Voltaire

filosfu, kittieb, drammaturgu u poeta Franċiż

François-Marie Arouet, magħruf iżjed bil-laqam ta' Voltaire (Pariġi, 21 ta' Novembru 1694[1]Pariġi, 30 ta' Mejju 1778) kien filosfu, kittieb, drammaturgu u poeta Franċiż. Kien wieħed mill-ikbar animaturi u esponenti tal-Illuminiżmu u l-isem ta' Voltaire jibqa' għal dejjem marbut ma' dan il-moviment kulturali.

Voltaire
seat 33 of the Académie française (en) Translate

2 Mejju 1746 - 30 Mejju 1778
Jean Bouhier (mul) Translate - Jean-François Ducis (mul) Translate
storjografu ta' Franza

1744 - 1750
Johann Daniel Schöpflin (en) Translate - Charles Pinot Duclos (mul) Translate
Ħajja
Isem propju François-Marie Arouet
Twelid Pariġi, 21 Novembru 1694, 20 Frar 1694
Nazzjonalità Franza
L-ewwel lingwa Franċiż
Mewt Pariġi, 30 Mejju 1778
Post tad-dfin Panthéon
Abbaye de Sellières (en) Translate
Familja
Missier François d'Arouet
Omm Marguerite d'Aumard
Konjuga/i Not married
Koppja/i Émilie du Châtelet (mul) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Lycée Louis-le-Grand
Lingwi Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni filosofu
poeta
storiku
saġġist
drammaturgu
awtobijografu
djarist
poeta ġurist
kittieb tal-fantaxjenza
encyclopédistes (en) Translate
korrispondent
political scientist (en) Translate
kittieb
Xogħlijiet importanti Candide (en) Translate
Zadig or Destiny (en) Translate
Zaïre (en) Translate
Letters on the English (en) Translate
Dictionnaire philosophique (en) Translate
The Huron; or, Pupil of Nature (en) Translate
Mahomet (en) Translate
Correspondence of Voltaire (en) Translate
Premjijiet
Influwenzat minn Blaise Pascal (mul) Translate
Cicero (en) Translate
Lucian of Samosata (en) Translate
Pierrre Bayle (en) Translate
Ibn Tufayl (en) Translate
Nicolas Malebranche (mul) Translate
Henry St John, 1st Viscount Bolingbroke (mul) Translate
Zoroaster (en) Translate
Konfuċju
Miguel de Cervantes
William Shakespeare (mul) Translate
Jean Racine (mul) Translate
Platun
John Locke (mul) Translate
Isaac Newton
Sħubija Soċjetà Rjali
Académie Française (en) Translate
Akkademja tax-Xjenzi Prussjana
Akkademja Russa tax-Xjenzi
Royal Swedish Academy of Letters, History and Antiquities (en) Translate
mażunerija
Accademia della Crusca
Moviment freethought (en) Translate
Illuminiżmu
deism (en) Translate
Psewdonomu Voltaireu Bénédictin
Moviment artistiku rumanz

Bijografija

immodifika

François-Marie Arouet Le Jeune uffiċjalment twieled fil-21 ta' Novembru fl-1694 f'Pariġi minn familja għanja tal-borgeżija. Kif qal l-għaref stess bosta drabi, id-data tat-twelid meħuda mir-reġistru tal-magħmudija, hi x'aktarx ħażina billi kellu ħafna problemi tas-saħħa u l-magħmudija setgħet saret xi disa' xhur wara. Missieru, François Arouet, kien nutar għani u Ġansenista ħerqan, waqt li ommu, Marie Marguerite d'Aumart, kienet ġejja minn familja qrib in-nobbiltà. Ħuha, minn naħa l-oħra – dejjem skont Voltaire – kien Ġansenista fanatiku.

Beda l-istudji tiegħu fl-1704 fil-kulleġġ magħruf tal-Ġiżwiti ta' Louis-le-Grand. Dak iż-żmien iż-żagħżugħ Voltaire wera ħerqa kbira għall-istudji umanistiċi: fuq kollox għar-retorika u l-filosofija. Minkejja li kien kritiku ħafna tal-Ġiżwiti, rabba ammirazzjoni kbira lejn l-għalliema tiegħu u l-ħidma tal-Kumpanija ta' Ġesù fiċ-Ċina u l-Paragwaj. Fl-1711 ħalla l-kulleġġ u nkiteb skont ix-xewqa ta' missieru, fl-iskola superjuri tal-liġi. Ir-relazzjonijiet ma' missieru marru għall-agħar, għax dan ma kienx jaqbel mal-vokazzjoni poetika li kien qiegħed jaqbad u l-ħbiberija kontinwa ma' gruppi libertini.

Eżilju fl-Ingilterra

immodifika

Il-kitba polemika tiegħu għamlet suċċess minnufih fis-salotti tan-nobbli; minħabba xi wħud mill-versi tal-1717, kontra ir-reġġenti ta' Franża Filippu t'Orléans, ġie arrestat u maqful fil-ħabs tal-Bastilja. Fl-1723 ippublika l-poeżija La Ligue li kien kiteb fil-ħabs. Fl-1728, dan ix-xogħol reġa' ġie ppubblikat bit-titlu ta' Henriade.

L-appoġġ li wrew għall-ewwel in-nobbli ta' Franza ma damx wisq ma għeb. Minħabba l-kitba niggieża tiegħu daħal fi ġlieda mal-Kavallier de Rohan. Dan ġiegħel lis-sefturi tiegħu jagħtu xebgħa lil Voltaire u ma laqax l-istedina tiegħu għal dwell. Il-protesti tal-poeta żagħżugħ għamlu kollox agħar u reġa' ntefa' l-ħabs. Wara żmien qasir ta' eżilju barra Pariġi, Voltaire kellu jemigra lejn l-Ingilterra (1726-1729). Fil-Gran Brittanja, fejn kien jaf ħafna kittieba u filosfi ta' kultura demokratika, fosthom Robert Walpole, Jonathan Swift, Alexander Pope u George Berkeley, żviluppa l-ideat Illuministi kontra l-assolutiżmu fewdali ta' Franza. Hemmhekk kiteb l-Ittri Ingliżi (jew Ittri Filosofiċi), li għalihom ġie kundannat mill-ġdid billi dawn kienu immirati kontra l-ancien régime. Matul l-eżilju ħa l-laqam ta' "Voltaire". In-nisel ta' dan l-isem mhux żgur u hu s-suġgett ta' ħafna dibattitu:[2]

  1. "Voltaire" jista' jkun li ġej mill-anagramma ta' Arouet LJ (le jeune, "iż-żagħżugħ") miktub b'ittri arkaiċi, li bihom J tinkiteb I u U tinkiteb V (AROVET LI, li tiġi VOLTAIRE).
  2. Teorija oħra tgħid li ġej mill-isem "Airvault" (Vaultair bis-sillabi maqlubin) ta' château żgħir li kellha ommu fir-reġjun ta' Poitou.
  3. Oħrajn isostnu li l-laqam hu l-anagramma sillabiku ta' "révolté" (letteralment "f'rewwixta"): révolté sar "re-vol-tai", u minnu "Voltaire".

Lura Franza

immodifika
 
Elémens de la philosophie de Neuton, 1738

Kien għadu eżiljat f'Lorraine, reġjun ta' Franza, minħabba x-xogħol l-istorja ta' Karlu XII (Histoire de Charles XII) tal-1731, meta kiteb it-traġedja Brutu (Brutus) u wara Il-fanatiżmu jew Muħammet (Le fanatisme ou Mahomet), Mérope, it-trattat Elementi tal-filosofija ta' Newton (Eléments de la philosophie de Newton) u wkoll ix-xogħol storiku Is-seklu ta' Lwiġi XIV (Le Siècle de Louis XIV). Dak iż-żmien beda relazzjoni mal-mara nobbli Madame du Châtelet, u, xi snin wara man-neputija tagħha, Madame Denis.

Fl-1746 sar membru tal-Académie Française.

Fil-Prussja u l-Iżvizzera

immodifika

Mill-1749 għall-1752 kien joqgħod Berlin, mistieden ta' Federiku II tal-Prussja, li kien jammirah u ħatru ċambellan. Voltaire kien jinqala' ħafna fl-ispekulazzjoni finanzjarja u minħabba fiha kellu x'jgħid mar-re li ġiegħel li jarrestawh bil-ħruxija għal żmien qasir fi Frankfurt. Wara dan l-inċident, għaddew ħafna snin qabel ma reġgħu għamlu paċi.

Billi ma setax jerġa' lura Pariġi, mar joqgħod Ġinevra, sakemm kisirha mar- Repubblika Kalvinista u fl-1755 mar jgħix Lożanna fil-kastelli ta' Ferney u Tournay, li kien xtara. F'dan il-perjodu kiteb it-traġedja Oreste (1750), meqjusa bħala waħda mix-xogħlijiet minuri tat-teatru ta' Voltaire.

Sa daż-żmien kien sar famuż u punt ta' riferiment għall-Ewropa illuminista kollha. Bil-parodija ta' Ġovanna t'Arc fit-Tfajla ta' Orléans (La Pucelle d'Orléans) daħal f'polemika mal-knisja kattolika. F'Candide jew l-ottimiżmu (Candide ou l'Optimisme) (1759), per mezz tal-allegorija, Voltaire waqqa' għaċ-ċajt ir-reliġjon, it-teologi, il-gvernijiet, l-armati, il-filosfiji u l-filosfi u b'iżjed qawwa attakka l-ottimiżmu ta' Gottfried Leibniz. Ir-rumanz, li baqa' l-espressjoni letterarja tal-ħsieb tiegħu l-iżjed li rnexxiet, kien kontra kull providenzjaliżmu u fataliżmu. Minnu beda kampanja akkanita kontra s-superstizzjoni u l-fataliżmu favur iżjed tolleranza u ġustizzja.

 
Qabar ta' Voltaire fil-Panthéon ta' Pariġi

B'dan it-tir kiteb it-Trattat fuq it-tolleranza (Traité sur la tolérance) (1763) u d-Dizzjunarju filosofiku (Dictionnaire philosophique) (1764). Fl-aħħar xogħol filosofiku tiegħu, Il-filosfu injorant (Le philosophe ignorant) (1766), Voltaire insista fuq il-limitazzjoni tal-libertà umana, li qatt ma tikkonsiti fl-assenza ta' xi mottiv jew determinazzjoni.

Il-mewt f'Pariġi

immodifika

Fl-1778 mar lura Parigi fejn daħal fil-Mażunerija u miet xahar wara. Fit-28 ta' Frar 1778, erba' xhur qabel mewtu, f'ittra lis-segretarju tiegħu Vagnière, stqarr:

Immut nadura lil Alla, inħobb lil ħbiebi, ma nobgħodx l-għedewwa tiegħi, nistmerr is-superstizzjoni.[3]

Minkejja s-suċċessi li kellu ma ndifinx bil-knisja. Din tidher li kienet ukoll ir-rieda tiegħu għax meta qabel ma miet qassis stiednu biex iqerr, irrifjuta u qallu "Issa mhux il-ħin li nagħmel ħbieb ġodda". Fl-1794, matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża il-fdalijiet tiegħu ittieħdu fil-Panthéon ta' Pariġi.

Ideat politiċi

immodifika

Voltaire ma kienx jemmen li Franza (u in ġenerali l-ebda nazzjon) kienet lesta għal demokrazija sħiħa: għalhekk qatt ma kien jaqbel mal-ideat repubblikani (allavolja, wara mewtu sar wieħed mill-"missirijiet" tar-Rivoluzzjoni). Imbiegħed mill-ideat populisti u radikali, ħlief fejn kienet tidħol ir-reliġjon fil-politika (kien antiklerikali konvint), il-pożizzjoni politika tiegħu kienet ta' wieħed liberali moderat, kontra n-nobbiltà u favur monarkija kostituzzjonali tat-tip Ingliż. Madanakollu billi kien jibża' li l-aristokrazija jieħdu f'idejhom ħafna poter żejjed akkost tal-borgeżija u r-re, kien favur l-assolutiżmu mdawwal u, għal ċerti żminijiet kien qrib ħafna l-politika ta' Katerina II tar-Russja u Federiku II tal-Prussja. F'dak li kellu x'jaqsam mas-sistema ġudizzjarju kien kontra t-tortura u l-piena tal-mewt (ħlief f'ċerti każi) u kien laqa' ħafna l-ideat ta' Cesare Beccaria.

Iżjed fil-fond

immodifika

Is-sehem tal-Ingilterra fil-filosofija Voltairjana

immodifika

Fost l-esperjenzi l-iżjed sinjifikattivi tal-ħajja intelletwali ta' Voltaire irridu ngħoddu żgur il-vjaġġi fl-Olanda u fuq kollox fl-Ingilterra; hemm iż-żagħżugħ Pariġin rahom jipprattikaw it-tolleranza reliġjuża u l-libertà tal-espressjoni ta' ideat politiċi, filosofiċi u xjentifċi. Għal wieħed li ma kienx jissaporti r-repressjoni mill-ħakkiema u l-kleru (forsi ħaġa li kienet ġejja mill-esperjenza li kellu fl-iskejjel riġidi tal-Ġiżwiti) l-Ingilterra għalih dehret bħala s-simbolu ta' ħajja mdawla u ħielsa.

Voltaire intefa' fuq il-kultura Ingliża fejn studja d-duttrina rivoluzzjunarja xjentifika ta' Newton u d-deiżmu u l-empiriżmu ta' Locke u għama warajhom. Minn din il-laqa' mal-filosofija Ingliża, ħareġ kunċett ta' xjenza msejsa fuq l-esperimenti, li kien jifhmu bħala d-determinazzjoni tal-liġijiet tal-fenomeni, u kunċett ta' filosofija li kien jifhmu bħala analiżi u kritika tal-esperjenza umana f'oqsma diversi. Hekk twieldu l-"Lettres sur les anglais" jew "Lettres philosophiques" (1734) li fetħu u wessgħu ix-xefaq razzjonali Ewropew imma fl-istess ħin ġibdu fuqu burraxka ta' persekuzzjoni.

"Le Lettres" kienu kkundannati, f'dak li għandu x'jaqsam mal-prinċipji reliġuzi, minn dawk kollha li dehrilhom li kien hemm il-ħtieġa politika ta' twemmin wieħed. Min-naħa politika, fih Voltaire faħħar l-onorabbiltà tal-kummerċ u l-libertà u oppona bla mistħija ir-regime Franċiz ibbażat fuq it-tradizzjoni. Mill-lat filosofiku, u fl-isem l-empiriżmu, ipprova jofroq it-tfittix xjentifiku mis-subordinazzjoni antika għall-verità reliġjuża. Il-programm filosofiku tiegħu Voltaire spjegah b'mod iżjed preċiż iktar tard fit-"Traité de métaphisique"(1734), il-"Métaphisique de Newton"(1740), "Remarques sur les pensées de Pascal"(1742), id-"Dictionnaire philosophique"(1764), il-"Philosophe ignorant"(1766), biex insemmu l-iżjed importanti.

Ir-reliġjon naturali

immodifika
 
Bust ta' Voltaire, 1778, minn Jean-Antoine Houdon (1741 - 1828)

Il-problema prinċipali għal Voltaire kien l-eżistenza ta' Alla, li l-għarfien tagħha hu fondamentali biex naslu għal nozzjoni meqjusa tal-bniedem. Il-filosfu, l-eżistenza ta' Alla, ma ċaħadhiex bħalma għamlu xi Illuministi oħra li stqarru li kienu atej (Diderot, D'Holbach u oħrajn) għaliex ma sabux prova tal-eżistenza ta' Esseri Suprem, imma ħa pożizzjoni anjostika. Ra l-prova tal-eżistenza t'Alla fl-ordni kbira li hemm fl-univers. Hekk kif kull xogħol irid xi ħadd li għamlu, Alla jeżisti bħala l-awtur tad-dinja. Jekk irridu nagħtu kawża għall-eżistenza tal-esseri, hemm bżonn nammettu li jeżisti esseri ħallieq. Kien jgħid[4]:

L-univers iħawwadni, u ma nistax nara

Kif hemm dan l-arloġġ u m'hemmx arluġġara.

Il-pożizzjoni tiegħu kienet waħda deista; Alla jeżisti u minkejja li nsibu ħafna diffikultajiet f'din il-fehma, id-diffikutajiet huma ikbar jekk nieħdu l-opinjoni kuntrarja. L-Alla ta' Voltaire mhux l-alla rivelat, u lanqas l-alla fis-sens panteista, bħal dak ta' Spinoza. Hu tip ta' Arkittet Kbir tal-Univers, arluġġar ta' magna perfetta. Voltaire ma ċaħadx il-Providenza, imma mhux dik tat-tip nisrani; skond il-fehma tiegħu (bħal ħafna ta' żmienu), il-bniedem kien hieni fl-istat tan-natura, għax kellu l-istint u r-raġuni, imma ċ-ċiviltà ħassret din l-hena: mela jeħtieġ li naċċettaw id-dinja kif inhi u nippruvaw intejbuha kemm nistgħu. Din il-fehma, kienet imsaħħa mill-istudju tax-xjenza ta' Newton, li fittxet il-liġijiet tal-fenomeni u mhux il-kawżi tagħhom, u hekk kellha konnessjoni qawwija mal-metafiżika teistika, għax timplika twemmin razzjonali f'esseri suprem. Voltaire kien jemmen f'Alla li jaqqgħad, Alla tal-bnedmin kollha: universali bħar-raġuni, Alla ta' kulħadd.

Waħda mill-għedewwa kbar tiegħu kienet il-Knisja kattolika (li kienet issejjaħlu l-infami), u hu ipprova ikkisser il-Kattoliċeżmu billi jippriedka l-validità tar-reliġjon naturali. It-twemmin tiegħu fil-prinċipji tal-morali naturali kellu l-għan li jaqqgħad spiritwalment il-bnedmin, ikunu x'ikunu d-differenzi fid-drawwiet u l-użanzi tagħhom, u għalhekk fit-"Trattat fuq it-tolleranza" (1763), saħaq fuq it-tolleranza kontra l-fanatiżmu u s-superstizzjoni (li kienu għar-reliġjon bħal ma kienet l-astrologija għall-astronomija) u per mezz ta' ħafna kitba oħra antiklerikali saħaq fuq il-lajċità. Biex ir-reliġjonijiet pożittitivi jinħelsu minn dawn il-feriti, jinħtieġ li dawn il-kulti (il-Kristjaneżmu wkoll) jinbidlu fir-reliġjon naturali, u jeħilsu mill-patrimonju dogmatiku tagħhom u jimxu mad-dawl tar-raġuni.

Mill-Kristjaneżmu Voltaire aċċetta t-tagħlim morali, jiġifieri s-sempliċità, l-umanità, il-karità, u kien tal-fehma li meta nippruvaw nirriduċu din id-duttrina għall-metafiżika nagħmluha għajn ta' żbalji. Ħafna drabi Voltaire faħhar id-duttrina Nisranija kif ippriedkaha Kristu u d-dixxipli tiegħu, u waħħal għad-deġenerazzjoni fil-fanatiżmu fl-istruttura li l-bnedmin, u mhux Kristu, taw lill-knisja . Il-Kristjaneżmu jekk ngħixuh b'mod razzjonali, jaqbel sewwa mal-liġi tan-natura.

Voltaire kien qiegħed immexxi polemika doppja, kontra l-intolleranza u l-korruzzjoni tal-Kattoliċeżmu u fl-istess ħin kontra l-materjaliżmu. Kien jgħid li "l-ateiżmu ma jopponix id-delitti imma l-fanatiżmu jġiegħlhom issiru", allavolja wara ikkonkluda li l-ateiżmu dejjem joqtol il-virtù fis-soċjetà u għalhekk aħjar ikollok reliġjon, anki waħda falza, milli ma jkollikx.

Voltaire madankollu rrifjuta li jammetti kwalunkwe intervent minn Alla fid-dinja umana. Is-Suprem, il-magna tal-univers qabbadha timxi, mingħajr ma ndaħal iżjed wara, għalhekk il-bniedem hu ħieles, jiġifieri għandu l-poter li jaġixxi, anki jekk il-libertà tiegħu hi limitata. Mil-bqija "jkun stramb jekk in-natura kollha, il-kwiekeb kollha jobdu l-liġijiet eterni, u li animal żgħir twil ħames piedi jista' jaġixxi dejjem kif irid skond il-kapriċċi tiegħu".

Ta' minn isemmi wkoll il-polemika li Voltaire kellu kontra Blaise Pascal, l-awtur tal-"Provinciales" u l-"Pensees", li kienet fuq kollox polemika kontra l-apoloġetika u l-pessimiżmu Nisrani in ġenerali. Voltaire qal li kien qiegħed jiddefendi l-umanità kontra dak il-"miżantropu sublimi", li jgħallem il-bnedmin jobodu n-natura tagħhom stess. Qal li iżjed minn kontra l-"Provinciales", ried jintefa' kontra l-"Pensees", f'difiżà ta' konċezzjoni differenti tal-bniedem, dik li tisħaq iżjed fuq il-komplessità tar-ruħ u l-multipliċità tal-imġiba, sabiex il-bniedem jirrikonoxxi u jaċċetta kif inhu, u ma jippruvax ikun iżjed milli hu.

Biex nagħlqu nistgħu ngħidu li ż-żewġ filosfi għarfu li bniedem bil-kundizzjoni tiegħu hu marbut mad-dinja, imma Pascal stenna li hu għandu jeħles u jinqata' minnha, waqt li Voltaire ried il-bniedem jirrikonoxxiha u jaċċettaha: id-dinja l-ġdida kontra l-qadima.

L-istorja

immodifika

L-ideat filosofiċi ta' Voltaire ma nistgħux nifirduhom mill-mod kif kien jikteb l-istorja. Infatti hu ried jittratta din id-dixxiplina bħala filosofija, jiġifieri kien jiġbor il-fatti mħawdin u jirranġahom fl-ordni, wieħed wara l-ieħor, skond l-importanza li kien jaħseb li kellhom fl-istorja.

Mix-xogħlijiet storiċi kbar tiegħu l-"Historie de Charles XII" (1731), "Le siècle de Louis XIV" (1751), l-"Essai sur les moeurs et l'esprit des nations" (1754-58), twieldet l-istorja "tal-ispirtu uman", billi dawn wessgħu immensament l-orizzont storiku, u nqatgħu radikalment mill-viżjoni teoloġiko-providenzjalistika tal-imgħoddi tal-bniedem u mill-istorja li tfaħħar il-ħakkiema. Voltaire kien jinteressa ruħu fil-popli u d-drawwiet tagħhom; qablu l-istorja kienet l-istorja tad-dinja Nisranija, marbuta mal-Ewropa, u wara saret l-istorja universali tal-progress uman. Bil-progress uman kien jifhem il-kontroll li r-raġuni kellha fuq il-passjonijiet, li minħabba fihom irabbu l-għeruq il-preġudizzji u l-iżbalji; infatti fl-"Essai" kien dejjem iwissi fuq il-periklu li jitfaċċa l-fanatiżmu.

Il-filosofija trid tkun l-ispirtu kritiku li topponi t-tradizzjoni biex tofroq is-sewwa mill-falz, u tagħżel qalb il-fatti stess l-iżjed importanti u sinjifikattivi biex infissru l-istorja taċ-ċiviltà. Infatti Voltaire ma tagħx każ taż-żminijiet mudlamin tal-istorja, jiġifieri dawk kollha li ma kellux x'jaqsam mal-kultura, u ħalla barra mill-istorja "universali" tiegħu il-popli barbari, li ma kinux taw kontribut għall-progress taċ-ċiviltà umana. Voltaire ried jiddeskrivi l-iżvillup tal-liġi naturali matul l-istorja u juri fejn kien li l-ispirtu uman twieled mill-ġdid u għamel progress, jiġifieri meta r-raġuni ippruvat teħles mill-preġudizzji u tkun il-gwida fil-ħajja tal-bniedem: u billi s-sustanza tal-ispirtu uman ma jibidilx, il-progress jikkonsisti f'meta l-provi dejjem jirnexxu aħjar.

L-għan tal-istorja m'għadux iżjed l-għarfien t'Alla, dan mhux l-iskop tal-bniedem, li għandu minflok jiddedika ruħu biex jifhem u jsir jaf lilu nnifsu. L-għarfien tal-istorja mhux ħlief l-għarfien tal-bniedem stess. L-istorja saret l-istorja tal-illuminiżmu, tad-tidwil progressiv li l-bniedem iwettaq hu stess, tas-sejba progressiva tal-prinċipju razzjonali tiegħu. Shaftesbury[5] qal li l-umoriżmu hu l-aħjar rimedju kontra s-superstizzjoni u l-intolleranza u ħadd ma jippratika dan il-prinċipju aħjar minn Voltaire; infatti "il-mod li juża joqrob ħafna lejn dak ta' karikaturista, dejjem jibqa' viċin il-mudell li jibda minnu imma jilgħab bih u jagħwġu b'sengħa kbira biex jagħti l-interpretazzjoni tiegħu".

L-umoriżmu, l-ironija, is-satira, is-sarkażmu, iż-żufjett minn taħt jew fil-beraħ kultant jimmirahom kontra l-metafiżika, l-iskolastiċiżmu jew it-twemmin reliġjuż tradizzjonali. Imma xi minn daqqiet din is-simplifkazzjoni ironika iġġegħlu jittraskura ċerti aspetti importanti ħafna tal-istorja.

In ġenerali Voltaire irrappreżenta l-Illuminiżmu, bi ispirtu kritiku u aċituż, bix-xewqa għaċ-ċarezza u l-luċidità, biċ-ċaħda tal-preġudizzji u l-fanatiżmu superstizzjuż, b'fiduċja soda fir-raġuni, imma mingħajr ottimiżmu żejjed jew fiduċja żejda fil-parti kbira tan-nies. Ir-rumanz satiriku "Candide" (1759) huwa eżempju ta' dan. Fih Voltaire iwaqqa' għaċ-ċajt l-ottimiżmu filosofiku li kien jiddefendi Leibniz. Infatti jakkuża bl-ikbar ħruxija l-ottimiżmu ipokrita, il-"tout est bien"[6] u t-teorija tal-aħjar mid-dinjiet possibbli, għax it-triġrib tagħna jagħmluh jidher agħar u juruh bħala inevitabbli u marbut intrisekament mal-univers. Kontra dan hemm l-ottimiżmu veru, jiġifieri t-twemmin fil-progress uman li x-xjenja u l-filosofija illuminista jġibulna.

Xogħlijiet ta' Voltaire

immodifika
 
Paġna titulari ta' Lettres sur les Anglois, 1735.
  • Œdipe (Edipu), 1718
  • La Ligue ou Henry le grand, poème épique (Il-lega jew Enriku l-kbir, poeżija epika), 1723
  • Mariamne (ou Hérode et Mariamne) (Mariamne (jew Erodi u Mariamne)), 1724
  • La Henriade, 1728
  • Histoire de Charles XII (L-istorja ta' Karlu XII), 1730
  • Brutus (Brutu), 1730
  • Zaïre (Żajra), 1732
  • Le temple du goût (It-temju tal-gost), 1733
  • Epître à Uranie (Ittra lil Uranie), 1733
  • Lettres anglaises (Ittri Ingliżi) jew Lettres philosophiques (Ittri filosofiċi), 1734
  • Adélaïde du Guesclin (Adelajde tal-Guesclin), 1734
  • Mondain, 1736
  • Epître sur Newton (Ittra fuq Newton), 1736
  • Traité de métaphysique (Trattat tal-metafiżika), 1736
  • L'Enfant prodigue (L-iben prodku), 1736
  • Essai sur la nature du feu (Saġġ fuq in-natura tan-nar), 1738
  • Eléments de la philosophie de Newton (Elementi tal-filosofija ta' Newton), 1738
  • Zulime, 1740
  • Le fanatisme ou Mahomet (Il-Fanatiżmu jew Muħammet), 1741
  • Mérope, 1743
  • Zadig ou La Destinée, 1748
  • Sémiramis 1748
  • Le monde comme il va (Id-dinja kif sejra), 1748
  • Nanine, ou le Péjugé vaincu, 1749
  • Oreste, 1750
  • Le Siècle de Louis XIV (Is-seklu ta' Lwiġi XIV), 1751
  • Micromégas, 1752
  • Rome sauvée ou Catilina (Ruma salvata jew Catalina), 1752
  • Le Duc de Foix, 1752
  • La Pucelle d'Orléans (It-tfajla ta' Orleans), 1755,
  • Poème sur le désastre de Lisbonne (Poeżija fuq id-diżastru ta' Liżbona) , 1756
  • Essai sur les mœurs et l'esprit des Nations (Saġġ fuq id-drawwiet u l-ispirtu tan-nazzjonijiet), 1756
  • Histoire des voyages de Scarmentado écrite par lui-même (Storja tal-vjaġgi ta' Scarmentado miktuba minn nnifsu), 1756
  • Candide ou l'Optimisme (Kandidu jew l-ottimiżmu), 1759
  • Le Caffé ou l'Ecossaise (Il-Kafè jew l-iSkoċċiża), 1760
  • Tancrède (Tankredi), 1760
  • Histoire d'un bon bramin, 1761
  • Olympie (Olimpja), 1762
  • Traité sur la tolérance (Trattat fuq it-tolleranza), 1763
  • Ce qui plait aux dames (Dak li jogħġob in-nisa), 1764
  • Dictionnaire philosophique (Dizzjunarju filosofiku), 1764
  • Jeannot et Colin (Jeannot u Colin), 1764
  • De l'horrible danger de la lecture (Fuq il-periklu tal-biża' tal-qari), 1765
  • Petite digression (Digressjoni żgħira), 1766
  • Le Philosophe ignorant (Il-filosfu injorant), 1766
  • Les Questions de Zapata (Il-mistoqsijiet ta' Zapata), (1767)
  • L'ingénu (Ta' bla ħażen), 1767
  • L'homme aux 40 écus (Ir-raġel ta' erbgħin skud), 1768
  • La Princesse de Babylone (Il-prinċipessa tal-Babilonja), 1768
  • Canonisation de saint Cucufin (Il-kanonizzazzjoni ta' San Cucufin), 1769
  • Questions sur l'Encyclopédie (Mistoqsijiet fuq l-Enċiklopedija), 1770
  • Les lettres de Memmius (L-ittri ta' Memmju), 1771
  • Il faut prendre un parti (Hemm bżonn li nieħdu sehem), 1772
  • Le Cri du Sang Innocent (L-għajta tad-demm innoċenti), 1775
  • De l'âme (Tar-ruħ), 1776
  • La Bible enfin expliquée par plusieurs aumoniers de S. M. L. R. D. P. (Il-Bibbja spjegata fl-aħħar minn bosta kappillani ta' S. M. L. R. D. P.), 1776
  • Dialogues d'Euhémère (Djalogi ta' Evemeru), 1777
  • Irène (Irene), 1778
  • Agathocle (Agatokle), 1779

Noti u referenzi

immodifika
  1. ^ Voltaire qal bosta drabi li kien twieled fl-20 ta' Frar, 1694.
  2. ^ Il-kritiċi moderni jaħsbu li l-ewwel waħda hija l-aħjar spegazzjoni.
  3. ^ Ara fost oħrajn Voltaire en son temps ta' René Pomeau, paġna 582, Vol II.
  4. ^ Bil-Franċiż:
    L'univers m'embarrasse, et je ne puis songer
    Que cette horloge existe et n'ait point d'horloger.
  5. ^ Anthony Ashley Cooper, it-tielet Earl ta' Shaftesbury (2 ta' Frar, 1671 – 4 ta' Frar, 1713), kien politku, filosfu u kittieb Ingliż.
  6. ^ Franċiż: "Kollox sew"

Ħoloq esterni

immodifika