl-Oċean Artiku, magħrufa bħala l-Ispedizzjoni Aurora. Huwa jidher biss f'Il-Kewkba Feġġejja, l-għaxar volum ta' L-Avventuri ta' Tintin. Il-ġrajja kienet ġiet ippubblikata f'sensiela ta' kuljum f'Le Soir, il-gazzetta ewlenija bil-Franċiż fil-Belġju, minn Ottubru 1941 sa Mejju 1942.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "University of Coimbra – Alta and Sofia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-07.
  2. ^ "University of Coimbra". Times Higher Education (THE) (bl-Ingliż). 2021-11-20. Miġbur 2023-03-08.
  3. ^ "ShanghaiRanking-Univiersities". www.shanghairanking.com. Miġbur 2023-03-08.
  4. ^ "University of Coimbra". Top Universities (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-08.
  5. ^ "University of Coimbra - Visitors and Travel Agents - greathall". www.uc.pt. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-06-13. Miġbur 2023-03-08.
  6. ^ Mary Elizabeth Devine; Carol Summerfield (2013). International Dictionary of University Histories. Taylor & Francis. p. 469. ISBN 978-1-134-26217-5.
  7. ^ O'Hara, Robert James (1959-). "The Lost Colleges of the University of Coimbra". collegiateway.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-08.
  8. ^ "University of Coimbra". educom.net (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-08.
  9. ^ Wb (2015). "Notas&Melodias: Notas ao Rasganço". Miġbur 2023-03-08.
  10. ^ Silva, J. pierre (2012). "Notas&Melodias: Notas aos Rasgões na Capa - Origens e significados". Miġbur 2023-03-08.
  11. ^ a b "IX Congresso Ibérico de Parasitologia". web.archive.org. 2010-02-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-02-22. Miġbur 2023-03-08.
  12. ^ "University of Coimbra". web.archive.org. 2007-06-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-06-02. Miġbur 2023-03-08.
  13. ^ "QS Top Universities: Top 400 universities in the THE - QS World University Rankings 2007". web.archive.org. 2009-04-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-04-18. Miġbur 2023-03-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "Diario Digital". web.archive.org. 2011. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ "Endogamia académica: mais vale ser bêbado conhecido do que alcoólico anónimo". PÚBLICO (bil-Portugiż). Miġbur 2023-03-08.
  16. ^ "Ministro quer autonomia responsável para contrariar endogamia nas universidades". www.dn.pt (bil-Portugiż). Miġbur 2023-03-08.
  17. ^ "Na hora de contratar, universidades apostam na prata da casa e não no mérito". Jornal Expresso (bil-Portugiż). Miġbur 2023-03-08.